Language of document :

Appell ippreżentat fl-20 ta’ Settembru 2019 minn CCPL - Consorzio Cooperative di Produzione e Lavoro SC et mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (Is-Seba’ Awla) fil-11 ta’ Lulju 2019 fil-Kawża T-522/15, CCPL et vs Il-Kummissjoni

(Kawża C-706/19 P)

Lingwa tal-kawża: it-Taljan

Partijiet

Appellanti: CCPL - Consorzio Cooperative di Produzione e Lavoro SC, Coopbox group SpA, Coopbox Eastern s.r.o. (rappreżentanti: S. Bariatti, E. Cucchiara, A. Cutrupi, avukati)

Parti oħra fil-proċedura: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

L-appellanti jitolbu li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tannulla parzjalment, fil-limiti speċifikati f’dan l-appell, is-sentenza appellata u, għaldaqstant, tannulla d-deċiżjoni kkontestata f’dak li jirrigwarda l-multi imposti fuq l-appellanti għal ksur tal-Artikolu 23(2) tar-Regolament (KE) Nru 1/2003 1 , kif ukoll tal-prinċipji ta’ proporzjonalità u ta’ adegwatezza;

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

Aggravji u argumenti prinċipali

Insostenn tal-aggravju, l-appellanti jinvokaw l-aggravji li ġejjin:

1. L-ewwel aggravju – Żball ta’ liġi, motivazzjoni assenti jew insuffiċjenti fir-rigward tal-ilmenti marbuta mar-“responsabbiltà tal-kumpannija omm”

Permezz tal-ewwel aggravju tagħhom, l-appellanti jsostnu li s-sentenza appellata hija vvizzjata bi żball ta’ liġi u b’assenza jew insuffiċjenza ta’ motivazzjoni sa fejn il-Qorti Ġenerali ammettiet ir-responsabbiltà tal-kumpannija holding tal-grupp minkejja li l-kumpannija intermedja, li permezz tagħhom kienu miżmuma l-kumpanniji involuti fil-ksur, tqieset bħala mhux responsabbli.

2. It-tieni aggravju – Żball manifest ta’ evalwazzjoni u żball ta’ liġi fir-rigward tal-allegat ksur tal-Artikolu 23 tar-Regolament Nru 1/2003

Permezz tat-tieni aggravju tagħhom, l-appellanti jsostnu li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi manifest meta ċaħdet il-motiv marbut mal-applikazzjoni skorretta tal-limitu ta’ 10 % previst fl-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003, sa fejn il-Kummissjoni applikat dan il-limitu għal dħul mill-bejgħ differenti mid-dħul mill-bejgħ ikkonsolidat ikkalkolat abbażi tar-regoli ta’ konsolidazzjoni kontabbli tal-Unjoni. Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali kisret il-prinċipji ta’ proporzjonalità u ta’ adegwatezza sa fejn hija rriżervat differenza fit-trattament li ma hijiex aċċettabbli, għall-finijiet tal-kalkolu tad-dħul mill-bejgħ ikkonsolidat previst fl-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003, għall-fergħat ta’ attività li huma s-suġġett ta’ waqfien b’mod definittiv, minn naħa, u għal dawk mogħtija b’kera, min-naħa l-oħra, għar-raġuni ta’ preżunta differenza f’termini ta’ redditu ekonomiku u sostanzjali.

____________

1 Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003 tas-16 ta’ Diċembru 2002 fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 205).