Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Cour administrative (il-Lussemburgu) fit-12 ta’ Frar 2019 – Luxaviation SA vs Ministre de l’Environnement

(Kawża C-113/19)

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Qorti tar-rinviju

Cour administrative

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: Luxaviation SA

Konvenut: Ministre de l’Environnement

Domandi preliminari

1.    L-Artikolu 12(3) tad-Direttiva 2003/87/KE 1 , li jipprovdi li l-Istati Membri għandhom jiżguraw ir-restituzzjoni tal-kwoti maħruġa mill-operaturi tagħhom, għandu jiġi interpretat, flimkien mal-Kartikolu 41 tal-Karta, li fih jinsab sanċit il-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba, bħala li, għall-awtorità nazzjonali kompetenti, jistabbilixxi obbligu tal-implimentazzjoni ta’ monitoraġġ individwali tal-obbligi ta’ restituzzjoni, qabel id-data ta’ skadenza tat-30 ta’ April tas-sena kkonċernata, meta din l-istess amministrazzjoni tkun kompetenti għas-sorveljanza ta’ numru mnaqqas ta’ operaturi, f’dan il-każ 25 operatur fuq il-livell nazzjonali?

2.

a.    Operazzjoni ta’ restituzzjoni tal-kwoti li ma hijiex mitmuma, bħal dik inkwistjoni fil-kawża ineżami, fejn l-operatur qagħad fuq il-fatt li rċieva konferma elettronika li kienet tattesta l-finalizzazzjoni tal-proċedura ta’ trasferiment, għandha tiġi interpretata bħala li setgħet raġonevolment tiġġenera, f’moħħ l-operatur b’bona fide, aspettattivi leġittimi fil-fatt li huwa kien iffinalizza l-operazzjoni ta’ restituzzjoni prevista fl-Artikolu 6(2)(e) tad-Direttiva 2003/87/KE?

b.    B’teħid inkunsiderazzjoni tar-risposta mogħtija għat-tieni domanda, in-natura leġittima ta’ dawn l-aspettattivi tista’ tiġi iktar u iktar preżunta bħala stabbilita f’moħħ operatur b’bona fine meta, waqt l-eżerċizzju ta’ restituzzjoni preċedenti, huwa kien ġie kkuntattjat b’mod spontanju mill-amministrazzjoni nazzjonali sabiex, xi jiem qabel l-iskadenza tat-termini previsti fl-Artikolu 6(2)(e) tad-Direttiva 2003/87/KE, tfakkru li l-proċedura ta’ restituzzjoni tal-kwoti kienet għadha ma ġietx iffinalizzata, u b’hekk ippermettietlu li b’mod raġonevoli jippreżumi li huwa kien konformi mal-obbligi tiegħu ta’ restituzzjoni għas-sena kurrenti fl-assenza ta’ kuntatt dirett ta’ din l-istess amministrazzjoni s-sena ta’ wara?

c.    Fid-dawl tar-risposti mogħtija għaż-żewġ domandi ta’ qabel din, sew jekk jiġu analizzati b’mod individwali jew b’mod konġunt, il-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi jista’ jiġi intepretat bħala li jikkostitwixxi każ ta’ forza maġġuri li jipppermetti li l-operatur b’bona fide jiġi eżentat parzjalment jew b’mod sħiħ mis-sanzjoni msemmija fl-Artikolu 16(3) tad-Direttiva 2003/87/KE?

3.

a.    L-Artikolu 49(3) tal-Karta, li fih jinsab sanċit il-prinċipju ta’ proporzjonalità, jipprekludi l-iffissar b’rata fissa tal-multa li tissanzjona n-nuqqas ta’ restituzzjoni tal-kwoti ta’ emissjoni, previst fl-Artikolu 16(3) tad-Direttiva 2003/87/KE, meta din id-dispożizzjoni ma tippermettix li tiġi imposta sanzjoni proporzjonata meta mqabbla mal-ksur imwettaq mill-operatur?

b.    Fil-każ ta’ risposta negattiva għad-domanda ta’ qabel din, il-prinċipju ta’ ugwaljanza sanċit fl-Artikolu 20 tal-Karta, [kif ukoll] il-prinċipju ġenerali ta’ bona fide u dak ta’ “fraus omnia corrumpitˮ, għandhom jiġu interpretati bħala li jipprekludu li fir-rigward tas-sanzjoni b’rata fissa, li għandha tiġi deċiża b’applikazzjoni tal-Artikolu 16(3) tad-Direttiva 2003/87/KE, li magħha tiżdied b’mod awtomatiku l-pubblikazzjoni prevista fl-Artikolu 20(7) [tal-Liġi tat-23 ta’ Diċembru 2004], l-operatur b’bona fide li jkun sempliċement neġliġenti, li barra minn hekk ikun mingħalih li ssodisfa l-obbligi tiegħu ta’ restituzzjoni ta’ drittijiet ta’ emissjoni fid-data ta’ skadenza tat-30 ta’ April rilevanti, jiġi ttrattat bl-istess mod bħal operatur li jaġixxi b’mod frawdolenti?

c.    Fil-każ ta’ risposta negattiva għad-domanda ta’ qabel din, l-applikazzjoni tas-sanzjoni b’rata fissa, mingħajr ebda bidla possibbli min-naħa tal-qorti nazzjonali, ħlief fil-każijiet ta’ forza maġġuri, [l-istess bħas-]sanzjoni awtomatika ta’ pubblikazzjoni, hija konformi mal-Artikolu 47 tal-Karta li jiggarantixxi l-eżistenza ta’ rimedju effettiv?

d.    Fil-każ ta’ risposta negattiva għad-domanda ta’ qabel din, l-approvazzjoni ta’ sanzjoni pekunjarja fissa abbażi ta’ rieda promossa mil-leġiżlatur Ewropew, [l-istess bħas-]sanzjoni awtomatika ta’ pubblikazzjoni, mingħajr ma jiġi applikat il-prinċipju ta’ proporzjonalità, ħlief fil-każ ta’ forza maġġuri mifhuma fis-sens strett, tirriżulta f’abdikazzjoni tal-qorti nazzjonali quddiem ir-rieda preżunta tal-leġiżlatur Ewropew u assenza indebita ta’ stħarriġ ġudizzjarju fid-dawl tal-Artikoli 47 u 49(3) tal-Karta?

e.    B’teħid inkunsiderazzjoni tar-risposta mogħtija għad-domanda ta’ qabel din, l-assenza ta’ stħarriġ ġudizzjarju tal-qorti nazzjonali, fil-kuntest tas-sanzjoni b’rata fissa prevista fl-Artikolu 16(3) tad-Direttiva 2003/87/KE, [bħas-]sanzjoni awtomatika ta’ pubblikazzjoni prevista fl-Artikolu 20(7) [tal-Liġi tat-23 ta’ Diċembru 2004], twassal sabiex jinkiser id-djalogu li essenzjalment jagħti riżultati tajbin li jeżisti bejn il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u l-qrati supremi nazzjonali bħala l-effett ta’ soluzzjoni stabbilita minn qabel approvata mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, ħlief fil-każ ta’ forza maġġuri mifhuma fis-sens strett, li tkun ekwivalenti għal impossibbiltà ta’ djalogu effettiv min-naħa tal-qorti suprema nazzjonali li jkollha biss tapprova s-sanzjoni, ladarba l-każ ta’ forza maġġuri jiġi meqjus li ma huwiex ivverifikat?

4.    B’teħid inkunsiderazzjoni tar-risposti mogħtija għad-domandi ta’ qabel din, il-kunċett ta’ forza maġġuri jista’ jiġi interpretat bħala li jieħu inkunsiderazzjoni r-rigorożità suġġettiva tal-operatur b’bona fide meta l-ħlas tas-sanzjoni b’rata fissa, sanċita fl-Artikolu 16(3) tad-Direttiva 2003/87/KE, [bħas-]sanzjoni awtomatika ta’ pubblikazzjoni prevista fl-Artikolu 20(7) [tal-Liġi tat-23 ta’ Diċembru 2004], ikun jikkostitwixxi riskju finanzjarju u telf ta’ kreditu kunsiderevoli li jistgħu jwasslu għat-tkeċċija tal-persunal tiegħu u saħansitra għall-falliment tiegħu stess?ˮ

____________

1 Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Ottubru 2003 li tistabbilixxi skema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra ġewwa l-Komunità u li temenda d-Direttiva [tal-Kunsill] 96/61/KE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 7, p. 631).