Language of document :

Rikors ippreżentat fl-14 ta' April 2011 - ZZ vs BEI

(Kawża F-45/11)

Lingwa tal-kawża: it-Taljan

Partijiet

Rikorrent: ZZ (rappreżentant: L. Isola, avukat)

Konvenuta: Il-Bank Ewropew tal-Investiment

Suġġett

Annullament tar-rapport ta' evalwazzjoni tar-rikorrent għas-sena 2009, sa fejn ma jipproponix il-marka A jew B+, u fil-parti fejn ma jipproponihx għal promozzjoni għall-grad D.

Talbiet tar-rikorrenti

jannulla d-deċiżjoni li ntbagħtet kopja tagħha fl-24.9.10, sa fejn il-Kumitat tal-Appelli, skont l-Artikolu 22 tar-Regolamenti tal-Persunal u skont l-ittra tat-18.3.10, fit-22.9.10 ċaħad ir-rikors tar-rikorrent kontra r-rapport ta' evalwazzjoni għall-2009;

jannulla r-Rapport ta' evalwazzjoni għall-2009, fil-parti tal-evalwazzjoni, kif ukoll fil-parti fejn ma jagħtix lir-rikorrent il-marka A jew il-marka B+ u fil-parti fejn ma jipproponihx għal promozzjoni għall-grad D;

jannulla l-atti konnessi, sussegwenti u preċedenti kollha, fosthom ċertament hemm inklużi kemm il-linji gwida stabbiliti mid-dipartiment tar-riżorsi umani sabiex l-evalwazzjoni tiġi indikata permezz ta' waħda mill-ewwel ittri tal-alfabett kif ukoll il-promozzjonijiet li ġew deċiżi fil-25.03.10 peress li, fid-dawl tal-opinjoni espressa mis-superjuri tiegħu u llum ikkontestata, il-Bank naqas milli jieħu inkunsiderazzjoni r-rikorrent fil-punt "Promotions from Function E to D";

jannulla l-ittri tas-17 u tat-30 ta' Novembru 2010, li bihom il-President tal-BEI fil-kuntest tal-proċedura ta' konċiljazzjoni skont l-Artikolu 41 tar-Regolamenti tal-Persunal, ċaħad li r-rikorrent jista' jirrappreżenta lilu nnifsu, u dik tal-20.01.2011, li permezz tagħha d-Direttur Ġenerali tar-Riżorsi Umani rrifjuta li jirrimborsa l-ispża li saret għall-professjonist li rrappreżentah;

tikkundanna lil BEI sabiex jagħmel tajjeb għad-danni morali u materjali, kif ukoll għar-rimbors tad-dritt imħallas lill-avukat Gabriele Isola, għall-ispejjeż tal-kawża, għall-interessi u għall-evalwazzjoni mill-ġdid monetarja fir-rigward tal-kreditu rrikonoxxut.

____________