Language of document :

Appell ippreżentat fl-20 ta’ Settembru 2019 minn Quanta Storage, Inc. mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (Il-Ħames Awla) fit-12 ta’ Lulju 2019 fil-Kawża T-772/15, Quanta Storage, Inc. vs Il-Kummissjoni Ewropea

(Kawża C-699/19 P)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Appellanti: Quanta Storage, Inc. (rappreżentanti: B. Hartnett, Barrister, O. Geiss, Rechtsanwalt, W. Sparks, advocaat, T. Siakka, Δικηγόρος)

Parti oħra fil-proċedura: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

L-appellanti titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tannulla s-sentenza appellata sa fejn ma tilqax it-talba u tikkundanna lil Quanta Storage tbati l-ispejjeż tagħha u erba’ partijiet minn ħamsa tal-ispejjeż sostnuti mill-Kummissjoni;

tannulla d-deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-21 ta’ Ottubru 2015 (Kawża AT39639 – Optical disc drives) sa fejn tikkonċerna lill-appellanti;

sussidjarjament, tnaqqas il-multa imposta fuq l-appellanti;

sussidjarjament, tibgħat lura l-kawża lill-Qorti Ġenerali; u

tikkundanna lill-Kummissjoni tbali l-ispejjeż kollha tal-proċedura.

Aggravji u argumenti prinċipali

Insostenn tal-appell tagħha, l-appellanti tinvoka żewġ aggravji.

L-ewwel aggravju li jallega li l-Qorti Ġenerali naqset milli tapplika l-eżami legali rilevanti u żnaturat is-sens ċar tal-provi fir-rigward tal-ksur tad-drittijiet tad-difiża fil-konklużjonijiet tal-Kummissjoni fuq numru ta’ ksur.

It-tieni aggravju li jallega lil-Qorti Ġenerali żnaturat is-sens ċar tal-provi fir-rigward tad-dritt għal difiża u d-dritt għal amministrazzjoni tajba.

It-tielet aggravju li jallega li l-Qorti Ġenerali naqset milli tieħu inkunsiderazzjoni punt rilevanti jew li tifhmu sew u/jew naqset milli tapplika l-eżami legali t-tajjeb fir-rigward tal-kontradizzjonijiet li jirrigwardaw l-iskop tal-ksur.

Ir-raba’ aggravju li jallega żnaturament tas-sens ċar tal-provi, nuqqas milli japplika l-eżami legali t-tajjeb u/jew nuqqas milli jieħu inkunsiderazzjoni punt rilevanti jew li jifhmu sew fir-rigward tar-responsabbiltà tal-appellanti taħt l-Artikolu 101 TFUE.

Il-ħames aggravju li jallega ksur tal-ġurisdizzjoni sħiħa, żnaturament tas-sens ċar tal-provi u raġunament difettuż fir-rigward tal-kalkolu tal-multa.

____________