KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI
CAMPOS SÁNCHEZ-BORDONA
ippreżentati fis‑26 ta’ Novembru 2019 (1)
Kawżi magħquda C‑566/19 PPU u C‑626/19 PPU
Parquet général du Grand-Duché de Luxembourg
vs
JR
(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Cour d’appel (Chambre du conseil) (il-Qorti tal-Appell (Awla tal-Kunsill), il-Lussemburgu))
u
Openbaar Ministerie
vs
YC
(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mir-rechtbank Amsterdam (il-Qorti Distrettwali ta’ Amsterdam, il-Pajjiżi l-Baxxi))
“Domanda preliminari — Kooperazzjoni mill-pulizija u ġudizzjarja f’materji kriminali — Deċiżjoni Qafas 2002/584/ĠAI — Mandat ta’ arrest Ewropew — Awtorità ġudizzjarja emittenti — Indipendenza tal-Uffiċċju tal-Prosekutur — Mandat ta’ arrest Ewropew maħruġ minn prosekutur Franċiż — Uffiċċju tal-Prosekutur responsabbli, minn naħa, tal-proċeduri kriminali u, min-naħa l-oħra, tal-kontroll tal-kundizzjonijiet tal-ħruġ u l-proporzjonalità ta’ mandat ta’ arrest Ewropew — Kundizzjoni tal-eżistenza ta’ rimedju ġudizzjarju effettiv kontra d-deċiżjoni li jinħareġ mandat ta’ arrest Ewropew minn prosekutur”
1. Il-Qorti tal-Ġustizzja qiegħda tiġi kkonfrontata, mill-ġdid, b’rinviji għal deċiżjoni preliminari li fihom hija tkun meħtieġa tiddeċiedi jekk l-Uffiċċju tal-Prosekutur (f’dan il-każ, ir-Repubblika Franċiża) jistax jiġi kklassifikat bħala “awtorità ġudizzjarja emittenti” ta’ mandat ta’ arrest Ewropew (iktar ’il quddiem “MAE”), fis-sens tal-Artikolu 6(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584/ĠAI (2).
2. Id-dubji mqajma minn qorti tal-Lussemburgu (Kawża C‑566/19 PPU) u oħra tal-Pajjiżi l-Baxxi (Kawża C‑626/19 PPU) jirrigwardaw, b’mod partikolari, l-interpretazzjoni li għandha tingħata lis-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja OG u PI (Prosekuturi ta’ Lübeck u ta’ Zwickau) (3).
3. Dawn l-istess dubji tqajmu fir-rigward tal-Uffiċċji tal-Prosekutur tal-Isvezja (Kawża C‑625/19 PPU) u tal-Belġju (Kawża C‑627/19 PPU), li fuqhom ser nippreżenta l-konklużjonijiet tiegħi f’din l-istess data.
4. Minkejja li l-pożizzjoni tiegħi bħala prinċipju tibqa’ dik difiża fil-kawżi OG (Prosekutur ta’ Lübeck) u PI (Prosekutur ta’ Zwickau) (4) u fil-kawża PF (Prosekutur Ġenerali tal-Litwanja), (5) ser nittratta, issa, l-eżeġesi ta’ din is-sentenza kif ukoll dik mogħtija fid‑9 ta’ Ottubru 2019 (6) f’kawża oħra simili.
I. Il-kuntest ġuridiku
A. Id-dritt tal-Unjoni
5. Nirreferi għat-traskrizzjoni tal-ħames, is-sitt, it-tmien, l-għaxar u t-tnax-il premessa, kif ukoll għall-Artikoli 1 u 9 tad-Deċiżjoni Qafas, li jinsabu fil-konklużjonijiet OG u PI (Prosekuturi ta’ Lübeck u Zwickau).
B. Id-dritt nazzjonali. Code de procédure pénale (7)
6. Fil-Kapitolu Ia (“Il-Kompetenzi tal-Ministru tal-Ġustizzja”) tat-Titolu I (“Dwar l-awtoritajiet responsabbli għat-tmexxija tal-politika penali, il-prosekuzzjoni u l-istruzzjoni”) tal-ktieb I tal-KPK, l-Artikolu 30 jiddisponi:
“Il-Ministru tal-Ġustizzja jħaddan il-politika penali ffissata mill-Gvern. Huwa jiżgura l-koerenza tal-applikazzjoni tiegħu fit-territorju tar-Repubblika.
Għal dan il-għan, huwa jindirizza istruzzjonijiet ġenerali lill-Imħallfin mal-Prosekutur Pubbliku.
Huwa ma jista jagħtihom ebda istruzzjoni f’kawżi individwali.
Kull sena, huwa jippubblika rapport fuq l-implimentazzjoni tal-politika penali stabbilita mill-Gvern, billi jiġu ppreċiżati l-kundizzjonijiet ta’ implimentazzjoni ta’ din il-politika u l-istruzzjonijiet ġenerali mogħtija skont it-tieni subparagrafu. Dan ir-rapport għandu jintbagħat lill-Parlament u jista’ jagħti lok għal dibattitu fl-Assemblea Nazzjonali u fis-Senat”.
7. Fit-Taqsima 2 (“Kompetenzi tal-Prosekutur Ġenerali quddiem il-qrati tal-appell”) tal-Kapitolu II tal-imsemmi Titolu I tal-Ktieb I, l-Artikolu 36 jipprovdi:
“Il-Prosekutur Ġenerali [quddiem il-qrati tal-appell] jista’ jordna lill-prosekuturi tar-Repubblika, permezz ta’ istruzzjonijiet bil-miktub inklużi fil-proċess, sabiex jibdew jew jirranġaw sabiex jinbdew proċeduri jew jibagħtu lill-qorti kompetenti talbiet bil-miktub li huma meqjusa xierqa”.
II. It-tilwim u d-domandi preliminari
A. Kawża C‑566/19 PPU
8. Fl‑24 ta’ April 2019, il-Viċi Prosekutur fl-Uffiċċju tal-Prosekutur fi ħdan it-tribunal de grande instance de Lyon (il-Qorti Reġjonali ta’ Lyon, Franza) ħareġ MAE għall-finijiet ta’ proċeduri kriminali kontra JR.
9. Permezz ta’ deċiżjoni tad‑19 ta’ Ġunju 2019, ix-Chambre du conseil (l-Awla tal-Kunsill) tat-tribunal d’arrondissement de Luxembourg (il-Qorti Distrettwali tal-Lussemburgu) iddeċidiet li kien hemm lok li JR jintbagħat lill-awtoritajiet Franċiżi.
10. JR appella minn din id-deċiżjoni quddiem il-qorti tar-rinviju fejn, għal finijiet ta’ din il-kawża, talab in-nullità tal-MAE peress li l-awtorità li kienet ħarġitu ma hijiex “awtorità ġudizzjarja”, fis-sens tal-Artikolu 6(1) tad-Deċiżjoni Qafas. Huwa sostna li l-Uffiċċju tal-Prosekutur Franċiż seta’ jkun is-suġġett ta’ istruzzjonijiet indiretti tal-poter eżekuttiv, ħaġa li ma hijiex konformi mal-kriterji stabbiliti mill-Qorti tal-Ġustizzja f’dan il-qasam.
11. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Cour d’Appel (chambre du conseil) (il-Qorti tal-Appell (Awla tal-Kunsill), il-Lussemburgu) iddeċidiet li tagħmel id-domanda preliminari li ġejja:
“Il-Prosekutur Pubbliku Franċiż fil-qorti istruttorja jew fil-qorti li għandha tagħti deċiżjoni, li huwa kompetenti fi Franza taħt id-dritt ta’ dan l-Istat, għall-ħruġ ta’ [MAE], jista’ jiġi kkunsidrat li huwa awtorità ġudizzjarja emittenti, fis-sens awtonomu msemmi fl-Artikolu 6(1) tad-Deċiżjoni Qafas […], f’ċirkustanzi fejn, filwaqt li jivverifika l-osservanza tal-kundizzjonijiet neċessarji għall-ħruġ ta’ [MAE] u jeżamina n-natura proporzjonata tiegħu fid-dawl tal-fatti tal-fajl kriminali, huwa fl-istess ħin l-awtorità responsabbli għat-tressiq ta’ proċeduri kriminali fl-istess kawża?”
B. Kawża C‑626/19 PPU
12. Fis‑27 ta’ Marzu 2019, il-Prosekutur fit-tribunal de grande instance de Tours (il-Qorti Reġjonali ta’ Tours, Franza) ħareġ MAE għall-finijiet ta’ proċeduri kriminali kontra YC, li ġie arrestat fil-Pajjiżi l-Baxxi fil‑5 ta’ April 2019.
13. Ir-rechtbank Amsterdam (il-Qorti Distrettwali ta’ Amsterdam, il-Pajjiżi l-Baxxi) li ġiet adita b’talba intiża għall-eżekuzzjoni ta’ dan il-MAE, għamlet din id-domanda preliminari:
“1) Prosekutur pubbliku li jipparteċipa fl-amministrazzjoni tal-ġustizzja fl-Istat Membru emittenti, li jaġixxi b’mod indipendenti fl-eżerċizzju tal-kompiti inerenti għall-ħruġ ta’ [MAE] u li ħareġ [MAE] jista’ jiġi kkwalifikat bħala awtorità ġudizzjarja emittenti fis-sens tal-Artikolu 6(1) tad-Deċiżjoni [Qafas] jekk, fl-Istat emittenti, qabel id-deċiżjoni effettiva ta’ dan il-prosekutur pubbliku li joħroġ il-[MAE] imħallef ikun evalwa l-kundizzjonijiet għall-ħruġ ta’ [MAE] u, b’mod partikolari, il-proporzjonalità tagħha?
2) Fil-każ li tingħata risposta fin-negattiv għall-ewwel domanda: il-kundizzjoni msemmija fil-punt 75 tas-sentenza [OG u PI (Prosekuturi ta’ Lübeck u ta’ Zwickau)], li tirrikjedi li għandu jkun possibbli li d-deċiżjoni tal-prosekutur pubbliku li joħroġ [MAE] u, b’mod partikolari, in-natura proporzjonali ta’ tali deċiżjoni għandhom ikunu s-suġġett ta’ azzjoni ġudizzjarja li tissodisfa b’mod sħiħ il-kundizzjonijiet inerenti għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva, hija ssodisfatta jekk jirriżulta li hemm rimedju ġuridiku għall-persuna mfittxija, wara l-konsenja effettiva tagħha, li permezz tiegħu n-nullità tal-[MAE] tista’ tiġi invokata quddiem il-qorti fl-Istat emittenti u li bih din il-qorti teżamina b’mod partikolari n-natura proporzjonali tad-deċiżjoni ta’ ħruġ ta’ dan il-[MAE]?”
III. Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u l-pożizzjonijiet tal-partijiet
14. Il-Kawża C‑566/19 ġiet irreġistrata fil-Qorti tal-Ġustizzja fil‑25 ta’ Lulju 2019, mingħajr ma l-qorti tar-rinviju talbet il-proċedura b’urġenza għal deċiżjoni preliminari.
15. Il-Kawża C‑626/19 PPU ġiet irreġistrata fil-Qorti tal-Ġustizzja fit‑22 ta’ Awwissu 2019. Fid-dawl taċ-ċaħda tal-libertà tal-qorti tar-rinviju fil-kawża prinċipali, il-qorti tar-rinviju talbet li tiġi applikata l-proċedura b’urġenza għal deċiżjoni preliminari.
16. Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, għal dawn iż-żewġ kawżi, it-trattament b’urġenza u għaqdithom flimkien għal dak li jirrigwarda l-istruttorja u d-deċiżjoni tagħhom permezz ta’ sentenza.
17. JR, il-Gvern Franċiż u dak Olandiż, il-Prosekutur Ġenerali tal-Lussemburgu, l-Uffiċċju tal-Prosekutur Olandiż u l-Kummissjoni ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub.
18. Is-seduta pubblika saret fl‑24 ta’ Ottubru 2019 u ġiet konkluża flimkien ma’ dawk tal-Kawżi C‑625/19 PPU u C‑627/19 PPU. F’din dehru JR, YC, XD, ZB, l-Uffiċċju tal-Prosekutur tal-Lussemburgu, l-Uffiċċju tal-Prosekutur tal-Pajjiżi l-Baxxi, il-Gvern Olandiż, Franċiż, Svediż, Belġjan, Irlandiż, Spanjol, Taljan u Finlandiż kif ukoll il-Kummissjoni.
IV. Analiżi
A. Kunsiderazzjonijiet preliminari
19. Iż-żewġ rinviji preliminari huma intiżi sabiex jiġi ddeterminat jekk l-Uffiċċju tal-Prosekutur Franċiż huwiex “awtorità ġudizzjarja emittenti” fis-sens tal-Artikolu 6(1) tad-Deċiżjoni Qafas. Kull waħda minnhom issostni din il-kwistjoni minn perspettiva differenti, jiġifieri:
– Il-qorti Lussemburgiża tistaqsi jekk l-Uffiċċju tal-Prosekutur Franċiż jissodisfax il-kundizzjoni ta’ indipendenza li għandha tiġi ssodisfatta lill-awtorità emittenti ta’ MAE.
– Il-qorti Olandiża titlaq, bħala premessa, mill-indipendenza tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Franċiż, iżda hija tiddubita li l-MAE li jista’ joħroġ ikun suġġett għal stħarriġ ġudizzjarju.
20. Kif diġà osservajt, dawn id-domandi saru fil-kuntest tal-kwistjonijiet li s-sentenza OG u PI (Prosekuturi ta’ Lübeck u ta’ Zwickau) tqajjem fil-qorti tar-rinviju, b’mod partikolari meta hija tikkonstata li l-kunċett ta’ “awtorità ġudizzjarja emittenti” tal-Artikolu 6(1) “ma jirreferix għall-Uffiċċji tal-Prosekutur […] li huma esposti għar-riskju li, b’mod dirett jew indirett, jiġu suġġetti għal ordnijiet jew għal struzzjonijiet individwali min-naħa tal-poter eżekuttiv” (8).
21. Għalhekk din hija kwistjoni dwar:
– Jekk l-Uffiċċju tal-Prosekutur Franċiż huwa istituzzjoni indipendenti, kif inhuwa kull awtorità ġudizzjarja emittenti ta’ MAE (Kawża C‑566/19).
– Fil-każ ta’ risposta affermattiva, jekk l-eżami ġudizzjarju tal-kundizzjonijiet ta’ MAE jistax isir qabel id-“deċiżjoni effettiva” tal-Uffiċċju tal-Prosekutur li joħroġ dan il-mandat (l-ewwel domanda fil-Kawża C‑626/19 PPU).
– Jekk, fil-każ li tali reviżjoni tkun ifformalizzata f’rimedju ġudizzjarju kontra d-deċiżjoni tal-Uffiċċju tal-Prosekutur, huwa biżżejjed li dan ir-rimedju jkun jista’ jiġi ppreżentat wara l-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni (it-tieni domanda fil-Kawża C‑626/19 PPU).
22. Sabiex tingħata risposta lill-qorti Lussemburgiża (Kawża C‑566/19), huwa neċessarju li wieħed jibbaża fuq il-motivazzjoni tas-sentenzi OG u PI (Prosekuturi ta’ Lübeck u ta’ Zwickau) u ta’ NJ (Prosekutur ta’ Vjenna). Is-soluzzjoni fil-Kawża C‑626/19 PPU titlob xogħol eżegetiku li jsib bilanċ fil-punti 68 u 75 tal-ewwel waħda minn dawn is-sentenzi.
B. Fuq l-indipendenza tal-Uffiċċju tal-Prosekutur fi Franza
23. Fil-fehma tiegħi, l-Uffiċċju tal-Prosekutur ma jistax jiġi kklassifikat bħala “awtorità ġudizzjarja emittenti” fis-sens tal-Artikolu 6(1) tad-Deċiżjoni Qafas, għar-raġunijiet li diġà esponejt dak iż-żmien, essenzjalment, għas-salvagwardja tal-libertà taċ-ċittadini, suġġetta għal restrizzjonijiet biss meta l-qorti tiddeċiedi fuqhom (9). Konsegwentement, la l-prosekuturi Ġermaniżi u lanqas il-Prosekutur Ġenerali tal-Litwanja, u lanqas issa l-Uffiċċju tal-Prosekutur Franċiż ma jistgħu joħorġu MAE.
24. Minkejja li l-Qorti tal-Ġustizzja titlaq ukoll mill-premessa li l-awtorità emittenti ta’ MAE għandha tkun indipendenti, hija madankollu adottat approċċ differenti, li, fil-fehma tiegħi, ivarja skont jekk wieħed isegwix is-sentenza tal‑25 ta’ Lulju 2018, Minister for Justice and Equality (Nuqqasijiet tas-sistema ġudizzjarja) (10) jew dik tas‑27 ta’ Mejju 2019, fil-kawżi OG u PI (Prosekuturi ta’ Lübeck u ta’ Zwickau) u PF (Prosekutur Ġenerali tal-Litwanja) (11).
25. Għalhekk huwa opportun li jiġu riflessi t-termini li fihom ingħatat din il-ġurisprudenza.
1. Il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar din il-kwistjoni
26. Għall-Qorti tal-Ġustizzja, huwa biżżejjed li l-awtorità ġudizzjarja emittenti “tkun tista’ teżerċita dik il-funzjoni oġġettivament, filwaqt li tieħu inkunsiderazzjoni l-provi kollha inkriminanti u skaġunanti, u mingħajr ma tkun esposta għar-riskju li s-setgħa deċiżjonali tagħha tista’ tkun suġġetta għal ordnijiet jew struzzjonijiet esterni, b’mod partikolari mill-poter eżekuttiv, sabiex ma jkun hemm l-ebda dubju dwar il-fatt li d-deċiżjoni li jinħareġ il-mandat ta’ arrest Ewropew tkun ta’ dik l-awtorità u mhux, finalment, ta’ dak il-poter” (12).
27. Skont din il-linja ta’ argumenti:
– L-awtorità ġudizzjarja emittenti għandha tkun tista’ “tagħti lill-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni l-assigurazzjoni li, fid-dawl tal-garanziji mogħtija mill-ordinament ġuridiku tal-Istat Membru emittenti, hija qed taġixxi b’mod indipendenti fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet tagħha inerenti fir-rigward tal-ħruġ ta’ mandat ta’ arrest Ewropew”.
– Hija tippreċiża “li [għandu] jkun hemm regoli statutorji u organizzattivi sabiex jiġi żgurat li l-awtorita ġudizzjarja emittenti ma tkunx esposta, fil-kuntest tal-adozzjoni ta’ deċiżjoni biex jinħareġ tali mandat ta’ arrest, għal xi riskju li tkun suġġetta b’mod partikolari għal struzzjonijiet individwali mill-poter eżekuttiv” (13).
– Ir-riskju ta’ espożizzjoni għal eventwali istruzzjonijiet individwali tal-poter eżekuttiv jidher li huwa l-element prinċipali fl-evalwazzjoni tal-indipendenza tal-Uffiċċju tal-Prosekutur bħala awtorità ġudizzjarja emittenti.
28. Fis-sentenza OG u PI (Prosekuturi ta’ Lübeck u Zwickau), il-fattur determinanti kien li l-Ministru tal-Ġustizzja tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja, jew il-kontropartijiet tiegħu fil-Länder, jistgħu jordnaw istruzzjonijiet lill-prosekuturi (14). Din iċ-ċirkustanza kienet iktar importanti mill-konstatazzjoni li “l-Uffiċċji tal-Prosekutur Ġermaniżi huma marbuta bl-oġġettività u għandhom jinvestigaw mhux biss biex jinkriminaw iżda ukoll biex jiskaġunaw” (15).
29. Fis-sentenza NJ (Prosekutur ta’ Vjenna), ġie deċiż, għal raġunijiet simili, li l-prosekuturi Awstrijaċi ma kinux jissodisfaw ir-rekwiżiti inerenti għall-indipendenza meħtieġa għall-ħruġ ta’ MAE (16).
30. Min-naħa l-oħra, għall-Qorti tal-Ġustizzja, il-Prosekutur Ġenerali tal-Litwanja jista’ jkun “awtorità ġudizzjarja emittenti”, peress li billi huwa għandu r-responsabbiltà għall-ħruġ tal-MAE, huwa jibbenefika minn indipendenza fir-rigward tal-poter eżekuttiv iggarantit mill-Kostituzzjoni nazzjonali stess (17).
31. Nenfasizza li, sal-lum, il-ġurisprudenza ma ddeċidietx b’mod ċar fuq id-dipendenza jew l-indipendenza ta’ kull wieħed mill-prosekuturi, suġġett għal istruzzjonijiet tas-superjuri ġerarkiċi tiegħu (18).
2. L-Uffiċċju tal-Prosekutur fi Franza
32. Skont l-informazzjoni pprovduta fil-proċess, sas-sena 2013 il-Ministru tal-Ġustizzja seta’ jagħti istruzzjonijiet lill-prosekuturi fil-kawżi individwali. Il-kummentarji għas-sentenzi OG u PI (Prosekuturi ta’ Lübeck u ta’ Zwickau) u NJ (Prosekutur ta’ Vjenna) iwasslu, għalhekk, sabiex jiġi ddikjarat li, qabel din id-data, l-Uffiċċju tal-Prosekutur ta’ dan l-Istat Membru ma setax jiġi kklassifikat bħala “awtorità ġudizzjarja emittenti”.
33. L-issuġġettar tal-Prosekutur Franċiż għall-istruzzjonijiet individwali eventwali tal-poter eżekuttiv sparixxiet mar-riforma tal-KPK mill‑2014. Madankollu, il-possibbiltà li l-Ministru tal-Ġustizzja jagħti istruzzjonijiet ġenerali (Artikolu 30 tal-KPK) baqgħet fis-seħħ. Għad teżisti wkoll l-istruttura ġerarkika karatteristika tal-Prosekutur, bil-konsegwenza li l-membri tagħha huma suġġetti, fuq livell ta’ organizzazzjoni u funzjonali, għall-Prosekutur Ġenerali quddiem il-qrati rispettivi. Kull wieħed minn dawn il-prosekuturi għalhekk huwa “taħt id-direzzjoni u l-kontroll tas-superjuri ġerarkiċi tiegħu” (19).
34. Għalhekk iqumu żewġ problemi:
– L-ewwel wieħed, jekk il-possibbiltà li l-poter eżekuttiv jagħti istruzzjonijiet ġenerali lill-prosekuturi jista’ jaffettwa l-indipendenza tagħhom.
– It-tieni wieħed, jekk l-istruttura ġerarkika karatteristika tal-prosekuturi hija mingħajr effett f’dak li jirrigwarda l-indipendenza tal-membri tiegħu;
a) Istruzzjonijiet individwali u istruzzjonijiet ġenerali
35. Fid-dispożittiv tas-sentenza OG u PI (Prosekuturi ta’ Lübeck u ta’ Zwickau), il-Qorti tal-Ġustizzja semmiet espressament biss l-istruzzjonijiet individwali. Madankollu, huwa eskluda, fil-punt 73 tiegħu, li s-setgħa deċiżjonali tal-prosekutur tista’ tkun “suġġetta għal ordnijiet jew struzzjonijiet esterni”, mingħajr ebda preċiżazzjoni oħra.
36. F’każ bħal dan, il-possibbiltà ta’ istruzzjonijiet individwali tal-Ministru tal-Ġustizzja lill-prosekuturi Ġermaniżi tkun ovvja, ma kienx neċessarju li tittieħed deċiżjoni fuq l-effett tal-istruzzjonijiet ġenerali fuq l-azzjoni tiegħu.
37. Madankollu, jidhirli li dan l-aħħar tip ta’ istruzzjonijiet jista’ wkoll ikun rilevanti. Fil-konklużjonijiet tiegħi OG u PI (Prosekuturi ta’ Lübeck u ta’ Zwickau), fakkart it-termini, li kienu fondati, fejn il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fis-sentenza Minister for Justice and Equality (Nuqqasijiet tas-sistema ġudizzjarja), fuq l-indipendenza tal-awtorità ġudizzjarja li ħarġet il-MAE. Din l-indipendenza tippresupponi li “l-istanza kkonċernata teżerċita l-attivitajiet ġudizzjarji tagħha b’awtonomija sħiħa, mingħajr ma tkun suġġetta għal ebda rabta ġerarkika jew ta’ subordinazzjoni fil-konfront ta’ xi ħadd u mingħajr ma tirċievi ordnijiet jew istruzzjonijiet minn kwalunkwe sors li jkun, u b’tali mod li b’hekk tkun protetta kontra l-interventi jew il-pressjonijiet esterni li jistgħu jippreġudikaw l-indipendenza tal-ġudizzju tal-membri tagħha u jinfluwenzaw id-deċiżjonijiet tagħhom” (20).
38. Huwa inkonċepibbli li mħallef (indipendenti) għandu jikkonforma ruħu ma’ istruzzjonijiet maħruġa mill-poter eżekuttiv, anki jekk dawn ikunu ġenerali, meta jintalab jagħti deċiżjoni dwar xi ħaġa hekk prezzjuża bħal-libertà tal-konċittadini tiegħu. L-Imħallef huwa suġġett biss għal-liġi, mhux għall-orjentazzjonijiet ta’ politika penali mogħtija minn gvern (permezz tal-Ministru tal-Ġustizzja).
39. Dawn il-linji gwida jistgħu, ġustament, jorbtu lill-prosekuturi fl-Istati Membri li jagħżlu li jaċċettaw dan it-tip ta’ istruzzjonijiet ġenerali. Hija ġustament din ir-raġuni – jiġifieri r-restrizzjoni tal-kapaċità li jaġixxi b’mod awtonomu, mingħajr ebda riżerva oħra minbarra dik dovuta mil-liġi – li timpedixxi r-rikonoxximent tal-istatus ta’ awtorità ġudizzjarja emittenti lill-membri tal-Uffiċċju tal-Prosekutur li għandhom jikkonformaw ruħhom mal-istruzzjonijiet ġenerali tal-Gvern sabiex jiġi ddeterminat jekk huma jistgħux joħorġu MAE jew le.
40. Ma huwiex eskluż li dawn l-istruzzjonijiet ġenerali jispeċifikaw il-politika penali ta’ gvern partikolari (21) li jimponi fuq il-membri tal-Uffiċċju tal-Prosekutur, pereżempju, id-dmir li joħorġu MAE għal ċerti reati, jew fi kwalunkwe każ, jew għal ċerti kategoriji ta’ kriminali. Kif jista’ wieħed jitkellem dwar l-indipendenza f’deċiżjoni adottata minn dawk li bilfors għandhom jirrispettaw, anki kontra l-opinjoni tagħhom stess, dawk l-istruzzjonijiet (ġenerali) tal-Gvern għall-ħruġ ta’ MAE?
41. Wieħed jista’ jirribatti li din l-ipoteżi ma hijiex ħaġa mhux tas-soltu, iżda, ninsisti, meta tkun involuta ċ-ċaħda tal-libertà, is-salvagwardja kontra l-istruzzjonijiet vinkolanti tal-poter eżekuttiv (kemm ġenerali kif ukoll, a fortiori, individwali) fil-qasam tal-MAE teħtieġ li min jiddeċiedi dwar il-libertà ta’ persuna, jagħmel dan minn pożizzjoni ta’ indipendenza assoluta, suġġetta biss għal-liġi u mhux għal indikazzjonijiet jew għal-linji gwida, partikolari jew ġenerali, tal-poter eżekuttiv.
42. Għaldaqstant, nifhem li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tirrikorri mill-ġdid għat-teżi stabbilita fil-punt 63 tas-sentenza Minister for Justice and Equality (Nuqqasijiet tas-sistema ġudizzjarja) sabiex tikkorrobora li l-korp li joħroġ MAE ma jistax jiġi sottomess għal kwalunkwe rabta ġerarkika jew ta’ subordinazzjoni fir-rigward ta’ terzi jew li “ma tirċievi ordnijiet jew istruzzjonijiet minn kwalunkwe sors li jkun”.
b) Is-subordinazzjoni ġerarkika tal-Uffiċċju tal-Prosekutur fi Franza
43. Skont kif sostnut fil-konklużjonijiet OG u PI (Prosekuturi ta’ Lübeck u ta’ Zwickau”), mill-ġdid b’ċitazzjoni tas-sentenza Minister for Justice and Equality (Nuqqasijiet tas-sistema ġudizzjarja), “[l]-indipendenza […] hija inkompatibbli ma’ kwalunkwe ‘rabta ġerarkika jew ta’ subordinazzjoni fil-konfront ta’ terzi’”. B’riferiment għall-imħallfin u l-qrati, dan jissoponi li “[d]-detenturi tal-poter ġudizzjarju huma wkoll indipendenti mill-istanzi ġudizzjarji superjuri, li, għalkemm jistgħu jirrevedu u jannullaw is-sentenzi tagħhom a posteriori, ma jistgħux, madankollu jimponu fuqhom kif għandhom jiddeċiedu” (22).
44. Fil-fehma tiegħi, din il-karatteristika tal-indipendenza għandha wkoll tikkaratterizza l-Uffiċċju tal-Prosekutur bħala “awtorità ġudizzjarja emittenti” fis-sens tad-Deċiżjoni Qafas. Għalhekk, jekk, kif jidher stabbilit, il-prosekuturi Franċiżi, minbarra li huma konformi mal-istruzzjonijiet ġenerali mogħtija mill-Ministru tal-Ġustizzja, għandhom ukoll iżommu mal-ordnijiet tas-superjuri ġerarkiċi tagħhom fil-kuntest tal-istruttura tal-Uffiċċju tal-Prosekutur (23), huma diffiċilment jistgħu jiġu kklassifikati bħala indipendenti sabiex jaġixxu bħala “awtorità ġudizzjarja emittenti” ta’ MAE.
45. Dan huwa, barra minn hekk, l-approċċ adottat mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tas‑16 ta’ Frar 2017, Margarit Panicello (punti 41 u 42), meta ċaħdet il-possibbiltà li uffiċjal ieħor (reġistratur) li jintervjeni fuq bażi anċillari fl-amministrazzjoni tal-ġustizzja, jista’ jagħmel domandi preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja. L-assenza ta’ indipendenza tiegħu kienet dovuta, eżattament, peress li “huwa obbligat li josserva, l-istruzzjonijiet tas-superjur ġerarkiku tiegħu” (24).
46. Minkejja li l-kriterji ta’ interpretazzjoni tal-Artikolu 267 TFUE (25) ma jaqblux f’kollox ma’ dawk li jikkonċernaw l-Artikolu 6(1) tad-Deċiżjoni Qafas, nemmen li l-fuq il-mertu jesprimu l-istess tħassib.
47. Infakkar, għal darba oħra, il-punt 63 tas-sentenza Minister for Justice and Equality (Nuqqasijiet tas-sistema ġudizzjarja) fuq l-assenza ta’ “rabtiet ġerarkiċi jew ta’ subordinazzjoni”, bħala komponent essenzjali u inseparabbli tal-indipendenza.
48. Fil-kawża li tat lok għas-sentenza PF (Prosekutur Ġenerali tal-Litwanja), il-Qorti tal-Ġustizzja sostniet li l-Prosekutur Ġenerali tal-Litwanja seta’ jiġi kklassifikat bħala “awtorità ġudizzjarja emittenti” inkwantu għandu status kostituzzjonali li jagħtih garanzija ta’ indipendenza fil-konfront tal-poter eżekuttiv fir-rigward tal-ħruġ tal-MAE. Min-naħa l-oħra, ma hemmx garanzija kostituzzjonali ekwivalenti fir-Repubblika Franċiża.
c) L-imparzjalità tal-Uffiċċju tal-Prosekutur
49. Il-qorti tar-rinviju Lussemburgiża tesprimi dubji fir-rigward tat-teħid inkunsiderazzjoni tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Franċiż bħala “awtorità ġudizzjarja emittenti” ta’ MAE, mhux biss minħabba l-istatus ta’ din l-istituzzjoni, iżda wkoll minħabba li l-prosekuturi “[…] filwaqt li jivverifika[w] l-osservanza tal-kundizzjonijiet neċessarji għall-ħruġ ta’ [MAE] u jeżamina[w] n-natura proporzjonata tiegħu fid-dawl tal-fatti tal-fajl kriminali, [huma] fl-istess ħin l-awtorità responsabbli għat-tressiq ta’ proċeduri kriminali fl-istess kawża”.
50. Fil-fehma tiegħi, dawn l-oġġezzjonijiet tal-qorti tar-rinviju jaqgħu wkoll taħt l-imparzjalità tal-Uffiċċju tal-Prosekutur kif ukoll tal-indipendenza tiegħu.
51. L-Uffiċċju tal-Prosekutur huwa, mid-definizzjoni tiegħu, il-“parti li tipproċedi bil-prosekuzzjoni fil-proċeduri kriminali” (26). Bħala parti li qiegħda tipproċed fi proċeduri kriminali kontra parti oħra (is-suspettat jew l-akkużat), ma għandhiex tikkorrispondi lilu, iżda fuq il-qorti adita sabiex tiddeċiedi, li tikkundizzjona s-sitwazzjoni personali tal-parti avversarja, sal-punt li ċċaħħadha mil-libertà tagħha.
52. Din il-premessa tista’ madankollu tiġi kkwalifikata fil-każ fejn il-liġi tobbliga lill-Uffiċċju tal-Prosekutur jaġixxi b’oġġettività sħiħa, billi jevalwa u jipprovdi lill-qorti kemm il-provi li jinkriminaw kif ukoll li jiskaġunaw, kontra jew favur persuna ssuspettata jew akkużata.
53. B’mod partikolari, jekk l-Uffiċċju tal-Prosekutur ikun obbligat li jikkonforma ruħu ma’ dan id-dmir ta’ oġġettività waqt l-istruttorja ta’ proċedura kriminali, il-pożizzjoni tiegħu hija simili għal dik ta’ qorti istruttorja (fil-pajjiżi fejn din l-istituzzjoni teżisti), fosthom dik li toħroġ MAE meta dan huwa previst mid-dritt intern tagħha.
54. Għalhekk jidhirli li n-natura ta’ parti fil-proċeduri kriminali, li l-Uffiċċju tal-Prosekutur għandu minn perspettiva formali, ma hijiex inkompatibbli mar-rikonoxximent ta’ status ta’ imparzjalità, bħala regola (mhux biss deontoloġika, iżda ġuridika) ta’ kondotta fil-proċeduri. F’dan ir-rigward, il-liġi nazzjonali tista’ tippreċiża, u dan huwa l-każ fi Franza, li l-Uffiċċju tal-Prosekutur jeżerċita l-prosekuzzjoni u jeħtieġ l-applikazzjoni tal-liġi kriminali “fl-osservanza tal-prinċipju ta’ imparzjalità li huwa għandu” (27).
55. Fi kwalunkwe każ, sa fejn, fil-fehma tiegħi, id-disinn istituzzjonali tal-prosekutur Franċiż ma jiżgurax li l-azzjoni tiegħu hija ħielsa minn kull influwenza tal-poter eżekuttiv waqt il-ħruġ ta’ MAE, inqis li d-domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju fil-Kawża C‑566/19 għandha tingħata risposta negattiva.
56. Jekk dan ikun il-każ, din l-istess risposta tagħmel inutli r-risposta għad-domandi tal-qorti Olandiża fil-Kawża C‑626/19 PPU, sa fejn din hija intiża fuq l-indipendenza tal-Uffiċċju tal-Prosekutur fi Franza, ħaġa li neskludi. Sussidjarjament, ser neżaminahom b’mod sussidjarju.
C. Fuq l-istħarriġ ġudizzjarju tal-MAE maħruġ mill-Uffiċċju tal-Prosekutur
1. Kunsiderazzjonijiet preliminari
57. Ir-rechtbank Amsterdam (il-Qorti Distrettwali ta’ Amsterdam) tiddubita l-osservanza tat-tielet rekwiżit stabbilit fis-sentenza OG u PI (Prosekuturi ta’ Lübeck u ta’ Zwickau) sabiex awtorità li, mingħajr ma tkun imħallef jew qorti, tipparteċipa fl-amministrazzjoni tal-ġustizzja u taġixxi b’mod indipendenti, tista’ toħroġ MAE, jiġifieri: li d-deċiżjoni tagħha hija suġġetta għal rimedju ġudizzjarju.
58. Skont il-punt 75 tas-sentenza OG u PI (Prosekuturi ta’ Lübeck u Zwickau), “meta d-dritt tal-Istat Membru emittenti jagħti s-setgħa sabiex jinħareġ [MAE] lil awtorità li, waqt li tipparteċipa fl-amministrazzjoni tal-ġustizzja ta’ dak l-Istat Membru, ma hijiex fiha nfisha qorti, id-deċiżjoni li jinħareġ [MAE] bħal dan u, b’mod partikolari, il-proporzjonalità ta’ deċiżjoni bħal din għandhom ikunu suġġetti għal rimedju ġudizzjarju, f’dak l-Istat Membru, li jissodisfa bis-sħiħ ir-rekwiżiti inerenti ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva”.
59. L-Uffiċċju tal-Prosekutur tal-Pajjiżi l-Baxxi jsostni li r-rimedju msemmi fil-punt 75 tas-sentenza OG u PI (Prosekuturi ta’ Lübeck u Zwickau) ma japplikax meta, fl-ewwel wieħed miż-żewġ livelli ta’ protezzjoni li fihom hija bbażata l-istruttura tad-Deċiżjoni Qafas, kienet diġà ġiet adottata deċiżjoni li tissodisfa l-kundizzjonijiet ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva (28).
60. Skont dan l-approċċ, ir-rekwiżiti msemmija fil-punti 68 u 75 tas-sentenza OG u PI (Prosekuturi ta’ Lübeck u Zwickau) huma għalhekk esklużi. Madankollu, għall-qorti tar-rinviju, dawn ir-rekwiżiti jikkoeżistu u, għaldaqstant, huma fl-istess ħin applikabbli. Jiena naqbel ma’ din il-pożizzjoni.
61. Ir-rekwiżiti msemmija fil-punti 68 u 75 tas-sentenza OG u PI (Prosekuturi ta’ Lübeck u Zwickau) ċertament iqajmu ċerti mistoqsijiet.
62. Il-punt 68 jindika li l-protezzjoni fuq żewġ livelli tas-sistema tal-MAE “timplika li deċiżjoni li tissodisfa r-rekwiżiti inerenti ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva għandha tiġi adottata, għall-inqas, f’wieħed miż-żewġ livelli ta’ dik il-protezzjoni” (29). Dawn il-livelli huma:
– Dik li tirregola “fil-kuntest ta l-adozzjoni ta’ deċiżjoni ġudizzjarja nazzjonali, bħal mandat ta’ arrest nazzjonali [iktar ’il quddiem il-“MAN”]” (30).
– Dik li topera fil-kuntest tal-ħruġ tal-MAE nnifsu (31).
63. Is-sens korrett tal-espressjoni “għall-inqas, f’wieħed miż-żewġ livelli ta’ dik il-protezzjoni”, li hija użata fil-punt 68 tas-sentenza OG u PI (Prosekuturi ta’ Lübeck u Zwickau), tirrigwarda biss il-qari tal-punti li ġejjin.
64. Skont il-punt 69, mill-punt 68 jirriżulta li “[m]inn dan isegwi li”, meta d-dritt nazzjonali jattribwixxi l-kompetenza li jinħareġ MAE lil awtorità li, bħall-Uffiċċju tal-Prosekutur, jipparteċipa fl-amministrazzjoni tal-ġustizzja, iżda ma huwiex imħallef jew tribunal, il-MAE għandu jkun ibbażat fuq “deċiżjoni ġudizzjarja nazzjonali, bħal mandat ta’ arrest nazzjonali”. Dan tal-aħħar (il-MAN) għandu jissodisfa r-rekwiżiti msemmija fil-punt 68: “ir-rekwiżiti inerenti ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva”.
65. Il-MAE maħruġ minn prosekutur għandu għalhekk jibbaża ruħu fuq MAN maħruġ minn imħallef jew minn qorti, fi kliem ieħor minn awtorità ġudizzjarja fis-sens strett. Għalhekk hemm lok li jiġi kkunsidrat li “deċiżjoni li tissodisfa r-rekwiżiti inerenti ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva”, fis-sens tal-punt 68 tas-sentenza OG u PI (Prosekuturi ta’ Lübeck u Zwickau), hija dik adottata minn imħallef jew qorti.
66. It-tieni livell ta’ protezzjoni jimplika, skont il-punt 71 tas-sentenza OG u PI (Prosekuturi ta’ Lübeck u Zwickau), li l-awtorità kompetenti li toħroġ il-MAE “għandha […] tivverifika l-osservanza tal-kundizzjonijiet neċessarji għal dan il-ħruġ u għandha teżamina l-punt ta’ jekk, fid-dawl tal-ispeċifiċitajiet ta’ kull każ, l-imsemmi ħruġ huwiex ta’ natura proporzjonata”.
67. Għaldaqstant il-MAE li l-bażi tiegħu hija MAN maqbul minn imħallef jew qorti jista’ jinħareġ mill-Uffiċċju tal-Prosekutur fl-Istati Membri fejn din l-istituzzjoni tipparteċipa fl-amministrazzjoni tal-ġustizzja u tagħmel hekk b’indipendenza sħiħa.
68. F’dan il-każ, ir-“rekwiżiti inerenti għall-protezzjoni ġudizzjarja effettiva” (jiġifieri l-intervent ta’ qorti fis-sens strett) huma diġà żgurati fl-ewwel livell ta’ protezzjoni, mal-ħruġ tal-MAN li fuqu huwa bbażat il-MAE.
69. Issa, skont il-punt 75 tas-sentenza OG u PI (Prosekuturi ta’ Lübeck u Zwickau), id-deċiżjoni tal-Uffiċċju tal-Prosekutur li joħroġ il-MAE għandha “[t]kun suġġett[a] għal rimedju ġudizzjarju, f’dak l-Istat Membru, li jissodisfa bis-sħiħ ir-rekwiżiti inerenti ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva”.
70. In-neċessità tal-imsemmi rimedju ma jwassalx għal kundizzjoni sabiex l-Uffiċċju tal-Prosekutur ikun jista’ joħroġ MAE, jiġifieri sabiex jiġi rreġistrat bħala “awtorità ġudizzjarja emittenti” fis-sens tal-Artikolu 6(1) tad-Deċiżjoni Qafas. Iżda din hija pjuttost kundizzjoni li tikkonċerna r-regolarità tal-ħruġ tal-MAE min-naħa tal-Uffiċċju tal-Prosekutur u, għaldaqstant, l-effikaċja tiegħu (32).
71. Dan jirriżulta mis-sentenza PF (Prosekutur Ġenerali tal-Litwanja), li fih il-Qorti tal-Ġustizzja, wara li kkonstatat li l-Prosekutur Ġenerali tal-Litwanja seta’ jiġi kklassifikat bħala “awtorità ġudizzjarja emittenti” sabiex jipparteċipa fl-amministrazzjoni tal-ġustizzja u li tiġi żgurata l-indipendenza fir-rigward tal-poter eżekuttiv, ikkonstatat li ma kienx possibbli li jiġi ddeterminat jekk id-deċiżjonijiet tagħha li joħorġu MAE jistgħux ikunu suġġetti għal rimedju ġudizzjarju (33). Dan l-aħħar fatt ma pprekludiex lil din tal-aħħar milli tiddeċiedi li l-Prosekutur Ġenerali jaqa’ taħt il-kunċett ta’ “awtorità ġudizzjarja emittenti” li jinsab fl-Artikolu 6(1) tad-Deċiżjoni Qafas.
72. Fi kliem ieħor, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-Uffiċċju tal-Prosekutur jista’ jiġi kklassifikat bħala “awtorità ġudizzjarja emittenti”, fis-sens tal-Artikolu 6(1) tad-Deċiżjoni Qafas, jekk ikunu ssodisfatti żewġ karatteristiċi: a) jipparteċipa fl-amministrazzjoni tal-ġustizzja; u b) igawdi minn status, fuq livell ta’ organizzazzjoni u funzjonali, li jiżgura l-indipendenza tiegħu.
73. Fil-każ ta’ ġbir ta’ dawn iż-żewġ karatteristiċi, l-Uffiċċju tal-Prosekutur jista’ joħroġ MAE. Issa, il-MAE hekk maħruġ għandu jkun jista’ jiġi suġġett għal appell quddiem qorti jew tribunal fis-sens proprju tiegħu. Fil-fatt, l-assenza ta’ tali rimedju ma tirrigwardax il-kwalità tiegħu ta’ “awtorità ġudizzjarja emittenti”, iżda dwar l-effikaċja tal-MAE li huwa jkun ħareġ.
2. Dwar l-ewwel domanda preliminari fil-Kawża C‑626/19 PPU
74. Jekk din l-interpretazzjoni kienet korretta, l-ewwel domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju għandha tiġi fformulata mill-ġdid.
75. Ir-rechtbank Amsterdam (il-Qorti Distrettwali ta’ Amsterdam) tistaqsi jekk “l-awtorità ġudizzjarja emittenti”, fis-sens tal-Artikolu 6(1) tad-Deċiżjoni Qafas, tistax tiġi kkunsidrata bħala prosekutur li jipparteċipa fl-amministrazzjoni tal-ġustizzja u li jaġixxi b’mod indipendenti jekk id-deċiżjoni tagħha li toħroġ MAE tkun ippreċeduta minn eżami ġudizzjarju.
76. Jidhirli, għar-raġunijiet preċedenti, li dak li huwa importanti ma huwiex iktar il-punt dwar jekk, fil-kundizzjonijiet stabbiliti, il-prosekutur huwiex “awtorità ġudizzjarja emittenti”, iżda jekk il-MAE li ħareġ jistax isir effettiv fl-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni. L-eżami għandu għalhekk jirrigwarda r-regolarità tal-proċess ta’ adozzjoni tal-MAE u mhux il-kwalità ta’ min joħroġ il-MAE.
77. Id-domanda għalhekk għandha tiġi fformulata mill-ġdid b’dan il-mod: “L-eżami tal-osservanza tal-kundizzjonijiet dwar il-ħruġ ta’ MAE adottata minn prosekutur li jistħoqqlu t-teħid inkunsiderazzjoni ta’ ‘awtorità ġudizzjarja emittenti’ fis-sens tal-Artikolu 6(1) tad-Deċiżjoni Qafas jista’ jseħħ qabel il-ħruġ tal-MAE?”
78. Abbażi tal-informazzjoni pprovduta mill-qorti tar-rinviju, il-MAE f’dan il-każ inħareġ minn prosekutur Franċiż bħala riżultat tat-talba mressqa mill-qorti li tkun għadha kif ħarġet il-MAN. Fil-kuntest tal-adozzjoni ta’ dan il-MAN, din il-qorti eżaminat għalhekk il-kundizzjonijiet tal-ħruġ tal-MAE u, b’mod partikolari, il-proporzjonalità tiegħu.
79. Huwa minnu li, il-fatt li l-qorti adita mill-MAN diġà tipproċedi, f’dan l-istadju, għall-kwistjoni dwar jekk il-kundizzjonijiet meħtieġa sabiex il-prosekutur jiddeċiedi dwar il-ħruġ ta’ MAE (b’mod partikolari jekk il-ħruġ huwiex proporzjonat) humiex issodisfatti jikkostitwixxi garanzija importanti għall-implimentazzjoni korretta tal-mekkaniżmu tad-Deċiżjoni Qafas.
80. Jekk il-MAN u l-MAE jiġu adottati simultanjament jew kważi immedjatament, ir-riskju li l-evalwazzjoni tal-proporzjonalità tal-MAE tkun tardiva hija eskluża. Dan ir-riskju, min-naħa l-oħra, jista’ jitnissel jekk il-MAE jinħareġ ħafna żmien wara l-MAN: huwa possibbli li, f’din is-sitwazzjoni, l-evalwazzjoni tal-proporzjonalità magħmula mill-qorti tkun skadiet u jista’ jkun hemm biżżejjed ċirkustanzi ulterjuri sabiex jiġi emendat.
81. Hija għal din l-eventwalità li tirreferi l-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza NJ (Prosekutur ta’ Vjenna) peress li hija tenfasizza li l-istħarriġ tal-proporzjonalità li l-imħallef wettaq (34) għandu jaffettwa wkoll il-ksur tad-drittijiet tal-persuna rikjesta, li jmur lil hinn mill-preġudizzju għad-dritt tal-libertà tagħha, għalhekk għandhom jiġu evalwati l-effetti tal-MAE fir-rapporti soċjali u fuq il-familja stabbiliti minn dawk li jkunu diġà jinsabu fi Stat Membru ieħor differenti minn dak emittenti.
82. Indipendentement minn dan l-eżami ex officio tal-kundizzjonijiet ta’ stabbiliment ta’ MAE, il-punt 75 tas-sentenza OG u PI (Prosekuturi ta’ Lübeck u Zwickau) isemmi espressament “rimedju ġudizzjarju”, jiġifieri eżami mill-ġdid stabbilit mill-persuna msemmija mill-MAE.
83. Fil-mument tal-adozzjoni tal-MAN, l-imħallef iwettaq l-evalwazzjoni tiegħu (ex officio) fuq iċ-ċirkustanzi li wassluh sabiex joħroġ il-MAN, li ser jiġi eventwalment segwit mill-MAE. Kif irrileva l-Prosekutur Ġenerali Lussemburgiż, f’din il-proċedura, għal raġunijiet evidenti, ma kienx hemm parteċipazzjoni mill-persuna rikjesta (35).
84. Madankollu, din l-attività ġudizzjarja ma tistax, min-natura tagħha stess, tissodisfa “r-rekwiżiti inerenti ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva”, iċċitati fil-punt 75 tas-sentenza OG u PI (Prosekuturi ta’ Lübeck u Zwickau). Din tal-aħħar hija dejjem protezzjoni mitluba mill-persuna rikjesta u tissarraf fi proċedura li fiha din il-persuna setgħet tintervjeni u tipparteċipa, billi teżerċita d-dritt ta’ difiża tagħha.
85. Għalhekk, ir-rimedju ċċitat fil-punt 75 tas-sentenza OG u PI (Prosekuturi ta’ Lübeck u Zwickau) ma jistax jissostitwixxi stħarriġ ġudizzjarju bħal dak imwettaq fil-mument tal-adozzjoni tal-MAN. Bħala “rimedju”, l-għan tiegħu jista’ biss ikun il-MAE wara li jkun inħareġ, li jwassal sabiex jiġi eżaminat meta għandu jkun possibbli li jitressaq. Huwa fuq dan il-punt li tirrigwarda t-tieni domanda fil-Kawża C‑626/19 PPU.
3. Dwar it-tieni domanda preliminari fil-Kawża C‑626/19 PPU
86. Il-qorti tar-rinviju tieħu bħala premessa li għandha teżisti l-possibbiltà ta’ rimedju ġudizzjarju kontra d-deċiżjoni tal-Uffiċċju tal-Prosekutur li joħroġ MAE. Fuq il-bażi ta’ dan hija tixtieq tkun taf jekk it-tressiq ta’ tali rimedju għandux ikun possibbli qabel l-eżekuzzjoni tal-MAE jew huwa biżżejjed li dan jista’ jiġi ppreżentat wara l-konsenja effettiva tal-persuna rikjesta.
87. Is-sentenza OG u PI (Prosekuturi ta’ Lübeck u Zwickau) ma tiddeċidix espressament fuq din il-kwistjoni. Madankollu, naqbel mal-Kummissjoni li, minħabba r-riskju li taffettwa d-dritt għal-libertà, inerenti mal-ħruġ ta’ MAE, il-possibbiltà li tiġi kkontestata permezz ta’ rimedju ġudizzjarju għandha tkun fattibbli malli jkun sar qbil li jinħareġ (36). Madankollu, dan huwa bla ħsara għal dawk il-każijiet li fihom, għal raġunijiet ta’ segretezza tal-investigazzjoni jew sabiex jiġi evitat li l-persuna rikjesta taħrab, in-notifika immedjata tal-MAE ma hijiex opportuna, sakemm il-persuna tkun arrestata.
88. Rimedju mibdi wara l-konsenja tal-persuna rikjesta jippermettilha tikseb protezzjoni ġudizzjarja, iżda ta’ portata inqas minn dik li setgħet tibbenefika minnha li kieku hija kienet f’pożizzjoni li tikkontesta l-miżura, sabiex tevita d-danni inerenti għall-eżekuzzjoni ta’ MAE (b’mod partikolari ċ-ċaħda tal-libertà).
89. Fi kwalunkwe każ, kif irreleva l-Prosekutur Ġenerali tal-Lussemburgu (37), id-Direttiva 2013/48/UE (38) tipprovdi fl-Artikolu 10(5) tagħha, li l-Istat Membru emittenti tal-MAE huwa obbligat li jipprovdi lill-persuna rikjesta b’għajnuna fil-ħatra ta’ avukat mill-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni, sabiex hekk manifestament jiffaċilita l-eżerċizzju tad-dritt tagħha għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva quddiem il-qrati tal-Istat Membru emittenti mingħajr ma jkun neċessarju li tistenna l-konsenja tagħha.
90. Il-fatt li l-punt 75 tas-sentenza OG u PI (Prosekuturi ta’ Lübeck u Zwickau) ma jitkellimx dwar il-mument li fih huwa għandu jkun jista’ juża l-MAE fl-Istat Membru emittenti ma għandux għalhekk jiġi interpretat bħala li huwa suffiċjenti, sabiex ikun kompatibbli mad-dritt tal-Unjoni, sempliċi rimedju sussegwenti għall-konsenja tal-persuna rikjesta wara l-MAE.
91. Fil-fehma tiegħi, sistema nazzjonali li tirrigwarda biss dan ir-rimedju ex post u ma tippermettix li jiġi kkontestat il-MAE fl-oriġini tiegħu (39) ma tissodisfax “ir-rekwiżiti inerenti ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva” fl-Istat Membru emittenti, li għalihom tirreferi l-Qorti tal-Ġustizzja. Il-persuna rikjesta għandu jkollha rimedju li jista’ jiggarantixxi protezzjoni ġudizzjarja sħiħa, minħabba l-involviment serju tad-dritt ta’ libertà tagħha.
92. Madankollu, għandu jiġi enfasizzat, bi qbil mal-pożizzjoni difiża mill-Kummissjoni (40), li rimedju mibdi quddiem l-Istat Membru emittenti ma jistax jippreġudika t-trattatament tal-MAE fl-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni, li l-awtorità ġudizzjarja tagħha hija obbligata li tikkonforma mal-kundizzjonijiet tad-Deċiżjoni Qafas u li tosserva t-termini stabbiliti. Dawn l-elementi kollha, finalment, jiffavorixxu wkoll lill-persuna rikjesta li tkun imċaħħda mil-libertà tagħha matul il-proċedura ta’ konsenja.
93. Fil-qosor, għandha biss tingħata risposta liż-żewġ domandi preliminari magħmula mill-qorti Olandiża, li għandha tenfasizza li jeħtieġ, fi kwalunkwe każ, li tiġi ggarantita l-possibbiltà li l-persuna rikjesta tkun tista’ tagħti bidu għal rimedju quddiem imħallef jew qorti fis-sens strett fir-rigward tal-MAE maħruġ mill-Uffiċċju tal-Prosekutur, anki jekk qabel dan inħareġ MAN miftiehem minn imħallef.
4. Kunsiderazzjoni finali
94. Fil-fehma tiegħi, hija l-konklużjoni preċedenti li hija meħtieġa inevitabbilment mir-rekwiżit stabbilit fil-punt 75 tas-sentenza OG u PI (Prosekuturi ta’ Lübeck u Zwickau).
95. Dan ir-rekwiżit ma huwiex kundizzjoni neċessarja sabiex l-Uffiċċju tal-Prosekutur ikun jista’ jiġi kklassifikat bħala “awtorità ġudizzjarja emittenti” fis-sens tad-Deċiżjoni Qafas, kif diġà esponejt. Madankollu, huwa minnu li, anki jekk l-Uffiċċju tal-Prosekutur kien hekk ikklassifikat, il-MAE li kontrih ikun impossibbli li jitressaq rimedju ġudizzjarju jkun ivvizzjat minn nuqqas serju.
96. Fl-aħħar nett, ftit huwa siewi li jkun irrikonoxxut l-istatus ta’ “awtorità ġudizzjarja emittenti” lill-Uffiċċju tal-Prosekutur jekk il-MAE li huwa ħareġ ma setax jiġi eżegwit, peress li ġej minn sistema nazzjonali li ma tirrikonoxxix l-eżistenza ta’ rimedju ġudizzjarju kontrih.
97. Sabiex jiġi evitat tali effett mhux mixtieq, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tikkonstata li, fl-istennija ta’ riformi leġiżlattivi xierqa (41), il-qrati tal-Istati Membri emittenti li r-regoli tagħhom jawtorizzaw lill-prosekuturi tagħhom biex joħorġu MAE għandhom jinterpretaw id-dritt proċedurali tagħhom b’tali mod li rimedju bħal dak imsemmi fil-punt 75 tas-sentenza OG u PI (Prosekuturi ta’ Lübeck u Zwickau) ikun possibbli.
98. Jekk tali interpretazzjoni konformi mad-dritt tal-Unjoni ma tkunx possibbli (minħabba li hija contra legem fl-ordinament ġuridiku nazzjonali), fil-fehma tiegħi, xorta jkun għad hemm rimedju ieħor, sabiex ma titfixkilx l-implimentazzjoni tad-Deċiżjoni Qafas.
99. Il-prinċipju ta’ fiduċja bejn l-Istati Membri u l-korollarju tiegħu tar-rikonoxximent reċiproku jimmilita favur is-semplifikazzjoni tal-modalitajiet tal-proċedura tad-Deċiżjoni Qafas. F’din il-perspettiva, ma naħsibx li wieħed jista’ jżid mar-rekwiżiti ta’ “rifjut ta’ eżekuzzjoni” ta’ MAE, motiv ieħor, mhux espressament previst mid-Deċiżjoni Qafas, li jikkonsisti fil-fatt li jiġi impost, għal dawk il-MAE maħruġa mill-Uffiċċju tal-Prosekutur, li jiġi pprovat li l-leġiżlazzjoni nazzjonali tal-Istat emittenti jippermettu rimedju quddiem l-awtorità ġudizzjarja ta’ dan l-Istat.
100. Jekk dan ir-rekwiżit jiġi impost fuq l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni, it-trattament tal-MAE jkun saħansitra iktar kumpless, peress li din l-awtorità għandha tkun konxja (b’mod iddettaljat) tal-partikolaritajiet tas-sistemi proċedurali tal-Istati Membri l-oħra jew tkun tirrikjedi informazzjoni addizzjonali (42).
101. F’dan il-kuntest, għandhom ikunu l-istess qrati tal-Istat emittenti li, wara l-eżekuzzjoni tal-MAE, jisiltu l-konsegwenzi xierqa li, fid-dritt nazzjonali tagħhom u fid-dawl tar-rekwiżiti tad-dritt tal-Unjoni, kif interpretati mill-Qorti tal-Ġustizzja, jirriżultaw mill-fatt li ma kienx possibbli li jinbeda rimedju kontra l-MAE skont id-dritt nazzjonali tagħhom.
102. Fil-qosor, jekk prosekutur indipendenti u li ma jkunx suġġett għall-istruzzjonijiet tal-poter eżekuttiv f’dan il-qasam joħroġ MAE, tali mandat, sa fejn dan huwa ddettat minn “awtorità ġudizzjarja emittenti” fis-sens tad-Deċiżjoni Qafas, għandu jiġi eżegwit mill-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni, anki jekk ma jkunx stabbilit li l-ħruġ tiegħu jista’ jkun suġġett għal stħarriġ ġudizzjarju fl-Istat Membru emittenti.
V. Konklużjoni
103. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi lill-Cour d’Appel (Chambre du conseil) (il-Qorti tal-Appell (Awla tal-Kunsill), il-Lussemburgu) u lir-rechtbank Amsterdam (il-Qorti Distrettwali ta’ Amsterdam, il-Pajjiżi l-Baxxi) kif ġej:
“L-Artikolu 6(1) tad-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill Nru 2002/584/ĠAI tat‑13 ta’ Ġunju 2002 dwar il-mandat ta’ arrest Ewropew u l-proċeduri ta’ konsenja bejn l-Istati Membri, kif emendata bid-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2009/299/ĠAI tas‑26 ta’ Frar 2009 għandu jiġi interpretat fis-sens li:
Ma jistax jiġi kklassifikat bħala “awtorità ġudizzjarja emittenti” l-Uffiċċju tal-Prosekutur jekk, meta jiddeċiedi fuq mandat ta’ arrest Ewropew, il-membri tiegħu kkonformaw mal-istruzzjonijiet ġenerali ta’ politika penali maħruġa mill-Ministru tal-Ġustizzja li huma mandatorji f’dak li jirrigwarda dan it-tip ta’ ordni u l-istruzzjonijiet mogħtija lilhom mis-superjuri ġerarkiċi tagħhom.
B’mod sussidjarju:
Il-persuna rikjesta bis-saħħa ta’ mandat ta’ arrest Ewropew maħruġ mill-Uffiċċju tal-Prosekutur ta’ Stat Membru, li jipparteċipa fl-amministrazzjoni tal-ġustizzja u li jgawdi minn status li jiżgura l-indipendenza tiegħu, għandha tkun tista’ tikkontestaha quddiem imħallef jew qorti ta’ dan l-Istat, mingħajr ma jkun neċessarju li tistenna l-konsenja tagħha (ħlief jekk dan iqiegħed il-proċedura kriminali f’periklu) jew meta din tkun ġiet innotifikata lilu”.