Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa minn Watford Employment Tribunal (ir-Renju Unit) fid-19 ta’ Settembru 2019 – B vs Yodel Delivery Network Ltd

(Kawża C-692/19)

    Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Qorti tar-rinviju

Watford Employment Tribunal

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: B

Konvenuta: Yodel Delivery Network Ltd

Domandi preliminari

Id-Direttiva 2003/88/KE 1 li tikkonċerna ċerti aspetti tal-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol tipprekludi dispożizzjonjiet tad-dritt nazzjonali li jeżiġu li persuna timpenja ruħha li twettaq jew tipprovdi “personalment” ix-xogħol kollu jew is-servizzi kollha, mitluba minnha, sabiex taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-direttiva ?

B’mod partikolari:

Il-fatt li persuna jkollha d-dritt li tingaġġa subappaltaturi jew “sostituti” sabiex iwettqu x-xogħol kollu jew parti minnu jew jipprovdu is-servizzi kollha jew parti minnhom, mitluba minnha, ifisser li hija ma tistax titqies bħala ħaddiema għall-finijiet tad-Direttiva 2003/88/KE :

b’mod assolut (peress li d-dritt għall-ingaġġ ta’ sostitut huwa inkonsistenti mal-istatus ta’ ħaddiem); jew

2.1.2.    biss fir-rigward ta’ kwalunkwe perijodu meta jiġi eżerċitat tali dritt ta’ sostituzzjoni (b’tali mod li hija titqies bħala ħaddiem matul il-perijodi li fihom twettaq ix-xogħol jew ġew ipprovduti s-servizzi)?

Huwa determinanti sabiex jiġi stabbilit l-istatus ta’ ħaddiem għall-finijiet tad-Direttiva 2003/88/KE li r-rikorrent inkwistjoni, fil-fatt, ma eżerċitax id-dritt ta’ subappalt jew ma użax sostitut, kif għamlu oħrajn ingaġġjati abbażi ta’ kundizzjonijiet materjalment identiċi?

Huwa determinanti sabiex jiġi stabbilit l-istatus ta’ ħaddiem għall-finijiet tad-Direttiva 2003/88/KE li entitajiet oħra, inklużi kumpanniji b’responsabbiltà limitata u soċjetajiet in akkomandita jiġu ingaġġjati b’kundizzjonijiet materjalment identiċi għal dawk tar-rikorrent inkwistjoni?

Huwa determinanti sabiex jiġi stabbilit l-istatus ta’ ħaddiem għall-finijiet tad-Direttiva 2003/88/KE li l-preżunta persuna li timpjega ma hijiex obbligata toffri xogħol lir-rikorrent individwali u dan ifisser li x-xogħol jiġi offrut “skont il-bżonn” u/jew li r-rikorrent individwali ma huwiex obbligat jaċċetta dan ix-xogħol, jiġifieri li x-xogħol huwa “dejjem suġġett għad-dritt assolut tal-kurrier li ma jaċċettax xogħol offrut”?

Huwa determinanti sabiex jiġi stabbilit l-istatus ta’ ħaddiem għall-finijiet tad-Direttiva 2003/88/KE li r-rikorrent individwali ma huwiex obbligat jaħdem esklużivament għall-preżunta persuna li timpjega, iżda jista’ fl-istess ħin jipprovdi servizzi simili lil kwalunkwe terz, inklużi kompetituri diretti tal-preżunta persuna li timpjega?

Huwa determinanti sabiex jiġi stabbilit l-istatus ta’ ħaddiem għall-finijiet tad-Direttiva 2003/88/KE li r-rikorrent individwali ma jkunx eżerċita, fil-fatt, id-dritt li jipprovdi servizzi simili għal partijiet terzi, filwaqt li persuni oħra għamlu hekk f’kundizzjonijiet materjalment identiċi?

Għall-finijiet tal-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2003/88/KE, kif għandu jiġi kkalkulat il-ħin tax-xogħol ta’ ħaddiem f’ċirkustanzi fejn ir-rikorrent individwali ma huwiex meħtieġ li jaħdem numru fiss ta’ sigħat, iżda huwa liberu li jistabbilixxi l-ħinijiet tax-xogħol tiegħu stess skont ċerti parametri (pereżempju bejn is-7.30 u d-21.00)? B’mod partikolari, kif għandu jiġi kkalkolat il-ħin tax-xogħol meta:

il-persuna ma hijiex obbligata taħdem esklużivament għall-preżunta persuna li timpjega matul dawn is-sigħat u/jew ċerti attivitajiet li jsiru matul dawn is-sigħat (pereżempju sewqan) jistgħu jibbenefikaw kemm lill-preżunta persuna li timpjega kif ukoll lil terza persuna;

il-ħaddiem jingħata ħafna flessibilità fil-mod kif jagħmel ix-xogħol sabiex ikun jista’ jorganizza l-ħin tiegħu u jadatta ruħu għall-konvenjenza personali tiegħu iktar milli biss għall-interessi tal-preżunta persuna li timpjega.

____________

1 Direttiva 2003/88/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta’ Novembru 2003 li tikkonċerna ċerti aspetti tal-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 4, p. 381).