Language of document : ECLI:EU:C:2019:1014

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

CAMPOS SÁNCHEZ-BORDONA

ippreżentati fis‑26 ta’ Novembru 2019 (1)

Kawża C627/19 PPU

Openbaar Ministerie

vs

ZB

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mir-rechtbank Amsterdam (il-Qorti Distrettwali ta’ Amsterdam, il-Pajjiżi l-Baxxi))

“Domanda preliminari — Kooperazzjoni mill-pulizija u ġudizzjarja f’materji kriminali — Deċiżjoni Qafas 2002/584/ĠAI — Mandat ta’ arrest Ewropew — Awtorità ġudizzjarja emittenti — Mandat ta’ arrest Ewropew maħruġ minn prosekutur Belġjan — Kundizzjoni tal-eżistenza ta’ rimedju ġudizzjarju effettiv kontra d-deċiżjoni ta’ ħruġ ta’ mandat ta’ arrest Ewropew”






1.        Il-Qorti tal-Ġustizzja qiegħda tiġi kkonfrontata mill-ġdid b’rinviji għal deċiżjoni preliminari li fihom hija tkun meħtieġa li tiddeċiedi jekk l-Uffiċċju tal-Prosekutur (f’dan il-każ, tal-Belġju) jistax jiġi kklassifikat bħala “awtorità ġudizzjarja emittenti” ta’ mandat ta’ arrest Ewropew (iktar ’il quddiem il-“MAE”), fis-sens tal-Artikolu 6(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584/ĠAI (2).

2.        Id-dubji tal-qorti tar-rinviju f’din il-kawża kif ukoll fil-Kawżi C‑625/19 PPU u C‑626/19 PPU jingħaqdu ma’ dawk imressqa minn qorti tal-Lussemburgu (Kawża C‑566/19 PPU) u jirreferu, b’mod partikolari, għall-interpretazzjoni li għandha tingħata lis-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja OG u PI (Prosekuturi ta’ Lübeck u ta’ Zwickau) (3).

3.        Dawn l-istess dubji tqajmu fir-rigward tal-Uffiċċji tal-Prosekutur tal-Isvezja (Kawża C‑625/19 PPU) u ta’ Franza (Kawżi C‑566/19 PPU u C‑626/19 PPU), li fuqhom ser nippreżenta l-konklużjonijiet tiegħi f’din l-istess data.

4.        Filwaqt li, fil-Kawża C‑626/19 PPU, il-kwistjoni hija dwar il-MAE maħruġ għall-proċedimenti kriminali, f’din il-kawża l-qorti tar-rinviju hija interessata fl-MAE maħruġa għall-eżekuzzjoni ta’ piena ta’ priġunerija, imposta b’sentenza definittiva.

5.        Minkejja li l-pożizzjoni tiegħi bħala prinċipju tibqa’ dik difiża fil-kawżi OG (Prosekutur ta’ Lübeck) u PI (Prosekutur ta’ Zwickau) (4), u fil-kawża PF (Prosekutur Ġenerali tal-Litwanja) (5), fil-bqija tal-konklużjonijiet tiegħi ta’ dan il-jum, għandi nindirizza l-eżeġesi tas-sentenza OG u PI (Prosekuturi ta’ Lübeck u ta’ Zwickau) kif ukoll dik mogħtija fid‑9 ta’ Ottubru 2019 (6) f’kawża oħra simili.

I.      Il-kuntest ġuridiku

A.      Id-dritt tal-Unjoni

6.        Nirreferi għat-traskrizzjoni tal-ħames, is-sitt, it-tmien, l-għaxar u t-tnax-il premessa, kif ukoll għall-Artikoli 1 u 9 tad-Deċiżjoni Qafas, li jinsabu fil-konklużjonijiet OG u PI (Prosekuturi ta’ Lübeck u Zwickau).

B.      Id-dritt nazzjonali

7.        Skont l-informazzjoni pprovduta mill-Gvern Belġjan, il-wet van 19 december 2003 betreffende het Europees aanhoudingsbevel (il-Liġi tad‑19 ta’ Diċembru 2003 dwar il-MAE) (7) tipprovdi, fl-Artikolu 32 (8) tagħha:

“1.      Meta wieħed jista’ jissuponi li persuna rikjesta għall-finijiet ta’ proċedimenti kriminali tinsab fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor tal-Unjoni Ewropea, il-maġistrat inkwirenti jew il-prosekutur tar-Re joħroġ [MAE], fl-eżekuzzjoni tal-mandat ta’ arrest maħruġ mill-imħallef jew mill-qorti, fil-forma u fil-kundizzjonijiet previsti fl-Artikoli 2 u 3. Il-[MAE] maħruġ għall-finijiet ta’ proċedimenti kriminali jista’ jinħareġ biss fil-kundizzjonijiet imposti mil-liġi tal‑20 ta’ Lulju 1990 dwar il-kustodja preventiva.

[…]

2.      Meta persuna rikjesta għall-finijiet tal-eżekuzzjoni ta’ piena jew ta’ ordni ta’ detenzjoni hija meqjusa li tinsab fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor tal-Unjoni Ewropea, il-prosekutur tar-Re joħroġ (MAE) fil-forma u taħt il-kundizzjonijiet previsti fl-Artikoli 2 u 3.

Jekk, f’dan il-każ, il-piena jew l-ordni ta’ detenzjoni tkun ingħatat permezz ta’ deċiżjoni fil-kontumaċja u jekk il-persuna rikjesta ma tkunx ġiet iċċitata personalment jew informata b’xi mod ieħor mid-data u l-post tas-seduta li tkun ippreċediet is-sentenza mogħtija fil-kontumaċja, il-[MAE] jindika li l-persuna rikjesta ser ikollha l-possibbiltà li tikkontestaha fil-Belġju u din tiġi deċiża fil-preżenza tagħha.

[…]”.

8.        L-Artikolu 28/1 tal-wet van 20 juli 1990 betreffende de voorlopige hechtenis (il-Liġi tal‑20 ta’ Lulju 1990 dwar il-Kustodja Preventiva) (9) tindika:

“L-imħallef jew il-qorti tista’, skont il-każ, toħroġ mandat ta’ arrest jekk il-persuna ssusspettata ma tkunx tista’ tippreżenta ruħha personalment minħabba f’detenzjoni barra mill-pajjiż u tkun talbet li tkun preżenti personalment.”

II.    It-tilwima u d-domanda preliminari

9.        Fl‑24 ta’ April 2019, l-Uffiċċju tal-Prosekutur ta’ Brussell (il-Belġju) ħareġ MAE għall-finijiet tal-eżekuzzjoni ta’ sentenza mogħtija fis‑7 ta’ Frar 2019 kontra ZB mit-tribunal de première instance francophone de Bruxelles (il-Qorti tal-Ewwel Istanza ta’ Brussell bil-lingwa Franċiża, il-Belġju) (10).

10.      Wara l-arrest ta’ ZB fil-Pajjiżi l-Baxxi, fit‑3 ta’ Mejju 2019, ir-rechtbank Amsterdam (il-Qorti Distrettwali ta’ Amsterdam, il-Pajjiżi l-Baxxi) ġiet adita b’dan il-MAE, u ddeċidiet li tagħmel id-domanda preliminari li ġejja:

“Meta [MAE] ikun intiż għall-eżekuzzjoni ta’ sentenza ta’ priġunerija imposta permezz ta’ deċiżjoni eżekuttiva ta’ mħallef jew ta’ qorti u jkun inħareġ minn prosekutur pubbliku li jipparteċipa fl-amminstrazzjoni tal-ġustizzja fl-Istat Membru emittenti, u li l-indipendenza tiegħu hija ggarantita fl-eżerċizzju tal-kompiti tiegħu inerenti fil-ħruġ ta’ [MAE], huwa wkoll meħtieġ li jkun hemm il-possibbiltà ta’ azzjoni ġudizzjarja diretta kontra d-deċiżjoni li jinħareġ il-[MAE] – u, b’mod partikolari, in-natura proporzjonali ta’ tali deċiżjoni – li jissodisfa b’mod sħiħ ir-rekwiżiti ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva?”

III. Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

11.      Il-kawża ġiet irreġistrata fil-Qorti tal-Ġustizzja fit‑22 ta’ Awwissu 2019. Fid-dawl taċ-ċaħda tal-libertà ta’ ZB, il-qorti tar-rinviju talbet l-applikazzjoni tal-proċedura b’urġenza, u l-Qorti tal-Ġustizzja laqgħet din it-talba.

12.      ZB, il-Gvern tal-Belġju u dak tal-Pajjiżi l-Baxxi, l-Uffiċċju tal-Prosekutur Olandiż u l-Kummissjoni ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub.

13.      Is-seduta pubblika saret fl‑24 ta’ Ottubru 2019 u ġiet konkluża flimkien ma’ dawk tal-Kawżi C‑566/19 PPU, C‑626/19 PPU u C‑625/19 PPU. F’din dehru JR, YC, XD, ZB, l-Uffiċċju tal-Prosekutur tal-Lussemburgu, l-Uffiċċju tal-Prosekutur Olandiż, il-Gvern Olandiż, Franċiż, Svediż, Belġjan, Irlandiż, Spanjol, Taljan u Finlandiż, kif ukoll il-Kummissjoni.

IV.    Analiżi

A.      Kunsiderazzjoni preliminari

14.      Id-domanda magħmula f’din il-kawża għandha punti komuni ma’ dik tal-Kawża C‑626/19 PPU, li dwarha jiena nesprimi l-opinjoni tiegħi fil-konklużjonijiet ta’ din l-istess data.

15.      F’dawn il-konklużjonijiet, ma neżaminax biss il-kwistjoni tal-istħarriġ ġudizzjarju tal-MAE maħruġ mill-Uffiċċju tal-Prosekutur (f’dak li jirrigwarda dan ir-rinviju), iżda wkoll il-kapaċità tal-membri ta’ din l-istituzzjoni li jiġu kkunsidrati bħala “awtorità ġudizzjarja emittenti” fis-sens tad-Deċiżjoni Qafas.

16.      Fil-kuntest ta’ din il-proċedura, ir-rechtbank Amsterdam (il-Qorti Distrettwali ta’ Amsterdam) tassumi li l-Uffiċċju tal-Prosekutur Belġjan jista’ joħroġ MAE għaliex jissodisfa l-karatteristiċi ta’ indipendenza li jiddefinixxu l-“awtorità ġudizzjarja emittenti”, fis-sens tal-Artikolu 6(1) tad-Deċiżjoni Qafas.

17.      Peress li l-indipendenza tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Belġjan ma kinitx is-suġġett ta’ diskussjoni f’dan il-każ, l-informazzjoni indispensabbli sabiex jiġi evalwat jekk, skont l-istatus kostituzzjonali u l-istruttura organika u funzjonali tagħha, il-membri ta’ din l-istituzzjoni joffru l-profil meħtieġ mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tas‑27 ta’ Mejju 2019, PF (Prosekutur Ġenerali tal-Litwanja), ma ġietx ipprovduta (11). Għalhekk ma nistax niddeċiedi f’dan ir-rigward.

B.      Fuq l-istħarriġ ġudizzjarju tal-MAE maħruġ mill-Uffiċċju tal-Prosekutur

18.      Il-konklużjonijiet tiegħi fil-Kawżi magħquda C‑566/19 PPU u C‑626/19 PPU jirrigwardaw l-istħarriġ ġudizzjarju tal-MAE maħruġ għal proċedimenti kriminali.

19.      F’dan il-kuntest, insostni li l-istħarriġ ġudizzjarju mwettaq fil-mument tal-adozzjoni tal-mandat ta’ arrest nazzjonali (iktar ’il quddiem il-“MAN”) ma jistax jissodisfa, min-natura tiegħu stess, “ir-rekwiżiti inerenti ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva” li għalihom jirreferi l-punt 75 tas-sentenza OG u PI (Prosekuturi ta’ Lübeck u Zwickau), li hija dejjem protezzjoni mitluba mill-persuna kkonċernata u mogħtija permezz ta’ proċedura li fiha hija setgħet tintervjeni u tipparteċipa fl-eżerċizzju tad-drittijiet tad-difiża tagħha (12).

20.      Għaldaqstant, l-eżami tal-osservanza tal-kundizzjonijiet għall-ħruġ ta’ MAE meħuda minn prosekutur li jistħoqqlu jiġi kkwalifikat bħala “awtorità ġudizzjarja emittenti”, fis-sens tal-Artikolu 6(1) tad-Deċiżjoni Qafas, jista’ jseħħ qabel il-ħruġ tal-MAE, iżda t-twettiq tagħhom ma jeskludix id-dritt tal-persuna rikjesta milli tippreżenta rikors ġudizzjarju kontra l-MAE, ladarba jinħareġ.

21.      Dak li ntqal qabel, japplika wkoll għall-MAE maħruġ bil-għan li jittieħdu proċeduri kriminali, anki għall-MAE dirett waqt l-eżekuzzjoni ta’ sentenza.

22.      Il-ħruġ ta’ MAE għall-eżekuzzjoni ta’ sentenza ma huwiex suġġett, b’mod ordinarju, għall-prinċipju ta’ opportunità, iżda għall-applikazzjoni stretta tal-liġi (jiġifieri l-eżekuzzjoni tas-sentenza li tapplika l-liġi għas-sitwazzjoni konkreta).

23.      Għalhekk wieħed jista’ jaħseb li ladarba tingħata sentenza, l-eżekuzzjoni tagħha ma hijiex negozjabbli u għalhekk hemm lok li jseħħ il-ħruġ awtomatiku ta’ MAE, jekk il-persuna kkundannata tkun tinsab fi Stat Membru ieħor.

24.      Madankollu, l-eżistenza ta’ MAN jew, bħal f’dan il-każ, ta’ sentenza definittiva li timponi piena ta’ priġunerija ma hijiex l-uniku prerekwiżit għall-eżekuzzjoni ta’ MAE. F’dan ir-rigward jingħad ukoll li l-ħruġ tal-MAE ma huwiex sproporzjonat. L-eżami tal-proporzjonalità tiegħu jikkorrispondi, jew ex officio, jew permezz tal-approvazzjoni tad-deċiżjoni preċedenti tal-Uffiċċju tal-Prosekutur (13), jew fil-kuntest ta’ rikors tal-persuna kkonċernata, għall-imħallfin u l-qrati.

25.      Ċertament, hemm evalwazzjoni ta’ proporzjonalità minn qabel li diġà għamel, fil-parti l-kbira tiegħu, il-leġiżlatur. Għalhekk, id-Deċiżjoni Qafas teskludi l-MAE għall-eżekuzzjoni ta’ pieni ta’ priġunerija ta’ inqas minn erba’ xhur (14).

26.      Issa, il-proporzjonalità tal-ħruġ ta’ MAE ma hijiex iddeterminata biss mit-tul ta’ żmien taċ-ċaħda tal-libertà stabbilita b’sentenza. Ma’ dan il-fattur għandu jiżdied ukoll ieħor li ma huwiex inqas rilevanti, li huwa t-tul ta’ żmien taċ-ċaħda li huwa prevedibbli li t-trattament tal-MAE ser jirrikjedi fl-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni. Skont il-każ, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni “l-effetti tal-proċedura ta’ konsenja u tat-trasferiment tal-persuna kkonċernata li tibqa’ fi Stat Membru […] fuq ir-relazzjonijiet soċjali u tal-familja ta’ din il-persuna” (15).

27.      Huwa minnu li ċ-ċaħda tal-libertà subita fl-Istat Membru li jeżegwixxi għandha tiġi dedotta mill-piena imposta fl-Istat Membru emittenti (16). Madankollu, skont iċ-ċirkustanzi, dan iż-żmien seta’ jkun subit anki jekk, min-naħa tal-entità tagħha stess, il-piena li għaliha tirrigwarda l-eżekuzzjoni tagħha, ma tistax inevitabbilment twassal għaċ-ċaħda tal-libertà fl-Istat Membru emittenti.

28.      Fil-fatt, l-imħallef jew il-qorti li tiddeċiedi l-kundanna ma għandhiex neċessarjament, f’dan l-istadju, tibbilanċja l-eventwalità ta’ MAE għall-eżekuzzjoni tagħha. Jista’ jkun, u ma huwiex mhux rari, li jinħareġ MAN sabiex jiġi żgurat li l-ikkundannat jidher u, sussegwentement, jew inkella permezz tat-talba bbażata fuq dan tal-aħħar jew għal raġunijiet oħra ta’ dritt nazzjonali, il-piena ta’ priġunerija prevista mis-sentenza hija rrelativizzata jew sospiża, bil-kundizzjoni, skont il-każ, li jiġu pprovduti ċerti garanziji.

29.      Il-MAE ma għandux, għalhekk, inevitabbilment isegwi sentenza ta’ kundanna: il-qorti (jew kwalunkwe awtorità ġudizzjarja oħra kompetenti fil-qasam), bħala ġurisdizzjoni li għandha tagħti protezzjoni ġudizzjarja effettiva, għandha tiddeċiedi jekk tindirizzax lill-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni sabiex tinkiseb il-konsenja tal-persuna kkundannata, abbażi tal-kriterju ta’ proporzjonalità, jew tirrinunzja li tagħmel dan.

30.      F’dan il-kuntest, jista’ jkun rilevanti ż-żmien li għadda mis-sentenza sal-ħruġ tal-MAE. Xi kultant ikun hemm riskju ta’ tardività, anki jekk is-sentenza dwar il-proporzjonalità tal-MAE twettqet fis-sentenza ta’ kundanna stess (17).

31.      F’każ ta’ dewmien fil-ħruġ tal-MAE, is-sentenza ta’ proporzjonalità impliċita jew espliċita fis-sentenza tista’ tiġi rrevokata. Fost il-fatturi determinanti sabiex tiġi evalwata n-natura proporzjonata ta’ MAE, hemm it-tul eventwali ta’ ċaħda tal-libertà fl-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni, perijodu li ma jistax jitwarrab meta hija tevalwa jekk, fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-persuna rikjesta, il-ħruġ ta’ MAE huwiex proporzjonat jew le.

32.      F’din l-istess ordni ta’ affarijiet, ma hijiex eskluża l-possibbiltà li, l-persuna rikjesta, fil-mument tal-ħruġ tal-MAE, stabbilixxiet rabta suffiċjenti mal-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni sabiex tkun tista’ ssir l-applikazzjoni tad-Deċiżjoni Qafas 2008/909/ĠAI (18). Fl-affermattiv, għandu jiġi evalwat jekk il-piena li għall-eżekuzzjoni tagħha jinħareġ il-MAE tistax tiġi eżegwita f’dak l-Istat Membru.

33.      Minn dan isegwi li l-MAE mogħtija għall-finijiet tal-eżekuzzjoni ta’ sentenza ta’ kundanna jistgħu jippreżentaw problemi addizzjonali, mhux limitati għas-sempliċi konstatazzjoni tal-eżistenza ta’ din is-sentenza u taċ-ċaħda tal-libertà li huwa jimponi. Jekk dawn il-MAE jinħarġu minn membru tal-Uffiċċju tal-Prosekutur, il-persuna kkonċernata għandu jkollha l-possibbiltà li tissuġġetta d-deċiżjoni tagħha għall-iskrutinju ta’ qorti.

34.      Inqis għalhekk li d-dritt għal rimedju ġudizzjarju, irregolat mill-MAE maħruġ bil-għan li jiġu eżerċitati proċeduri kriminali, huwa applikabbli wkoll fil-każ ta’ MAE maħruġ għall-eżekuzzjoni ta’ sentenza.

V.      Konklużjoni

35.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja li tirrispondi lir-rechtbank Amsterdam (il-Qorti Distrettwali ta’ Amsterdam, il-Pajjiżi l-Baxxi) b’dan il-mod:

“Il-mandati ta’ arrest Ewropew maħruġa mill-Uffiċċju tal-Prosekutur għall-eżekuzzjoni ta’ piena ta’ priġunerija mogħtija minn sentenza definittiva għandhom ikunu jistgħu jkunu suġġetti għal rimedju ġudizzjarju simili għal dak li huwa previst għall-mandati ta’ arrest maħruġa għal proċeduri kriminali”.


1      Lingwa oriġinali: l-Ispanjol.


2      Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill, tat‑13 ta’ Ġunju 2002 dwar il-mandat ta’ arrest Ewropew u l-proċeduri ta’ konsenja bejn l-Istati Membri (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 34, rettifika fil-ĠU 2009, L 17, p. 45), kif emendata bid-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2009/299/ĠAI tas‑26 ta’ Frar 2009 (ĠU 2009, L 81, p. 24) (iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni Qafas”).


3      Sentenza tas‑27 ta’ Mejju 2019 (C‑508/18 u C‑82/19 PPU, EU:C:2019:456, iktar ’il quddiem is-“sentenza OG u PI (Prosekuturi ta’ Lübeck u ta’ Zwickau)”).


4      Kawżi C‑508/18 u C‑82/19 PPU (EU:C:2019:337, iktar ’il quddiem il-“konklużjonijiet OG u PI (Prosekuturi ta’ Lübeck u Zwickau)”).


5      Kawża C‑509/18 (EU:C:2019:338, iktar ’il quddiem il-“konklużjonijiet PF (Prosekutur Ġenerali tal-Litwanja)”).


6      Kawża C‑489/19 PPU, NJ (Prosekutur ta’ Vjenna) (EU:C:2019:849, iktar ’il quddiem is-“sentenza NJ (Prosekutur ta’ Vjenna)”).


7      Moniteur belge tat‑22 ta’ Diċembru 2003, p. 60075.


8      Fil-verżjoni tiegħu emendata bl-Artikolu 13 tal-wet van 11 juli 2018 houdende diverse bepalingen in strafzaken (il-Liġi tal‑11 ta’ Lulju 2018 dwar diversi dispożizzjonijiet f’materji kriminali) (Moniteur belge tat‑18 ta’ Lulju 2018, p. 57582, iktar ’il quddiem il-“Liġi tal‑2018”).


9      Regola stabbilita bl-Artikolu 12 tal-Liġi tal‑2018.


10      Skont id-deċiżjoni tar-rinviju, ZB kien ġie kkundannat għal pieni ta’ priġunerija ta’ tletin xahar u ta’ sena.


11      Kawża C‑509/18 (EU:C:2019:457, iktar ’il quddiem “is-sentenza PF (Prosekutur Ġenerali tal-Litwanja)”).


12      Konklużjonijiet C‑566/19 PPU u C‑626/19 PPU, punt 84.


13      Dan kien il-każ fil-kawża deċiża fis-sentenza NJ (Prosekutur ta’ Vjenna).


14      Ara l-Artikolu 2(1) tad-Deċiżjoni Qafas.


15      Sentenza NJ (Prosekutur ta’ Vjenna), punt 44.


16      Ara l-Artikolu 26(1) tad-Deċiżjoni Qafas.


17      Dan huwa wkoll il-każ jekk il-ħruġ tal-MAE jkun pospost għal wara l-adozzjoni ta’ MAN fejn l-awtorità ġudizzjarja evalwat il-proporzjonalità. Nirreferi għal din l-ipoteżi fil-punt 80 tal-konklużjonijiet tal-Kawżi C‑566/19 PPU u C‑626/19 PPU.


18      Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/909/ĠAI tas‑27 ta’ Novembru 2008 dwar l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku ta’ sentenzi f’materji kriminali li jimponu pieni ta’ kustodja jew miżuri li jinvolvu ċ-ċaħda tal-libertà bil-għan li jiġu infurzati fl-Unjoni Ewropea (ĠU 2008, L 327, p. 27).