Language of document : ECLI:EU:C:2012:687

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

6 ta’ Novembru 2012 (*)

“Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu – Politika soċjali – Ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol – Direttiva 2000/78/KE – Artikoli 2 u 6(1) – Regoli nazzjonali li jobbligaw lill-imħallfin, lill-prosekuturi pubbliċi u lin-nutara li jkunu laħqu l-età ta’ 62 sena jieqfu mill-attività professjonali tagħhom – Għanijiet leġittimi li jiġġustifikaw differenza fit-trattament fil-konfront tal-ħaddiema li jkollhom inqas minn 62 sena – Natura proporzjonata tat-tul tal-perijodu tranżitorju”

Fil-Kawża C‑286/12,

li għandha bħala suġġett rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu skont l-Artikol 258 TFUE, ippreżentat fis-7 ta’ Ġunju 2012,

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn J. Enegren u K. Talabér-Ritz, bħala aġenti, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

rikorrenti,

vs

L-Ungerija, irrappreżentata minn M. Z. Fehér, bħala aġent,

konvenuta,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

komposta minn A. Tizzano (Relatur), President tal-Awla, A. Borg Barthet, M. Ilešič, E. Levits u J.-J. Kasel, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Kokott,

Reġistratur: A. Impellizzeri, Amministratur,

wara li rat id-digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-13 ta’ Lulju 2012 li jiddeċiedi li l-kawża tiġi suġġetta għall-proċedura mħaffa prevista fl-Artikolu 23a tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u fl-Artikolu 133 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-1 ta’ Ottubru 2012,

wara li semgħet lill-Avukat Ġenerali,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        Permezz tar-rikors tagħha, il-Kummissjoni Ewropea qiegħda titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata li, bl-adozzjoni ta’ regoli nazzjonali li jobbligaw lill-imħallfin, lill-prosekuturi pubbliċi u lin-nutara li jkunu laħqu l-età ta’ 62 sena jieqfu mill-attività professjonali tagħhom, regoli li jimplikaw differenza fit-trattament ibbażata fuq l-età li ma hijiex iġġustifikata minn għanijiet leġittimi u, fi kwalunkwe każ, li ma hijiex neċessarja u adegwata fir-rigward tal-għanijiet segwiti, l-Ungerija naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikoli 2 u 6(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE, tas-27 ta’ Novembru 2000, li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 4, p. 79).

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

2        L-Artikolu 1 tad-Direttiva 2000/78 jipprovdi:

“L-iskop ta’ din id-Direttiva huwa li tniżżel parametru ġenerali biex tikkumbatti diskriminazzjoni fuq bażi ta’ reliġjon jew twemmin, diżabilità, età jew orjentazzjoni sesswali f’dak li għandu x’jaqsam ma’ l-impjieg u x-xogħol, bi skop li timplementa fl-Istati Membri il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament.”

3        L-Artikolu 2(1) u l-Artikolu 2(2) ta’ din id-direttiva jipprovdu:

“1.      Għall-iskop ta’ din id-Direttiva, ‘il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament’ għandu jfisser li m’għandux ikun hemm diskriminazzjoni diretta jew indiretta għall-ebda raġuni msemmija fl-Artikolu 1.

2.      Għall-iskopijiet tal-paragrafu 1:

(a)      għandu jitqies li jkun hemm diskriminazzjoni diretta meta persuna tiġi trattata b’mod inqas favorevoli milli kienet tiġi trattata oħra f’sitwazzjoni simili, għar-raġunijiet imsemmija fl-Artikolu 1;

(b)      għandu jitqies li jkun hemm diskriminazzjoni indiretta meta fejn dispożizzjoni, kriterju jew prattika apparentement newtrali tkun tqiegħed persuni li għandhom reliġjon jew twemmin partikolari, diżabilità partikolari, età partikolari, jew orjentazzjoni sesswali partikolari, partikolari fi żvantaġġ partikolari a paragun ma’ persuni oħra ħlief:

i) meta dik id-dispożizzjoni, jew dak il-kriterju jew prattika jkunu oġġettivament iġġustifikati minn skop leġittimu u l-mezzi li tintlaħaq ikun approprjati u neċessarji, jew

[…]”

4        L-Artikolu 6(1) tad-direttiva msemmija huwa fformulat kif ġej:

“Minkejja l-Artikolu 2(2), l-Istati Membri jistgħu jipprovdu li trattament differenti fuq bażi ta’ età m’għandux jikkostitwixxi diskriminazzjoni, jekk, fil-kuntest tal-liġi nazzjonali, hu objettivament u raġonevolment iġġustifikat b’għan leġittimu, inkluża politika leġittima ta’ l-impjieg, tas-suq tax-xogħol u ta’ objettivi ta’ taħriġ professjonali, u jekk il-mezzi biex jintlaħqu dawk l-għanjiet ikunu approprjati u neċessarji.

Dan it-trattament differenti jista’ b’mod partikolari jinkludi:

(a)      l-istabbiliment ta’ kondizzjonijiet speċjali għall-aċċess għall-impjieg u t-taħriġ professjonali, l-impjieg u x-xogħol, inkluzi l-kundizzjonijiet ta’ sensji u pagi, għaż-żgħażagħ, ħaddiema ta’ età, u persuni li jkollhom responsabbilitajiet li jieħdu ħsieb persuni oħra sabiex jippromwovu l-integrazzjoni professjonali tagħhom jew jiżguraw il-protezzjoni tagħhom;

[…]”

 Id-dritt Ungeriż

5        Sal-31 ta’ Diċembru 2011, l-Artikolu 57(2) tal-Liġi Nru LXVII tal-1997 dwar l-istatus legali u r-remunerazzjoni tal-imħallfin, kien essenzjalment jippermetti lill-imħallfin jibqgħu fil-kariga tagħhom sakemm jilħqu l-età ta’ 70 sena.

6        Il-Liġi fundamentali l-ġdida, adottata fil-25 ta’ April 2011 u li daħlet fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2012 (iktar ’il quddiem il-“Liġi fundamentali”), tipprovdi, fl-Artikolu 26(2) tagħha, li “bl-eċċezzjoni tal-President tal-Kúria, l-imħallfin jistgħu jibqgħu fil-kariga tagħhom sakemm jilħqu l-età ġenerali tal-irtirar”.

7        F’dan ir-rigward, l-Artikolu 12(1) tad-dispożizzjonijiet tranżitorji tal-Liġi fundamentali (iktar ’il quddiem id-“dispożizzjonijiet tranżitorji”) jipprovdi:

“Jekk l-imħallef jilħaq l-età ġenerali li tintitolah għall-pensjoni tal-irtirar skont l-Artikolu 26(2) tal-Liġi fundamentali qabel l-1 ta’ Jannar 2012, il-kariga tiegħu tintemm fit-30 ta’ Ġunju 2012. Jekk jilħaq l-età ġenerali li tintitolah għall-pensjoni tal-irtirar skont l-Artikolu 26(2) tal-Liġi fundamentali bejn l-1 ta’ Jannar u l-31 ta’ Diċembru 2012, il-kariga tiegħu tintemm fil-31 ta’ Diċembru 2012.”

8        Bl-istess mod, fir-rigward tal-prosekuturi pubbliċi, skont l-Artikolu 29(3) tal-Liġi fundamentali, “bl-eċċezzjoni tal-Prosekutur pubbliku ġenerali, il-prosekuturi pubbliċi jistgħu jibqgħu fil-kariga tagħhom sakemm jilħqu l-età ġenerali tal-irtirar”.

9        F’dan ir-rigward, l-Artikolu 13 tad-dispożizzjonijiet tranżitorji jipprovdi:

“Jekk il-prosekutur pubbliku jilħaq l-età ġenerali li tintitolah għall-pensjoni tal-irtirar skont l-Artikolu 29(3) tal-Liġi fundamentali qabel l-1 ta’ Jannar 2012, il-kariga tiegħu tintemm fit-30 ta’ Ġunju 2012. Jekk jilħaq l-età ġenerali li tintitolah għall-pensjoni tal-irtirar skont l-Artikolu 29(3) tal-Liġi fundamentali bejn l-1 ta’ Jannar u l-31 ta’ Diċembru 2012, il-kariga tiegħu tintemm fil-31 ta’ Diċembru 2012.”

10      B’hekk, minn naħa, skont l-Artikolu 90(ha) tal-Liġi Nru CLXII tal-2011 dwar l-istatus legali u r-remunerazzjoni tal-imħallfin (iktar ’il quddiem il-“Liġi tal-2011 dwar l-imħallfin”), li daħlet fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2012, imħallef għandu jiġi rtirat jekk “ikun laħaq l-età massima għall-irtirar applikabbli għalih [...] bl-esklużjoni tal-President tal-Kúria”.

11      Min-naħa l-oħra, skont l-Artikolu 34(d) tal-Liġi Nru CLXIV tal-2011 dwar il-karriera tal-prosekuturi pubbliċi u l-istatus legali tal-Prosekutur pubbliku ġenerali, tal-prosekuturi pubbliċi u tal-membri tal-persunal l-oħra tal-Uffiċċju tal-Prosekutur pubbliku ġenerali, “prosektur pubbliku għandu jieqaf milli jeżerċita l-funzjonijiet tiegħu ta’ prosekutur pubbliku meta jilħaq l-età massima għall-irtirar applikabbli għalih.”

12      Barra minn hekk, l-Artikolu 45(4) tal-Liġi Nru CCI tal-2011 li temenda ċerti liġijiet inkonformità mal-Liġi fundamentali emenda, b’effett mill-1 ta’ Jannar 2014, l-Artikolu 22(d) tal-Liġi Nru XLI tal-1991 dwar in-nutara. Fil-verżjoni l-ġdida tiegħu, dan l-artikolu jipprovdi li “in-nutara għandhom jieqfu milli jeżerċitaw il-funzjonijiet tagħhom dakinhar li jilħqu l-età massima għall-irtirar applikabbli għalihom”.

13      Fil-verżjoni tiegħu li kienet fis-seħħ sal-31 ta’ Diċembru 2009, l-Artikolu 18(1) tal-Liġi Nru LXXXI tal-1997 dwar il-benefiċċji tal-assigurazzjoni soċjali fir-rigward tal-pensjoni (iktar ’il quddiem il-“Liġi Tny”) kien jipprovdi:

“Kull persuna li tkun wettqet minimu ta’ 20 sena servizz hija intitolata, malli tagħlaq 62 sena, għal pensjoni tal-irtirar tas-sigurtà soċjali.”

14      Fil-verżjoni tiegħu li daħlet fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2010, dan l-istess artikolu issa jinsab ifformulat kif ġej:

“L-età li tagħti dritt għall-pensjoni tal-irtirar tas-sigurtà soċjali hija stabbilita kif ġej:

a)      62 sena għall-persuni kollha mwielda qabel l-1 ta’ Jannar 1952,

b)      62 sena u 183 jum għall-persuni kollha mwielda fl-1952,

c)      63 sena għall-persuni kollha mwielda fl-1953,

d)      63 sena u 183 jum għall-persuni kollha mwielda fl-1954,

e)      64 sena għall-persuni kollha mwielda fl-1955,

f)      64 sena u 183 jum għall-persuni kollha mwielda fl-1956,

g)      65 sena għall-persuni kollha mwielda fl-1957 jew wara.”

15      Skont l-Artikolu 18(2) tal-liġi msemmija, hija intitolata għall-pensjoni tal-irtirar bir-rata sħiħa kull persuna li:

“(a)      tkun laħqet l-età massima għall-irtirar, kif iddefinita fil-paragrafu 1 iktar ’il fuq, li tikkorrispondi għas-sena tat-twelid tagħha [...], u

(b)      eżerċitat il-funzjonijiet tagħha għal mill-inqas 20 sena, u

[...]”

16      Fl-aħħar nett, skont l-Artikolu 230 tal-Liġi tal-2011 dwar l-imħallfin, fost l-imħallfin li jilħqu, qabel l-1 ta’ Jannar 2013, l-età għall-waqfien obbligatorju mill-attività professjonali tagħhom, kif iffissata skont id-dispożizzjonijiet l-ġodda, il-kariga ta’ dawk li jagħlqu 62 sena qabel l-1 ta’ Jannar 2012 tintemm fit-30 ta’ Ġunju 2012 filwaqt li l-kariga ta’ dawk li jagħlqu 62 sena bejn l-1 ta’ Jannar u l-31 ta’ Diċembru 2012 tintemm fil-31 ta’ Diċembru 2012.

17      Bl-istess mod, l-Artikolu 160 tal-Liġi Nru CLXIV tal-2011 dwar il-karriera tal-prosekuturi pubbliċi u l-istatus legali tal-Prosekutur pubbliku ġenerali, tal-prosekuturi pubbliċi u tal-membri tal-persunal l-oħra tal-Uffiċċju tal-Prosekutur pubbliku ġenerali, jinkludi dispożizzjonijiet essenzjalment simili għal dawk previsti fir-rigward tal-imħallfin. Fir-rigward tan-nutara, regoli analogi għal dawk applikabbli għall-imħallfin u għall-prosekuturi pubbliċi ser ikunu applikabbli għalihom mill-1 ta’ Jannar 2014, kif intqal fil-punt 12 ta’ din is-sentenza.

 Il-proċedura prekontenzjuża u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

18      Fis-17 ta’ Jannar 2012, il-Kummissjoni bagħtet lill-Ungerija ittra ta’ intimazzjoni fejn ikkunsidrat li dan l-Istat Membru, bl-adozzjoni tad-dispożizzjonijiet leġiżlattivi nazzjonali dwar il-limitu tal-età li jimplika l-waqfien obbligatorju mill-attività professjonali applikabbli għall-imħallfin, għall-prosekuturi pubbliċi u għan-nutara, naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt id-Direttiva 2000/78. Fit-tweġiba tagħha tas-17 ta’ Frar 2012, l-Ungerija kkontestat in-nuqqas allegat fil-konfront tagħha. Fis-7 ta’ Marzu 2012, il-Kummissjoni ħarġet opinjoni motivata fejn stiednet lill-Ungerija tieħu l-miżuri neċessarji sabiex tikkonforma ruħha mal-obbligi tagħha f’terminu ta’ xahar mid-data li fiha tirċievi din l-opinjoni. Dan l-Istat Membru wieġeb permezz ta’ ittra tat-30 ta’ Marzu 2012.

19      Peress li qieset li din it-tweġiba ma kinitx sodisfaċenti, il-Kummissjoni ppreżentat dan ir-rikors fis-7 ta’ Ġunju 2012.

20      Permezz ta’ att separat ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fl-istess jum, il-Kummissjoni talbet li tiġi applikata l-proċedura mħaffa prevista fl-Artikolu 23a tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, talba li ntlaqgħet mill-President tal-Qorti tal-Ġustizzja permezz ta’ digriet tat-13 ta’ Lulju 2012.

21      Fis-16 ta’ Lulju 2012, l-Alkotmánybíróság (Qorti Kostituzzjonali Ungeriża) iddeċidiet li tannulla, b’effett retroattiv, parti mil-leġiżlazzjoni Ungeriża kkritikata mill-Kummissjoni. Fuq talba tar-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-Kummissjoni, fil-25 ta’ Lulju 2012, ħadet pożizzjoni dwar din id-deċiżjoni u kkonfermat kemm ir-rikors tagħha u kif ukoll it-talba tagħha għall-proċedura mħaffa. Għaldaqstant, l-Ungerija ppreżentat ir-risposta tagħha fl-14 ta’ Awwissu 2012, fejn ħadet ukoll pożizzjoni dwar il-konsegwenzi tad-deċiżjoni msemmija fuq din il-kawża.

 Fuq ir-rikors

 L-argumenti tal-partijiet

22      Il-Kummissjoni ssostni li d-dispożizzjonijiet kontenzjużi huma kuntrarji għall-Artikoli 2 u 6(1) tad-Direttiva 2000/78 sa fejn jintroduċu diskriminazzjoni mhux ġustifikata u, fi kwalunkwe każ, ma humiex adegwati u lanqas neċessarji sabiex jintlaħqu l-għanijiet allegatament leġittimi invokati mill-Ungerija.

23      Preliminarjament, l-Ungerija ssostni li din il-kawża tilfet parti mis-suġġett tagħha sa fejn, permezz tas-sentenza tagħha, l-Alkotmánybíróság annullat, b’effett retroattiv, l-Artikoli 90(ha) u 230 tal-Liġi tal-2011 dwar l-imħallfin. Għaldaqstant, skont l-Ungerija, ma għadx hemm lok li tingħata deċiżjoni dwar il-parti korrispondenti tar-rikors. Għall-kuntrarju, il-Kummissjoni tikkunsidra li dik is-sentenza ma għandha ebda effett fuq ir-rikors.

 Fuq id-diskriminazzjoni

24      Skont il-Kummissjoni, il-leġiżlazzjoni Ungeriża inkwistjoni tikser l-Artikolu 2 tad-Direttiva 2000/78 sa fejn tintroduċi diskriminazzjoni bbażata fuq l-età bejn l-imħallfin, il-prosekuturi pubbliċi u n-nutara li laħqu l-limiti tal-età ffissati minn din il-leġiżlazzjoni fir-rigward tal-irtirar u dawk li jistgħu jibqgħu jeżerċitaw il-kariga tagħhom. Fil-fatt, it-tnaqqis minn 70 sena għal 62 sena tal-limitu tal-età li jimplika l-waqfien obbligatorju mill-attività professjonali fir-rigward tal-imħallfin, tal-prosekuturi pubbliċi u tan-nutara jintroduċi, skont il-Kummissjoni, differenza fit-trattament ibbażata fuq l-età bejn il-persuni fi professjoni partikolari. Filwaqt li tirrikonoxxi li l-Ungerija hija libera li tiffissa l-età tal-irtirar ta’ dawn il-persuni, il-Kummissjoni ssostni li r-regoli l-ġodda jaffettwaw b’mod kunsiderevoli t-tul tar-relazzjoni ta’ xogħol li torbot lill-partijiet kif ukoll, b’mod iktar ġenerali, l-eżerċizzju mill-persuni kkonċernati tal-attività professjonali tagħhom, minħabba li jipprekludu l-parteċipazzjoni futura tagħhom fil-ħajja attiva. F’dan ir-rigward il-Kummissjoni tippreċiża li l-fatt li fil-passat il-persuni kkonċernati kienu suġġetti għal regoli iktar favorevoli minn dawk applikabbli għall-impjegati l-oħra fis-settur pubbliku ma jeskludix li l-leġiżlazzjoni msemmija tikkostitwixxi diskriminazzjoni.

25      L-Ungerija tirribatti li ma teżisti ebda diskriminazzjoni fil-kawża ineżami. Fil-fatt, skont l-Ungerija, il-Kummissjoni evalwat il-leġiżlazzjoni inkwistjoni b’mod iżolat biss, mingħajr ma ħadet inkunsiderazzjoni l-kuntest ġenerali tagħha. B’mod partikolari, it-tnaqqis fil-limitu tal-età li jimplika l-waqfien obbligatorju mill-attività professjonali għall-persuni li jaqgħu fil-kategoriji professjonali kkonċernati huwa intiż li jirrettifika diskriminazzjoni pożittiva li kienu jgawdu minnha dawn il-persuni sa fejn dawn il-persuni biss, għall-kuntrarju tal-impjegati l-oħra fis-settur pubbliku, setgħu mhux biss jibqgħu fil-kariga sal-età ta’ 70 sena iżda setgħu wkoll, f’diversi każijiet, jakkumulaw is-salarju tagħhom mal-pensjoni tal-irtirar li kienu intitolati għaliha mill-mument li fih ikunu għalqu l-età tal-irtirar. B’hekk, ir-riforma hija intiża li tistabbilixxi ekwilibriju fil-leġiżlazzjoni ġenerali dwar ix-xogħol.

 Fuq il-ġustifikazzjoni tad-diskriminazzjoni

26      Il-Kummissjoni ssostni li d-differenza fit-trattament allegata ma hijiex ġustifikata inkonformità mal-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2000/78. Fil-fatt, skont il-Kummissjoni, il-leġiżlazzjoni nazzjonali kontenzjuża ma għandha ebda għan leġittimu u, fi kwalunkwe każ, ma hijiex proporzjonata. Issa, l-osservanza ta’ dawn il-kundizzjonijiet ma hijiex meħtieġa biss fir-rigward tal-iffissar ta’ limitu tal-età li jimplika l-waqfien obbligatorju mill-attività professjonali iżda anki fir-rigward tal-bidliet għal dan il-limitu tal-età.

27      Fir-rigward tal-eżistenza ta’ “għan leġittimu” fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, il-Kummissjoni ssostni li, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, huma biss l-għanijiet li jaqgħu taħt il-politika soċjali, bħal dawk marbuta mal-politika tal-impjieg, mas-suq tax-xogħol jew mat-taħriġ professjonali, li jistgħu jiġġustifikaw deroga mill-prinċipju ta’ projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni bbażata fuq l-età. Issa, minn naħa, skont il-Kummissjoni, mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni ma jirriżulta ebda għan ta’ dan it-tip u lanqas ma jista’ jinstilet mill-kuntest ġenerali ta’ din il-leġiżlazzjoni. Fih innifsu, tali nuqqas huwa kuntrarju għad-Direttiva 2000/78 sa fejn jipprekludi kull stħarriġ ġudizzjarju tal-legalità u tal-proporzjonalità tal-leġiżlazzjoni msemmija.

28      Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni tosserva li, matul il-fażi amministrattiva, l-Ungerija essenzjalment invokat żewġ għanijiet li allegatament kienu segwiti mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni, jiġifieri, prinċipalment, l-introduzzjoni ta’ uniformità fir-regoli dwar l-irtirar għall-persuni kollha u, sussidjarjament, l-iffaċilitar tal-aċċess ta’ ġuristi ta’ età żgħira fil-ġudikatura sabiex tiġi stabbilita “struttura ta’ età bbilanċjata”.

29      Issa, il-Kummissjoni tqis li l-ewwel wieħed minn dawn l-għanijiet ma jistax jitqies li huwa “leġittimu” fis-sens tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2000/78 peress li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà eskludiet li għanijiet ta’ natura organizzattiva jistgħu jiġġustifikaw diskriminazzjoni. Fir-rigward tal-argument tal-Ungerija li l-Qorti tal-Ġustizzja, permezz tas-sentenza tagħha tal-21 ta’ Lulju 2011, Fuchs u Köhler (C‑159/10 u C‑160/10, Ġabra p. I‑6919), adottatat pożizzjoni kuntrarja, jiġifieri li tali għanijiet huma leġittimi, il-Kummissjoni ssostni li dik is-sentenza ma tistax tiġi trasposta għall-kawża ineżami. Fil-fatt, skont il-Kummissjoni, fis-sentenza msemmija l-Qorti tal-Ġustizzja ma estendietx id-definizzjoni ta’ “għan leġittimu” fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni iżda kkonstatat li l-għan li tiġi stabbilita “struttura ta’ età bbilanċjata” bejn l-uffiċjali ta’ età żgħira u l-uffiċjali iktar anzjani jista’ jikkostitwixxi “għan leġittimu” tal-politika tal-impjieg u tas-suq tax-xogħol. Irrispettivament mill-fatt li dan l-“għan leġittimu” jista’ jkollu konsegwenzi “organizzattivi”, f’termini b’mod partikolari tat-titjib fl-effiċjenza tas-servizz pubbliku tal-ġustizzja, dawn il-konsegwenzi, fihom infushom, ma jistgħux jitqiesu li huma “għanijiet leġittimi”.

30      Fir-rigward tat-tieni għan, il-Kummissjoni tosserva li l-argument ibbażat fuq is-sostituzzjoni tal-imħallfin iktar anzjani b’imħallfin ta’ età iżgħar u fuq it-titjib fil-kwalità tas-servizz pubbliku tal-ġustizzja li allegatament jirriżulta minn din is-sostituzzjoni mhux biss huwa “sempliċi dikjarazzjoni ġenerali vaga”, miċħuda mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Fuchs u Köhler, iċċitata iktar ’il fuq, iżda huwa wkoll forma ta’ preġudizzju marbut mal-età. Issa, id-Direttiva 2000/78 hija intiża preċiżament li tipproteġi lill-individwi minn tali preġudizzju.

31      Fir-rigward tal-ġustifikazzjoni tar-restrizzjoni, l-Ungerija ssostni li l-fatt li r-regoli inkwistjoni, li jikkonċernaw kemm lill-imħallfin u kif ukoll lill-prosekuturi pubbliċi u lin-nutara, ġew adottati u daħlu fis-seħħ matul l-istess perijodu juri b’mod ċar l-intenzjoni tal-leġiżlatur li jintroduċi uniformità, f’dawn is-setturi, fir-regoli dwar l-età massima għall-waqfien obbligatorju mill-attività professjonali sabiex tiġi stabbilita “struttura ta’ età iktar ibbilanċjata” fi ħdan il-professjonijiet ikkonċernati. Barra minn hekk, skont l-Ungerija, dawn l-għanijiet huma “leġittimi” fis-sens tal-Artikolu 6(1) tad-direttiva, kif irrikonoxxiet il-Kummissjoni stess.

 Fuq in-natura adegwata u neċessarja tad-dispożizzjonijiet nazzjonali inkwistjoni

32      Fid-dawl taż-żewġ għanijiet invokati mill-Ungerija u li allegatament huma l-għanijiet tad-dispożizzjonijiet nazzjonali kontenzjużi, il-Kummissjoni tikkunsidra li, anki jekk dawn l-għanijiet jitqiesu li huma “għanijiet leġittimi” fis-sens tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2000/78, dawn id-dispożizzjonijiet ma humiex adegwati sabiex jilħqu dawn l-għanijiet.

33      Fl-ewwel lok, id-dispożizzjonijiet imsemmija ma jistgħux jikkontribwixxu sabiex jintlaħaq l-għan li tiġi introdotta uniformità fl-età tal-irtirar minħabba b’mod partikolari li, l-ewwel nett, ir-relazzjoni ta’ servizz tal-imħallfin u tal-prosekuturi pubbliċi tintemm malli dawn jilħqu l-età tal-irtirar filwaqt li r-relazzjoni ta’ xogħol tal-impjegati l-oħra fis-servizz pubbliku ma tintemmx qabel ma dawn tal-aħħar jilħqu din l-età u qabel ma jkunu wettqu s-snin ta’ servizz neċessarji sabiex jiksbu pensjoni tal-irtirar sħiħa. It-tieni nett, jibqgħu fis-seħħ eċċezzjonijiet, bħal dawk fir-rigward tal-President tal-Kúria, tal-Prosekutur pubbliku ġenerali, tal-imħallfin fil-qrati kostituzzjonali jew tal-assistenti prosekuturi pubbliċi u tal-prosekuturi pubbliċi bi prova. Fl-aħħar nett, l-imħallfin, il-prosekuturi pubbliċi u n-nutara ma għandhomx il-possibbiltà – għall-kuntrarju tal-kategoriji professjonali l-oħra li jagħmlu parti mis-servizz pubbliku – li jitolbu li jżommu l-kariga tagħhom “fl-interess tas-servizz” wara li jkunu laħqu l-età tal-irtirar.

34      Fit-tieni lok, fir-rigward tal-għan li jiġi ffaċilitat ir-reklutaġġ ta’ professjonisti ta’ età żgħira fis-servizz pubbliku tal-ġustizzja, il-Kummissjoni tqis li l-modalitajiet ta’ applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet inkwistjoni jissuġġerixxu li dawn id-dispożizzjonijiet ma ġewx maħsuba b’mod li jintlaħaq l-għan imsemmi. Barra minn hekk, dawn id-dispożizzjonijiet ma ppermettewx it-trasferiment ta’ esperjenza tal-uffiċjali iktar anzjani lejn il-ġuristi ta’ età iżgħar li jidħlu fil-professjonijiet ikkonċernati. Dan l-għan kien jintlaħaq b’mod iktar koerenti u b’mod iktar dewwiemi li kieku l-limitu tal-età għall-waqfien obbligatorju mill-attività professjonali tnaqqas progressivament.

35      F’dan id-dawl, l-Ungerija tirribatti li, fir-realtà, permezz ta’ dawn id-dispożizzjonijiet u, fl-istess ħin, permezz tal-possibbiltajiet li jinħatru ġuristi ta’ età iżgħar, numru kbir ta’ pożizzjonijiet għolja huma aċċessibbli għall-ġenerazzjoni ta’ “età medja” fil-qrati u fl-Uffiċċju tal-Prosekutur pubbliku ġenerali. Minkejja li l-imħallfin, il-prosekuturi pubbliċi u n-nutara iktar anzjani huma obbligati jieqfu mill-kariga tagħhom, hemm numru kbir minnhom li ser jibqgħu fil-kariga. Issa, il-preżenza ta’ dawn tal-aħħar u l-possibbiltà li dawn jiksbu pożizzjonijiet għoljin jiggarantixxu li dawn ser jgħaddu l-esperjenza tagħhom lill-kollegi tagħhom ta’ età iżgħar.

36      Il-Kummissjoni tqis ukoll li tnaqqis daqstant rapidu u radikali fil-limitu tal-età għall-waqfien obbligatorju mill-attività professjonali jmur lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħqu l-għanijiet invokati fid-dawl tal-konsegwenzi gravi li tali bidla jista’ jkollha fuq l-imħallfin, il-prosekuturi pubbliċi u n-nutara kkonċernati. Fil-fatt, dawn tal-aħħar huma obbligati jieqfu mill-kariga tagħhom b’mod rapidu u mingħajr ma kellhom iż-żmien sabiex jippreparaw, b’mod partikolari mill-aspett finanzjarju, għat-tnaqqis fid-dħul tagħhom.

37      Għall-kuntrarju, l-Ungerija hija tal-fehma li l-perijodi tranżitorji fir-rigward tal-persuni kkonċernati ma kinux magħrufa mal-adozzjoni tal-leġiżlazzjoni kontenzjuża iżda ilhom magħrufa mill-20 ta’ Ġunju 2011, meta l-Parlament Ungeriż adotta l-Liġi LXXII tal-2011, li temenda ċerti liġijiet dwar l-istatus legali inkonformità mal-Liġi Fundamentali. Fil-fatt, l-Artikolu 10(1) ta’ din il-Liġi Nru LXXII tal-2011 kien diġà jinkludi “it-termini ta’ kunsiderazzjoni li kellhom jiġu ttrasposti wkoll iktar tard fil-Liġi tal-2011 dwar l-imħallfin u fid-dispożizzjonijiet tranżitorji”. F’tali ċirkustanzi, il-persuni kkonċernati setgħu jsiru jafu bil-perijodi tranżitorji previsti mil-leġiżlazzjoni kontenzjuża sa minn Ġunju 2011. L-Ungerija żżid li, fil-każ tan-nutara, ir-regoli li jnaqqsu l-limitu tal-età għall-waqfien obbligatorju mill-attività professjonali mhux ser jidħlu fis-seħħ qabel l-1 ta’ Jannar 2014, b’tali mod li n-nutara għandhom saħansitra żmien itwal sabiex jippreparaw ruħhom.

 Fuq il-koerenza tar-regoli

38      Il-Kummissjoni tenfasizza li ma hemm ebda koerenza bejn il-leġiżlazzjoni kontenzjuża u r-riforma Ungeriża tas-sistema ġenerali tal-pensjonijiet. Hija tesponi li, “fl-2012 ser tintemm, b’mod obbligatorju, ir-relazzjoni ta’ servizz tal-imħallfin, tal-prosekuturi pubbliċi u tan-nutara li għandhom età ta’ bejn 62 u 70 sena”, filwaqt li, “bejn l-2014 u l-2022, l-età ġenerali tal-irtirar u, għaldaqstant, [il-limitu tal-età obbligatorja għall-waqfien mill-attività professjonali] applikabbli wkoll għall-imħallfin, għall-prosekuturi pubbliċi u għan-nutara, ser jiżdied progressivament minn 62 għal 65 sena”. B’hekk, meta kkunsidrati flimkien, dawn iż-żewġ riformi ser iwasslu għal sitwazzjoni ferm żbilanċjata fir-rigward tar-reklutaġġ u tal-promozzjoni tal-ġuristi ta’ età żgħira sa fejn, matul is-snin 2012 u 2013, wieħed jista’ jistenna li l-Istat ser iwettaq reklutaġġ massiv ta’ persuni sabiex jokkupaw il-pożizzjonijiet vakanti filwaqt li, minn wara s-sena 2014 – minħabba li l-limitu tal-età għall-waqfien obbligatorju mill-attività professjonali ser jerġa’ jiżdied – dan il-proċess ta’ reklutaġġ huwa mistenni li jbatti b’mod kunsiderevoli.

39      Skont l-Ungerija, l-inkoerenza kkritikata mill-Kummissjoni hija biss superfiċjali. Fil-fatt, żieda fil-limitu tal-età għall-waqfien obbligatorju mill-attività professjonali tista’ tiġi osservati fi kważi l-Istati Membri kollha, u għalhekk tali żieda ma ddgħajjifx il-loġika interna tal-leġiżlazzjoni kontenzjuża. Din il-leġiżlazzjoni torbot, b’mod preċiż, dan il-limitu tal-età fir-rigward tal-professjonijiet ikkonċernati mal-età tal-benefiċċju għall-pensjoni tal-irtirar b’tali mod li l-età ffissata tikkorrispondi mal-iżviluppi ekonomiċi u demografiċi li s-sistema tal-pensjonijiet u l-politika tal-impjieg huma neċessarjament obbligati jsegwu. Għaldaqstant, il-politika mħaddna mill-Istati Membri fil-qasam tal-pensjonijiet hija bbażata fuq il-kunsiderazzjoni li l-limitu tal-età għall-waqfien obbligatorju mill-attività professjonali u l-età li minnha l-persuni jibbenefikaw mill-pensjoni tal-irtirar għandhom jevolvu dejjem flimkien, b’tali mod li jkun jista’ jiġi ggarantit li l-għanijiet segwiti mill-politika tal-impjieg jintlaħqu bl-aħjar mod possibbli.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

 Fuq is-suġġett tar-rikors

40      Preliminarjament, għandu jiġi eżaminat l-argument imqajjem mill-Ungerija fis-sens li ma għadx hemm lok li tingħata deċiżjoni dwar parti mir-rikors sa fejn dan tilef is-suġġett tiegħu minħabba s-sentenza tal-Alkotmánybíróság.

41      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li l-eżistenza ta’ nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu għandha tiġi evalwata fid-dawl ta’ kif kienet is-sitwazzjoni tal-Istat Membru inkwistjoni fi tmiem it-terminu stabbilit fl-opinjoni motivata u li l-bidliet li jkunu seħħew sussegwentement ma għandhomx jittieħdu inkunsiderazzjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tad-29 ta’ Jannar 2004, Il-Kummissjoni vs L-Awstrija, C‑209/02, Ġabra p. I‑1211, punt 16, u tad-19 ta’ Lulju 2012, Il-Kummissjoni vs L-Italja, C‑565/10, punt 22).

42      Fil-kawża ineżami huwa paċifiku li, fi tmiem it-terminu stabbilit mill-Kummissjoni fl-opinjoni motivata, id-dispożizzjonijiet nazzjonali inkwistjoni kienu fis-seħħ. Barra minn hekk, kif l-Ungerija stess irrikonoxxiet matul is-seduta, l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti adottaw, fuq il-bażi ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, atti amministrattivi individwali li jtemmu r-relazzjonijiet ta’ xogħol tal-persuni kkonċernati.

43      Fis-16 ta’ Lulju 2012, jiġifieri sussegwentement għall-iskadenza tat-terminu msemmi fis-7 ta’ April 2012, l-Alkotmánybíróság tat is-sentenza li permezz tagħha annullat l-Artikoli 90(ha) u 230 tal-Liġi tal-2011 dwar l-imħallfin.

44      Skont l-Ungerija, peress li din is-sentenza annullat b’mod retroattiv l-imsemmija Artikoli 90(ha) u 230, dawn ma jistgħux jibqgħu jitqiesu li kienu fis-seħħ fil-mument tal-iskadenza tat-terminu stabbilit fl-opinjoni motivata.

45      Madankollu, f’dan ir-rigward għandu jiġi kkonstatat li, skont il-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 41 ta’ din is-sentenza, id-data li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tikkunsidra għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-eżistenza tan-nuqqas li bih hija akkużata l-Ungerija hija s-7 ta’ April 2012. Għaldaqstant, in-natura retroattiva tas-sentenza tal-Alkotmánybíróság ma tistax telimina s-suġġett ta’ dan ir-rikors sa fejn l-annullament tal-Artikoli 90(ha) u 230 tal-Liġi tal-2011 dwar l-imħallfin joħroġ minn avveniment li seħħ sussegwentement għal din id-data u li, għalhekk, ma jistax jittieħed inkunsiderazzjoni.

46      Fi kwalunkwe każ, għandu jiġi kkonstatat li, minn naħa, is-sentenza msemmija ma kellha ebda effett fir-rigward tad-dispożizzjonijiet tranżitorji li jipprevedu regoli analogi għal dawk li jinsabu fl-Artikoli 90(ha) u 230 tal-Liġi tal-2011 dwar l-imħallfin. Min-naħa l-oħra, peress li l-annullament ta’ dawn id-dispożizzjonijiet tal-aħħar ma affettwax direttament il-validità tal-atti individwali li permezz tagħhom intemmu r-relazzjonijiet ta’ xogħol tal-persuni kkonċernati, dawn tal-aħħar ma ġewx stabbiliti mill-ġdid b’mod awtomatiku fil-karigi tagħhom. Għall-kuntrarju, sabiex jiġu stabbiliti mill-ġdid fil-karigi tagħhom, dawn il-persuni huma obbligati jippreżentaw rikorsi għall-annullament ta’ dawn l-atti, rikorsi li l-eżitu tagħhom, kif ikkonfermat l-Ungerija stess matul is-seduta, ma huwiex wieħed ċert.

47      Għaldaqstant, hemm lok li tingħata deċiżjoni dwar ir-rikors fl-intier tiegħu.

 Fuq il-mertu tar-rikors

48      Sabiex tiġi evalwata l-fondatezza tal-ilment imqajjem mill-Kummissjoni fil-konfront tal-Ungerija, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2000/78, “‘il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament’ għandu jfisser li m’għandux ikun hemm diskriminazzjoni diretta jew indiretta għall-ebda raġuni msemmija fl-Artikolu 1” ta’ din id-direttiva. L-Artikolu 2(2)(a) tad-direttiva msemmija jippreċiża li, għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 2(1), ikun hemm diskriminazzjoni diretta meta persuna tiġi ttrattata b’mod inqas favorevoli milli kienet tiġi ttrattata persuna oħra f’sitwazzjoni komparabbli minħabba waħda mir-raġunijiet imsemmija fl-Artikolu 1 tal-istess direttiva (sentenza tat-13 ta’ Settembru 2011, Prigge et, C‑447/09, Ġabra p. I‑8003, punt 42).

49      F’dan il-każ, huwa paċifiku li d-dispożizzjonijiet nazzjonali kontenzjużi jipprovdu li l-imħallfin, il-prosekuturi pubbliċi u n-nutara kkonċernati għandhom jieqfu mill-kariga tagħhom ipso jure malli jilħqu l-età ta’ 62 sena.

50      Il-persuni li jeżerċitaw dawn il-professjonijiet u li laħqu l-età ta’ 62 sena jinsabu f’sitwazzjoni komparabbli għal dik ta’ persuni iżgħar li jeżerċitaw l-istess professjonijiet. Madankollu, tal-ewwel, minħabba l-età tagħhom, huma obbligati jieqfu mill-kariga tagħhom ipso jure (ara, b’analoġija, is-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Fuchs u Köhler, punt 34, kif ukoll Prigge et, punt 44).

51      Fil-fatt, id-dispożizzjonijiet kontenzjużi li jipprovdu li l-fatt li l-persuni jilħqu l-età ffissata f’dawn id-dispożizzjonijiet għall-irtirar jimplika l-waqfien ipso jure tar-relazzjoni ta’ xogħol għandhom jitqiesu bħala li jimponu trattament inqas favorevoli fuq il-persuni li laħqu din l-età meta mqabbla mal-persuni attivi l-oħra kollha. Għaldaqstant, tali dispożizzjonijiet jistabbilixxu differenza fit-trattament ibbażata direttament fuq l-età, kif imsemmija fl-Artikolu 2(1) u (2)(a) tad-Direttiva 2000/78 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-16 ta’ Ottubru 2007, Palacios de la Villa, C‑411/05, Ġabra p. I‑8531, punt 51).

52      F’dan ir-rigward, l-Ungerija ssostni li, fil-verità, dawn id-dispożizzjonijiet naqqsu l-limitu tal-età għall-waqfien obbligatorju mill-attività professjonali sabiex tiġi rrimedjata sitwazzjoni ta’ diskriminazzjoni pożittiva li kienu jgawdu minnha l-imħallfin, il-prosekuturi pubbliċi u n-nutara taħt ir-regoli li kienu fis-seħħ qabel, sa fejn dawn setgħu, għall-kuntrarju tal-impjegati l-oħra fis-servizz pubbliku, jibqgħu fil-kariga tagħhom sal-età ta’ 70 sena.

53      Madankollu, tali fatt ma jistax jikkontesta l-eżistenza ta’ differenza fit-trattament bejn il-persuni obbligati jieqfu mill-kariga tagħhom minħabba li għalqu 62 sena u dawk li, minħabba li għadhom ma laħqux din l-età, jistgħu jibqgħu fil-kariga tagħhom. Fil-fatt, id-differenza fit-trattament minħabba l-età hija bbażata fuq l-eżistenza stess ta’ limitu tal-età li malli jintlaħaq il-persuni kkonċernati ma jibqgħux fil-kariga tagħhom, irrispettivament mill-età magħżula bħala tali limitu u, a fortiori, mill-età li kienet applikabbli preċedentement.

54      Għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat li d-dispożizzjonijiet inkwistjoni jistabbilixxu differenza fit-trattament ibbażata direttament fuq l-età fis-sens tad-dispożizzjonijiet ikkunsidrati flimkien tal-Artikoli 1 u 2(2)(a) tad-Direttiva 2000/78.

55      Madankollu, mill-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2000/78 jirriżulta li differenza fit-trattament ibbażata fuq l-età ma tikkostitwixxix diskriminazzjoni meta din id-differenza tkun oġġettivament u raġonevolment ġustifikata, fil-kuntest tad-dritt nazzjonali, minn għan leġittimu u meta l-mezzi sabiex jintlaħaq dan il-għan ikunu adegwati u neċessarji (sentenzi Prigge et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 77, kif ukoll tal-5 ta’ Lulju 2012, Hörnfeldt, C‑141/11, punt 21).

56      Għaldaqstant, għandu jiġi vverifikat jekk id-dispożizzjonijiet kontenzjużi humiex ġustifikati minn għan leġittimu u jekk il-mezzi implementati sabiex jintlaħaq dan l-għan humiex adegwati u neċessarji, b’tali mod li josservaw il-prinċipju ta’ proporzjonalità.

57      Fir-rigward, fl-ewwel lok, tal-għanijiet segwiti minn dawn id-dispożizzjonijiet, għandu jiġi osservat qabel kollox li l-fatt, imqajjem mill-Kummissjoni, li ebda għan speċifiku ma joħroġ b’mod espliċitu minn dawn id-dispożizzjonijiet ma huwiex determinanti.

58      Fil-fatt, mill-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2000/78 ma jistax jiġi konkluż li l-fatt li l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni tonqos milli tippreċiża l-għan segwit għandu l-effett li jeskludi awtomatikament li din il-leġiżlazzjoni tista’ tkun ġustifikata taħt dan l-artikolu. Fin-nuqqas ta’ tali preċiżazzjoni, huwa meħtieġ li elementi oħra, misluta mill-kuntest ġenerali tal-miżura kkonċernata, jippermettu l-identifikazzjoni tal-għan li fuqu tkun ibbażata din il-miżura għall-finijiet tal-eżerċizzju ta’ stħarriġ ġudizzjarju fir-rigward tan-natura leġittima tagħha kif ukoll tan-natura adegwata u neċessarja tal-mezzi implementati sabiex jintlaħaq dan l-għan (ara s-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Fuchs u Köhler, punt 39, kif ukoll Hörnfeldt, punt 24).

59      Għaldaqstant, għandhom jiġu eżaminati l-argumenti mressqa mill-Ungerija fil-kuntest tal-proċedura prekontenzjuża kif ukoll fl-atti tagħha u matul is-seduta, fis-sens li d-dispożizzjonijiet inkwistjoni huma intiżi li jilħqu, essenzjalment, żewġ għanijiet, jiġifieri, minn naħa, l-introduzzjoni ta’ uniformità, fil-kuntest tal-professjonijiet li jagħmlu parti mis-servizz pubbliku, fir-rigward tal-limitu tal-età għall-waqfien obbligatorju mill-attività professjonali, filwaqt li jiġu ggarantiti l-vijabbiltà tas-sistema tal-pensjonijiet, livell għoli ta’ impjieg kif ukoll it-titjib fil-kwalità u fl-effiċjenza tal-attivitajiet tal-amministrazzjoni tal-ġustizzja kkonċernati u, min-naħa l-oħra, l-implementazzjoni ta’ “struttura ta’ età iktar ibbilanċjata” li tiffaċilita l-aċċess tal-ġuristi ta’ età żgħira għall-professjonijiet ta’ mħallef, ta’ prosekutur pubbliku jew ta’ nutar u li tiggarantilhom karriera iktar mgħaġġla.

60      Fir-rigward tan-natura leġittima ta’ dawn l-għanijiet, għandu jitfakkar, fit-tieni lok, li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-għanijiet li jistgħu jitqiesu li huma “leġittimi” fis-sens tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2000/78 u, għaldaqstant, ta’ natura li jiġġustifikaw deroga mill-prinċipju ta’ projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni bbażata fuq l-età, huma għanijiet li jaqgħu taħt il-politika soċjali, bħal dawk marbuta mal-politika tal-impjieg, mas-suq tax-xogħol jew mat-taħriġ professjonali (ara s-sentenzi tal-5 ta’ Marzu 2009, Age Concern England, C‑388/07, Ġabra p. I‑1569, punt 46; tat-18 ta’ Ġunju 2009, Hütter, C‑88/08, Ġabra p. I‑5325, punt 41, kif ukoll Prigge et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 81).

61      Fir-rigward tal-għan li tiġi introdotta uniformità, fil-kuntest tal-professjonijiet li jagħmlu parti mis-servizz pubbliku, fir-rigward tal-limiti tal-età għall-waqfien obbligatorju mill-attività professjonali, għandu jiġi kkonstatat, kif tosserva l-Avukat Ġenerali fil-punt 63 tal-opinjoni tagħha, li, sa fejn is-segwiment ta’ tali għan jippermetti li tiġi żgurata l-osservanza tal-prinċipju tal-ugwaljanza fit-trattament fir-rigward tal-persuni kollha f’settur partikolari u fir-rigward ta’ element essenzjali tar-relazzjoni ta’ xogħol tagħhom, bħalma huwa l-mument li fih jirtiraw, dan l-għan jista’ jikkostitwixxi għan leġittimu tal-politika tal-impjieg.

62      Fir-rigward tal-għan intiż li tiġi stabbilita struttura ta’ età iktar ibbilanċjata li tiffaċilita l-aċċess ta’ ġuristi ta’ età żgħira għall-professjonijiet ta’ mħallef, ta’ prosekutur pubbliku jew ta’ nutar, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà kellha l-opportunità tikkunsidra li l-għan li tiġi stabbilita struttura ta’ età bbilanċjata bejn uffiċjali ta’ età żgħira u uffiċjali iktar anzjani sabiex jiġu ffavoriti r-reklutaġġ u l-promozzjoni ta’ persuni ta’ età żgħira, sabiex tittejjeb kemm jista’ jkun il-ġestjoni tal-persunal u fl-istess ħin sabiex jiġi evitat it-tilwim eventwali dwar il-kapaċità tal-impjegat li jeżerċita l-attività tiegħu lil hinn minn ċerta età, u dan filwaqt li l-intenzjoni tkun li jiġi offrut servizz tal-ġustizzja ta’ kwalità, jista’ jikkostitwixxi għan leġittimu tal-politika tal-impjieg u tas-suq tax-xogħol (Fuchs u Köhler, iċċitata iktar ’il fuq, punt 50).

63      Għalkemm mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li d-dispożizzjonijiet kontenzjużi huma ġustifikati minn għanijiet leġittimi, ikun għad irid jiġi vverifikat, fl-aħħar lok, jekk id-dispożizzjonijiet nazzjonali inkwistjoni jikkostitwixxux mezzi adegwati u neċessarji sabiex jintlaħqu dawn iż-żewġ għanijiet.

64      Fir-rigward tal-ewwel għan, dawn id-dispożizzjonijiet huma, bħala prinċipju, mezz adegwat sabiex jintlaħaq l-għan li tiġi introdotta uniformità segwit mill-Ungerija sa fejn huma intiżi preċiżament li, jekk mhux sabiex jeliminaw, minn tal-inqas sabiex inaqqsu kunsiderevolment id-differenza fil-limiti tal-età għall-waqfien obbligatorju mill-attività professjonali għall-professjonijiet kollha li jagħmlu parti mis-servizz pubbliku tal-ġustizzja.

65      Madankollu, għad irid jiġi ddeterminat jekk dawn id-dispożizzjonijiet jikkostitwixxux ukoll mezz neċessarju għal dan il-għan.

66      Issa, sabiex jiġi eżaminat jekk id-dispożizzjonijiet inkwistjoni jaqbżux dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq dan l-għan u jikkawżawx preġudizzju eċċessiv għall-interessi tal-persuni kkonċernati, dawn id-dispożizzjonijiet għandhom jitqiegħdu fil-kuntest leġiżlattiv tagħhom u għandu jittieħed inkunsiderazzjoni kemm id-dannu li jistgħu jikkawżaw lill-persuni kkonċernati kif ukoll il-vantaġġi li jagħtu lis-soċjetà b’mod ġenerali u lill-individwi li jagħmlu parti minn din is-soċjetà (ara s-sentenza tat-12 ta’ Ottubru 2010, Rosenbladt, C‑45/09, Ġabra p. I‑9391, punt 73).

67      F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li l-kategoriji ta’ persuni kkonċernati mid-dispożizzjonijiet imsemmija kienu jgawdu, sad-dħul fis-seħħ tagħhom, minn deroga li kienet tippermettilhom jibqgħu fil-kariga tagħhom sal-età ta’ 70 sena, u dan ħoloq għal dawn il-persuni l-aspettattiva leġittima li kienu ser iżommu l-kariga tagħhom sa din l-età.

68      Issa, id-dispożizzjonijiet inkwistjoni naqqsu b’mod mhux mistenni u kunsiderevoli l-limitu tal-età għall-waqfien obbligatorju mill-attività professjonali, mingħajr ma jipprevedu miżuri tranżitorju ta’ natura li jipproteġu l-aspettattivi leġittimi tal-persuni kkonċernati.

69      B’hekk, minħabba l-leġiżlazzjoni inkwistjoni, li ma daħlitx fis-seħħ qabel l-1 ta’ Jannar 2012, minn naħa, l-imħallfin u l-prosekuturi pubbliċi kollha li kienu laħqu l-età ta’ 62 sena qabel din id-data kienu obbligati jitilqu mill-kariga tagħhom fil-30 ta’ Ġunju 2012, jiġifieri wara perijodu ta’ sitt xhur u, dawk li jilħqu din l-età bejn l-1 ta’ Jannar u l-31 ta’ Diċembru 2012, ser ikollhom jitilqu mill-kariga tagħhom fil-31 ta’ Diċembru 2012, jiġifieri wara perijodu li f’ebda każ ma jista’ jkun ta’ iktar minn sena u li, fil-parti l-kbira tal-każijiet, ser ikun ta’ inqas minn sena. Min-naħa l-oħra, in-nutara li jkunu laħqu l-età ta’ 62 sena qabel l-1 ta’ Jannar 2014 ser jieqfu mill-kariga tagħhom f’dik id-data, jiġifieri mhux iktar tard minn sentejn wara d-dħul fis-seħħ tas-sistema l-ġdida tal-irtirar.

70      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-persuni kkonċernati ser joħorġu, b’mod mhux volontarju u b’mod definittiv, mis-suq tax-xogħol mingħajr ma ser ikollhom iż-żmien meħtieġ sabiex jieħdu l-miżuri, b’mod partikolari ta’ natura ekonomika u finanzjarja, li titlob tali sitwazzjoni, fid-dawl tal-fatt li, minn naħa, il-pensjoni tal-irtirar tagħhom hija, kif ġie speċifikat matul is-seduta, inqas mir-remunerazzjoni tagħhom b’minn tal-inqas 30 % u, min-naħa l-oħra, il-waqfien mill-attività professjonali ma jiħux inkunsiderazzjoni l-perijodi ta’ kontribuzzjoni u għalhekk ma huwiex iggarantit id-dritt għal pensjoni b’rata sħiħa.

71      Għandu jiġi kkonstatat li l-Ungerija ma pprovdiet ebda element li jippermetti li jiġi stabbilit li ebda dispożizzjoni inqas oneruża ma kienet tippermetti li jintlaħaq l-għan inkwistjoni.

72      Huwa minnu li dan l-Istat Membru sostna li l-persuni kkonċernati kellhom il-possibbiltà li jipprevedu, sa mis-sena 2011, il-bidliet fis-sistema tal-irtirar tagħhom, peress li l-Artikolu 10(1) tal-Liġi Nru LXXII tal-2011, li temenda ċerti liġijiet dwar l-istatus legali inkonformità mal-Liġi Fundamentali, kien diġà jinkludi t-“termini ta’ kunsiderazzjoni”, li kellhom jiġu ttrasposti wkoll fil-Liġi tal-2011 dwar l-imħallfin u fid-dispożizzjonijiet tranżitorji. Madankollu, anki jekk jitqies li dawn it-termini setgħu kienu suffiċjenti sabiex jiġi evitat li l-persuni kkonċernati jġarrbu dannu, għandu jiġi osservat li l-Ungerija b’ebda mod ma ppreċiżat li l-leġiżlazzjoni kontenzjuża kienet tippermetti lill-imħallfin, lill-prosekuturi pubbliċi u lin-nutara sabiex jipprevedu, b’livell ta’ ċertezza suffiċjenti, il-bidliet ippjanati fis-sistema tal-irtirar tagħhom u sabiex jieħdu l-miżuri neċessarji.

73      Barra minn hekk, l-Ungerija lanqas ma indikat ir-raġunijiet għaliex, minn naħa, naqqset bi tmien snin l-età tal-irtirar mingħajr ma pprevediet introduzzjoni gradwali ta’ din il-bidla filwaqt li, min-naħa l-oħra, il-Liġi Tyn mhux biss ipprovdiet li ż-żieda bi tliet snin tal-età tal-irtirar, jiġifieri minn 62 sena għal 65 sena, kellha titwettaq b’effett mis-sena 2014 fuq perijodu ta’ tmien snin, iżda barra minn hekk daħlet fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2010, jiġifieri erba’ snin qabel tibda tapplika.

74      Issa, kif tenfasizza l-Avukat Ġenerali fil-punt 66 tal-opinjoni tagħha, dawn id-differenzi bejn id-dispożizzjonijiet kontenzjużi u l-Liġi Tny jissuġġerixxu li l-interessi ta’ dawk li huma milquta mit-tnaqqis fil-limitu tal-età għall-irtirar ma ttiħdux inkunsiderazzjoni bl-istess mod bħal dawk tal-impjegati l-oħra tas-servizz pubbliku li fir-rigward tagħhom żdied l-imsemmi limitu tal-età.

75      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti għandu jiġi konkluż li d-dispożizzjonijiet inkwistjoni ma humiex neċessarji sabiex jintlaħaq l-għan li tiġi introdotta uniformità invokat mill-Ungerija.

76      Fir-rigward tat-tieni għan intiż li tiġi stabbilita struttura ta’ età iktar ibbilanċjata li tiffaċilita l-aċċess ta’ ġuristi ta’ età żgħira għall-professjonijiet ta’ mħallef, ta’ prosekutur pubbliku jew ta’ nutar u li jiġu ggarantiti karriera iktar mgħaġġla, għandu jiġi kkunsidrat li, kif tenfasizza l-Ungerija, it-tnaqqis fil-limitu tal-età għall-waqfien obbligatorju mill-attività professjonali għandu l-konsegwenza li jagħmel vakanti numru ta’ pożizzjonijiet li jistgħu jiġu okkupati minn ġuristi ta’ età żgħira, kif ukoll li jħaffef ir-rotazzjoni u s-sostituzzjoni tal-membri tal-persunal fil-professjonijiet ikkonċernati.

77      Madankollu, tali effetti li jidhru pożittivi meta kkunsidrati fuq perspettiva ta’ żmien qasira, huma ta’ natura li jqajmu dubji dwar il-possibbiltà li tiġi stabbilita “struttura ta’ età” verament ibbilanċjata meta wieħed jikkunsidrahom fuq perspettiva ta’ żmien medja jew twila.

78      Fil-fatt, għalkemm matul is-sena 2012 is-sostituzzjoni tal-persunal fil-professjonijiet kkonċernati ser titwettaq b’rata mgħaġġla ħafna minħabba l-fatt li tmien gruppi ta’ età ser jiġu ssostitwiti bi grupp wieħed biss, jiġifieri dak tal-2012, dan ir-ritmu fir-rotazzjoni tal-persunal ser ikompli b’rata daqstant ieħor baxxa ħafna fl-2013 meta grupp ta’ età wieħed biss ser ikun wasal sabiex jiġi ssostitwit. Barra minn hekk, dan ir-ritmu fir-rotazzjoni tal-persunal ser ikompli b’rata dejjem iktar baxxa minħabba li l-limitu tal-età għall-waqfien obbligatorju mill-attività professjonali ser jiżdied progressivament minn 62 sena għal 65 sena, skont l-Artikolu 18(1) tal-Liġi Tny, b’tali mod li l-aċċess tal-ġuristi ta’ età żgħira għall-professjonijiet fil-qasam tal-ġustizzja ser ikun ħafna iktar diffiċli.

79      Minn dan isegwi li d-dispożizzjonijiet inkwistjoni ma humiex adegwati sabiex jintlaħaq l-għan li tiġi stabbilita “struttura ta’ età” iktar ibbilanċjata.

80      F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkunsidrat li d-dispożizzjonijiet nazzjonali kontenzjużi jistabbilixxu differenza fit-trattament li ma tosservax il-prinċipju ta’ proporzjonalità u li, għaldaqstant, ir-rikors tal-Kummissjoni għandu jintlaqa’.

81      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, għandu jiġi kkonstatat li, bl-adozzjoni ta’ regoli nazzjonali li jobbligaw lill-imħallfin, lill-prosekuturi pubbliċi u lin-nutara li jkunu għalqu 62 sena jieqfu mill-attività professjonali tagħhom u li jimplikaw differenza fit-trattament ibbażata fuq l-età li ma hijiex proporzjonata meta mqabbla mal-għanijiet segwiti, l-Ungerija naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikoli 2 u 6(1) tad-Direttiva 2000/78.

 Fuq l-ispejjeż

82      Skont l-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li l-Ungerija tilfet, hemm lok li tiġi kkundannata għall-ispejjeż, skont it-talbiet tal-Kummissjoni.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Bl-adozzjoni ta’ regoli nazzjonali li jobbligaw lill-imħallfin, lill-prosekuturi pubbliċi u lin-nutara li jkunu għalqu 62 sena jieqfu mill-attività professjonali tagħhom u li jimplikaw differenza fit-trattament ibbażata fuq l-età li ma hijiex proporzjonata meta mqabbla mal-għanijiet segwiti, l-Ungerija naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikoli 2 u 6(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE, tas-27 ta’ Novembru 2000, li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol.

2)      L-Ungerija hija kkundannata għall-ispejjeż.

Firem


* Lingwa tal-kawża: l-Ungeriż.