Language of document : ECLI:EU:F:2009:132

SENTENZA TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU TAL-UNJONI EWROPEA (It-Tieni Awla)

29 ta’ Settembru 2009 (*)

“Servizz pubbliku – Membri tal-persunal bil-kuntratt – Reklutaġġ – Proċedura għas-selezzjoni CAST 27/Relex – Nuqqas ta’ inklużjoni fid-database – Newtralizzazzjoni ta’ mistoqsijiet – Eżami tar-raġunament verbali u numeriku – Trattament ugwali”

Fil-Kawżi magħquda F‑20/08, F‑34/08 u F‑75/08,

li għandhom bħala suġġett rikorsi ppreżentati skont l-Artikoli 236 KE u 152 KEEA,

Jorge Aparicio, residenti f’Antiguo Cuscatlan (El Salvador) u 18 il-membru ieħor tal-persunal bil-kuntratt tal-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej li l-ismijiet tagħhom jinsabu fl-anness ta’ din is-sentenza taħt in-numri 1 sa 18, irrappreżentati minn S. Orlandi, A. Coolen, J.-N. Louis u É. Marchal, avukati,

rikorrenti fil-Kawża F-20/08,

Anne Simon, membru tal-persunal bil-kuntratt tal-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, residenti f’Nouakchott (Il-Mawritanja), irrappreżentata minn S. Orlandi, A. Coolen, J.-N. Louis u É. Marchal, avukati,

rikorrenti fil-Kawża F-34/08,

Jorge Aparicio, residenti f’Antiguo Cuscatlan (El Salvador) u 46 il-membru tal-persunal bil-kuntratt tal-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej li l-ismijiet tagħhom jinsabu fl-anness ta’ din is-sentenza, irrappreżentati minn S. Orlandi, A. Coolen, J.-N. Louis u É. Marchal, avukati,

rikorrenti fil-Kawża F-75/08,

vs

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrappreżentata minn J. Currall u B. Eggers, bħala aġenti,

konvenuta

IT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU (It-Tieni Awla),

kompost minn H. Kanninen, President, I. Boruta u S. Van Raepenbusch (Relatur), Imħallfin,

Reġistratur: S. Cidéron, assistent,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-12 ta’ Marzu 2009,

jagħti l-preżenti

Sentenza

1        B’rikorsi ppreżentati fir-reġistru tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku:

–        fid-19 ta’ Frar 2008 b’mod elettroniku (il-preżentata tal-oriġinali saret fis-27 ta’ Frar ta’ wara) fil-Kawża F-20/08, Aparicio et vs Il-Kummissjoni,

–        fil-11 ta’ Marzu 2008 b’mod elettroniku (il-preżentata tal-oriġinali saret fit-12 ta’ Marzu ta’ wara) fil-Kawża F-34/08, Simon vs Il-Kummissjoni, u

–        fl-1 ta’ Settembru 2008 b’mod elettroniku (il-preżentata tal-oriġinali saret fit-8 ta’ Settembru ta’ wara) fil-Kawża F-75/08, Aparicio et vs Il-Kummissjoni,

ir-rikorrenti jitolbu l-annullament tad-deċiżjonijiet tal-Uffiċċju Ewropew għas-Selezzjoni tal-Persunal (EPSO), tal-25 ta’ Ottubru 2007, li ma jniżżlux l-ismijiet tagħhom fil-lista tal-kandidati li rnexxew u fid-database tal-proċedura ta’ reklutaġġ CAST 27/Relex.

2        Ir-rikorrenti fir-rikorsi F-20/08 u r-rikorrenti fir-rikors F-34/08 ippreżentaw, flimkien, ukoll ir-rikors F-75/08 flimkien ma’ 26 rikorrent ieħor (iktar ’il quddiem ir-“rikorrenti l-oħra fir-rikors F-75/08”).

 Il-kuntest ġuridiku

3        L-Artikolu 82 tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg ta’ impjegati oħra tal-Komunitajiet Ewropej (iktar ’il quddiem il-“Kondizzjonijiet tal-impjieg”) jipprovdi:

“[...]

2. Ir-reklutaġġ bħala membru tal-persunal bil-kuntratt għandu jeħtieġ mill-anqas:

a)      fil-grupp tal-funzjoni I, tlestija b’suċċess ta' edukazzjoni mandatarja;

b)      fil-gruppi tal-funzjoni II u III:

i)      livell ta' edukazzjoni post-sekondarja ċċertifikata b'diploma, jew

ii)      livell ta' edukazzjoni sekondarja ċċertifikata b'diploma, li tagħti aċċess għal edukazzjoni post-sekonndarja, u esperjenza professjonali cierqa ta' mill-anqas tliet snin, jew

iii)      fejn iġġustifikat fl-interess tas-servizz, taħriġ professjonali jew esperjenza professjonali ta' livell ekwivalenti;

c)      fil-grupp tal-funzjoni IV:

i)      livell ta' edukazzjoni li jikkorrospondi ma' studi universitarji konklużi ta' mill-anqas tliet snin iċċertifikat b'diploma, jew

ii)      fejn iġġustifikat fl-interess tas-servizz, taħriġ professjonali ta' livell ekwivalenti.

[...]

5. L-[EPSO] fuq it-talba tagħhom, għandu jipprovdi għajnuna lill-istituzzjonijiet differenti bl-iskop ta' l-għażla tal-persunal bil-kuntratt, partikolarment billi jkun definit il-kontenut tat-testi u l-organizzazzjoni tal-proċeduri ta' l-għażla. L-[EPSO] għandu jiżgura t-trasparenza tal-proċeduri ta' l-għażla għall-persunal bil-kuntratt.

6. Kull istituzzjoni għandha tadotta disposizzjonijiet ġenerali dwar il-proċeduri għall-ingaġġ tal-persunal bil-kuntratt skond l-Artikolu 110 tar-Regolamenti tal-Persunal [tal-uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej], kif meħtieġ.”

4        L-Artikolu 5 tad-dispożizzjonijiet ġenerali ta’ eżekuzzjoni, tas-7 ta’ April 2004, dwar proċeduri li jirregolaw l-ingaġġ u l-impjieg ta’ membri tal-persunal bil-kuntratt mal-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej (Informazzjoni amministrattiva Nru 49-2004, tal-1 ta’ Ġunju 2004, iktar ’il quddiem id-“DĠE-AC”), jipprovdi:

“1. Il-proċedura ta’ selezzjoni tal-[membri tal-persunal bil-kuntratt skont l-Artikolu 3a tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg] tinkludi l-istadji li ġejjin:

a)      tnedija ta’ sejħiet pubbliċi għal espressjoni ta’ interess li tindika l-kriterji minimi ta’ eleġibbiltà fir-rigward ta’ kompetenzi ġenerali u kwalifiki essenzjali u li tispeċifika li abbażi tan-numru ta’ applikazzjonijiet irċevuti, l-Kumitat ta’ Selezzjoni msemmi taħt l-[inċiż] (e) jista’ japplika’ kundizzjonijiet iktar stretti fil-kuntest tal-kriterji ta’ selezzjoni ppubblikati;

b)      inklużjoni tal-kandidati b’mod elettroniku fid-database stabbilita għal dan il-għan;

c)      definizzjoni, mill-[Awtorità awtorizzata biex tikkonkludi l-kuntratti], tal-profili preċiżi ta’ kompetenza u tal-kwalifiki speċifiċi mitluba, wara konsultazzjoni mad-dipartimenti jew mal-korpijiet ikkonċernati;

d)      [i]l-kandidati li jikkorrispondu għall-profili u għall-kwalifiki msemmija taħt l-[inċiż] (c) huma suġġetta għal eżamijiet iffokati fuq il-kapaċitajiet ġenerali tal-kandidati, b’mod partikolari fir-raġunament verbali u numeriku, kif ukoll fuq il-kompetenzi lingwistiċi tagħhom. Il-kandidati li għaddew mill-eżamijiet huma rreġistrati fid-database u l-fajls tal-applikazzjonijiet tagħhom jinżammu għal perijodu ta’ sentejn;

[...]

2. [...] L-eżamijiet imsemmija fl-[inċiż] (d) tal-paragrafu 1 huma organizzati mill-EPSO jew huma taħt ir-responsabbiltà tagħha.

3. Il-kandidati huma informati bir-riżultati tal-proċeduri deskritti fl-[inċiż] d sa h tal-paragrafu 1.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

5        L-Artikolu 3(2) tad-Deċiżjoni 2002/620/KE tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill, tal-Kummissjoni, tal-Qorti tal-Ġustizzja, tal-Qorti tal-Awdituri, tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali, tal-Kumitat tar-Reġjuni u tal-Ombudsman Ewropew, tal-25 ta’ Lulju 2002, li tistabbilixxi Uffiċċju għas-Selezzjoni tal-Persunal tal-Komunitajiet Ewropej (ĠU L 197, p. 53) jipprovdi li:

“L-Uffiċċju jista’ jgħin lill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji stabbiliti minn jew skond it-Trattati f'kompetizzjonijiet interni u fl-għażla ta’ aġenti oħrajn.”

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

6        Ir-rikorrenti huma membri tal-persunal li jservu taħt diversi diviżjonijiet fi ħdan id-delegazzjonijiet tal-Kummissjoni f’pajjiżi terzi.

7        F’nota tad-19 ta’ Frar 2007, id-direttur tad-“Dipartiment tal-Affarijiet Barranin” tad-Direttorat Ġenerali (DĠ) “Relazzjonijiet għall-Affarijiet Barranin” informa lill-kapijiet ta’ delegazzjoni li l-EPSO organizza, fl-2007, eżamijiet għall-membri tal-persunal bil-kuntratt (iktar ’il quddiem in-“nota tad-Dipartiment tal-Affarijiet Barranin”). In-nota ppreċiżat li dawk biss li għaddew minn dawn l-eżamijiet jistgħu jkomplu l-karriera tagħhom bħala membri tal-persunal bil-kuntratt. Dawn l-eżamijiet jinkludu tliet partijiet: eżami tar-raġunament verbali u numeriku, ieħor tal-konoxxenza tal-Unjoni Ewropea u l-aħħar wieħed tal-kompetenzi. In-nota tad-Dipartiment tal-Affarijiet Barranin ippreċiżat dan li ġej:

“Il-kandidati kollha tad-delegazzjonijiet [relazzjonijiet għall-affarijiet barranin]/Dipartiment tal-Affarijiet Barranin ta’ grupp tal-funzjonijiet III u IV ser ikollhom jirnexxu minn eżami [...], eżami tar-raġunament verbali u numeriku, eżami tal-konoxxenza tal-Unjoni Ewropea u eżami tal-kompetenzi. Dawn l-eżamijiet ser jiġu organizzati biss bl-Ispanjol, bil-Ġermaniż, bl-Ingliż u bil-Franċiż mingħajr ma l-lingwa magħżula għal dawn l-eżamijiet tista’ tkun il-lingwa prinċipali tal-kandidati […]

[...]

L-eżamijiet mhumiex eliminatorji min-natura tagħhom (bħall-kompetizzjonijiet biex wieħed isir uffiċjal Ewropew). Huma għandhom pjuttost jitqiesu bħala eżami ta’ konoxxenza tal-kwalifiki meħtieġa, li jinkludu: il-kapaċità li wieħed jaħdem fit-tieni lingwa Komunitarja tiegħu, il-komprensjoni tal-istituzzjonijiet tal-UE u x-xogħol tagħhom u kompetenzi speċifiċi fil-kamp ta’ azzjoni tad-delegazzjonijiet [relazzjonijiet għall-affarijiet barranin]/Dipartiment tal-Affarijiet Barranin.”

8        Fit-28 ta’ Marzu 2007, l-EPSO ppubblika, fuq is-sit tal-internet tiegħu, sejħa għal espressjoni ta’ interess EPSO/CAST/EU/27/07 (iktar ’il quddiem is-“sejħa għal espressjoni ta’ interess”), bl-għan li tiġi stabbilita database ta’ kandidati li jistgħu jiġu reklutati bħala membri tal-persunal bil-kuntratt. Din id-database kienet intiża għall-istituzzjonijiet, għall-aġenziji Komunitarji u għad-delegazzjonijiet tal-Kummissjoni fil-pajjiżi terzi. Is-sejħa għal espressjoni ta’ interess ipprovdiet b’mod partikolari li:

“Il-kandidati li jissodisfaw il-kundizzjonijet stabbiliti f’din is-sejħa għal espressjoni ta’ interess huma mistiedna jirnexxu, sal-aħħar tar-rebbiegħa/bidu tas-sajf 2007, minn eżamijiet li jevalwaw il-kompetenzi ġenerali tagħhom, u b’mod partikolari l-kapaċitajiet tagħhom ta’ raġunament verbali u numeriku, u kif ukoll il-konoxxenza tagħhom dwar l-Unjoni Ewropea. Il-kandidati għandhom jagħmlu l-eżamijiet fit-tieni lingwa tagħhom u juru b’hekk il-konoxxenzi lingwistiċi tagħhom bil-Ġermaniż, l-Ingliż u l-Franċiż.

[...]

Il-kandidati li rnexxew mill-eżamijiet kollha jitniżżlu f’database li ser tkun għad-dispożizzjoni tal-istituzzjonijiet u tal-aġenziji għall-bżonnijiet ta’ reklutaġġ tagħhom.”

9        Fl-20 ta’ April 2007, il-Viċi President tal-Kummissjoni u l-membru tal-Kummissjoni responsabbli għall-affarijiet barranin kitbu b’mod partikolari lill-membri tal-persunal fil-kariga fid-delegazzjonijiet dan li ġej:

“L-eżamijiet ma jikkostitwixxux kompetizzjoni – ma hemmx numru limitat ta’ kandidati li rnexxew [–] fis-sens li dawn mhumiex eliminatorji bl-istess mod bħal kompetizzjoni.

L-eżamijiet ser jagħtu importanza ikbar lill-eżamijiet ta’ kompetenza, billi huwa l-aspett l-iktar importanti għax-xogħol tad-delegazzjoni. Madankollu, il-Kummissjoni tistenna wkoll mill-membri tal-persunal bil-kuntratt li huma juru l-konoxxenza tagħhom tal-istituzzjonijiet Ewropej u l-kapaċità tagħhom li jaħdmu fit-tieni lingwa Komunitarja tagħhom […] kif mitlub fid-dispożizzjonijiet dwar il-persunal (Kondizzjonijiet tal-impjieg); għalhekk, dawn l-elementi ser jikkostitwixxu wkoll parti mill-eżamijiet tal-EPSO.”

10      Fil-25 ta’ Mejju 2007, l-EPSO ppubblika fuq is-sit tal-internet tiegħu informazzjoni ġenerali dwar l-istruttura u l-evalwazzjoni tal-eżamijiet fuq imsemmija. Kien, b’mod partikolari, previst fiha li:

“Sabiex jitniżżlu fid-database finali, il-kandidati kollha għandhom jirnexxu minn sensiela ta’ testijiet:

–        kapaċità fir-raġunament verbali […] u fir-raġunament numeriku […];

–        konoxxenza tal-Unjoni Ewropea […];

–        konoxxenz[i] speċifiċi (fiż-żona ta’ interess indikata mill-kandidat fl-applikazzjoni).”

11      L-informazzjoni ġenerali dwar l-istruttura u l-evalwazzjoni tal-eżamijiet stipulat ukoll li:

“Ir-riżultati tal-eżamijiet ser ikunu globali; kull wieħed mit-testijiet ser ikollu l-piż relattiv li ġej:

i)      [r]aġunament verbali u numeriku            30 % tat-total;

ii)      [k]onoxxenza tal-UE                         20 % tat-total;

iii)      [k]onoxxenzi speċifiċi                        50 % tat-total.”

12      Fl-aħħar, l-informazzjoni ġenerali dwar l-istruttura u l-evalwazzjoni tal-eżamijiet ippreċiżaw li l-“limiti minimi tal-eżami” li jagħti dritt għall-inklużjoni fid-database kienet, għall-grupp tal-funzjoni IV:

–        fir-rigward tal-minimu meħtieġ fit-testijiet ta’ raġunament verbali u numeriku: 50 %;

–        fir-rigward tal-minimu meħtieġ fit-test ta’ konoxxenza speċifika: 55 %;

–        fir-rigward tar-riżultat globali tat-testijiet kollha: 60 %.

13      Ir-rikorrenti kollha huma kandidati ta’ din il-proċedura ta’ selezzjoni għall-profil ta’ karigi “Relazzjonijiet għall-affarijiet barranin” (iktar ’il quddiem “CAST 27/RELEX”).

14      L-eżamijiet tas-sejħa għal espressjoni ta’ interess saru fit-13 ta’ Lulju 2007.

15      Kull wieħed mir-rikorrenti ġie infurmat, fil-25 ta’ Ottubru 2007, li kien weħel minħabba marka inqas mill-minimu meħtieġ għat-test ta’ raġunament verbali u numeriku (iktar ’il quddiem l-“atti kkontestati”).

16      L-EPSO ddeċieda li jinnewtralizza l-mistoqsijiet 31 u 46 tat-test tar-raġunament verbali u numeriku. Huwa kostanti bejn il-partijiet li din in-newtralizzazzjoni ma kellha ebda effett fuq ix-xorti tar-rikorrenti.

17      Ir-rikorrenti fir-rikorsi F‑20/08 u F‑34/08 talbu lill-EPSO bejn it-30 ta’ Ottubru 2007 u l-25 ta’ Novembru 2007 sabiex dan tal-aħħar jikkunsidra mill-ġdid ir-riżultati tagħhom minħabba li ċerti mistoqsijiet tal-eżami tar-raġunament verbali u numeriku kienu inadattati.

18      L-EPSO rrifjuta li jilqa’, bejn id-9 ta’ Novembru 2007 u t-22 ta’ Jannar 2008, it-talbiet tar-rikorrenti fir-rikorsi F‑20/08 u F‑34/08.

19      Fil-25 ta’ Jannar 2008, ir-rikorrenti fir-rikorsi F‑20/08 u F‑34/08 ressqu “ilmenti addizzjonali”, filwaqt li r-rikorrenti l-oħra fir-rikors F-75/08 ressqu lmenti simili kontra l-atti kkontestati li jikonċernawhom.

20      Ir-rikorrenti fir-rikors F‑20/08 ressqu kawża quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku fid-19 ta’ Frar 2008. Ir-rikorrenti fir-rikors F‑34/08 ressqet kawża quddiemu fil-11 ta’ Marzu 2008.

21      Fl-20 ta’ Mejju 2008, l-awtorità responsabbli mill-konklużjoni tal-kuntratti (iktar ’il quddiem l-“AHCC”) ċaħdet l-ilmenti kollha u l-“ilmenti addizzjonali” mressqa fil-25 ta’ Jannar preċedenti. Fl-1 ta’ Settembru 2008, ir-rikorrenti fir-rikorsi F-20/08 u F-34/08 ippreżentaw, flimkien mar-rikorrenti l-oħra fir-rikors F-75/08, it-tieni rikors għal uħud minnhom u rikors wieħed għall-oħrajn kontra l-atti kkontestati. Dan ir-rikors ġie rreġistrat taħt ir-referenza F-75/08.

 It-talbiet tal-partijiet u l-proċedura

22      Ir-rikorrenti jitolbu fil-Kawżi F‑20/08, F‑34/08 u F‑75/08 lit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku sabiex:

–        jannulla l-atti kkontestati;

–        jikkundanna l-Kummissjoni għall-ispejjeż.

23      Fil-Kawża F‑75/08, ir-rikorrenti jitolbu wkoll, fl-ewwel kap tat-talbiet tagħhom, li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jiddikjara l-Artikolu 5(1)(d) tad-DGE-AC bħala illegali.

24      Il-Kummissjoni titlob, fil-Kawżi F‑20/08 u F‑34/08, lit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku sabiex:

–        jiċħad ir-rikorsi bħala inammissibbli, u sussidjarjament bħala infondati;

–        jikkundanna r-rikorrenti għall-ispejjeż.

25      Il-Kummissjoni titlob fil-Kawża F-75/08 lit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku sabiex:

–        jiċħad ir-rikors;

–        jikkundanna r-rikorrenti għall-ispejjeż.

26      B’digriet tal-President tat-Tielet Awla tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-1 ta’ Lulju 2008, il-Kawżi F-20/08 u F-34/08 ġew magħquda għall-finijiet tal-proċedura bil-miktub, tal-proċedura orali u tad-deċiżjoni li ttemm l-istanza, konformi mal-Artikolu 46(1) tar-Regoli tal-Proċedura.

27      B’digriet tal-President tat-Tieni Bord tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tat-3 ta’ Frar 2009, il-Kawżi magħquda F-20/08 u F-34/08, minn naħa, u l-Kawża F 75/08, min-naħa l-oħra, ġew magħquda għall-finijiet tal-proċedurali orali u tad-deċiżjoni li ttemm l-istanza, konformi mal-Artikolu 46(1) tar-Regoli tal-Proċedura.

 Id-dritt

1.     Fuq l-ewwel kap tat-talbiet tar-rikors F‑75/08

28      Permezz tal-ewwel kap tat-talbiet tagħhom fir-rikors F-75/08, ir-rikorrenti jitolbu lit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku sabiex jikkonstata l-illegalità tal-Artikolu 5(1)(d) tad-DGE-AC. Madankollu, filwaqt li, fil-kuntest ta’ talba għal annullament ta’ att individwali li jikkawża preġudizzju, il-qorti Komunitarja hija effettivament kompetenti sabiex tikkonstata inċidentalment l-illegalità ta’ dispożizzjoni ta’ portata ġenerali li fuqha jibbaża l-att ikkontestat, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku mhuwiex, min-naħa l-oħra, kompetenti sabiex jagħmel tali konstatazzjonijiet fid-dispożittiv tas-sentenzi tiegħu (sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-4 ta’ Ġunju 2009, Adjemian et vs Il-Kummissjoni, F‑134/07 u F‑8/08, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 38).

2.     Fuq l-ammissibbiltà tar-rikorsi

29      Il-Kummissjoni tqis li l-proċeduri mibdija bejn it-30 ta’ Ottubru u l-25 ta’ Novembru 2007 mir-rikorrenti fir-rikorsi F-20/08 u F-34/08 huma sempliċi talbiet għal eżami mill-ġdid. B’hekk, l-allegati “ilmenti addizzjonali” tal-25 ta’ Jannar 2008 għandhom jitqiesu bħala l-ewwel ilmenti mressqa mill-imsemmija rikorrenti. B’hekk, dawn tal-aħħar ippreżentaw, fid-19 ta’ Frar u l-11 ta’ Marzu 2008 ir-rikorsi F-20/08 u F-34/08 quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku mingħajr ma stennew risposta mill-AHCC għall-ilment tagħhom, billi dan tal-aħħar tressaq biss fl-20 ta’ Mejju 2008. Dawn ir-rikorsi huma, għaldaqstant, prematuri u inammissibbli.

30      Il-Kummissjoni tikkunsidra wkoll, fit-talbiet tagħha, li r-rikors F-75/08 huwa inammissibbli minħabba lis alibi pendens, sa fejn dan ġie ppreżentat mir-rikorrenti fir-rikorsi F-20/08 u F-34/08 li diġà talbu l-annullament tal-istess atti kkontestati, abbażi tal-istess motivi, fl-imsemmija rikorsi. Madankollu, il-Kummissjoni rrinunċjat, fis-seduta, għal din l-eċċezzjoni għaliex l-inammissibbiltà minħabba lis alibi pendens mhijiex applikabbli meta l-ewwel rikors huwa per se inammissibbli.

31      Fl-aħħar, il-Kummissjoni ssostni li, fir-rikors F-75/08, 34 rikorrent tilfu l-locus standi tagħhom għaliex huma ġew inklużi fid-database, li kienet għad-dispożizzjoni tal-istituzzjonijiet u tal-aġenziji Komunitarji għall-bżonnijiet ta’ reklutaġġ tagħhom, wara li għaddew minn eżami ta’ selezzjoni organizzat fl-2008, waqt li kien għadhom bil-kuntratt.

32      Madankollu, jirriżulta mill-ġurisprudenza li l-qorti Komunitarja hija fid-dritt li tevalwa, skont iċ-ċirkustanzi ta’ kull każ, jekk amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja tiġġustifikax li r-rikors jiġi miċħud fuq il-mertu, mingħajr ma tiddeċiedi preliminarjament fuq l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma mill-konvenut (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-26 ta’ Frar 2002, Il-Kunsill vs Boehringer, C‑23/00 P, Ġabra p. I‑1873, punti 51 u 52; sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-30 ta’ Marzu 2006, Yedaş Tarim ve Otomotiv Sanayi ve Ticaret vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, T‑367/03, Ġabra p. II‑873, punt 30; sentenzi tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tat-8 ta’ April 2008, Bordini vs Il-Kummissjoni, F‑134/06, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 56 u Adjemian et vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 37). Fiċ-ċirkustanzi tal-każ, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jqis li hemm lok l-ewwel nett li jiġi eżaminat il-mertu tal-kawża qabel ma jiddeċiedi, meta jkun il-każ, dwar l-eċċezzjonijiet ta’ inammissibbiltà.

3.     Fuq il-mertu

33      Ir-rikorrenti jqajmu argumenti identiċi insostenn tat-tliet rikorsi tagħhom. Fid-dawl tal-iżviluppi tar-rikorsi tagħhom, hemm lok li jiġi kkunsidrat li huma jinvokaw fir-realtà tliet motivi. L-ewwel wieħed huwa bbażat fuq l-interpretazzjoni ħażina tal-Artikolu 82(5) tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg tad-DGE-AC, tas-sejħa għal espressjoni ta’ interess u ta’ prinċipju li skontu l-proċeduri tal-għażla għandhom jiżguraw ir-reklutaġġ tal-membri tal-persunal l-iktar kompetenti. It-tieni motiv jirrigwarda l-ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza. It-tielet motiv huwa dedott mill-Artikolu 1d tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Komunitajiet Ewropej (iktar ’il quddiem ir-“Regolamenti tal-Persunal”) u mill-obbligu ta’ motivazzjoni.

 Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq l-interpretazzjoni ħażina tal-Artikolu 82(5) tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg tad-DGE-AC, tas-sejħa għal espressjoni ta’ interess u ta’ prinċipju li skonthu l-proċeduri tal-għażla għandhom jiżguraw ir-reklutaġġ tal-membri tal-persunal l-iktar kompetenti

 L-argumenti tal-partijiet

34      Ir-rikorrenti jinnotaw li, skont in-nota tad-Dipartiment tal-Affarijiet Barranin u skont l-ittra tal-Viċi President tal-Kummissjoni u tal-membru tal-Kummissjoni responsabbli għall-affarijiet barranin, l-għanijiet tal-CAST 27/RELEX kienu li l-kandidati jiġu eżaminati fuq il-konoxxenza tagħhom tal-Unjoni Ewropea , il-konoxxenzi speċifiċi tagħhom biex jokkupaw post fid-delegazzjoni u l-kapaċità tagħhom li jaħdmu fit-tieni lingwa Komunitarja tagħhom. Barra minn hekk, in-nota tad-Dipartiment tal-Affarijiet Barranin ma ħabritx l-organizzazzjoni ta’ eżami eliminatorju ta’ raġunament verbali u numeriku.

35      Minn dan, ir-rikorrenti jiddeduċu li dan l-eżami kien inkompatibbli mal-finijiet tas-selezzjoni mixtieqa mill-Kummissjoni. In-natura eliminatorja tiegħu huwa iktar.

36      Barra minn hekk, ir-rikorrenti jikkunsidraw li l-Artikolu 5(1)(d) tad-DGE-AC ma jimplikax li l-kandidati kollha għal eżami għandhom jirnexxu minn eżami eliminatorju ta’ raġunament verbali u numeriku. Madankollu, f’dan il-każ, in-natura eliminatorja hija arbitrarja. L-ewwel nett, din ma tapplikax għall-eżami ta’ konoxxenza tal-Unjoni Ewropea. It-tieni nett, huwa ineċċepibbli li membri tal-persunal li jaħdmu diġà mal-Kummissjoni, u li diġà ppruvaw il-kompetenza ġenerali tagħhom, jiġu eliminati abbażi ta’ eżami li ma jipprovdi ebda indikazzjoni fuq il-kwalifiki u l-kompetenzi tagħhom. It-tielet nett, ma tteħidx inkunsiderazzjoni tal-fatt li l-kandidati, li għandhom diġà esperjenza professjonali twila, huma inqas abitwati minn oħrajn, li huma iżgħar, għall-prattika ta’ eżamijiet ta’ raġunament verbali u numeriku.

37      Fil-Kawża F-75/08, ir-rikorrenti jiddeduċu, fl-aħħar, “mill-Artikolu 27 tar-Regolamenti tal-Persunal u [mill-Artikolu] 15 tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg” (li għandhom jiġu mifhuma, fid-dawl tal-kontenut tal-Artikolu 12 tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg) prinċipju li skontu l-proċeduri tal-għażla għandhom jiżguraw ir-reklutaġġ ta’ kandidati l-iktar kompetenti. Huma jallegaw li diġà pproduċew il-prova tal-kompetenza tagħhom billi eżerċitaw il-karigi tagħhom fi ħdan id-delegazzjonijiet tal-Kummissjoni taħt diversi diviżjonijiet u jsostnu li d-DGE-AC huma kuntrarji għal dan il-prinċipju, kieku dawn kellhom jiġu interpretati bħala li jimponu l-organizzazzjoni ta’ eżamijiet eliminatorji li mhumiex esklużivament iffokati fuq il-merti.

38      Il-Kummissjoni tirrispondi li l-Artikolu 5(1) tad-DGE-AC jimponi eżami ta’ raġunament verbali u numeriku eliminatorju. Hija tenfasizza wkoll li s-sejħa għall-espressjoni ta’ interess u l-informazzjoni ġenerali dwar l-istruttura u l-evalwazzjoni tat-testijiet jistipulaw ukoll li biss il-kandidati li għaddew mit-testijiet kollha setgħu jitniżżlu fid-database.

39      L-eżami ta’ raġunament verbali u numeriku għandu bħala għan li jelimina l-persuni li għandhom konoxxenzi estiżi u kompetenzi partikolari, iżda li m’għandhomx kapaċità ta’ raġunament suffiċjenti sabiex jużawhom. Dan jippermetti lill-Kummissjoni li tiżgura ruħha li l-membri tal-persunal irreklutati jkunu jistgħu jservu varjetà kbira ta’ karigi. Din il-kundizzjoni hija importanti b’mod partikolari għal dawk li jaħdmu fid-delegazzjoni, għaliex l-interess tas-servizz jirrikjedi rotazzjoni regolari. Fl-aħħar, l-eżami ta’ raġunament verbali u numeriku jikkontribwixxi sabiex jiżgura opportunitajiet ugwali bejn il-kandidati esterni u dawk diġà fil-kariga li m’għandhom ebda dritt jiġu privileġġjati permezz tal-għażla ta’ ċertu tip ta’ testijiet.

40      Barra minn hekk, il-Kummissjoni tallega li jirriżulta minn informazzjoni ġenerali dwar l-istruttura u l-evalwazzjoni tal-eżamijiet li l-eżami ta’ raġunament verbali u numeriku jgħodd biss 30 % mit-total tat-testijiet u li b’hekk, dan kellu piż inqas mill-eżami ta’ konoxxenzi speċifiċi li jgħodd 50 % mit-total tal-punti.

41      Il-Kummissjoni ssostni wkoll li m’hemmx kuntradizzjoni bejn is-sejħa għal espressjoni ta’ interess, in-nota tad-Dipartiment tal-Affarijiet Barranin u l-ittra tal-Viċi President tal-Kummissjoni u tal-membru tal-Kummissjoni inkarigat bir-relazzjonijiet għall-affarijiet barranin. B’mod partikolari, huwa ċar minn din l-aħħar ittra li l-eżamijiet ma kellhomx bħala għan l-eliminazzjoni tal-kandidati bbażata fuq eżami komparattiv, bħal fil-każ tal-kompetizzjonijiet fejn numru ta’ kandidati li jirnexxu mill-eżamijiet huwa ffissat bil-quddiem. L-imsemmija ittra ma pprovditx li l-kandidati kienu eżenti mill-obbligu li jirnexxu mill-eżamijiet kollha. F’kull każ, din l-ittra u n-nota tad-Dipartiment tal-Affarijiet Barranin kellhom bħala għan biss li jinformaw lill-membri tal-persunal fil-kariga sabiex jinkoraġġuhom jipparteċipaw fl-eżamijiet. Dawn ma eżentawx lid-dipartimenti kkonċernati mill-obbligu li josservaw l-Artikolu 5 tad-DGE-AC u s-sejħa għal espressjoni ta’ interess, u lanqas ma ħolqu ebda dritt għall-benefiċċju tal-membri tal-personal ikkonċernat.

42      Fl-aħħar, il-Kummissjoni tqis bħala inammissibbli l-ilment li d-DGE-AC huma kuntrarji għall-Kondizzjonijiet tal-Impjieg sa fejn dawn ġew interpretati bħala li jimponu l-organizzazzjoni ta’ eżamijiet eliminatorji li ma jiffokawx esklużivament fuq il-merti. Dan l-argument mhux imniżżel fl-ilmenti tal-25 ta’ Jannar 2008, billi l-lanjanti sostnew fihom biss li n-natura eliminatorja tal-eżami verbali u numeriku ma kinitx kompatibbli mal-finalità speċifika tal-eżami ta’ selezzjoni inkwistjoni. Barra minn hekk, l-argument nieqes mill-preċiżjoni. F’kull każ, l-Artikolu 82(6) tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg jagħti setgħa diskrezzjonali wiesgħa lill-AHCC biex tistabbilixxi l-kundizzjonijiet ta’ ingaġġ tal-membri tal-persunal bil-kuntratt u sabiex tara li n-natura eliminatorja tal-eżami ta’ raġunament verbali u numeriku huwa konformi mal-interess tad-dipartiment għar-raġunijiet diġà esposti.

 Il-kunsiderazzjonijiet tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku

–       Rimarka preliminari

43      L-Artikolu 82(6) tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg jagħti lil kull istituzzjoni setgħa diskrezzjonali wiesgħa fl-għażla tal-modalitajiet ta’ organizzazzjoni tal-proċedura ta’ selezzjoni tal-membri tal-persunal bil-kuntratt skont l-Artikolu 3a tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg.

44      Il-Kummissjoni għamlet użu minn din is-setgħa billi waqfet id-DGE-AC. L-Artikolu 5(1)(d) tagħhom jipprevedi, fost l-oħrajn, li “[l-]kandidati [...] huma suġġetti għal eżamijiet li jiffokaw fuq il-kompetenzi ġenerali tal-kandidati, b’mod partikolari, rigward ir-raġunament verbali u numeriku”. L-istess dispożizzjoni żżid tgħid li l-kandidati jiġu rreġistrati fid-database li hija għad-dispożizzjoni tal-istituzzjonijiet u tal-aġenziji Komunitarji bil-kundizzjoni li jkunu “għaddew mill-eżamijiet”.

45      Mingħajr ma hemm bżonn li tingħata risposta dwar jekk kull wieħed mill-eżamijiet għandux imperattivament ikollu natura eliminatorja, jirriżulta, f’kull każ, mid-diċitura użata li l-Artikolu 5 tad-DGE-AC jissuġġetta r-reklutaġġ ta’ membri tal-persunal bil-kuntratt għall-kundizzjoni li l-kandidati jkunu rnexxu b’mod ġenerali mill-eżamijiet ta’ selezzjoni u li ma jipprekludix li wħud minnhom, meħuda iżolatament, ikunu eliminatorji.

46      L-EPSO ppubblika s-sejħa għall-espressjoni ta’ interess u l-informazzjoni ġenerali dwar l-istruttura u l-evalwazzjoni tal-eżamijiet skont l-Artikolu 5 tad-DGE-AC. B’hekk, is-sejħa għall-espressjoni ta’ interess ippreċiżat li l-kandidati “huma mistiedna jirnexxu [...] minn eżamijiet li jevalwaw [...] b’mod partikolari l-kapaċitajiet tagħhom ta’ raġunament” u li dawk biss “li jirnexxu mill-eżamijiet kollha jitniżżlu [fid-]database” imsemmija fil-punt 44 iktar ’il fuq. Barra minn hekk, l-informazzjoni ġenerali dwar l-istruttura u l-evalwazzjoni tal-eżamijiet iffissat għal 50 % tal-punti l-minimu meħtieġ sabiex wieħed jirnexxi mill-eżami ta’ raġunament verbali u numeriku.

47      Madankollu r-rikorrenti jsostnu li l-Artikolu 5 tad-DGE-AC huwa kuntrarju għal prinċipju, dedott mill-Artikolu 27 tar-Regolamenti tal-Persunal u mill-Artikolu 12 tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg, li skontu l-proċeduri tal-għażla għandhom jiżguraw ir-reklutaġġ tal-kandidati l-iktar kompetenti, jekk dan kellu jiġi interpretat bħala li jawtorizza l-organizzazzjoni ta’ eżami eliminatorju ta’ raġunament verbali u numeriku.

–       Rigward l-eċċezzjoni ta’ illegalità diretta kontra l-Artikolu 5 tad-DGE-AC

48      L-eċċezzjoni ta’ illegalità mqajma mir-rikorrenti hija inammissibbli u sussidarjament infondata.

49      L-ewwel nett, ir-rikorrenti ma jistgħux b’mod validu jinvokaw din l-eċċezzjoni ta’ illegalità fil-kuntest ta’ dawn ir-rikorsi. Fil-fatt, ir-regola tal-konkordanza bejn l-ilment amministrattiv fis-sens tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 90 tar-Regolamenti tal-Persunal u r-rikors sussegwenti tirrikjedi, taħt piena ta’ inammissibbiltà, li motiv imqajjem quddiem il-qorti Komunitarja jkun tqajjem diġà fil-kuntest tal-proċedura prekontenzjuża, sabiex l-AHCC kienet taf b’mod suffiċjentement preċiż il-kritiki tal-interessat kontra d-deċiżjoni kkontestata minnu. Din ir-regola hija ġġustifikata mill-finalità stess tal-proċedura prekontenzjuża, billi din tal-aħħar għandha bħala għan li tippermetti ftehim bonarju tad-differenzi li jkun hemm bejn l-uffiċjali u l-amministrazzjoni (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-1 ta’ Lulju 1976, Sergy vs Il-Kummissjoni, 58/75, Ġabra p. 1139, punt 32, u tal-14 ta’ Marzu 1989, Del Amo Martinez vs Il-Parlament, 133/88, Ġabra p. 689, punt 9; sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tad-29 ta’ Novembru 2006, Campoli vs Il-Kummissjoni, T‑135/05, ĠabraSP p. I‑A‑2‑297, II‑A‑2‑1527, punt 32; sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tat-13 ta’ Novembru 2007, Tsirimokos vs Il-Parlament, F‑76/06, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 45). L-AHCC għandha għalhekk tkun informata tajjeb dwar l-ilmenti mressqa mil-lanjant sabiex tkun tista’ tipproponi ftehim bonarju eventwali (sentenza Campoli vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 32; sentenza Tsirimokos vs Il-Parlament, iċċitata iktar ’il fuq, punt 45).

50      Madankollu, anki jekk jiġu interpretati b’mod wiesa’, għandu jiġi kkonstatat li, f’dan il-każ, il-kontestazzjonijiet magħmula bejn it-30 ta’ Ottubru u l-25 ta’ Novembru 2007 mir-rikorrenti fir-rikorsi F-20/08 u F-34/08, u l-“ilmenti addizzjonali” tal-25 ta’ Jannar 2008 ma kkontestawx il-legalità tad-DGE-AC. L-ewwel passi kienu limitati, essenzjalment, sabiex jikkritikaw id-diffikultà tal-eżami ta’ raġunament verbali u numeriku u, x’imdaqqiet, in-natura selettiva mingħajr ma din ġiet marbuta mad-DGE-AC. Minkejja argument iktar żviluppat, l-“ilmenti addizzjonali” jsostnu biss li n-natura tal-eżamijiet ikkontestati ma kkorisponditx għall-finalitajiet tas-selezzjoni “kif ippreċiżati mid-dipartiment responsabbli għall-kummissjoni tal-eżamijiet, [il-]Viċi President [tal-Kummissjoni] u [l-membru tal-Kummissjoni] inkarigat bir-relazzjonijiet għall-affarijiet barranin”, mingħajr ma qegħdu inkwistjoni l-bażi tal-proċedura ta’ selezzjoni.

51      It-tieni nett, l-eċċezzjoni ta’ illegalità mqajma kontra l-Artikolu 5 tad-DGE-AC hija, f’kull każ, infondata.

52      Fil-fatt, l-Artikolu 27 tar-Regolamenti tal-Persunal u l-Artikolu 12 tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg, li fuqhom ir-rikorrenti jibbażaw l-argumenti tagħhom, mhumiex applikabbli għall-membri tal-persunal bil-kuntratt fis-sens tal-Artikolu 3a tal-Kundizzjonijiet tal-impjieg. Barra minn hekk, għandu jitfakkar li, għalkemm l-Artikolu 82 tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg huwa sostnut mill-prinċipju invokat mir-rikorrenti u li skontu l-istituzzjonijiet għandhom jirreklutaw l-aġenti l-iktar kompetenti, l-imsemmi artikolu jagħti setgħa diskrezzjonali wiesgħa lil kull istituzzjoni sabiex tiddefinixxi l-modalitajiet ta’ selezzjoni tal-kandidati fl-interess tas-servizz (ara punt 43 iktar ’il fuq).

53      Madankollu, il-Kummissjoni tispjega li l-eżami ta’ raġunament verbali u numeriku għandu bħala għan li jelimina l-applikazzjonijiet ta’ kandidati li, anki jekk għandhom konoxxenzi estiżi u konoxxenzi speċifiċi f’relazzjoni mal-impjieg imfittex, ma għandhomx kapaċità ta’ raġunament suffiċjenti biex jimplementawhom. Hija żżid tgħid li dan l-eżami jippermettilha tiżgura li l-membri tal-persunal irreklutati, u li jistgħu sussegwentement jingħataw kuntratt għal perijodu indeterminat, ikunu jistgħu jservu varjetà ta’ karigi. Il-Kummissjoni tippreċiża, barra minn hekk, li din il-kundizzjoni hija b’mod partikolari importanti għall-membri tal-persunal imsejħa sabiex jaħdmu f’delegazzjoni, għaliex l-interess tas-servizz jirrikjedi rotazzjoni regolari. Ir-rikorrenti ma kkontestawx suffiċjentement fid-dritt dawn l-ispjegazzjonijiet. Barra minn dan, ir-rilevanza ta’ dawn tal-aħħar tidher plawsibbli. Fil-fatt, huwa raġonevoli li jitqies li s-selezzjoni tal-aħjar kandidati timplika li l-amministrazzjoni tfittex dawk li għandhom kemm konoxxenzi sinjifikattivi u kemm kapaċità intellettwali li jqegħdu dawn il-kompetenzi fil-prattika f’kuntest li jista’ jevolvi.

54      Minn dan jirriżulta li l-Artikolu 5(1)(d) tad-DGE-AC ma jiksirx il-prinċipju li huwa l-bażi tal-Artikolu 82 tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg inkwantu, tal-inqas, dan tal-aħħar ma jipprojbixxix l-organizzazzjoni ta’ eżamijiet ta’ raġunament verbali u numeriku eliminatorji.

55      Għaldaqstant, hemm lok li tiġi miċħuda l-eċċezzjoni ta’ illegalità diretta kontra l-Artikolu 5 tad-DGE-AC.

–       Rigward l-illegalità tal-eżami verbali u numeriku eliminatorju impost f’dan il-każ

56      Ir-rikorrenti jikkontestaw li l-EPSO seta’, f’dan il-każ, jimponilhom eżami verbali u numeriku eliminatorju. Huma jinvokaw b’mod partikolari, f’dan ir-rigward, in-nota tad-Dipartiment tal-Affarijiet Barranin u l-ittra tal-Viċi President tal-Kummissjoni u tal-membru tal-Kummissjoni inkarigat bir-relazzjonijiet għall-affarijiet barranin u kif ukoll bl-ispeċifiċità tas-sitwazzjoni tagħhom.

57      Skont l-Artikolu 82(5) u (6) tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg, l-EPSO għandu jipprovdi l-għajnuna tiegħu lill-istituzzjonijiet differenti billi jiddefinixxi u jorganizza il-proċeduri tal-għażla tal-aġenti bil-kuntratt filwaqt li josserva l-modalitajiet ġenerali stabbiliti mill-imsemmija istituzzjonijiet. Barra minn hekk, jirriżulta mill-Artikolu 5(1)(c) u (2) tad-DGE-AC li l-EPSO għandu josserva l-profili ta’ kompetenzi u l-kwalifiki speċifiċi mitluba mill-AHCC.

58      Madankollu, jirriżulta minn dawn id-dispożizzjonijiet u mill-Artikolu 3(2) tad-Deċiżjoni 2002/620 li l-EPSO għandu marġni ta’ diskrezzjoni wiesgħa fl-organizzazzjoni tal-eżamijiet ta’ selezzjoni.

59      F’dan il-kuntest, għandu jiġi nnotat, l-ewwel nett, li n-nota tad-Dipartiment tal-Affarijiet Barranin u, f’miżura inqas, l-ittra tal-Viċi President tal-Kummissjoni u tal-membru tal-Kummissjoni inkarigat bir-relazzjonijiet għall-affarijiet barranin jinkludu ambigwità fir-rigward tal-fatt li l-eżamijiet “mhumiex eliminatorji”. Għaldaqstant, jeħtieġ li dawn jiġu interpretati fis-sens li l-eżamijiet ta’ selezzjoni ma jiġux imċaħħda mis-sens utli tagħhom. Barra minn hekk, din in-nota u din l-ittra għandhom jinqraw fid-dawl tal-Artikolu 5 tad-DGE-AC li jissuġġetta, mill-inqas (ara punt 45 iktar ’il fuq), ir-reklutaġġ ta’ membri tal-persunal bil-kuntratt għall-fatt li jirnexxu b’mod ġenerali mill-eżamijiet. Fil-fatt, l-affermazzjonijiet tad-Dipartiment tal-Affarijiet Barranin u d-dikjarazzjonijiet unilaterali tal-Viċi President tal-Kummissjoni u tal-membru tal-Kummissjoni inkarigat bir-relazzjonijiet għall-affarijiet barranin ma jistgħux jidderogaw b’mod validu mid-DGE-AC adottati mill-Kulleġġ tal-Kummissarji.

60      Il-Kummissjoni sostniet ġustament li n-nota tad-dipartiment għall-affarijiet barranin u l-ittra tal-Viċi President tal-Kummissjoni u tal-membru tal-Kummissjoni inkarigat bir-relazzjonijiet għall-affarijiet barranin setgħu jinftehmu bħala li jfissru li l-eżamijiet ikkontestati mhumiex eliminatorji kif inhuma l-kompetizzjonijiet, b’tali mod ma jiġix stabbilit minn qabel numru determinat ta’ kandidati li jirnexxu, mingħajr ma jsemmu, madankollu, li dawn l-eżamijiet mhumiex eliminatorji.

61      Dan il-qari tan-nota tad-Dipartiment tal-Affarijiet Barranin u l-ittra tal-Viċi President tal-Kummissjoni u tal-membru tal-Kummissjoni inkarigat bir-relazzjonijiet għall-affarijiet barranin huwa kompatibbli mal-għan tal-eżamijiet ta’ selezzjoni u mal-Artikolu 5 tad-DGE-AC.

62      Għaldaqstant, in-nota tad-Dipartiment tal-Affarijiet Barranin u din l-ittra tal-Viċi President tal-Kummissjoni u tal-membru tal-Kummissjoni inkarigat bir-relazzjonijiet għall-affarijiet barranin ma jippermettux li jiġi deċiż li l-EPSO eċċeda l-limiti stabbiliti għall-funzjonijiet tiegħu mill-Kummissjoni meta impona eżami verbali u numeriku eliminatorju.

63      It-tieni nett, rigward in-neċessità li jintgħażlu l-aħjar kandidati, jeħtieġ jiġi osservat li s-sejħa għal espressjoni ta’ interess ipprevediet, kif imsemmi fin-nota tad-Dipartiment tal-Affarijiet Barranin, li l-eżamijiet isiru fit-tieni lingwa ta’ kull kandidat. Barra minn hekk, anki li kieku kien eliminatorju, l-eżami ta’ raġunament verbali u numeriku kkontestat kellu, globalment, inqas importanza mill-eżamijiet ta’ konoxxenza. Dan irrapreżenta biss 30 % mit-total tal-punti. Minkejja n-natura eliminatorja tiegħu, dan kellu inqas piż mill-eżami ta’ konoxxenzi speċifiċi li kien ukoll eliminatorju, li għalih l-limitu minimu kien iffissat għal 55 % u li jgħodd għal 50 % mit-total tal-punti. Barra minn hekk, l-eżami ta’ “konoxxenza tal-UE” ma jistax jiġi injorat. Għalkemm dan l-eżami ma jiddiskwalifikax per se, madankollu dan kien jgħodd għal 20 % mit-total tal-punti. B’mod addizzjonali, riżultat ħażin f’dan l-eżami seta’ jinfluwenza r-riżultat globali tal-kandidati, f’kuntest fejn il-minimu meħtieġ għall-eżamijiet kollha kien iffissat għal 60 %.

64      Fl-aħħar, hemm lok li jiġi enfasizzat li l-organizzazzjoni ta’ eżami ta’ selezzjoni partikolari għall-profil ta’ funzjonijiet “Affarijiet barranin”, in-natura eliminatorja tal-eżami ta’ konoxxenzi speċifiċi u tal-eżami ta’ raġunament verbali u numeriku u kif ukoll il-fatt li dawn irrapreżentaw 80 % mit-total tal-punti, filwaqt li l-eżami ta’ konoxxenza ġenerali ma kienx eliminatorju u kien jgħodd biss għal 20 % ta’ dan it-total, juru li l-EPSO kellu intenzjoni li jagħti preċedenza lir-reklutaġġ ta’ membri tal-persunal li għandhom, minn naħa, kompetenzi partikolari fil-qasam tal-affarijiet barranin u huma dotati, min-naħa l-oħra, b’kapaċità ta’ raġunament li tippermettilhom jimplentawhom u jaffaċċjaw, meta jkun il-każ, bżonnijiet oħra.

65      Fid-dawl ta’ dawn il-preċiżjonijiet, hemm lok li jiġi konkluż li, fl-eżerċizzju tal-kompetenzi rispettivi tagħhom, il-Kummissjoni u l-EPSO, f’dan il-każ, ma eċċedewx il-limiti tas-setgħa diskrezzjonali wiesgħa tagħhom, billi jipprevedu l-organizzazzjoni ta’ eżami ta’ raġunament verbali u numeriku, billi jagħtu lil dan tal-aħħar natura eliminatorja u billi jimponuh fuq il-membri tal-persunal diġà fil-kariga.

66      Fid-dawl ta’ dak kollu li jippreċedi, l-ewwel motiv huwa infondat u għandu, għaldaqstant, jiġi miċħud.

 Fuq it-tieni motiv dwar il-ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza

 L-argumenti tal-partijiet

67      Ir-rikorrenti josservaw, l-ewwel nett, li l-eżami ta’ raġunament verbali u numeriku kien ta’ kwalità ħażina, kif muri bin-newtralizzazzjoni tal-mistoqsija Nru 46. Din il-kwalità ħażina kienet influwenzat gravament ir-riżultati tagħhom sa fejn kellhom jiddedikaw wisq ħin għall-mistoqsijiet ambigwi, li kien iddestabbilizzahom għall-kumplament tal-eżamijiet.

68      Ir-rikorrenti, it-tieni nett, isostnu li d-deċiżjoni li jingħata punt addizzjonali lill-kandidati kollha għal kull mistoqsija newtralizzata ma ppermettitx li jiġi żgurat it-trattament ugwali u l-oġġettività tal-eżamijiet.

69      Ir-rikorrenti jirrilevaw għalhekk li l-EPSO nnewtralizza 153 mistoqsijiet fl-eżamijiet ta’ kompetenza għal diversi profili. Huma jiċċitaw, b’mod partikolari, l-eżamijiet għall-profili li ġejjin: “żvilupp rurali, sigurtà tal-ikel u ambjent”, “żvilupp ekonomiku, settur privat u kummerċjali” u “amministrazzjoni tajba u sigurtà”. L-għoti ta’ punt għal kull wieħed minn dawn il-mistoqsijiet kellha bħala konsegwenza li tbiddel sostanzjalment in-natura tal-eżamijiet u li tikser l- ugwaljanza bejn il-kandidati. Fil-fatt, din il-gratifikazzjoni ffavorit il-kandidati inklużi fil-profili ta’ kompetenzi fejn il-mistoqsijiet ġew innewtralizzati meta mqabbla mal-kandidati inklużi fi profili oħra fejn ma kien hemm ebda newtralizzazzjoni. Barra minn dan, fid-dawl tan-numru ta’ mistoqsijiet innewtralizzati l-eżami ta’ kompetenzi speċifiċi ma kellux ħlief importanza sekondarja fl-imsemmija profili. Fl-aħħar, l-EPSO nnewtralizza xi mistoqsijiet f’ċerti lingwi biss. Din il-prattika żvantaġġjat il-kandidati li għamlu l-eżamijiet fil-lingwi l-oħra u li kellhom jirrispondu għal dawn il-mistoqsijiet.

70      Il-Kummissjoni tirrispondi li l-EPSO, bħall-bordijiet tal-għażla, jibbenefika minn setgħa diskrezzjonali wiesgħa. Dan il-marġni ta’ manuvra huwa neċessarju, b’mod partikolari, meta dan huwa kkonfrontat b’irregolaritajiet jew żbalji li saru fl-iżvolġiment tal-eżamijiet li ma jistgħux jinbdew mill-ġdid minħabba numru kbir ta’ parteċipanti u inkonformità mal-prinċipji ta’ proporzjonalità u ta’ amministrazzjoni tajba.

71      Skont il-Kummissjoni, ir-repetizzjoni ta’ parti kbira tal-eżamijiet kienet, f’dan il-każ, tkun sproporzjonata, b’tali mod li d-deċiżjoni li jiġu nnewtralizzati l-mistoqsijiet Nri 31 u 46 mill-eżami ta’ raġunament verbali u numeriku kienet adegwata.

72      Il-Kummissjoni tikkontesta, f’kull każ, li n-newtralizzazzjoni ta’ mistoqsijiet setgħet iddiskriminat ir-rikorrenti.

73      Il-Kummissjoni tirrileva, l-ewwel nett, li t-trattament ugwali bejn il-kandidati ma kinitx inkwistjoni, fl-eżamijiet ikkontestati, bl-istess mod bħal f’kompetizzjoni billi n-numru ta’ kandidati li rnexxew ma ġiex iffissat minn qabel u ma kienx hemm evalwazzjoni komparattiva.

74      Il-Kummissjoni tinsisti, it-tieni nett, fuq il-fatt li n-newtralizzazzjoni tal-mistoqsijiet problematiċi osservat il-prinċipju ta’ ugwaljanza fi ħdan kull grupp tal-funzjonijiet u fi ħdan kull profil.

75      Fir-rigward tal-eżami ta’ raġunament verbali u numeriku organizzat għall-profil tal-funzjonijiet “Relazzjonijiet għall-affarijiet barranin”, il-Kummissjoni tosserva, it-tielet nett, li l-iżball fil-formulazzjoni tal-mistoqsija Nru 46 ġie mwettaq biss fil-verżjoni Ingliża. Barra minn hekk, l-allegat inkwiet li kien iddestabbilizza r-rikorrenti seta’ biss, ipotetikament, jaffettwa l-membri tal-persunal li għamlu l-eżami f’din il-lingwa. Saħansitra, il-Kummissjoni tfakkar li diskriminazzjoni li tista’ taffettwa l-legalità ta’ att ma tistax tirriżulta mill-aġir individwali tal-interessati stess. Fl-aħħar, hija tenfasizza li, għalkemm fil-bidu l-mistoqsija Nru 46 kienet ġiet newtralizzata biss fil-verżjoni Ingliża, din kienet ġiet sussegwentement innewtralizzata fil-lingwi l-oħra sabiex tiġi żgurata l- ugwaljanza tal-kandidati. Il-mistoqsija Nru 31 kienet ġiet newtralizzata wkoll bl-istess mod u għal kulħadd.

76      Fir-rigward tan-newtralizzazzjoni tal-mistoqsijiet li jidhru fl-eżamijiet ta’ konoxxenzi speċifiċi, il-Kummissjoni tirrileva, ir-raba’ nett, li r-rikorrenti kollha ma rnexxux mill-eżami ta’ raġunament verbali u numeriku u li din iċ-ċirkustanza ma tiddistingwihomx mill-kandidati l-oħra. Huma ma għandhom lanqas ebda interess sabiex jikkontestaw il-mertu tan-newtralizzazzjoni tal-mistoqsijiet tal-eżami ta’ konoxxenzi speċifiċi.

 Il-kunsiderazzjonijiet tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku

77      Il-ġurisprudenza tirrikonoxxi setgħa diskrezzjonali wiesgħa lill-Bord tal-Għażla, meta dan tal-aħħar huwa kkonfrontat b’irregolaritajiet jew żbalji li saru waqt l-iżvolġiment ta’ kompetizzjoni ġenerali b’parteċipazzjoni kbira li ma jistgħux, skont il-prinċipji ta’ proporzjonalità u amministrazzjoni tajba, jiġu kkumpensati b’repetizzjoni tal-eżamijiet tal-kompetizzjoni (sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-2 ta’ Mejju 2001, Giulietti et vs Il-Kummissjoni, T‑167/99 u T‑174/99, ĠabraSP p. I‑A‑93 u II‑441, punt 58).

78      Minkejja li l-EPSO mhuwiex Bord tal-Għażla u li l-eżami kkontestat ma ħax il-forma ta’ kompetizzjoni, din il-ġurisprudenza tista’ tiġi applikata għalih għaliex l-EPSO għandu marġni ta’ manuvra sinjifikattiva fl-organizzazzjoni tal-eżamijiet ta’ selezzjoni (ara punt 58 iktar ’il fuq).

79      Barra minn dan, mhuwiex ikkontestat li s-sejħa għal espressjoni ta’ interess, f’dan il-każ, attirat numru kbir ta’ kandidati.

80      Ikkonfrontat b’mistoqsijiet problematiċi, l-EPSO seta’ jikkunsidra, f’dan il-kuntest, li kien meħtieġ biss li jiġu newtralizzat biss dawn il-mistoqsijiet, billi s-soluzzjoni li tikkonsisti fir-repetizzjoni tal-eżamijiet kollha kienet tkun sproporzjonata u kuntrarja għall-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba.

81      Madankollu, hemm lok li jiġi vverifikat jekk il-metodu ta’ newtralizzazzjoni użat ma kisirx l- ugwaljanza bejn il-kandidati.

82      Skont id-diċitura ta’ ġurisprudenza kostanti, il-prinċipju ta’ ugwaljanza jirrikjedi li sitwazzjonijiet komparabbli ma jiġux ittrattati b’mod differenti u li sitwazzjonijiet differenti ma jiġux ittrattati b’mod ugwali, sakemm tali trattament ma jkunx oġġettivament iġġustifikat (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-11 ta’ Settembru 2007, Lindorfer vs Il-Kunsill, C‑227/04 P, Ġabra p. I‑6767, punt 63, u tas-17 ta’ Lulju 2008, Campoli vs Il-Kummissjoni, C‑71/07 P, Ġabra p. I‑5887, punt 50). Barra minn hekk, ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza jippreżumi li t-trattament ikkontestat jikkawża żvantaġġ lil ċerti persuni meta mqabbla ma’ oħrajn (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-13 ta’ Lulju 1962, Klöckner-Werke u Hoesch vs Haute Autorité, 17/61 u 20/61, Ġabra p. 615, 652, u tas-16 ta’ Diċembru 2008, Arcelor Atlantique u Lorraine et., C‑127/07, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 39; sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-5 ta’ April 2006, Deutsche Bahn vs Il-Kummissjoni, T‑351/02, Ġabra p. II‑1047, punt 137).

83      F’dan il-każ, jeħtieġ jitfakkar mill-bidu nett li la l-Kummissjoni u lanqas l-EPSO ma ffissaw, minn qabel, numru limitat ta’ kandidati li jirnexxu fis-sejħa għal espressjoni ta’ interess. Għaldaqstant, l-eżamijiet ta’ selezzjoni ma implikaw ebda paragun dirett bejn il-kandidati. Kif irrilevat mill-Kummissjoni, it-trattament ugwali bejniethom ma tqumx bl-istess mod bħal f’kompetizzjoni.

84      Madankollu, mhuwiex eskluż, anki f’dan il-kuntest, li l-għoti ta’ punt addizzjonali lill-kandidati kollha li kellhom iwieġbu għal mistoqsijiet problematiċi, sabiex dawn tal-aħħar jiġu nnewtralizzati, seta’ ffavorixxa wħud mill-kandidati billi tħallew jilħqu b’mod iktar faċli l-limiti minimi ffissati biex jirnexxu mill-eżamijiet.

85      Fir-rigward tal-eżami ta’ raġunament verbali u numeriku, huwa kostanti li biss il-mistoqsijiet Nri 31 u 46 ġew innewtralizzati. Ir-rikorrenti jsostnu li l-mistoqsija Nru 46 tant ikkawżatilhom problemi li ġew iddestabbilizzati għall-eżamijiet sussegwenti. Fis-seduta, huma ppreċiżaw li wħud mill-kandidati qabżu din il-mistoqsija filwaqt li oħrajn ippersistew sabiex jirrisponduha. Madankollu, anki jekk din il-mistoqsija inkwetat u żammet l-interessati iktar minn oħrajn, sal-punt li affettwat il-kapaċità tagħhom sabiex jirrispondu għall-eżami kollu, din is-sitwazzjoni rriżultat mill-attitudni tagħhom stess fir-rigward tad-diffikultà. Mhux talli ma jurux li l-metodu ta’ newtralizzazzjoni magħżul kien iddiskrimina kontrihom, iżda talli l-affermazzjonijiet tar-rikorrenti jenfasizzaw, għall-kuntrarju, l-eżistenza ta’ differenza bejniethom u bejn il-kandidati l-oħra (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-17 ta’ Jannar 2001, Gerochristos vs Il-Kummissjoni, T‑189/99, ĠabraSP p. I‑A‑11 u II‑53, punt 26). Barra minn hekk, iż-żewġ mistoqsijiet fuq imsemmija ġew innewtralizzati fil-verżjonijiet lingwistiċi kollha tal-eżami sabiex jiġi żgurat, preċiżament, it-trattament ugwali tal-kandidati.

86      Barra minn hekk, l-ilmenti mqajma kontra n-newtralizzazzjoni ta’ 153 mistoqsija fl-eżamijiet ta’ konoxxenzi speċifiċi dwar profili differenti huma irrilevanti. Fil-fatt, ir-rikorrenti ma rnexxewx fit-test ta’ raġunament verbali u numeriku li n-natura eliminatorja tiegħu kienet ammissibbli, kif muri fl-evalwazzjoni tal-ewwel motiv.

87      F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma jidhirx li s-soluzzjoni applikata mill-EPSO biex jinnewtralizza l-mistoqsijiet problematiċi setgħu jiksru l-ugwaljanza tal-kandidati għad-detriment tar-rikorrenti.

88      It-tieni motiv huwa, għaldaqstant, infondat u għandu jiġi miċħud.

 Fuq it-tielet motiv dwar il-ksur tal-Artikolu 1d tar-Regolamenti tal-Persunal u l-obbligu ta’ motivazzjoni

 L-argumenti tal-partijiet

89      Ir-rikorrenti jallegaw li stabbilixxew numru ta’ irregolaritajiet li minnhom jirriżulta li l-atti kkontestati jiksru l-prinċipju ta’ ugwaljanza. Skont is-sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-24 ta’ April 2001, Torre et vs Il-Kummissjoni (T‑159/98, ĠabraSP p. I‑A‑83 u II‑395, punti 46 u 47), u tal-5 ta’ Marzu 2003, Staelen vs Il-Parlament (T‑24/01, ĠabraSP p. I‑A‑79 u II‑423, punti 47 sa 58), għandha tkun il-Kummissjoni li tipprova li dawn l-irregolaritajiet ma affettwawx ir-riżultat finali tal-eżamijiet. Madankollu, il-Kummissjoni ma pproduċitx din il-prova.

90      Minn dan, ir-rikorrenti jiddeduċu ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni u tal-Artikolu 1d (5) tar-Regolamenti tal-Persunal.

91      Il-Kummissjoni tirrispondi li hija mhijiex obbligata tirrifjuta l-allegazzjonijiet tar-rikorrenti sa fejn dawn tal-aħħar ma jipprovdu ebda evidenza ta’ xi tip ta’ diskriminazzjoni.

92      Barra minn hekk, il-Kummissjoni ssostni, fir-risposta tagħha fil-Kawża F-75/08, li l-ilment ibbażat fuq il-ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni huwa inammissibbli fin-nuqqas ta’ spjegazzjoni f’dan ir-rigward. F’dan il-każ, dan huwa infondat billi r-rikorrenti kienu jafu bir-raġunijiet li jiġġustifikaw l-atti kkontestati permezz tal-informazzjoni pprovduta lill-kandidati fil-proċedura ta’ selezzjoni bir-risposti mogħtija għat-“talbiet għal eżami mill-ġdid” imressqa bejn it-30 ta’ Ottubru u l-25 ta’ Novembru 2007, u kif ukoll bir-risposti mogħtija għall-ilmenti magħmula fil-25 ta’ Jannar 2008.

 Il-kunsiderazzjonijiet tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku

93      Għandu jiġi osservat mill-bidu nett li r-rikorrenti jibbażaw it-tielet motiv tagħhom b’mod partikolari fuq l-Artikolu 1d (5) tar-Regolamenti tal-Persunal li madankollu l-applikazzjoni tiegħu ma kinitx estiża għall-membri tal-persunal bil-kuntratt.

94      Sussegwentement, il-motiv jidher marbut mal-ewwel u mat-tieni motivi. Billi t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku kkonstata wkoll li dawn tal-aħħar huma infondati għall-motivi esposti fil-punti 43 et seq. u fil-punti 77 et seq., ma hemmx iktar lok li jiġi mistoqsi jekk ir-rikorrenti stabbilixxewx l-eżistenza ta’ irregolaritajiet li jippreżumu li l-atti kkontestati jiksru l-prinċipju ta’ ugwaljanza. Il-motiv huwa infondat. Fil-fatt, peress li jirriżulta mill-eżami tal-ewwel żewġ motivi li ma ġiet stabbilita ebda irregolarità fl-iżvolġiment tal-eżamijiet, il-Kummissjoni ma setgħetx titlaq mill-premessa li dawn ġew imwettqa u tipprova li dawn ma kellhom ebda effett fuq ir-riżultat finali tal-imsemmija eżamijiet u li dawn ma kinux is-sors ta’ diskriminazzjoni.

95      Fl-aħħar, il-motiv mhuwiex nieqes minn ambigwità. Jirriżulta mid-diċitura tiegħu u speċjalment mir-referenza għas-sentenzi Torre et vs Il-Kummissjoni u Staelen vs Il-Parlament, iċċitati iktar ’il fuq, li r-rikorrenti qishom qed jikkritikaw lill-Kummissjoni li ma stabbilixxietx, quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, in-nuqqas ta’ influwenza tal-allegati irregolaritajiet, li huma qed jilmentaw dwarhom, fuq ir-riżultat tal-eżamijiet ikkontestati.

96      Jekk din hija l-interpretazzjoni li jeħtieġ li jingħata lil dan il-motiv, huwa ċar ukoll li r-rikorrenti jikkonfondu, minn naħa, l-obbligu ta’ motivazzjoni invokat minnhom u li jikkostitwixxi, skont l-Artikolu 25 tar-Regolamenti tal-Persunal u l-Artikoli 11 u 81 tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg, formalità inerenti għall-adozzjoni ta’ deċiżjonijiet amministrattivi li jaffettwaw negattivament ir-rikorrenti, li jistgħu jiġu kkontestati quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, u, min-naħa l-oħra, id-dibattitu kontradittorju u kif ukoll l-eżerċizzju tad-drittijiet tad-difiża fil-kuntest tal-proċedura ġudizzjarja li għaliha d-dispożizzjonijiet fuq imsemmija mhumiex applikabbli.

97      Għaldaqstant, it-tielet motiv għandu jiġi miċħud.

98      Fid-dawl ta’ dak kollu li jippreċedi, ir-rikors għandu jiġi miċħud kollu kemm huwa.

 Fuq l-ispejjeż

99      Skont l-Artikolu 87(1) tar-Regoli tal-Proċedura, salv dispożizzjonijiet oħra tat-tieni titolu tat-tmien kapitolu tal-imsemmija regoli, kull parti li titlef għandha tħallas l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Skont il-paragrafu 2 tal-istess artikolu, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jista’ jiddeċiedi, għal raġunijiet ta’ ekwità, li parti li titlef tiġi biss parzjalment ikkundannata għall-ispejjeż jew li hija ma tiġix ikkundannata għall-ispejjeż.

100    Jirriżulta minn din is-sentenza li r-rikorrenti tilfu. Barra minn hekk, il-Kummissjoni, fit-talbiet tagħha, espressament talbet li r-rikorrenti jiġu kkundannati għall-ispejjeż. Peress li ċ-ċirkustanzi tal-każ ma jiġġustifikawx l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, hemm għalhekk lok li r-rikorrenti jiġu kkundannati għall-ispejjeż.

101    Madankollu, jeħtieġ jittieħed inkunsiderazzjoni tal-fatt li r-rikorrenti fir-rikors F-20/08 u r-rikorrenti fir-rikors F-34/08 ippreżentaw, rispettivament, minn naħa l-imsemmija rikorsi u, min-naħa l-oħra, ir-rikors F-75/08, li ġie wkoll ippreżentat mir-rikorrenti l-oħra fir-rikors F-75/08.

Għal dawn il-motivi,

IT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU (It-Tieni Awla)

jaqta’ u jiddeċiedi:

1)      Ir-rikorsi F‑20/08, F‑34/08 u F‑75/08 huma miċħuda.

2)      Aparicio u r-rikorrenti l-oħra li l-ismijiet tagħhom jinsabu fl-anness taħt in-numri 1 sa 18 huma kkundannati għall-ispejjeż fil-Kawża F-20/08 u dtsatax il-parti minn sitta u erbgħin tal-ispejjeż fil-Kawża F-75/08. Simon hija kkundannata għall-ispejjeż fil-kawża F-34/08 u għal part waħda minn sitta u erbgħin tal-ispejjeż fil-Kawża F-75/08. Ir-rikorrenti li isimhom imniżżel fl-anness taħt in-numri 19 sa 40 u 42 sa 46 huma kkundannati għal sitta u għoxrin il-parti minn sitta u erbgħin tal-ispejjeż fil-Kawża F-75/08.

Kanninen

Boruta

Van Raepenbusch

Mogħtija f’Qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fid-29 ta’ Settembru 2009.

W. Hakenberg

 

      H. Kanninen

Reġistratur

 

      President

It-testi ta’ din id-deċiżjoni, kif ukoll id-deċiżjonijiet tal-qrati Komunitarji ċċitati fiha li għadhom mhux ippubblikati fil-Ġabra, huma disponibbli fis-sit tal-internet tal-Qorti tal-Ġustizzja: www.curia.europa.eu

ANNESS

Fid-dawl tan-numru kbir ta’ rikorrenti f’din il-kawża, l-ismijiet tagħhom ma humiex riprodotti fl-anness preżenti.


* Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.