Language of document :

Appell ippreżentat fil-21 ta’ Settembru 2018 mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (Ir-Raba’ Awla Estiża) fit-13 ta’ Lulju 2018 fil-Kawża T-680/13: Dr. K. Chrysostomides & Co. LLC et vs Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea et

(Kawża C-597/18 P)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Appellant: Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea (rappreżentanti: A. de Gregorio Merino, E. Chatziioakeimidou, I. Gurov, aġenti)

Partijiet oħra fil-proċedura: Dr. K. Chrysostomides & Co. LLC et, Il-Kummissjoni Ewropea, Il-Bank Ċentrali Ewropew, Il-Grupp tal-Euro, irrappreżentat mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, L-Unjoni Ewropea, irrappreżentata mill-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

L-appellant jitlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tannulla l-partijiet tas-sentenzi appellati li fihom il-Qorti Ġenerali tiċħad l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma mill-Kunsill fir-rigward tal-Grupp tal-Euro;

tordna lill-appellati jħallsu l-ispejjeż tal-appell.

Aggravji u argumenti prinċipali

L-appell tal-Kunsill huwa intiż li jannulla l-partijiet tas-sentenza appellata li fihom il-Qorti Ġenerali tiċħad l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma mill-Kunsill fir-rigward tal-Grupp tal-Euro u hija bbażata fuq ir-raġunijiet li ġejjin:

il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta ddeċidiet li l-Grupp tal-Euro huwa “korp tal-Unjoni stabbilit formalment mit-Trattati”;

il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta ċaħdet l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà tal-Kunsill waqt li naqset milli tidentifika xi “setgħat” mogħtija mit-Trattati lill-Grupp tal-Euro;

il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta ddeċidiet li l-ammissjoni tal-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà, imqajma mill-Kunsill, tirriżulta fl-“istabbiliment, fi ħdan l-ordinament ġuridiku tal-Unjoni Ewropea stess, ta’ entitajiet li l-atti u l-aġir tagħhom fl-Unjoni Ewropea ma jistgħux jirriżultaw f’responsabbiltà għall-Unjoni Ewropea”.

____________