Language of document : ECLI:EU:F:2009:135

DIGRIET TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU

(L-Ewwel Awla)

7 ta’ Ottubru 2009

Kawża F-3/08

Luigi Marcuccio

vs

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

“Servizz pubbliku – Uffiċjali – Rijfut ta’ istituzzjoni li tittraduċi deċiżjoni – Rikors manifestament infondat fid-dritt – Artikolu 94 tar-Regoli tal-Proċedura ”

Suġġett: Rikors, ippreżentat skont l-Artikoli 236 KE u 152 KEEA, li permezz tiegħu L. Marcuccio jitlob l-annullament tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tirrifjuta li tibgħatlu traduzzjoni bit-Taljan ta’ deċiżjoni preċedenti u l-kundanna tal-Kummissjoni sabiex tikkumpensah għad-danni.

Deċiżjoni: Ir-rikors tar-rikorrent huwa miċħud bħala manifestament infondat fid-dritt. Ir-rikorrent huwa kkundannat għall-ispejjeż. Ir-rikorrent huwa kkundannat iħallas lit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku s-somma ta’ EUR 1 000.

Sommarju

Uffiċjali – Dmir ta’ premura tal-amministrazzjoni – Obbligu li tintbagħat lil uffiċjal deċiżjoni individwali miktuba f’lingwa li huwa jifhem sew

(Artikolu 21 KE; Karta tad-Drittijiet Fundamentali, Artikolu 41(4); Regoli ta’ Proċedura tal-Kummissjoni, Anness, punt 4)

L-istituzzjonijiet huma obbligati, bis-saħħa tad-dmir ta’ premura tagħhom, li jindirizzaw lil uffiċjal deċiżjoni individwali miktuba f’lingwa li huwa jifhem sew.

Ma jistax jiġi dedott, la mit-tielet paragrafu tal-Artikolu 21 KE, la mill-punt 4 tal-Kodiċi ta’ Mġiba Amministrattiva Tajba u lanqas mill-Artikolu 41(4) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, li kull deċiżjoni indirizzata minn istituzzjoni Komunitarja lejn wieħed mill-uffiċjali tagħha għandha tiġi redatta fil-lingwa ta’ korrispondenza inizjali. Fil-fatt, dawn id-dispożizzjonijiet japplikaw għar-relazzjonijiet bejn l-istituzzjonijiet u l-membri tal-persunal biss meta huma jindirizzaw test lill-istituzzjonijiet fil-kwalità tagħhom ta’ ċittadini tal-Unjoni u mhux fil-kwalità tagħhom ta’ uffiċjali jew ta’ membru tal-persunal ieħor tal-Kummissjoni. Kieku l-istituzzjonijiet ikunu marbuta, f’kull każ, jirrispondu għal talba ta’ uffiċjal fl-istess lingwa użata fl-imsemmija talba, dan iwassal għal diffikultajiet għall-istituzzjonijiet li ma jistgħux jiġu megħluba.

(ara l-punti 29 sa 33)

Referenza:

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 23 ta’ Marzu 2000, Rudolph vs Il‑Kummissjoni, T‑197/98, ĠabraSP p. I‑A‑55 u II‑241, punt 46; 7 ta’ Frar 2001, Bonaiti Brighino vs Il‑Kummissjoni, T‑118/99, ĠabraSP p. I‑A‑25 u II‑97, punt 13; 17 ta’ Mejju 2006, Lavagnoli vs Il‑Kummissjoni, T‑95/04, ĠabraSP p. I‑A‑2‑121 u II‑A‑2‑569, punt 48

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: 13 ta’ Diċembru 2007, Duyster vs Il‑Kummissjoni, F‑51/05 u F‑18/06, ĠabraSP p. I‑A‑1‑0000 u II‑A‑1‑0000, punti 58 u 59