Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mis-Špecializovaný trestný súd (is-Slovakkja) fl-14 ta’ Novembru 2018 – Proċeduri kriminali kontra UL u VM

(Kawża C-709/18)

Lingwa tal-kawża: is-Slovakk

Qorti tar-rinviju

Špecializovaný trestný súd

Partijiet fil-kawża prinċipali

UL u VM

Domandi preliminari

Il-preżunzjoni tal-innoċenza, prevista fl-Artikolu 3 u fl-Artikolu 4, moqrija flimkien mal-premessa 16 tad-Direttiva (UE) 2016/343 1 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Marzu 2016 dwar it-tisħiħ ta’ ċerti aspetti tal-preżunzjoni tal-innoċenza u tad-dritt li wieħed ikun preżenti waqt il-proċess fil-proċeduri kriminali, tkun osservata jekk il-koakkużat, fil-kuntest ta’ proċedura unika, abbażi tal-att ta’ akkuża u wara l-ftuh tas-seduta għas-sottomissjonijiet quddiem il-qorti, jikkontesta l-parteċipazzjoni tiegħu fil-fatt(i) imsemmi(ja) fl-att ta’ akkuża billi jiddikjara li huwa innoċenti, u jekk sussegwentement il-qorti, b’digriet li ma jkun jinkludi fih la deskrizzjoni tal-fatti, u lanqas il-kwalifika legali tagħhom u l-evalwazzjoni legali min-naħa tagħha, tiddeċiedi fuq l-akkużi ta’ ħtija tal-koakkużat l-ieħor relattivi għal fatt jew għal xi fatti msemmija fl-att ta’ akkuża, li permezz tiegħu b’hekk dan tal-aħħar jirrinunzja għad-dritt tiegħu għall-amministrazzjoni tal-prova relatata mal-ħtija tiegħu, u li sussegwentement, wara l-amministrazzjoni tal-prova matul is-seduta għas-sottomissjonijiet, il-qorti tiddeċiedi fuq l-att ta’ akkuża permezz ta’ deċiżjoni unika?

1.1    Id-deċiżjoni tal-qorti li tiddeċiedi fuq is-sottomissjonijiet ta’ ħtija ta’ wieħed mill-koakkużati tirrikonoxxi l-ħtija, qabel ma din tkun ġiet stabbilita permezz tal-amministrazzjoni tal-prova, tal-konvenut l-ieħor li jikkontesta l-ħtija tiegħu? Tali metodu proċedurali tal-qorti huwa konformi mal-Artikolu 48 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea?

Il-metodu proċedurali ta’ qorti fi proċedura unika relatata mal-att ta’ akkuża li jikkonċerna lil diversi koakkużati huwa konformi mal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, li jistabbilixxi d-dritt għal smigħ xieraq u għal rimedju xieraq minn qorti indipendenti u imparzjali, jekk il-qorti legali, qabel kollox permezz ta’ deċiżjoni li ma jkunx fiha deskrizzjoni tal-fatti, u lanqas il-kwalifika legali tagħhom u lanqas l-evalwazzjoni legali tagħha, tiddeċiedi fuq l-akkużi ta’ ħtija tal-akkużati li, permezz ta’ din id-dikjarazzjoni, ikunu rrinunzjaw għad-dritt tagħhom għal amministrazzjoni kontradittorja tal-prova relatata mal-ħtija, u li sussegwentement, wara l-amministrazzjoni tal-prova fil-kuntest tas-seduta għas-sottomissjonijiet u abbażi tal-att ta’ akkuża, din l-istess qorti legali tiddeċiedi fuq il-kawża tal-koakkużati kollha?

2.1    Id-deċiżjoni li tiddeċiedi fuq l-akkużi ta’ ħtija tibbaża dubju raġjonevoli fir-rigward tal-imparzjalità tal-qorti li tiddeċiedi fuq tali akkuża ta’ koakkużat u l-eventwali esklużjoni ta’ din il-qorti mill-proċedura kriminali hija miżura xierqa għall-finijiet tal-osservanza tal-preżunzjoni tal-innoċenza fis-sens tal-Artikolu 4(2) tad-Direttiva (UE) 2016/343 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Marzu 2016 dwar it-tisħiħ ta’ ċerti aspetti tal-preżunzjoni tal-innoċenza u tad-dritt li wieħed ikun preżenti waqt il-proċess fil-proċedimenti kriminali?

Il-valuri ta’ ugwaljanza u tal-istat ta’ dritt fis-sens tal-Artikolu 2 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, iffirmat f’Maastricht fis-7 ta’ Frar 1992, kif emendat u kkompletat bit-Trattat ta’ Lisbona, iffirmat f’Lisbona fit-13 ta’ Diċembru 2007, il-prinċipju ta’ ugwaljanza taċ-ċittadini quddiem il-qrati fis-sens tal-Artikolu 9 tal-imsemmi trattat, il-prinċipju ġenerali tal-Unjoni li jiżgura d-dritt għal smigħ xieraq fis-sens tal-Artikolu 6(3) tal-istess trattat jiġu osservati jekk qorti nazzjonali li d-deċiżjonijiet tagħha ma jistgħux ikunu s-suġġett ta’ appell tiddeċiedi b’kontradizzjoni mal-pożizzjoni ta’ uniformizzazzjoni li din adottat abbażi ta’ abilitazzjoni ta’ liġi interna intiża biex issir uniformi l-interpretazzjoni tal-liġijiet u tad-dispożizzjonijiet legali l-oħra ta’ applikazzjoni ġenerali għaliex dan kien neċessarju għall-finijiet li jiġu eliminati l-inkoerenzi fil-ġurisprudenza u għaliex Awla tal-Qorti Suprema kienet injorat l-opinjoni legali ta’ Awla oħra tal-Qorti Suprema?

____________

1     ĠU 2016, L 65, p. 1.