Language of document : ECLI:EU:C:2002:461

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA

25 ta’ Lulju 2002 (*)

“Ċittadini ta’ pajjiżi terzi, konjuġi ta’ ċittadini ta’ Stati Membri ─ Obbligu ta’ viża ─ Dritt ta’ dħul għall-konjuġi mingħajr dokumenti ta’ identità jew ta’ viża ─ Dritt ta’ residenza għall-konjuġi li daħlu illegalment ─ Dritt ta’ residenza għall-konjuġi li daħlu legalment iżda li l-viża tagħhom tkun skadiet meta japplikaw għal permess ta’ residenza ─ Direttivi 64/221/KEE, 68/360/KEE u 73/148/KEE u Regolament (KE) Nru 2317/95”

Fil-kawża C-459/99,

li għandha bħala suġġett talba magħmula lill-Qorti tal-Ġustizzja, b’applikazzjoni ta’ l-Artikolu 234 KE, mill-Conseil d’État (il-Belġju) u li hija intiża sabiex tinkiseb, fil-kawża pendenti quddiem din il-qorti bejn

Mouvement contre le racisme, l’antisémitisme et la xénophobie ASBL (MRAX)

u

L-Istat Belġjan,

deċiżjoni preliminari dwar l-interpretazzjoni ta’ l-Artikoli 1(2), 3(3) u 9(2) tad-Direttiva tal-Kunsill 64/221/KEE, tal-25 ta’ Frar 1964, dwar il-koordinazzjoni ta' miżuri speċjali rigward il-moviment u r-residenza ta’ ċittadini barranin li huma ġġustifikati għal raġunijiet ta’ politika pubblika, sigurtà pubblika jew saħħa pubblika (ĠU 1964, 56, p. 850), ta’ l-Artikoli 3 u 4 tad-Direttiva tal-Kunsill 68/360/KEE, tal-15 ta’ Ottubru 1968, dwar it-tneħħija ta’ restrizzjonijiet fuq il-moviment u residenza fi ħdan il-Komunità għal ħaddiema ta’ Stati Membri u l-familji tagħhom (ĠU L 257, p. 13), ta’ l-Artikoli 3 u 6 tad-Direttiva tal-Kunsill 73/148/KEE, tal-21 ta’ Mejju 1973, dwar l-abolizzjoni ta’ restrizzjonijiet fuq il-moviment u r-residenza fil-Komunità għal ċittadini ta’ Stati Membri f’dak li għandu x’jaqsam ma’ l-istabbiliment u l-proviżjoni tas-servizzi (ĠU L 172, p. 14), kif ukoll tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2317/95, tal-25 ta’ Settembru 1995, li jiddetermina l-pajjiżi terzi li ċ-ċittadini tagħhom għandhom jkollhom viża meta jaqsmu l-fruntieri esterni ta’ l-Istati Membri (ĠU L 234, p. 1),

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA,

komposta minn G. C. Rodríguez Iglesias, President, N. Colneric, u S. von Bahr, Presidenti ta’ Awla, C. Gulmann, D. A. O. Edward, J. P. Puissochet, M. Wathelet, R. Schintgen u J. N. Cunha Rodrigues (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: C. Stix Hackl,

Reġistratur: H. A. Rühl, Amministratur Prinċipali,

wara li rat l-osservazzjonijiet bil-miktub ippreżentati:

–        għall-Mouvement contre le racisme, l’antisémitisme u la xénophobie ASBL (MRAX), minn I. de Viron, avukat;

–        għall-Istat Belġjan, minn E. Matterne u E. Derriks, avukati;

–        għall-Gvern Awstrijak, minn A. Längle, bħala aġent;

–        għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn H. Michard, C. O’Reilly u N. Yerrell, bħala aġenti,

wara li rat ir-rapport tas-seduta,

wara li semgħet l-osservazzjonijiet orali tal-Mouvement contre le racisme, l’antisémitisme u la xénophobie ASBL (MRAX), ta’ l-Istat Belġjan u tal-Kummissjoni, fis-seduta tad-29 ta’ Mejju 2001,

wara li semgħet il-konklużjonijiet ta’ l-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-13 ta’ Settembru 2001,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        Permezz ta’ sentenza tat-23 ta’ Novembru 1999, li waslet lill-Qorti tal-Ġustizzja fit-2 ta’ Diċembru ta’ wara, il-Conseil d’État għamel, b’applikazzjoni ta’ l-Artikolu 234 KE, erba’ domandi preliminari dwar l-interpretazzjoni ta’ l-Artikoli 1(2), 3(3) u 9(2) tad-Direttiva tal-Kunsill 64/221/KEE, tal-25 ta’ Frar 1964, dwar il-koordinazzjoni ta' miżuri speċjali rigward il-moviment u r-residenza ta’ ċittadini barranin li huma ġġustifikati għal raġunijiet ta’ politika pubblika, sigurtà pubblika jew saħħa pubblika (ĠU 1964, 56, p. 850), ta’ l-Artikoli 3 u 4 tad-Direttiva tal-Kunsill 68/360/KEE, tal-15 ta’ Ottubru 1968, dwar it-tneħħija ta’ restrizzjonijiet fuq il-moviment u residenza fi ħdan il-Komunità għal ħaddiema ta’ Stati Membri u l-familji tagħhom (ĠU L 257, p. 13), ta’ l-Artikoli 3 u 6 tad-Direttiva tal-Kunsill 73/148/KEE, tal-21 ta’ Mejju 1973, dwar l-abolizzjoni ta’ restrizzjonijiet fuq il-moviment u r-residenza fil-Komunità għal ċittadini ta’ Stati Membri f’dak li għandu x’jaqsam ma’ l-istabbiliment u l-proviżjoni tas-servizzi (ĠU L 172, p. 14), kif ukoll tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2317/95, tal-25 ta’ Settembru 1995, li jiddetermina l-pajjiżi terzi li ċ-ċittadini tagħhom għandhom ikollhom viża meta jaqsmu l-fruntieri esterni ta’ l-Istati Membri (ĠU L 234, p. 1).

2        Dawn id-domandi tqajmu fil-kuntest ta’ kawża bejn il-Mouvement contre le racisme, l’antisémitisme et la xénophobie ASBL (iktar ’il quddiem il-“MRAX”) u l-Istat Belġjan dwar talba għall-annullament taċ-ċirkulari tal-Ministri ta’ l-Intern u tal-Ġustizzja, tat-28 ta’ Awwissu 1997, dwar il-proċedura ta’ pubblikazzjoni tat-tnidijiet taż-żwieġ u d-dokumenti li għandhom jiġu ppreżentati għall-ħruġ ta’ viża sabiex żwieġ ikun jista’ jsir fir-Renju jew sabiex tinħareġ viża għar-riunifikazzjoni tal-familja abbażi ta’ żwieġ li jkun sar barra mill-pajjiż (Moniteur belge ta’ l-1 ta’ Ottubru 1997, p. 25905, iktar ’il quddiem iċ-“ċirkulari tat-28 ta’ Awwissu 1997” ).

 Il-kuntest ġuridiku

 Il-leġiżlazzjoni Komunitarja

3        L-Artikolu 1(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1612/68, tal-15 ta’ Ottubru 1968, dwar il-libertà tal-moviment għall-ħaddiema fi ħdan il-Komunità (ĠU L 257, p. 2), jipprovdi li:

“Kwalunkwe ċittadin ta’ xi Stat Membru, għandu, irrispettivament mill-post fejn jgħix, ikollu d-dritt li jidħol għall-attività bħala persuna mpjegata, u li jwettaq attività tali, fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor skond id-dispożizzjonijiet imniżżlin b’liġi, regolament jew azzjoni amministrattiva li tiggverna l-impjieg taċ-ċittadini ta’ dak l-Istat.”

4        L-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 1612/68 jippreċiża li:

“1.      Dawn li ġejjin għandhom, irrispettivament miċ-ċittadinanza tagħhom, ikollhom id-dritt li jinstallaw ruħhom ma’ ħaddiem li hu ċittadin ta’ Stat Membru wieħed u li hu mpjegat fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor:

a)      il-mara tiegħu u d-dixxendenti tagħhom li huma taħt l-età ta’ 21 sena jew huma dipendenti;

b)      qraba dipendenti fil-linja axxendenti tal-ħaddiem u l-mara tiegħu.

2.      Stati Membri għandhom jiffaċilitaw id-dħul ta’ kwalunkwe membru tal-familja li ma jaqax taħt il-paragrafu 1 jekk ikun dipendenti fuq il-ħaddiem li saret referenza għalih hawn fuq jew ikun qed jgħix taħt is-saqaf tiegħu fil-pajjiż mnejn ġie.

3.      Għall-iskopijiet ta’ paragrafi 1 u 2, il-ħaddiem għandu jkollu disponibbli għall-familja tiegħu dar għall-abitazzjoni meqjusa bħala normali għall-ħaddiema ċittadini ta’ dak l-Istat fir-reġjun fejn hu jkun impjegat; din id-dispożizzjoni, madanakollu m’għandux joħloq diskriminazzjoni bejn ħaddiema ċittadini u ħaddiema mill-Istati Membri l-oħra.”

5        Skond l-Artikolu 1 tad-Direttiva 68/360, l-Istati Membri għandhom ineħħu, taħt il-kundizzjonijiet previsti f’din id-direttiva, ir-restrizzjonijiet fuq il-moviment u r-residenza ta’ ċittadini ta’ l-Istati msemmija u ta’ membri tal-familji tagħhom li għalihom japplika r-Regolament Nru 1612/68.

6        L-Artikolu 3 tad-Direttiva 68/360 jipprovdi li:

“1.      L-Istati Membri għandhom jippermettu lill-persuni li hemm referenza għalihom fl-Artikolu 1 li jidħlu fit-territorju tagħhom sempliċiment mal-preżentazzjoni ta’ karta ta’ l-identità valida jew passaport validu.

2.      L-ebda visa ta’ dħul jew dokument ekwivalenti m’għandu jintalab ħlief minn membri tal-familja li ma jkunux ċittadini ta’ Stat Membru. L-Istati Membri għandhom jagħtu lil dawk il-persuni kull faċilità sabiex jiksbu kull visa meħtieġa.”

7        L-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 68/360 jipprovdi li l-Istati Membri għandhom jagħtu d-dritt ta’ residenza fit-territorju tagħhom lill-persuni li hemm referenza għalihom fl-Artikolu 1 li jistgħu jippreżentaw id-dokumenti mniżżla fl-Artikolu 4(3).

8        Skond it-tieni inċiż ta’ l-Artikolu 4(3) ta’ l-istess direttiva, dawn id-dokumenti huma, għall-membri tal-familja ta’ ħaddiem:

“ċ)      id-dokument li bih ikunu daħlu fit-territorju;

d)      dokument maħruġ mill-awtorità kompetenti ta’ l-Istat ta’ oriġini jew l-Istat minn fejn ikunu ġew, li jagħti prova tar-relazzjoni tagħhom;

e)      fil-każijiet li hemm referenza għalihom fl-Artikolu 10(1) u (2) tar-Regolament (KEE) Nru 1612/68, dokument maħruġ mill-awtorità kompetenti ta’ l-Istat ta’ oriġini jew l-Istat minn fejn ikunu ġew, li jagħti xiehda li huma dipendenti fuq il-ħaddiem jew li jgħixu taħt is-saqaf tiegħu f'dak il-pajjiż.”

9        L-Artikolu 10 tad-Direttiva 68/360 jipprovdi li:

“L-Istati Membri m’għandhomx jidderogaw mid-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva minbarra għal raġunijiet ta’ politika pubblika, sigurtà pubblika jew saħħa pubblika.”

10      Skond l-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 73/148:

“L-Istati Membri għandhom, waqt li jaġixxu kif previst f’din id-Direttiva, jabolixxu restrizzjonijiet fuq il-moviment u r-residenza ta’:

a)      ċittadini ta’ Stat Membru li stabbilixxew ruħhom jew li jixtiequ jistabbilixxu ruħhom fi Stat Membru ieħor sabiex iwettqu attivitajiet bħala persuni li jaħdmu għal rashom, jew li jixtiequ jipprovdu servizzi f’dak l-Istat;

b)      persuni ta’ ċittadinanza ta’ Stati Membri li jixtiequ jmorru fi Stat Membru ieħor bħala riċevituri ta’ servizzi;

ċ)      il-konjuġi u t-tfal taħt il-wieħed u għoxrin sena ta’ dawn iċ-ċittadini, mingħajr distinzjoni taċ-ċittadinanza tagħhom;

d)      il-qraba anzjani u dixxendenti ta’ dawn il-persuni ċittadini u tal-konjuġi ta’ dawn iċ-ċittadini, li huma dipendenti fuqhom, mingħajr distinzjoni taċ-ċittadinanza.”

11      L-Artikolu 3 tad-Direttiva 73/148 jirrepeti essenzjalment il-kontenut ta’ l-Artikolu 3 tad-Direttiva 68/360.

12      L-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 73/148 jipprovdi li:

“Kull Stat Membru għandu jagħti d-dritt ta’ residenza permanenti lil ċittadini ta’ Stati Membri oħrajn li stabbilixxew ruħhom fit-territorju tiegħu sabiex ikomplu jwettqu attivitajiet bħala persuni li jaħdmu għal rashom, meta r-restrizzjonijiet fuq dawn l-attivitajiet ikunu ġew aboliti skond it-Trattat.

Bħala prova tad-dritt ta’ residenza, għandu jinħareġ dokument intitolat “Permess għal Residenza għal ċittadini ta’ Stat Membru tal-Komunitajiet Ewropej”. Dan id-dokument għandu jkun validu għal mhux inqas minn ħames snin mid-data ta’ ħruġ u għandu jkun imġedded awtomatikament.

[...]”

13      L-Artikolu 6 tad-Direttiva 73/148 jipprovdi li:

“Applikant għal permess ta’ residenza jew dritt ta’ alloġġ m’għandux ikun meħtieġ minn Stat Membru li jipproduċi xi ħaġa oħra għajr li ġej, jiġifieri:

a)      il-karta ta’ l-identità jew il-passaport li bihom hu jew hi jkunu daħlu fit-territorju tiegħu;

b)      prova li hu jew hi jiġu minn waħda mill-klassijiet ta’ persuni msemmija fl-Artikoli 1 u 4.”

14      L-Artikolu 8 tad-Direttiva 73/148 jirrepeti essenzjalment il-kontenut ta’ l-Artikolu 10 tad-Direttiva 68/360.

15      Skond l-Artikolu 1 tad-Direttiva 64/221:

“1.      Id-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva għandhom japplikaw għal kull ċittadin ta’ xi Stat Membru li joqgħod fi jew jivvjaġġa lejn Stat Membru ieħor tal-Komunità, jew sabiex ikompli attività bħala persuna impjegata jew bħala impjegat għal rasu, jew bħala reċipjent ta’ servizzi.

2.      Dawn id-dispożizzjonijiet għandhom japplikaw ukoll għall-konjuġi u għall-membri tal-familja li jaqgħu taħt id-dispożizzjonijiet tar-regolamenti u direttivi adottati f’dan il-qasam bis-saħħa tat-Trattat.”

16      L-Artikolu 2 tad-Direttiva 64/221 jipprovdi li:

“1.      Din id-Direttiva tirrigwarda l-miżuri kollha dwar id-dħul fit-territorju tagħhom, il-ħruġ jew it-tiġdid tal-permessi tar-residenza, jew it-tkeċċija mit-territorju tagħhom, meħuda minn Stati Membri għal raġunijiet ta’ politika pubblika, sigurtà pubblika jew saħħa pubblika.

2. Dawn ir-raġunijiet m’għandhomx jiġu invokati biex jaqdu għanijiet ekonomiċi.”

17      L-Artikolu 3 tad-Direttiva 64/221 jippreċiża li:

“1.       Il-miżuri li jittieħdu għal raġunijiet ta’ politika pubblika jew ta’ sigurtà pubblika għandhom ikunu bbażati fuq il-kondotta personali ta’ l-individwu kkonċernat.

2.      Il-kundanni kriminali ta’ qabel ma għandhomx jikkostitwixxu fihom infushom raġunijiet sabiex jittieħdu dawk il-miżuri.

3.      L-iskadenza tal-karta ta’ l-identità jew tal-passaport użat mill-persuna kkonċernata sabiex tidħol fil-pajjiż ospiti u biex takkwista permess ta’ residenza m’għandhomx jiġġustifikaw it-tkeċċija mit-territorju.

4.       L-Istat li jkun ħareġ il-karta ta’ l-identità jew il-passaport għandu jħalli d-detentur tad-dokument jirritorna lejn it-territorju tiegħu mingħajr ebda formalità anki jekk id-dokument ma jkunx aktar validu jew iċ-ċittadinanza tad-detentur ma tkunx ċara.”

18      Skond l-Artikolu 8 tad-Direttiva 64/221:

“Il-persuna kkonċernata għandu jkollha l-istess rimedji legali f’dak li għandu x’jaqsam ma’ kwalunkwe deċiżjoni dwar id-dħul, jew dwar ir-rifjut tal-ħruġ jew tat-tiġdid tal-permess tar-residenza, jew dwar l-ordni għat-tkeċċija mit-territorju, kif dawn ikun disponibbli għaċ-ċittadini ta’ l-Istat ikkonċernat f’dak li għandu x’jaqsam ma’ atti ta’ l-amministrazzjoni.”

19      Skond l-Artikolu 9 tad-Direttiva 64/221:

“1.      Fejn ma jkunx hemm ebda dritt għall-appell quddiem qorti tal-liġi, jew fejn dan l-appell jista’ jsir biss f’dak li għandu x’jaqsam mal-validità legali tad-deċiżjoni, jew fejn l-appell ma jkunx jista’ jkollu effett ta’ sospensjoni, ma għandhiex tittieħed deċiżjoni li tirrifjuta t-tiġdid tal-permess tar-residenza jew li tordna t-tkeċċija tad-detentur tal-permess tar-residenza mit-territorju mill-awtorità amministrattiva, minbarra f’każijiet ta’ urġenza, sakemm ma tingħatax opinjoni mill-awtorità kompetenti tal-pajjiż ospiti [ospitanti] li fih il-persuna kkonċernata tkun tgawdi dawk id-drittijiet ta’ difiża u ta’ assistenza jew rappreżentanza bħalma jkun ipprovdut bil-liġi domestika ta’ dak il-pajjiż.

Din l-awtorità ma għandhiex tkun l-istess bħal dik li tingħata s-setgħa li tieħu d-deċiżjoni li tirrifjuta t-tiġdid tal-permess tar-residenza jew li tordna t-tkeċċija.

2.      Kwalunkwe deċiżjoni li tirrifjuta l-ħruġ ta’ permess ta’ l-ewwel residenza jew li tordna tkeċċija tal-persuna konċernata qabel il-ħruġ tal-permess għandha, fejn dik il-persuna hekk titlob, tiġi rriferita għall-kunsiderazzjoni lill-awtorità fejn tkun meħtieġa l-opinjoni preċedenti tagħha taħt il-paragrafu I. Il-persuna kkonċernata għandha mbagħad tkun intitolata li tagħti d-difiża tagħha hi nnifisha, minbarra fejn din tmur kontra l-interessi ta’ sigurtà nazzjonali.”

20      Ir-Regolament Nru 2317/95 ġie annullat mis-sentenza ta’ l-10 ta’ Ġunju 1997, Il-Parlament vs Il-Kunsill (C-392/95, Ġabra p. I-3213). Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-effetti tar-regolament annullat jibqgħu fis-seħħ sakemm il-Kunsill ta’ l-Unjoni Ewropea tadotta leġiżlazzjoni ġdida f’dan il-qasam.

21      Skond l-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 2317/95:

“Għall-finijiet ta’ dan ir-regolament, ‘viża’ għandha tfisser awtorizzazzjoni mogħtija minn Stat Membru jew deċiżjoni meħuda minn Stat Membru, meħtieġa għad-dħul fit-territorju tiegħu għal skopijiet ta’:

–        residenza intiża f’dan l-Istat Membru jew f’diversi Stati Membri, għal perijodu ta’ mhux aktar minn tliet xhur,

–        tranżitu fit-territorju ta’ dak l-Istat Membru jew diversi Stati Membri, ħlief għat-tranżitu miż-żoni internazzjonali ta’ l-ajruporti u għat-trasferimenti bejn l-ajruporti ta’ Stat Membru.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

22      Fit-12 ta’ Marzu 1999, il-Kunsill adotta r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 574/1999, li jiddetermina l-pajjiżi terzi li ċ-ċittadini tagħhom għandu jkollhom viża meta jaqsmu l-fruntieri esterni ta’ l-Istati Membri (ĠU L 72, p. 2). Dan ir-regolament ġie ssostitwit bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 539/2001, tal-15 ta’ Marzu 2001, li jelenka l-pajjiżi terzi li ċ-ċittadini tagħhom għandhom ikollhom viża fil-pussess tagħhom meta jaqsmu l-fruntieri esterni u dawk iċ-ċittadini li huma eżentati minn dik il-ħtieġa (ĠU L 81, p. 1).

 Il-leġiżlazzjoni nazzjonali

23      Il-liġi dwar id-dħul fit-territorju, ir-residenza, l-istabbiliment u t-tkeċċija tal-barranin, tal-15 ta’ Diċembru 1980 (Moniteur belge tal-31 ta’ Diċembru 1980), li ġiet emendata bil-liġi tal-15 ta’ Lulju 1996 (Moniteur belge tat-12 ta’ Ottubru 1996, iktar ’il quddiem il-“liġi tal-15 ta’ Diċembru 1980”) tipprovdi fl-ewwel paragrafu ta’ l-Artikolu 2 tagħha:

“Huwa awtorizzat jidħol fir-Renju l-barrani li għandu:

[...]

ii)      jew passaport validu jew dokument ta’ l-ivvjaġġar ieħor floku, li fih viża jew awtorizzazzjoni oħra minflok il-viża, valida għall-Belġju, maħruġa minn rappreżentant diplomatiku jew konsulari Belġjan jew minn rappreżentant ta’ Stat li huwa parti għal konvenzjoni internazzjonali dwar il-qsim tal-fruntieri esterni, li torbot lill-Belġju.”

24      It-tieni subparagrafu ta’ l-ewwel paragrafu ta’ l-Artikolu 3 ta’ l-istess liġi jippermetti lill-“awtoritajiet responsabbli mill-kontroll tal-fruntieri” jibagħtu lura l-barrani li “jipprova jidħol fir-Renju mingħajr id-dokumenti rikjesti mill-Artikolu 2”.

25      L-ewwel u t-tieni subparagrafu ta’ l-ewwel paragrafu ta’ l-Artikolu 7 ta’ l-imsemmija liġi jippermettu lill-ministru kompetenti jew lid-delegat tiegħu jagħtu l-ordni lil barrani li mhuwiex awtorizzat u lanqas għandu l-permess li jirrisjedi għal iktar minn tliet xhur jew li jistabbilixxi ruħu fir-Renju sabiex jitlaq mit-territorju qabel data speċifika:

“(i)      jekk joqgħod fir-Renju mingħajr id-dokumenti meħtieġa mill-Artikolu 2;

(ii)      jekk joqgħod fir-Renju għal iktar żmien mit-terminu stipulat skond l-Artikolu 6 jew ma jistax jippreżenta l-prova li dan it-terminu ma jkunx għadda”.

26      Skond l-Artikolu 40(2) sa (6) tal-liġi tal-15 ta’ Diċembru 1980:

“2.      Għall-iskopijiet ta’ l-applikazzjoni ta’ din il-liġi, barrani KE għandha tfisser kull ċittadin ta’ Stat Membru tal-Komunitajiet Ewropej li jirrisjedi jew li jivvjaġġa lejn ir-Renju u li:

(i)      jeżerċita jew għandu l-intenzjoni li jeżerċita hemmhekk attività bħala persuna impjegata jew li taħdem għal rasha; jew,

(ii)      jirċievi jew għandu l-intenzjoni li jirċievi hemmhekk servizzi; jew,

(iii) jibbenefika jew għandu l-intenzjoni li jibbenefika hemmhekk mid-dritt li joqgħod; jew,

(iv)      jibbenefika jew għandu l-intenzjoni li jibbenefika hemmhekk mid-dritt ta’ residenza wara li jkun temm attività professjonali eżerċitata fil-Komunità; jew,

(v)      jsegwi jew għandu l-intenzjoni li jsegwi hemmhekk, prinċipalment, taħriġ professjonali fi stabbiliment approvat ta’ tagħlim; jew,

(vi)      ma jaqa’ taħt l-ebda waħda mill-kategoriji minn (i) sa (v).

3.      Bla ħsara għal kull dispożizzjoni kuntrarja ta’ din il-liġi, il-persuni segwenti għandhom, tkun xi tkun in-nazzjonalità tagħhom, jiġu ttrattati bl-istess mod bħal barrani KE imsemmi fis-subparagrafu 2(i), (ii) u (iii), safejn huma jkunu ser jistabbilixxu ruħhom jew ikunu diġà stabbilixxew ruħhom miegħu:

(i)      il-konjuġi tiegħu;

[...]

4.      Bla ħsara għal kull dispożizzjoni kuntrarja ta’ din il-liġi, il-persuni segwenti għandhom, tkun xi tkun in-nazzjonalità tagħhom, jiġu ttrattati bl-istess mod bħal barrani KE imsemmi fis-subparagrafu 2(iv) u (vi), safejn huma jkunu ser jistabbilixxu ruħhom jew ikunu diġà stabbilixxew ruħhom miegħu:

(i)      il-konjuġi tiegħu;

[...]

5.      Bla ħsara għal kull dispożizzjoni kuntrarja ta’ din il-liġi, il-konjuġi ta’ barrani KE imsemmi fis-subparagrafu 2(iv) u t-tfal tiegħu jew it-tfal tal-konjuġi tiegħu li huma dipendenti fuqhom għandhom, tkun xi tkun in-nazzjonalità tagħhom, jiġu ttrattati bl-istess mod bħal barrani KE, safejn huma jkunu ser jistabbilixxu ruħhom jew ikunu diġà stabbilixxew ruħhom miegħu.

6.      Il-konjuġi ta’ Belġjan li jkun ser jistabbilixxi ruħu jew li jkun diġà stabbilixxa ruħu miegħu, kif ukoll id-dixxendenti tagħhom li għadhom m’għalqux l-età ta’ 21 u li għadhom dipendenti fuqhom, l-axxendenti tagħhom li huma dipendenti fuqhom u l-konjuġi ta’ dawk id-dixxendenti jew axxendenti, li jkunu ser jistabbilixxu ruħhom jew li jkunu diġà stabbilixxew ruħhom magħhom, għandhom ukoll jiġu ttrattati bl-istess mod bħal barrani KE.”

27      L-Artikolu 41 tal-liġi tal-15 ta’ Diċembru 1980 jipprovdi li:

“Id-dritt li jidħol fir-Renju għandu jingħata lil barrani KE li jippreżenta karta ta’ l-identità valida jew passaport nazzjonali validu.

Il-konjuġi u l-membri tal-familja tiegħu msemmija fl-Artikolu 40, li m’għandhomx nazzjonalità ta’ Stat Membru tal-Komunitajiet Ewropej, għandhom ikollhom id-dokument meħtieġ mill-Artikolu 2.

Persuna li għandha dokument maħruġ mill-awtoritajiet Belġjani u li għandha permess ta’ dħul u ta’ residenza fi Stat Membru tal-Komunitajiet, għandha titħalla tidħol mingħajr ebda formalitajiet fit-territorju Belġjan anki jekk in-nazzjonalità tagħha hija kkontestata jew jekk dan id-dokument ikun skada.”

28      L-Artikolu 42 tal-liġi tal-15 ta’ Diċembru 1980 jipprovdi li:

“Dritt ta’ residenza għandu jingħata lil barrani KE taħt il-kundizzjonijiet u għal żmien stabbiliti mir-Re skond ir-regolamenti u d-direttivi tal-Komunitajiet Ewropej.

Dan id-dritt ta’ residenza għandu jiġi kkonstatat permezz ta’ permess maħruġ fil-każijiet u skond ir-regoli dettaljati stabbiliti mir-Re, skond l-imsemmija regolamenti u direttivi.

Id-deċiżjoni dwar il-ħruġ tal-permess ta’ residenza għandha tittieħed fl-iqsar żmien possibbli u mhux aktar tard minn sitt xhur mill-applikazzjoni.”

29      L-Artikolu 43 tal-liġi tal-15 ta’ Diċembru 1980 jippreċiża li:

“Id-dħul u r-residenza ma jistgħux jiġu miċħuda lil barranin KE, ħlief għal raġunijiet ta’ ordni pubbliku, ta’ sigurtà pubblika jew ta’ saħħa pubblika, u dan skond il-limitazzjonijiet li ġejjin:

[...]

(iii) l-iskadenza tad-dokument li jkun ippermetta d-dħul u r-residenza fit-territorju Belġjan ma tistax fiha nnifisha tiġġustifika t-tkeċċija mit-territorju;

[...]”

30      Skond l-ewwel subparagrafu ta’ l-ewwel paragrafu ta’ l-Artikolu 44 tal-liġi tal-15 ta’ Diċembru 1980:

“Talba għal reviżjoni kif prevista fl-Artikolu 64 tista’ ssir fir-rigward ta’:

(i)      kull rifjut ta’ ħruġ ta’ permess ta’ residenza lil barrani KE li għandu dritt ta’ residenza skond l-Artikolu 42 kif ukoll kull deċiżjoni ta’ tkeċċija qabel ma jinħareġ tali permess”.

31      Skond l-Artikolu 64 tal-liġi tal-15 ta’ Diċembru 1980:

“Minbarra d-deċiżjonijiet imsemmija fl-Artikolu 44 u 44a, il-ministru jista’ jagħmel talba għal reviżjoni, li għandha titwettaq skond id-dispożizzjonijiet li ġejjin, fir-rigward ta’:

(i)      id-deċiżjoni li tirrifjuta, skond l-Aritkolu 11, l-għoti ta’ dritt ta’ residenza;

(ii)      l-ordni li l-persuna tintbagħat lura lejn il-pajjiż ta’ oriġini;

(iii) iċ-ċaħda ta’ applikazzjoni għall-għoti ta’ awtorizzazzjoni ta’ stabbiliment;

[...]

(vii) id-deċiżjoni li ġġiegħel lill-barrani, skond l-Artikolu 22, li jitlaq minn post speċifiku, li joqgħod ’il boghod minnu jew li jirrisjedi f’post speċifiku;

(viii) id-deċiżjoni li tirrifjuta l-awtorizzazzjoni ta’ residenza lill-barrani li jixtieq jistudja fil-Belġju”.

32      L-Artikolu 69 tal-liġi tal-15 ta’ Diċembru 1980 jipprovdi li:

“Rikors għal annullament, irregolat mill-Artikolu 14 tal-liġijiet dwar il-Conseil d’État, ikkonsolidati fit-12 ta’ Jannar 1973, jista’ jiġi ppreżentat kontra deċiżjoni li tirrifjuta l-benefiċċju ta’ dritt previst f’din il-liġi.

It-tressiq ta’ talba għal reviżjoni ma jipprekludix il-preżentazzjoni diretta ta’ rikors għall-annullament tad-deċiżjoni li tagħha r-reviżjoni hija mitluba.

F’dan il-każ, l-eżami tar-rikors għal annullament huwa sospiż sakemm il-Ministru jkun ddeċieda dwar l-ammissibbiltà tat-talba.”

33      Iċ-ċirkulari tat-28 ta’ Awwissu 1997 tgħid li ġej:

“L-għan ta’ din iċ-ċirkulari huwa sabiex jiġu indirizzati ċerti problemi dwar il-proċedura ta’ pubblikazzjoni tat-tnidijiet […] li reċentement taw lok għal kontroversja. Barra minn hekk, hija tikkjarifika ċerti affarijiet rigward id-dokumenti li għandhom jiġu ppreżentati sabiex tinħareġ viża sabiex żwieġ ikun jista’ jsir fir-Renju jew sabiex tinħareġ viża għar-riunifikazzjoni tal-familja abbażi ta’ żwieġ li jkun sar barra mill-pajjiż.

[...]

4.      Preżentazzjoni ta’ applikazzjoni għal residenza wara ż-żwieġ.

[...]

Madankollu, għal dak li jirrigwarda r-residenza, għandu jiġi mfakkar li d-dokumenti meħtieġa għad-dħul fir-Renju għandhom jiġu ppreżentati in sostenn ta’ l-applikazzjoni għal residenza mressqa fil-kuntest ta’ l-ewwel jew ir-raba’ subparagrafu ta’ l-ewwel paragrafu ta’ l-Artikolu 10 jew ta’ l-Artikolu 40(3) sa (6) tal-liġi tal-15 ta’ Diċembru 1980 dwar id-dħul fit-territorju, ir-residenza, l-istabbiliment u t-tkeċċija tal-barranin.

Dan ifisser speċifikament li l-barrani għandu jkollu passaport nazzjonali validu jew dokument ta’ l-ivvjaġġar ieħor floku, li jkun fih, skond il-każ, viża jew awtorizzazzjoni oħra minflok il-viża, valida għall-Belġju, maħruġa minn rappreżentant diplomatiku jew konsulari Belġjan jew minn rappreżentant ta’ Stat li huwa parti għal konvenzjoni internazzjonali dwar il-qsim tal-fruntieri esterni, li torbot lill-Belġju (Artikolu 2 tal-liġi tal-15 ta’ Diċembru 1980).

Meta l-barrani ma jippreżentax dawn id-dokumenti ta’ dħul, l-applikazzjoni għal residenza hija bħala prinċipju ddikjarata bħala inammissibbli.

[...]”

34      Iċ-ċirkulari tal-Ministru għall-Intern, tat-12 ta’ Ottubru 1998, dwar l-applikazzjoni għar-residenza jew għall-stabbiliment fir-Renju ppreżentata, wara ż-żwieġ, abbażi ta’ l-Artikoli 10 jew 40 tal-liġi tal-15 ta’ Diċembru 1980 dwar id-dħul fit-territorju, ir-residenza, l-istabbiliment u t-tkeċċija tal-barranin (Moniteur belge tas-6 ta’ Novembru 1998, p. 36360, iktar ’il quddiem iċ-“ċirkulari tat-12 ta’ Ottubru 1998”), ġiet adottata sabiex tippreċiża r-regola mniżżla fil-punt 4 taċ-ċirkulari tat-28 ta’ Awwissu 1997. Il-punti 1 u 2 taċ-ċirkulari tat-12 ta’ Ottubru 1998 jipprovdu li:

“1.      Ir-regola ġenerali li tgħid li applikazzjoni għar-residenza jew għall-istabbiliment fir-Renju abbażi tar-riunifikazzjoni tal-familja ma tittiħidx in kunsiderazzjoni meta l-barrani ma jkollux, meta jippreżenta l-applikazzjoni, dokumenti ta’ dħul validi, jiġifieri passaport nazzjonali validu jew dokument ta’ l-ivvjaġġar ieħor floku, li jkun fih, skond il-każ, viża valida, tibqa’ applikabbli.

2.      B’deroga għal din ir-regola ġenerali, l-applikazzjoni għall-istabbiliment ippreżentata abbażi ta’ l-Artikolu 40 tal-liġi tal-15 ta’ Diċembru 1980 minn barrani (li għandu bżonn viża) miżżewweġ ma’ ċittadin Belġjan jew ma’ ċittadin ta’ Stat Membru taż-ŻEE, li jippreżenta biss passaport nazzjonali, jew dokument ta’ l-ivvjaġġar ieħor floku, validu, iżda li jkun fih viża li skadiet, tittieħed xorta waħda in kunsiderazzjoni, bil-kundizzjoni li d-dokumenti dwar ir-rabta tiegħu ta’ parentela jew ta’ żwieġ maċ-ċittadina Belġjana jew maċ-ċittadina ta’ Stat Membru taż-ŻEE jiġu ppreżentati flimkien ma’ l-applikazzjoni għall-istabbiliment.

[...]”

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

35      Permezz ta’ rikors tat-28 ta’ Novembru 1997, il-MRAX talbet lill-Conseil d’État jannulla ċ-ċirkulari tat-28 ta’ Awwissu 1997.

36      In sostenn tar-rikors tiegħu, huwa argumenta li din iċ-ċirkulari, b’mod partikolari l-punt 4 tagħha, hija inkompatibbli mad-direttivi Komunitarji fil-qasam tal-moviment u tar-residenza ġewwa l-Komunità.

37      Peress li kkunsidra li s-soluzzjoni tal-kwistjoni kienet tirrikjedi interpretazzjoni tad-dritt Komunitarju, il-Conseil d’État iddeċieda li jissospendi l-proċeduri quddiemu u li jagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      L-Artikolu 3 tad-Direttiva 68/360 tal-15 ta’ Ottubru 1968, l-Artikolu 3 tad-Direttiva 73/148 tal-21 ta’ Mejju 1973 kif ukoll ir-Regolament Nru 2317/95 tal-25 ta’ Settembru 1995, moqrija fid-dawl tal-prinċipji ta’ proporzjonalità, ta’ non-diskriminazzjoni u tad-dritt tar-rispett għall-ħajja tal-familja, għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-Istati Membri jistgħu, fil-fruntiera, jibagħtu lura l-barranin li għandhom bżonn viża u l-konjuġi ta’ ċittadini Komunitarji li jippruvaw jidħlu fit-territorju ta’ Stat Membru mingħajr ma jkollhom dokument ta’ identità jew viża?

2)      L-Artikolu 4 tad-Direttiva 68/360 u l-Artikolu 6 tad-Direttiva 73/148, moqrija fid-dawl ta’ l-Artikolu 3 tad-direttivi ċċitati iktar ’il fuq kif ukoll tal-prinċipji ta’ proporzjonalità, ta’ non-diskriminazzjoni u tad-dritt tar-rispett għall-ħajja tal-familja, għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-Istati Membri jistgħu jirrifjutaw il-permess ta’ residenza lill-konjuġi ta’ ċittadin Komunitarju li jkun daħal illegalment fit-territorju tagħhom u jieħdu fil-konfront tiegħu miżura ta’ tkeċċija?

3)      L-Artikoli 3 u 4(3) tad-Direttiva 68/360, l-Artikolu 3 tad-Direttiva 73/148 u l-Artikolu 3(3) tad-Direttiva 64/221 tal-25 ta’ Frar 1964 jimplikaw li l-Istati Membri jistgħu la jirrifjutaw il-permess ta’ residenza u lanqas ikeċċu l-konjuġi barrani ta’ ċittadin Komunitarju li daħal legalment fit-territorju nazzjonali iżda li l-viża tiegħu tkun skaduta meta japplika għall-ħruġ ta’ dan il-permess?

4)      L-Artikoli 1 u 9(2) tad-Direttiva 64/221 għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-konjuġi barranin ta’ ċittadini Komunitarji li m’għandhomx dokumenti ta’ identità, viża jew li l-viża tagħhom tkun skadiet għandhom id-dritt li jirreferu l-kwistjoni lill-awtorità kompetenti msemmija fl-Artikolu 9(1), meta japplikaw għall-ħruġ ta’ l-ewwel permess ta’ residenza jew meta jkunu s-suġġett ta’ tkeċċija qabel il-ħruġ ta’ tali permess?”

 Osservazzjoni preliminari

38      L-Istat Belġjan isostni li l-leġiżlatur nazzjonali jpoġġi l-konjuġi ta’ ċittadini Belġjani fuq l-istess livell bħaċ-ċittadini ta’ l-Istati Membri, sabiex ma jiġux trattati b’mod inqas favorevoli mill-konjuġi jew mill-membri tal-familja ta’ ċittadin ta’ Stat Membru ieħor. Madankollu, skond l-Istat Belġjan, il-Qorti tal-Ġustizzja m’għandhiex ġurisdizzjoni meta kawża tirrigwarda s-sitwazzjoni ta’ ċittadina ta’ pajjiż terz, miżżewwġa ma’ ċittadin Belġjan.

39      F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li l-leġiżlazzjoni Komunitarja dwar il-moviment liberu ta’ ħaddiema, dwar il-libertà li jiġu pprovduti servizzi u dwar il-libertà ta’ l-istabbiliment mhijiex applikabbli għal sitwazzjonijiet fejn mhemm l-ebda rabta ma’ xi waħda mis-sitwazzjonijiet koperti mid-dritt Komunitarju. Għaldaqstant, l-imsemmija leġiżlazzjoni ma tistax tiġi applikata għas-sitwazzjoni ta’ persuni li qatt ma eżerċitaw dawn il-libertajiet (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tas-16 ta’ Diċembru 1992, Koua Poirrez, C-206/91, Ġabra p. I-6685, punti 10 sa 12, u tal-11 ta’ Lulju 2002, Carpenter, C-60/00, Ġabra p. I‑6279, punt 28).

40      Huwa fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet li hemm lok li tingħata risposta għad-domandi preliminari li jistiednu l-Qorti tal-Ġustizzja tagħti deċiżjoni dwar il-portata ta’ diversi dispożizzjonijiet tad-Direttivi 64/221, 68/360 u 73/148 kif ukoll tar-Regolament Nru 2317/95 fir-rigward ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi, miżżewġa ma’ ċittadini ta’ Stati Membri.

 Fuq l-ewwel domanda

 L-osservazzjonijiet ippreżentati lill-Qorti tal-Ġustizzja

41      Il-MRAX isostni li l-fatt li ċittadin ta’ pajjiż terz, miżżewweġ ma’ ċittadin ta’ Stat Membru, jintbagħat lura malli jasal fil-fruntiera ta’ Stat Membru peress li ma jkollux viża maħruġa minn dan l-Istat Membru, jikkostitwixxi ksur ta’ l-Artikolu 3 tad-Direttiva 68/360, ta’ l-Artikolu 3 tad-Direttiva 73/148, tar-Regolament Nru 2317/95 kif ukoll ta’ l-Artikolu 8(2) tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali (iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni”).

42      Barra minn hekk, il-MRAX jikkunsidra li, għaċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi, konjuġi ta’ ċittadini ta’ Stati Membri, l-eżami tal-kundizzjonijiet għall-ħruġ tal-viża għandu jsir fil-Belġju u mhux fil-pajjiż ta’ oriġini tagħhom.

43      Għal dak li jirrigwarda r-rekwiżit ta’ dokument ta’ identità, l-Istat Belġjan isostni li huma l-Istati Membri li għandhom jivverifikaw jekk iċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jixtiequ jidħlu fit-territorju tagħhom jew li, billi jkunu diġà daħlu, jitolbu dritt ta’ residenza, jistgħux jirrikorru għad-dritt Komunitarju. L-obbligu li jiġi ppreżentat passaport validu mad-dħul fit-territorju ta’ Stat Membru jista’ jiġi ġġustifikat min-neċessità għaċ-ċittadin ta’ pajjiż terz li jagħti prova ta’ l-identità tiegħu u tar-rabta tal-familja li għandu ma’ ċittadin ta’ Stat Membru.

44      Għal dak li jirrigwarda r-rekwiżit ta’ viża, l-Istat Belġjan isostni li l-obbligu li tintalab viża qabel id-dħul fit-territorju ta’ Stat Membru jagħti lill-Istati Membri l-mezz kif jivverifikaw kemm jekk iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz li jixtieq jidħol fit-territorju tagħhom bħala konġunt ta’ ċittadin ta’ Stat Membru jissodisfax il-kundizzjonijiet meħtieġa kif ukoll jekk ma jaqax taħt il-kategorija ta’ peruni li jistgħu ma jitħallewx jidħlu minħabba raġunijiet ta’ ordni pubbliku, ta’ sigurtà pubblika jew ta’ saħħa pubblika skond id-Direttiva 64/221. Għaldaqstant, l-Artikolu 3 tad-Direttiva 68/360 u l-Artikolu 3 tad-Direttiva 73/148, li jawtorizzaw l-Istati Membru jitolbu viża minn ċittadini ta’ pajjiżi terzi li huma membri tal-familja ta’ ċittadin ta’ Stat Membru, għandhom jiġu interpretati fis-sens li, fin-nuqqas ta’ viża, l-Istati Membri huma intitolati jibagħtu lura dawn il-persuni malli jasslu fil-fruntieri tagħhom. Kull interpretazzjoni kuntrarja ċċaħħad lil dawn id-dispożizzjonijiet minn kull effett utli.

45      L-Istat Belġjan iżid li ħafna elementi li jirrigwardaw ċittadin ta’ pajjiż terz jistgħu jiġu kkjarifikati biss mill-awtoritajiet ta’ rappreżentanza Belġjani fil-pajjiż ta’ oriġini ta’ din il-persuna. Għal din ir-raġuni, ikun xieraq li l-viża tinħareġ fil-pajjiż terz u mhux fil-fruntiera Belġjana.

46      Il-Gvern Awstrijak jikkunsidra li l-obbligu għaċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi, li huma l-konġunti ta’ ċittadini ta’ Stati Membri, li jiksbu viża ma jikkostitwixxix diskriminazzjoni safejn kemm id-dritt Belġjan kif ukoll id-dritt Komunitarju jipprovdu tali obbligu.

47      Min-naħa l-oħra, jekk ċittadini ta’ pajjiżi terzi li m’għandhomx viża jitħallew jidħlu fit-territorju Belġjan, dan ikun jammonta għal ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza bi żvantaġġ għaċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li għandhom viża. Madankollu, skond il-Gvern Awstrijak, fid-dawl tal-prinċipji ta’ moviment liberu ta’ persuni u ta’ proporzjonalità, Stat Membru huwa awtorizzat joħloq eċċezzjonijiet għall-obbligu ġenerali ta’ viża f’sitwazzjonijiet eċċezzjonali, kif jipprovdi b’mod partikolari l-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 574/1999.

48      Il-Kummissjoni tenfasizza s-sitwazzjoni partikolari taċ-ċittadin ta’ pajjiż terz, membru tal-familja ta’ ċittadin ta’ Stat Membru, meta mqabbel maċ-ċittadini l-oħra ta’ pajjiż terz li jasslu fil-fruntiera esterna tal-Komunità. Fil-fatt, tali ċittadin jibbaża fuq id-dritt Komunitarju d-dritt li jistabbilixxi ruħu maċ-ċittadin ta’ Stat Membru fil-Komunità.

49      Skond il-Kummissjoni, id-dħul fi Stat Membru jista’ jiġi rrifjutat lil ċittadin ta’ Stat Membru jekk huwa ma jkunx jista’ jagħti prova tan-nazzjonalità tiegħu. Għaldaqstant, l-istess raġunament għandu japplika għaċ-ċittadin ta’ pajjiż terz li ma jistax jagħti prova tar-rabta tal-familja li għandu ma’ ċittadin ta’ Stat Membru.

50      Jekk, min-naħa l-oħra, iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ikun jista’ jagħti prova ta’ din ir-rabta tal-familja u, għalhekk, tad-drittijiet li jirriżultaw mis-sistema ġuridika Komunitarja, in-nuqqas ta’ viża m’għandhiex taffettwa dawn id-drittijiet u fl-ebda każ ma jista’ jiġġustifika miżura li permezz tagħha l-persuna tintbagħat lura malli tasal fil-fruntiera. Tali miżura tkun tikkostitwixxi fil-fatt ċaħda ta’ dawn id-drittijiet u tkun tidher bħala sproporzjonata.

51      Il-Kummissjoni ssostni li, fil-preżenza ta’ persuna li tistabbilixxi rabta tal-familja ma’ ħaddiem immigrant Komunitarju, il-viża għandha biss natura formali u għandha tinħareġ b’mod kważi awtomatiku mill-Istat Membru li minnu tidħol fil-Komunità. Id-dritt tal-persuna kkonċernata li tidħol fil-Komunità bl-ebda mod ma hija bbażata fuq il-viża, iżda jirriżulta, skond id-dritt Komunitarju, mir-rabta tal-familja biss.

52      Il-Kummissjoni żżid li l-ħruġ ta’ viżi mill-konsolati ta’ Stat Membru li jinsabu fil-pajjiżi ta’ oriġini taċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi hija biss miżura ta’ organizzazzjoni li ma tistax tostakola l-eżerċizzju tad-drittijiet li jirriżultaw mis-sistema ġuridika Komunitarja.

 Risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja

53      Għandu jiġi mfakkar qabel xejn li jirriżulta mir-regolamenti u mid-direttivi tal-Kunsill dwar il-moviment liberu tal-ħaddiema impjegati u li jaħdmu għal rashom ġewwa l-Komunità li l-leġiżlatur Komunitarju rrikonoxxa l-importanza li tiġi assigurata l-protezzjoni tal-ħajja tal-familja taċ-ċittadini ta’ l-Istati Membri sabiex jitneħħew l-ostakoli għall-eżerċizzju tal-libertajiet fundamentali garantiti mit-Trattat (sentenza Carpenter, iċċitata iktar ’il fuq, punt 38).

54      Għaldaqstant, l-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 1512/68, l-Artikolu 1 tad-Direttiva 68/360 u l-Artikolu 1 tad-Direttiva 73/148 iwessgħu, b’mod identiku, l-applikazzjoni tad-dritt Komunitarju fil-qasam ta’ dħul u ta’ residenza fit-territorju ta’ l-Istati Membri għall-konjuġi taċ-ċittadini ta’ Stati Membri li jaqgħu taħt dawn id-dispożizzjonijiet (sentenza tat-8 ta’ April 1976, Royer, 48/75, Ġabra p. 497, punt 13).

55      Barra minn hekk, konformement ma’ l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 68/360 u l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 73/148, li jużaw kliem identiċi, l-Istati Membri għandhom jippermettu fit-territorju tagħhom iċ-ċittadini ta’ Stati Membri u l-membri tal-familja tagħhom li jaqgħu taħt l-imsemmija direttivi sempliċiment mal-preżentazzjoni ta’ karta ta’ l-identità valida jew passaport validu.

56      Madankollu, skond l-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 68/360 u l-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 73/148, meta ċittadin ta’ Stat Membru jiċċaqlaq minn pajjiż għall-ieħor ġewwa l-Komunità bil-għan li jeżerċita d-drittijiet li huma mogħtija lilu mit-Trattat u mill-imsemmija direttivi, l-Istati Membri jistgħu jimponu viża ta’ dħul jew obbligu ekwivalenti fuq il-membri tal-familja tiegħu li m’għandhomx nazzjonalità ta’ wieħed minn dawn l-Istati. Il-lista ta’ pajjiżi terzi li ċ-ċittadini tagħhom għandhom jkollhom viża meta jaqsmu l-fruntieri esterni ta’ l-Istati Membri kienet stabbilita fir-Regolament Nru 2317/95, li ġie ssostitwit permezz tar-Regolament Nru 539/2001.

57      Billi l-leġiżlazzjoni Komunitarja ma tispeċifikax il-miżuri li Stat Membru jista’ jieħu fil-każ fejn ċittadin ta’ pajjiż terz, konjuġi ta’ ċittadin ta’ Stat Membru, jixtieq jidħol fit-territorju Komunitarju mingħajr ma jkollu karta ta’ l-identità valida jew passaport validu jew, skond il-każ, viża, ma jidhirx li hija eskluża l-possibbiltà li tali persuna tintbagħat lura malli tasal fil-fruntiera (ara, b’mod partikolari, f’dan is-sens, għal dak li jirrigwarda l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 68/360 u l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 73/148, is-sentenza tat-30 ta’ Mejju 1991, Il-Kummissjoni vs L-Olanda, C-68/89, Ġabra p. I-2637, punt 11).

58      Fil-fatt, minn naħa, fin-nuqqas ta’ karta ta’ l-identità valida jew passaport validu, liema dokumenti jippermettu li l-pussessur tagħhom jagħti l-prova ta’ l-identità jew tan-nazzjonalità tiegħu (ara, f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenza tal-5 ta’ Marzu 1991, Giagounidis, C-376/89, Ġabra p. I-1069, punti 14 u 15), il-persuna kkonċernata ma tistax, bħala prinċipju, tagħti prova valida ta’ l-identità u, għalhekk, tar-rabtiet tal-familja tiegħu.

59      Min-naħa l-oħra, jekk, kif tenfasizza ġustament il-Kummissjoni, id-dritt ta’ dħul fit-territorju ta’ l-Istati Membri taċ-ċittadin ta’ pajjiż terz, konjuġi ta’ ċittadin ta’ Stat Membru, jirriżulta, konformement mad-dritt Komunitarju, mis-sempliċi rabta tal-familja, il-fatt jibqa’ li, skond il-kliem stess ta’ l-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 68/360 u l-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 73/148, l-eżerċizzju ta’ dan id-dritt jista’ jiddependi fuq il-pussess ta’ viża. L-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 2317/95 jiddefinixxi barra minn hekk viża bħala awtorizzazzjoni maħruġa minn Stat Membru jew b’deċiżjoni meħuda minn Stat Membru, meħtieġa “għad-dħul” fit-territorju tiegħu.

60      Madankollu, l-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 68/360 u l-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 73/148 jippreċiżaw li “[l]-Istati Membri għandhom jagħtu lil dawk il-persuni kull faċilità sabiex jiksbu kull visa meħtieġa”. Dan ifisser li, sabiex id-dispożizzjonijiet iċċitati iktar ’il fuq tad-Direttivi 68/360 u 73/148 ma jiġux imċaħħda mill-effett sħiħ tagħhom, il-ħruġ ta’ viża għandu jsir fl-iqsar żmien possibbli u, safejn huwa possibbli, fil-postijiet ta’ dħul fit-territorju nazzjonali.

61      Fid-dawl ta’ l-importanza li l-leġiżlatur Komunitarju ta lill-protezzjoni tal-ħajja tal-familja (ara punt 53 ta’ din is-sentenza), il-fatt li l-persuna kkonċernata tintbagħat lura huwa, f’kull każ, sproporzjonat u, għalhekk, ipprojbit jekk iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz, konjuġi ta’ ċittadin ta’ Stat Membru, ikun jista’ jagħti prova ta’ l-identità tiegħu kif ukoll tar-rabta konjugali u jekk ma tkun teżisti l-ebda prova ta’ natura li tistabbilixxi li huwa jirrappreżenta periklu għall-ordni pubbliku, għas-sigurtà pubblika u għas-saħħa pubblika fis-sens ta’ l-Artikolu 10 tad-Direttiva 68/360 u ta’ l-Artikolu 8 tad-Direttiva 73/148.

62      Għaldaqstant, ir-risposta li għandha tingħata għall-ewwel domanda hija li l-Artikolu 3 tad-Direttiva 68/360, l-Artikolu 3 tad-Direttiva 73/148 kif ukoll ir-Regolament Nru 2317/95, moqrija fid-dawl tal-prinċipji ta’ proporzjonalità, għandhom jiġu interpretati fis-sens li Stat Membru ma jistax, fil-fruntiera, jibgħat lura ċittadin ta’ pajjiż terz, konjuġi ta’ ċittadin ta’ Stat Membru, li jipprova jidħol fit-territorju tiegħu mingħajr ma jkollu karta ta’ l-identità valida jew passaport validu jew, skond il-każ, viża, meta l-imsemmi konjuġi jista’ jagħti prova ta’ l-identità tiegħu kif ukoll tar-rabta konjugali u jekk ma tkun teżisti l-ebda prova ta’ natura li tistabbilixxi li huwa jirrappreżenta periklu għall-ordni pubbliku, għas-sigurtà pubblika u għas-saħħa pubblika fis-sens ta’ l-Artikolu 10 tad-Direttiva 68/360 u ta’ l-Artikolu 8 tad-Direttiva 73/148.

 Fuq it-tieni domanda

 L-osservazzjonijiet ippreżentati lill-Qorti tal-Ġustizzja

63      Il-MRAX jikkonstata li ċ-ċittadin ta’ pajjiż terz li żżewweġ fil-Belġju waqt li kien jirrisjedi illegalment għandu, sabiex jitlob id-dritt ta’ residenza, jirritorna b’mod obbligatorju fil-pajjiż tiegħu ta’ oriġini sabiex jikseb viża. Madankollu, l-Istat Belġjan xi drabi jaqbel, fid-diskrezzjoni tiegħu, li jirregolarizza r-residenza ta’ konjuġi ta’ ċittadini ta’ Stati Membri.

64      Għaldaqstant, skond il-MRAX, il-prattika amministrattiva ta’ l-Istat Belġjan ma tipprovdi ebda sigurtà ġuridika lill-konjuġi ta’ ċittadini ta’ Stati Membri u tista’ tiġi kkunsidrata bħala diskriminatorja.

65      Il-MRAX isostni li l-Qorti qatt ma ddeċidiet dwar is-sanzjoni li għandha tiġi applikata fir-rigward ta’ ċittadin li jkun daħal illegalment fit-territorju ta’ Stat Membru, iżda hija ddeċidiet madankollu li ċittadin ta’ Stat Membru li m’għandux id-dokument meħtieġ (passaport) sabiex ikun jista’ jirrisjedi fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor ma jistax ikun is-suġġett ta’ l-ebda miżura ta’ tkeċċija imma jista’ jiġi kkundannat iħallas multa imposta fi proċeduri kriminali (ara s-sentenza ta’ l-14 ta’ Lulju 1977, Sagulo et, 8/77, Ġabra p. 1495). Il-MRAX isaqsi lilu nnifsu jekk il-miżuri li jistgħu jittieħdu kontra ċittadin ta’ Stat Membru għandhomx jiġu applikati fir-rigward tal-konjuġi ta’ tali ċittadin u jekk il-ksur għal dak li jirrigwarda d-dħul u r-residenza fit-territorju ta’ Stat Membru jistax jiġi ssanzjonat permezz ta’ multa amministrattiva jew imposta fi proċeduri kriminali, liema sanzjoni tkun iktar adattata għall-prinċipji tal-moviment liberu u tad-dritt għar-rispett għall-ħajja privata.

66      L-Istat Belġjan isostni li l-Artikolu 4 tad-Direttiva 68/360 u l-Artikolu 6 tad-Direttiva 73/148 għandhom jiġi interpretati fis-sens li jippermettu lill-Istati Membri jirrifjutaw permess ta’ residenza liċ-ċittadin ta’ pajjiż terz, konjuġi ta’ ċittadin ta’ Stat Membru, li jkun daħal illegalment fit-territorju tagħhom u li japplikaw fil-konfront tiegħu miżura ta’ tkeċċija. Deċiżjoni kuntrarja twassal sabiex tirrendi l-Artikolu 3 tad-Direttiva 68/360 u l-Artikolu 3 tad-Direttiva 73/148 bla sens u totalment superfluwi.

67      L-Istat Belġjan isostni li, f’sitwazzjoni bħal dik imsemmija fit-tieni domanda, miżura ta’ tkeċċija ma tistax tiġi kkunsidrata bħala sproporzjonata meta jittieħdu in kunsiderazzjoni l-interessi in kwistjoni, jiġifieri, minn naħa, ir-rekwiżiti ta’ l-ordni pubbliku u, min-naħa l-oħra, dawk tar-rispett għall-ħajja privata u tal-familja. Fl-opinjoni tiegħu, it-tfixkil għall-ħajja tal-familja jkun estremament limitat jekk iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz jintbagħat lura jew jiġi mistieden jitlaq mit-territorju: fil-fatt, is-separazzjoni tal-konjuġi tkun għal żmien qasir jekk il-persuna kkonċernata tkun tista’ tistabbilixxi li hija tista’ tibbenefika mid-dispożizzjonijiet tad-dritt Komunitarju għaliex, f’dan il-każ, tkun tista’ tingħatalha viża f’terminu qasir.

68      Il-Gvern Awstrijak isostni li, jekk id-dritt primarju u d-dritt sekondarju jipprovdu li l-Istati Membri jistgħu jtemmu r-residenza fit-territorju tagħhom ta’ ċittadini ta’ Stati Membri oħra meta l-kundizzjonijiet għal estensjoni tar-residenza mhumiex jew ma jibqgħux iktar sodisfatti, Stat Membru għandu a fortiori jkeċċi ċittadin ta’ pajjiż terz li huwa membru tal-familja ta’ ċittadin ta’ Stat Membru (ara l-Artikolu 10 tad-Direttiva 68/360 u l-Artikolu 8 tad-Direttiva 73/148).

69      Il-Kummissjoni ssostni li, jekk, fil-mument meta tiġi ppreżentata l-applikazzjoni għal permess ta’ residenza, skond l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 68/360, iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz, konjuġi ta’ ċittadin ta’ Stat Membru, jagħti l-prova ta’ din ir-rabta tal-familja, l-applikazzjoni tiegħu għal permess ta’ residenza m’għandhiex tiġi rrifjutata abbażi biss tar-raġuni li daħal illegalment fl-Istat Membru kkonċernat.

70      Il-Kummissjoni tfakkar f’dan ir-rigward li, fis-sentenza Royer, iċċitata iktar ’il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li s-sempliċi ommissjoni, miċ-ċittadin ta’ Stat Membru, tal-formalitajiet fir-rigward tad-dħul, tal-moviment u tar-residenza ta’ barranin mhijiex ta’ natura li tikkostitwixxi, fiha nnifisha, imġiba li thedded l-ordni pubbliku u s-sigurtà pubblika u ma tistax għalhekk, fiha nnifisha, tiġġustifika la miżura ta’ tkeċċija u lanqas arrest provviżorju bl-għan li tittieħed tali miżura. Skond il-Kummissjoni, xejn ma jwaqqaf tali ġurisprudenza milli tapplika b’analoġija għaċ-ċittadin ta’ pajjiż terz, kopert mid-dritt Komunitarju minħabba r-rabta tal-familja li għandu ma’ ħaddiem immigrant Komunitarju.

71      Il-Kummissjoni ssostni li, skond id-Direttiva 64/221, ir-rifjut ta’ permess ta’ residenza jew it-tkeċċija mit-territorju jistgħu jsiru biss għal raġunijiet ta’ ordni pubbliku, ta’ sigurtà pubblika jew ta’ saħħa pubblika u għandhom ikunu bbażati esklużivament fuq l-imġiba personali ta’ l-individwu kkonċernat. Issa, id-dħul illegali fit-territorju ta’ Stat Membru ma jistax sistematikament jikkostitwixxi theddida għall-ordni pubbliku li tikkontesta d-dritt ta’ residenza fih innifsu.

72      Il-Kummissjoni żżid li, fis-sentenza tas-7 ta’ Lulju 1976, Watson u Belmann (118/75, Ġabra p. 1185), il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat il-pożizzjoni tagħha dwar is-sanzjonijiet li l-Istati Membri jistgħu jimponu fil-każ ta’ ksur ta’ ċerti formalitajiet previsti fil-leġiżlazzjoni Komunitarja. Fir-rigward ta’ din il-leġiżlazzjoni, l-Istati Membri jistgħu jimponu sanzjonijiet proporzjonati fil-każ ta’ dħul illegali fit-territorju tagħhom, bħal ammenda (sentenza Sagulo et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 6). L-applikazzjoni ta’ tali sanzjonijiet m’għandhiex madankollu taffettwa l-ħruġ tal-permess ta’ residenza.

 Ir-risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja

73      It-tieni domanda għandha tinftiehem bħala li tirrigwarda s-sitwazzjoni ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz, li daħal illegalment fit-territorju ta’ Stat Membru, li jista’ jagħti l-prova ta’ l-identità tiegħu u taż-żwieġ tiegħu ma’ ċittadin ta’ Stat Membru u li għalhekk jaqa’ taħt id-dispożizzjonijiet tad-Direttivi 68/360 u 73/148.

74      Il-ħruġ ta’ permess ta’ residenza lil ċittadin ta’ Stat Membru, kif il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat diversi drabi (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-5 ta’ Frar 1991, Roux, C-363/89, Ġabra p. I-273, punt 12), m’għandux jitqies bħala att li jikkonferixxi drittijiet, imma bħala att maħsub sabiex jikkonstata, min-naħa ta’ Stat Membru, is-sitwazzjoni individwali ta’ ċittadin ta’ Stat Membru ieħor fir-rigward tad-dispożizzjonijiet tad-dritt Komunitarju. L-istess konstatazzjoni tapplika għal dak li jirrigwarda ċ-ċittadin ta’ pajjiż terz, konjuġi ta’ ċittadin ta’ Stat Membru, li d-dritt ta’ residenza tiegħu jirriżulta direttament mill-Artikolu 4 tad-Direttiva 68/360 u l-Artikolu 4 tad-Direttiva 73/148, indipendentement mill-ħruġ ta’ permess ta’ residenza mill-awtorità kompetenti ta’ Stat Membru.

75      Ir-regoli dettaljati li jirregolaw il-ħruġ tal-permess ta’ residenza huma stabbiliti, għal dak li jikkonċerna l-ħaddiema impjegati u l-membri tal-familja tagħhom, mid-Direttiva 68/360 u, għal dak li jikkonċerna l-ħaddiema li jaħdmu għal rashom u l-membri tal-familja tagħhom, mid-Direttiva 73/148.

76      F’dan ir-rigward, jirriżulta mill-Artikolu 4(3) tad-Direttiva 69/360 u l-Artikolu 6 tad-Direttiva 73/148 li l-Istati Membri jistgħu jissuġġettaw il-ħruġ tal-permess ta’ residenza għall-preżentazzjoni tad-dokument li bih il-persuna kkonċernata tkun daħlet fit-territorju tiegħu (ara s-sentenza Roux, iċċitata iktar ’il fuq, punti 14 u 15).

77      Barra minn hekk, għandu jiġi mfakkar li d-dritt Komunitarju ma jwaqqafx lill-Istati Membri milli jimponu fil-każ ta’ ksur tad-dispożizzjonijiet nazzjonali dwar il-kontroll tal-barranin is-sanzjonijiet kollha xierqa li huma neċessarji sabiex tiġi assigurata l-effikaċja ta’ dawn id-dispożizzjonijiet (sentenza Royer, iċċitata iktar ’il fuq, punt 42), bil-kundizzjoni li dawn is-sanzjonijiet huma proporzjonati (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat-3 ta’ Lulju 1980, Pieck, 157/79, Ġabra p. 2171, punt 19).

78      Min-naħa l-oħra, deċiżjoni li tirrifjuta l-ħruġ ta’ permess ta’ residenza u, iktar u iktar, miżura ta’ tkeċċija bbażati esklużivament fuq motiv li jirriżulta minn nuqqas ta’ osservanza mill-persuna kkonċernata tal-formalitajiet legali dwar il-kontroll tal-barranin, jippreġudikaw is-sustanza nnifisha tad-dirtt ta’ residenza mogħti direttament mid-dritt Komunitarju u huma manifestament sproporzjonati meta mqabbla mal-gravita tal-ksur (ara, b’analoġija, b’mod partikolari, is-sentenza Royer, punt 40).

79      Ċertament, l-Artikolu 10 tad-Direttiva 68/360 u l-Artikolu 8 tad-Direttiva 73/148 ma jeskludux li l-Istat Membru jista’ jidderoga mill-imsemmija direttivi għal raġunijiet ta’ ordni pubbliku, ta’ sigurtà pubblika u ta’ saħħa pubblika, filwaqt li l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 64/221 jistabbilixxi li l-miżuri ta’ ordni pubbliku jew ta’ sigurtà pubblika għandhom ikunu bbażati esklużivament fuq l-imġiba personali ta’ l-individwu kkonċernat. Madankollu, il-fatt li ma twettqux il-formalitajiet legali rigward id-dħul, il-moviment u r-residenza tal-barranin ma jistax, fih innifsu, jagħti lok għall-applikazzjoni tal-miżuri previsti fl-Artikolu 3 tad-Direttiva 64/221 (sentenza Royer, iċċitata iktar ’il fuq, punti 47 u 48).

80      Għaldaqstant, ir-risposta li għandha tingħata lit-tieni domanda preliminari hija li l-Artikolu 4 tad-Direttiva 68/360 u l-Artikolu 6 tad-Direttiva 73/148 għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jawtorizzawx lil Stat Membru jirrifjuta li joħroġ permess ta’ residenza u jieħu miżura ta’ tkeċċija kontra ċ-ċittadin ta’ pajjiż terz, li jista’ jagħti l-prova ta’ l-identità tiegħu u taż-żwieġ tiegħu ma’ ċittadin ta’ Stat Membru, abbażi biss tar-raġuni li daħal illegalment fit-territorju ta’ l-Istat Membru kkonċernat.

 Fuq it-tielet domanda

 L-osservazzjonijiet ippreżentati lill-Qorti tal-Ġustizzja

81      Il-MRAX isostni li l-Artikolu 4 tad-Direttiva 68/360 ma jirrikjedix li d-dokument li bih il-membri tal-familja tal-ħaddiem Komunitarju daħlu legalment fit-territorju ta’ Stat Membru jkun għadu validu meta tiġi ppreżentata l-applikazzjoni għall-ħruġ ta’ permess ta’ residenza. Għaldaqstant, il-punt 4 taċ-ċirkulari tat-28 ta’ Awwissu 1997, li jgħid li l-applikazzjoni għal residenza tal-konjuġi ta’ ċittadin ta’ Stat Membru hija inammissibbli meta tiġi ppreżentata wara li d-dokument ikun skada, jikser id-dritt Komunitarju.

82      Skond l-Istat Belġjan, jirriżulta mill-Artikolu 3(3) tad-Direttiva 64/221 li l-iskadenza tad-dokument ta’ identità li ppermetta d-dħul fl-Istat Membru ospitanti u l-ħruġ ta’ permess ta’ residenza ma tistax tiġġustifika t-tkeċċija mit-territorju. A contrario, meta l-imsemmija skadenza sseħħ qabel l-applikazzjoni għal permess ta’ residenza, l-Istat Membru għandu d-dritt li jirrifjuta din l-applikazzjoni u li jkeċċi ċ-ċittadin ta’ pajjiż terz, konjuġi ma’ ċittadin ta’ Stat Membru. Għaldaqstant, id-dokument li bih l-imsemmi konjuġi daħal fit-territorju ta’ l-Istat Membru, imsemmi fl-Artikolu 4(3) tad-Direttiva 68/360, jista’ jkun biss passaport li jkun fih viża li għadha valida.

83      Il-Gvern Awstrijak isostni li l-iskadenza tal-viża ġewwa l-Istat Membru tiġġustifika r-rifjut tal-ħruġ ta’ permess ta’ residenza.

84      Il-Kummissjoni tikkunsidra li t-tielet domanda preliminari għandha tingħata risposta affermattiva. Meta l-konjuġi ta’ ċittadin ta’ Stat Membru jistabbilixxi din ir-rabta tal-familja, japplikaw id-Direttivi 68/360 u 73/148 u l-Istati Membri għandhom l-obbligu li jagħtuh permess ta’ residenza, kif jirriżulta mill-ġurisprudenza Royer, iċċitata iktar ’il fuq. Il-Kummissjoni tikkonkludi minn dan li l-iskadenza tal-viża, li seħħet wara d-dħul fit-territorju, ma tippermettix, bħala prinċipju, li l-ħruġ ta’ permess ta’ residenza jiġi rrifjutat. Fil-fatt, dan id-difett formali mhuwiex ta’ natura li jaffettwa l-validità tal-passaport għall-finijiet ta’ l-imsemmi ħruġ. Din l-analiżi hija kkonfermata mill-Artikolu 3(3) tad-Direttiva 64/221, li juri r-rieda tal-leġiżlatur Komunitarju li s-suġġett ta’ l-applikazzjoni għal permess ta’ residenza għandu jipprevali fuq l-aspetti purament formali tagħha.

85      Barra minn hekk, skond il-Kummissjoni, il-fatt li l-applikazzjoni għal permess ta’ residenza ma tiġix ippreżentata qabel l-iskadenza tal-viża ma jistax, fih innifsu, jikkostitwixxi mġiba personali ta’ natura li thedded l-ordni pubbliku u s-sigurtà pubblika li tiġġustifika, bħala tali, ir-rifjut li jinħareġ permess ta’ residenza jew, a fortiori, miżura ta’ tkeċċija.

 Ir-risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja

86      Il-fatt li ċittadin ta’ pajjiż terz jibqa’ fit-territorju ta’ Stat Membru wara l-iskadenza tal-viża tiegħu jikkostitwixxi ksur tal-leġiżlazzjoni ta’ dan l-Istat Membru dwar ir-residenza tal-barranin.

87      L-Artikolu 3(3) tad-Direttiva 64/221, li għalih sar riferiment matul il-proċeduri quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, jipprovdi li l-iskadenza tad-dokument ta’ identità li ppermetta d-dħul taċ-ċittadin ta’ Stat Membru jew tal-membri tal-familja tiegħu fl-Istat Membru ospitanti u l-ħruġ tal-permess ta’ residenza ma tistax tiġġustifika t-tkeċċija mit-territorju.

88      It-tielet domanda preliminari tirrigwarda madankollu s-sitwazzjoni tal-konjuġi ta’ ċittadin ta’ Stat Membru, suġġett għall-obbligu ta’ viża, li daħal legalment iżda li ma ppreżentax l-applikazzjoni għal permess ta’ residenza qabel l-iskadenza tal-viża tiegħu.

89      Għandu jiġi kkonstatat li l-Artikolu 4(3) tad-Direttiva 68/360 u l-Artikolu 6 tad-Direttiva 73/148, filwaqt li jawtorizzaw lill-Istati Membri jitolbu, għall-finijiet tal-ħruġ ta’ permess ta’ residenza, il-preżentazzjoni tad-dokument li bih il-persuna kkonċernata daħlet fit-territorju tagħhom, ma jipprovdux li dan id-dokument għandu jkun għadu validu. Għaldaqstant, fil-każ ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz suġġett għall-obbligu ta’ viża, il-ħruġ ta’ permess ta’ residenza lil dan iċ-ċittadin ma jistax jiġi suġġett għall-kundizzjoni li l-viża tiegħu tkun għadha valida. Dan huwa iktar u iktar il-każ għaliex, kif il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet fil-punti 22 u 23 tas-sentenza Giagounidis, iċċitata iktar ’il fuq, l-Istati Membri huma obbligati jirrikonoxxu d-dritt ta’ residenza fit-territorju tagħhom lill-ħaddiema msemmija fl-Artikolu 1 tad-Direttiva 68/360 li jkunu jistgħu jew jippreżentaw karta ta’ l-identità valida jew passaport validu, indipendentement mid-dokument li bih daħlu fit-territorju ta’ l-imsemmija Stati Membri.

90      Għaldaqstant, Stat Membru ma jistax jissuġġetta l-ħruġ ta’ permess ta’ residenza skond id-Direttivi 68/360 u 73/148 għall-obbligu li tiġi ppreżentata viża valida. Barra minn hekk, kif jirriżulta mill-punt 78 ta’ din is-sentenza, miżura ta’ tkeċċija mit-territorju bbażata esklużivament fuq l-iskadenza tal-viża tikkostitwixxi sanzjoni manifestament sproporzjonata meta mqabbla mal-gravita tal-ksur tad-dispożizzjonijiet nazzjonali dwar il-kontroll tal-barranin.

91      Għaldaqstant, ir-risposta li għandha tingħata għat-tielet domanda preliminari hija li l-Artikolu 4(3) tad-Direttiva 68/360, l-Artikoli 3 u 6 tad-Direttiva 73/148 u l-Artikolu 3(3) tad-Direttiva 64/221 għandhom jiġu interpretati fis-sens li Stat Membru ma jistax jirrifjuta li joħroġ permess ta’ residenza lil ċittadin ta’ pajjiż terz, konjuġi ta’ ċittadin ta’ Stat Membru, li daħal legalment fit-territorju ta’ dan l-Istat Membru, u lanqas jieħu fil-konfront tiegħu miżura ta’ tkeċċija mit-territorju, abbażi biss tar-raġuni li l-viża tiegħu skadiet qabel ma applika għal permess ta’ residenza.

 Fuq ir-raba’ domanda

 L-osservazzjonijiet ippreżentati lill-Qorti tal-Ġustizzja

92      Il-MRAX isostni li d-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikoli 8 u 9 tad-Direttiva 64/221 ġew trasposti fid-dritt Belġjan mill-Artikoli 44 u 64 tal-liġi tal-15 ta’ Diċembru 1980. Madankollu, il-prattika amministrattiva attwali ta’ l-Istat Belġjan tipprekludi liċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi, konjuġi ta’ ċittadini ta’ Stati Membri, li m’għandhomx viża jew li l-viża tagħhom skadiet, milli jressqu t-talba għal reviżjoni prevista fl-Artikoli 44 u 64 tal-liġi tal-15 ta’ Diċembru 1980 meta jkunu s-suġġett ta’ deċiżjoni li tirrifjuta l-ħruġ ta’ permess ta’ residenza jew ta’ deċiżjoni ta’ tkeċċija. Dawn il-persuni huma awtorizzati biss li jressqu azzjoni għas-sospensjoni u għall-annullament ta’ l-imsemmija deċiżjonijiet quddiem il-Conseil d’État, li jara biss il-legalità tad-deċiżjoni kkontestata, mingħajr ma jista’ jivverifika jekk id-deċiżjoni kinitx approprjata fid-dawl tal-fatti u taċ-ċirkustanzi tal-kawża. Għaldaqstant, il-prattika amministrattiva Belġjana ma tirrispettax ir-rekwiżiti tad-dritt Komunitarju.

93      Skond l-Istat Belġjan, id-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikoli 8 u 9 tad-Direttiva 64/221, li jipprovdu l-possibbiltà għaċ-ċittadin ta’ pajjiż terz li jirreferi l-kwistjoni lill-awtorità kompetenti ta’ l-Istat Membru msemmija fl-Artikolu 9(1) ta’ l-istess direttiva meta japplika għall-ħruġ ta’ l-ewwel permess ta’ residenza jew meta jkun is-suġġett ta’ tkeċċija qabel il-ħruġ ta’ dan il-permess, ma japplikawx fil-każ fejn il-persuna kkonċernata ma daħalx legalment fit-territorju ta’ l-imsemmi Stat Membru.

94      Fil-fatt, l-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 64/221 jillimita l-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu għall-membri tal-familja taċ-ċittadin ta’ Stat Membru li jissodisfaw il-kundizzjonijiet stabbiliti mir-regolament u mid-direttivi adottati f’dan il-qasam. Issa, il-konjuġi ta’ ċittadin ta’ Stat Membru li m’għandux dokument ta’ identità jew viża, jew li l-viża tiegħu skadiet, ma jissodisfax il-kundizzjonijiet previsti fl-Artikoli 3 u 4 tad-Direttiva 68/360 u r-Regolament Nru 2317/95.

95      Il-Gvern Awstrijak jikkunsidra li deċiżjoni ta’ tkeċċija mit-territorju ma tistax tiġi implementata, ħlief f’każ ta’ urġenza assoluta, fir-rigward ta’ persuna protetta mid-dritt Komunitarju, qabel ma jingħata d-dritt li jeżawrixxi r-rimedji kollha ggarantiti lilu mill-Artikoli 8 u 9 tad-Direttiva 64/221 (sentenzi Royer, iċċitata iktar ’il fuq, u tat-22 ta’ Mejju 1980, Santillo, 131/79, Ġabra p. 1585).

96      Madankollu, jekk is-sistema ġuridika Belġjana tissuġġetta d-dħul u r-residenza taċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi, membri tal-familja ta’ ċittadin ta’ Stat Membru, għall-preżentazzjoni ta’ passport validu jew ta’ karta ta’ l-identità valida, huwa leġittimu li jiġi rrifjutat lill-membru tal-familja li daħal illegalment fit-territorju tal-Belġju d-dritt li jirreferi l-kwistjoni quddiem l-awtorità kompetenti fis-sens ta’ l-Artikolu 9(1) tad-Direttiva 64/221.

97      Min-naħa l-oħra, fir-rigward ta’ l-Artikolu 3(3) tad-Direttiva 64/221, il-membru tal-familja għandu jibbenefika mir-rimedju previst fl-Artikolu 9 ta’ l-istess direttiva meta jidħol legalment fit-territorju ta’ l-Istat Membru iżda li l-karta ta’ l-identità jew il-passport tiegħu li ppermetta d-dħul u l-ħruġ tal-permess ta’ residenza skada.

98      Il-Kummissjoni ssostni li l-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 64/221 japplika għaċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li huma membri tal-familja ta’ ċittadin ta’ Stat Membru, anki jekk m’għandhomx viża jew jekk din tkun skadiet. Mhemmx dubju li huma jibbenefikaw mir-rimedji previsti fl-Artikolu 9(2) tad-Direttiva 64/221, bil-kundizzjoni li tiġi stabbilita r-rabta tal-familja.

99      Min-naħa l-oħra, fin-nuqqas ta’ dokumenti ta’ identità, ir-risposta għandha tkun l-istess bħal dik proposta għall-ewwel domanda. Fil-fatt, l-istatus ta’ konjuġi ta’ ċittadin ta’ Stat Membru jrid jiġi stabbilit sabiex tapplika l-protezzjoni tad-dritt Komunitarju.

 Ir-risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja

100    Għandu jiġi kkonstatat li l-Artikolu 9(2) tad-Direttiva 64/221 għandu bħala suġġett li jassigura garanziji proċedurali minimi lill-persuni li lilhom jiġi rrifjutat l-ewwel permess ta’ residenza jew li jintlaqtu b’miżura ta’ tkeċċija qabel il-ħruġ ta’ tali permess f’wieħed mill-każijiet previsti fl-ewwel subparagrafu ta’ l-istess artikolu. Fil-każ fejn id-dritt ta’ appell minn atti amministrattivi huwa limitat għal-legalità tad-deċiżjoni, l-intervent ta’ l-awtorità kompetenti għandu jippermetti eżami tal-fatti u taċ-ċirkustanzi, inklużi l-elementi li juru n-natura approprjata tal-miżura intiża, qabel ma tittieħed id-deċiżjoni finali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-17 ta’ Ġunju 1997, Shingara u Radiom, C-65/95 u C-111/95, Ġabra p. I-3343, punti 34 u 37).

101    Id-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 9 tad-Direttiva 64/221, li huma komplementari għal dawk dwar is-sistema ta’ rimedji ġudizzjarji msemmija fl-Artikolu 8 ta’ l-istess direttiva u li huma intiżi sabiex jimmitigaw in-nuqqasijiet ta’ dawn ir-rimedji (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-5 ta’ Marzu 1980, Pecastaing, 98/79, Ġabra p. 691, punti 15 u 20), jitolbu, għal dak li jirrigwarda l-kamp ta’ applikazzjoni personali tagħhom, interpretazzjoni wiesgħa. Fil-fatt, fil-qasam tad-dritt Komunitarju, ir-rekwiżit tal-kontroll ġudizzjarju ta’ kull deċiżjoni ta’ awtorità nazzjonali jikkostitwixxi prinċipju ġenerali li jirriżulta mit-tradizzjonijiet kostituzzjonali komuni għall-Istati Membri u li huwa miġbur fl-Artikoli 6 u 13 tal-Konvenzjoni (sentenzi tal-15 ta’ Ottubru 1987, Heylens et, 222/86, Ġabra p. 4097, punt 14; tat-3 ta’ Diċembru 1992, Oleificio Borelli vs Il-Kummissjoni, C-97/91, Ġabra p. I-6313, punt 14, u tal-11 ta’ Jannar 2001, Siples, C-226/99, Ġabra p. I-277, punt 17).

102    Għaldaqstant, kuntrarjament għall-argument imqajjem mill-Istat Belġjan, kull konjuġi ta’ ċittadin ta’ Stat Membru li fl-opinjoni tiegħu jissodisfa l-kundizzjonijiet neċessarji sabiex jaqa’ taħt il-protezzjoni mogħtija mid-Direttiva 64/221 jibbenefika mill-garanziji proċedurali minimi previsti fl-Artikolu 9 ta’ din id-direttiva, anki jekk ma jkollux dokument ta’ identità jew jekk, billi huwa suġġett għall-obbligu ta’ viża, daħal fit-territorju ta’ Stat Membru mingħajr viża jew baqa’ hemmhekk wara l-iskadenza tal-viża tiegħu.

103    Barra minn hekk, dawn il-garanziji pproċedurali jsiru ineffettivi jekk persuna ma tkunx tista’ tibbenefika minnhom meta ma jkollhiex dokument ta’ identità jew viża, jew meta wieħed minn dawn id-dokumenti jkun skada.

104    Għaldaqstant, ir-risposta li għandha tingħata għar-raba’ domanda hija li l-Artikoli 1(2) u 9(2) tad-Direttiva 64/221 għandhom jiġu interpretati fis-sens li konjuġi barrani ta’ ċittadin ta’ Stat Membru għandu d-dritt li jirreferi lill-awtorità kompetenti msemmija fl-Artikolu 9(1) ta’ l-istess direttiva deċiżjoni li tirrifjuta l-ħruġ ta’ l-ewwel permess ta’ residenza jew deċiżjoni ta’ tkeċċija qabel il-ħruġ ta’ tali permess, anki meta ma jkollux dokument ta’ identità jew jekk, billi huwa suġġett għall-obbligu ta’ viża, daħal fit-territorju ta’ l-Istat Membru mingħajr viża jew baqa’ hemmhekk wara l-iskadenza tal-viża tiegħu.

 Fuq l-ispejjeż

105    L-ispejjeż sostnuti mill-Gvern Awstrijak u mill-Kummissjoni għas-sottomissjoni ta’ osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja ma jistgħux jitħallsu lura. Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA,

fir-rigward tad-domandi magħmula lilha mill-Conseil d’État, permezz ta’ sentenza tat-23 ta’ Novembru 1999, taqta’ u tiddeċiedi li:

1)      L-Artikolu 3 tad-Direttiva tal-Kunsill 68/360/KEE, tal-15 ta’ Ottubru 1968, dwar it-tneħħija ta’ restrizzjonijiet fuq il-moviment u residenza fi ħdan il-Komunità għal ħaddiema ta’ Stati Membri u l-familji tagħhom, l-Artikolu 3 tad-Direttiva tal-Kunsill 73/148/KEE, tal-21 ta’ Mejju 1973, dwar l-abolizzjoni ta’ restrizzjonijiet fuq il-moviment u r-residenza fil-Komunità għal ċittadini ta’ Stati Membri f’dak li għandu x’jaqsam ma’ l-istabbiliment u l-proviżjoni tas-servizzi, kif ukoll ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2317/95, tal-25 ta’ Settembru 1995, li jiddetermina l-pajjiżi terzi li ċ-ċittadini tagħhom għandhom jkollhom viża meta jaqsmu l-fruntieri esterni ta’ l-Istati Membri, moqrija fid-dawl tal-prinċipji ta’ proporzjonalità, għandhom jiġu interpretati fis-sens li Stat Membru ma jistax, fil-fruntiera, jibgħat lura ċittadin ta’ pajjiż terz, konjuġi ta’ ċittadin ta’ Stat Membru, li jipprova jidħol fit-territorju tiegħu mingħajr ma jkollu karta ta’ l-identità valida jew passaport validu jew, skond il-każ, viża, meta l-imsemmi konjuġi jista’ jagħti prova ta’ l-identità tiegħu kif ukoll tar-rabta konjugali u jekk ma tkun teżisti l-ebda prova ta’ natura li tistabbilixxi li huwa jirrappreżenta periklu għall-ordni pubbliku, għas-sigurtà pubblika u għas-saħħa pubblika fis-sens ta’ l-Artikolu 10 tad-Direttiva 68/360 u ta’ l-Artikolu 8 tad-Direttiva 73/148.

2)      L-Artikolu 4 tad-Direttiva 68/360 u l-Artikolu 6 tad-Direttiva 73/148 għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jawtorizzawx lil Stat Membru jirrifjuta li joħroġ permess ta’ residenza u jieħu miżura ta’ tkeċċija kontra ċ-ċittadin ta’ pajjiż terz, li jista’ jagħti l-prova ta’ l-identità tiegħu u taż-żwieġ tiegħu ma’ ċittadin ta’ Stat Membru, abbażi biss tar-raġuni li daħal illegalment fit-territorju ta’ l-Istat Membru kkonċernat.

3)      L-Artikolu 4(3) tad-Direttiva 68/360, l-Artikoli 3 u 6 tad-Direttiva 73/148 u l-Artikolu 3(3) tad-Direttiva tal-Kunsill 64/221/KEE, tal-25 ta’ Frar 1964, dwar il-koordinazzjoni ta' miżuri speċjali rigward il-moviment u r-residenza ta’ ċittadini barranin li huma ġġustifikati għal raġunijiet ta’ politika pubblika, sigurtà pubblika jew saħħa pubblika, għandhom jiġu interpretati fis-sens li Stat Membru ma jistax jirrifjuta li joħroġ permess ta’ residenza lil ċittadin ta’ pajjiż terz, konjuġi ta’ ċittadin ta’ Stat Membru, li daħal legalment fit-territorju ta’ dan l-Istat Membru, u lanqas jieħu fil-konfront tiegħu miżura ta’ tkeċċija mit-territorju, abbażi biss tar-raġuni li l-viża tiegħu skadiet qabel ma applika għal permess ta’ residenza.

4)      l-Artikoli 1(2) u 9(2) tad-Direttiva 64/221 għandhom jiġu interpretati fis-sens li konjuġi barrani ta’ ċittadin ta’ Stat Membru għandu d-dritt li jirreferi lill-awtorità kompetenti msemmija fl-Artikolu 9(1) ta’ l-istess direttiva deċiżjoni li tirrifjuta l-ħruġ ta’ l-ewwel permess ta’ residenza jew deċiżjoni ta’ tkeċċija qabel il-ħruġ ta’ tali permess, anki meta ma jkollux dokument ta’ identità jew jekk, billi huwa suġġett għall-obbligu ta’ viża, daħal fit-territorju ta’ l-Istat Membru mingħajr viża jew baqa’ hemmhekk wara l-iskadenza tal-viża tiegħu.

Rodríguez Iglesias

Colneric

von Bahr

Gulmann

Edward

Puissochet

Wathelet

Schintgen

Cunha Rodrigues

Mogħtija fil-Qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fil-25 ta’ Lulju 2002.

R. Grass

 

      G. C. Rodríguez Iglesias

Reġistratur

 

      President


* Lingwa tal-kawża: il-Franċiż