Language of document :

Rikors ippreżentat fl-20 ta’ Settembru 2019 – Il-Kummissjoni Ewropea vs Ir-Renju ta’ Spanja

(Kawża C-704/19)

Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol

Partijiet

Rikorrenti: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti: B. Stromsky u P. Němečková, aġenti)

Konvenuta: Ir-Renju ta’ Spanja

Talbiet

Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tikkonstata li, billi ma adottax fit-termini stabbiliti l-miżuri kollha neċessarji sabiex jirkupra mingħand il-benefiċċjarju prinċipali, Telecom Castilla-La Mancha S.A, l-għajnuna mill-Istat iddikjarata illegali u inkompatibbli mas-suq intern mill-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/1385 tal-1 ta’ Ottubru 2014 dwar l-Għajnuna mill-Istat SA.27408 (C 24/10 (ex NN 37/10, ex CP 19/09) implimentata mill-awtoritajiet ta’ Castilla-La Mancha għat-tnedija tat-televiżjoni diġitali terrestri f’żoni remoti u inqas urbanizzati ta’ Castilla-La Mancha 1 (ĠU 2016 L 222, p. 52), billi ma wriex li kien annulla l-pagamenti pendenti kollha tal-imsemmija għajnuna u billi ma kkomunikax lill-Kummissjoni, fit-termini stabbiliti, il-miżuri aottati sabiex jikkonforma ruħu ma’ din id-deċiżjoni, ir-Renju ta’ Spanja naqas mill-obbligi tiegħu skont ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 288 TFUE u l-Artikoli 3 u 4 tad-deċiżjoni; u

tikkundanna lir-Renju ta’ Spanja għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Ir-Renju ta’ Spanja ma applikax id-deċiżjoni inkwistjoni fit-termini stabbiliti mill-Artikolu 4(2) u (3) ta’ din id-deċiżjoni.

Ir-Renju ta’ Spanja għadu ma rkuprax l-ammont totali tal-għajnuna mingħand il-benefiċċjarju prinċipali, Telecom Castilla-La Mancha S.A. Ir-Renju ta’ Spanja ma stabbilixxiex jekk ġewx interotti l-pagamenti kollha tal-għanjuna pendenti wara l-adozzjoni tad-deċiżjoni. L-assenza ta’ rkupru sħiħ tal-ammonti tal-għajnuna mogħtija lil Telecom CLM previsti mid-deċiżjoni u ta’ prova formali tal-annullament tal-pagamenti kollha sospiżi tikkostitwixxi ksur tal-obbligu impost fuq Spanja skont l-Artikolu 3 tad-deċiżjoni.

Barra minn hekk, ir-Renju ta’ Spanja ma kkomunikax lill-Kummissjoni, fit-terminu stabbilit, l-informazzjoni rikjesta marbuta mal-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni, kif rikjest mill-Artikolu 4(3) u (4) ta’ din tal-aħħar.

____________

1 ĠU 2016, L 222, p.52