Language of document : ECLI:EU:F:2007:207

SENTENZA TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU (It-Tieni Awla)

22 ta’ Novembru 2007

Kawża F-110/06

José María Carpi Badía

vs

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

“Servizz pubbliku – Uffiċjali – Promozzjoni – Punti ta’ prijorità – Fajl personali inkomplet – Ommissjoni tal-punti ta’ prijorità mill-fajl informatiku ta’ promozzjoni magħruf bħala ‘Sysper 2’ – Inċident tekniku – Kumitat ta’ Promozzjoni A* – Attribuzzjoni ta’ numru ta’ punti inqas minn dak propost mis-superjuri”

Suġġett: Rikors, ippreżentat skond l-Artikoli 236 KE u 152 KEEA, li permezz tiegħu Carpi Badia jitlob l-annullament tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tagħtih numru ta’ punti insuffiċjenti biex jippermettulu li jiġi promoss fil-proċedura ta’ promozzjoni 2005 u tad-deċiżjoni li ma tippromovihx f’din il-proċedura ta’ promozzjoni, kif ukoll tad-deċiżjoni ta’ l-Awtorità tal-Ħatra, tas-6 ta’ Ġunju 2006, li tiċħad l-ilment tiegħu.

Deċiżjoni: Id-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tagħti lir-rikorrent numru insuffiċjenti ta’ punti ta’ prijorità biex jiġi promoss fil-proċedura ta’ promozzjoni 2005 hija annullata. Id-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tistabbilixxi l-lista ta’ l-uffiċjali promossi fil-proċedura ta’ promozzjoni 2005, ippubblikata fl-Avviżi Amministrattivi Nru 85‑2005, tat-23 ta’ Novembru 2005, hija annullata sa fejn din ma tinkludix l-isem tar-rikorrent. Il-Kummissjoni għandha tbati l-ispejjeż tar-rikorrent u l-ispejjeż tagħha.

Sommarju

1.      Uffiċjali – Appell – Att li jikkawża preġudizzju – Sistema ta’ promozzjoni stabbilita mill-Kummissjoni – Konklużjoni tal-proċedura ta’ promozzjoni permezz ta’ att li jinkludi deċiżjoni li tistabbilixxi l-lista ta’ l-uffiċjali promossi u deċiżjoni li tistabbilixxi l-punti mogħtija lill-uffiċjali – Deċiżjonijiet awtonomi li jistgħu jkunu suġġetti għal appelli distinti jew appell wieħed

(Regolamenti tal-Persunal, Artikoli 45, 90 u 91)

2.      Uffiċjali – Promozzjoni – Eżami komparattiv tal-merti

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 45)

1.      Fil-kuntest tas-sistema ta’ promozzjoni stabbilita permezz ta’ regolament intern tal-Kummissjoni, fejn l-att finali li permezz tiegħu tiġi konkluża l-proċedura ta’ promozzjoni huwa ta’ natura kumplessa, fis-sens li jinkludi żewġ deċiżjonijiet distinti, jiġifieri d-deċiżjoni ta’ l-Awtorità ta’ Ħatra li tistabbilixxi l-lista tal-persuni promossi u dik ta’ l-imsemmija awtorità li tistabbilixxi n-numru totali tal-punti ta’ l-uffiċjali, li fuqha tibbaża ruħha l-ewwel deċiżjoni ; din id-deċiżjoni li tistabbilixxi n-numru totali tal-punti hija att awtonomu li jista’ jkun is-suġġett, bħala tali, ta’ lment u, jekk ikun il-każ, ta’ appell ġudizzjarju fil-kuntest tar-rimedji previsti mir-Regolamenti tal-Persunal.

Madankollu, uffiċjal li ma ġiex promoss minħabba l-attribuzzjoni, allegatament mhux iġġustifikata, ta’ numru ta’ punti insuffiċjenti sabiex jilħaq il-limitu minimu għall-promozzjoni jista’ jappella kemm kontra d-deċiżjoni ta’ l-Awtorità tal-Ħatra li tistabbilixxi n-numru totali tal-punti u kontra dik li tistabbilixxi l-lista ta’ uffiċjali promossi. Anki jekk dawn iż-żewġ atti jistgħu effettivament ikunu legalment distinti u jkunu s-suġġett ta’ talbiet distinti għall-finijiet ta’ annullament distinti, huwa ċert li fir-realtà, dawn huma marbutin mill-qrib f’każ ta’ rifjut ta’ promozzjoni, peress li dan ta’ l-aħħar huwa neċessarjament marbut man-numru totali ta’ punti mogħtija lill-uffiċjal fir-rigward tal-limitu minimu għall-promozzjoni.

(ara l-punti 32 u 33)

2.      Fil-kuntest tas-sistema ta’ promozzjoni stabbilita mill-Kummissjoni, l-ommissjoni, b’riżultat ta’ żball tekniku, ta’ isem l-uffiċjal mil-lista ta’ promozzjoni tad-direttorat ġenerali tiegħu stabbilita b’mezz informatiku u użata mid-Direttur Ġenerali għall-finijiet ta’ l-attribuzzjoni ta’ punti ta’ prijorità tad-direttorat ġenerali lill-uffiċjali tiegħu, tikkostitwixxi difett proċedurali li jivvizzja l-iżvolġiment regolari ta’ proċedura ta’ promozzjoni. Madankollu, sabiex dan il-difett proċedurali jkun jista’ jwassal għall-annullament tad-deċiżjoni, meħuda ulterjorment bħala rimedju għall-imsemmi difett, li l-persuna interessata tingħata punti ta’ prijorità, iżda f’numru insuffiċjenti sabiex tingħata l-promozzjoni, u ta’ dik li tistabbilixxi l-lista ta’ l-uffiċjali promossi, jeħtieġ li jiġi stabbilit li, fin-nuqqas ta’ din l-irregolarità fl-iżvolġiment tal-proċedura, l-imsemmija deċiżjonijiet setgħu jkollhom kontenut differenti.

Dan huwa l-każ tan-nuqqas ta’ teħid in kunsiderazzjoni tal-każ tal-persuna interessata fl-istabbiliment ta’ l-intenzjonijiet formali tad-Direttur Ġenerali tad-direttorat ġenerali tiegħu fir-rigward ta’ l-attribuzzjoni tal-punti ta’ prijorità, liema stabbiliment jikkostitwixxi stadju kruċjali tal-proċedura ta’ promozzjoni, mingħajr ma din l-irregolarità ġiet korretta suffiċjentement skond il-liġi, għalkemm dan kien possibbli, permezz ta’ l-attribuzzjoni ulterjuri ta’ numru xieraq ta’ punti ta’ prijorità mill-Kumitat ta’ Promozzjoni. Fil-fatt, tali irregolarità tista’ tippreġudika l-interessi ta’ l-uffiċjal ikkonċernat u li tivvizzja l-proċedura ta’ promozzjoni.

(ara l-punti 91 sa 95 u 102)

Referenza:

Il-Qorti tal-Ġustizzja: 23 ta’ April 1986, Bernardi vs Il-Parlament, 150/84, Ġabra p. 1375, punt 28

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 23 ta’ Novembru 1995, Benecos vs Il-Kummissjoni, T‑64/94, ĠabraSP p. I‑A‑257 u II‑769, punt 80; 9 ta’ Marzu 1999, Hubert vs Il‑Kummissjoni, T‑212/97, ĠabraSP p. I‑A‑41 u II‑185, punt 53; 13 ta’ Lulju 2000, Hendrickx vs Cedefop, T‑87/99, ĠabraSP p. I‑A‑147 u II‑679, punt 64