Language of document : ECLI:EU:F:2010:169

SENTENZA TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU (It-Tielet Awla)

15 ta’ Diċembru 2010

Kawża F-67/09

Nicolás Angulo Sánchez

vs

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

“Servizz pubbliku — Leave speċjali — Marda gravi ta’ membru axxendenti tal-familja — Metodu ta’ kalkolazzjoni tan-numru ta’ ġranet ta’ leave f’każ ta’ marda gravi ta’ diversi membri axxendenti tal-familja”

Suġġett:      Rikors ippreżentat skont l-Artikoli 263 KE u 152 KEEA, li permezz tiegħu N. Angulo Sánchez jitlob l-annullament tad-deċiżjonijiet tal-Kunsill, tat-8 ta’ Ottubru u tat-8 ta’ Diċembru 2008, li jirrifjutaw leave speċjali għal marda gravi ta’ membru axxendenti tal-familja.

Deċiżjoni:      Id-deċiżjonijiet tal-Kunsill, tat-8 ta’ Ottubru 2008 u tat-8 ta’ Diċembru 2008, li jiċħdu t-talbiet għal leave speċjali mressqa mir-rikorrent huma annullati. Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea għandu jbati l-ispejjeż kollha.

Sommarju

1.      Uffiċjali — Leave — Leave speċjali

(Regolamenti tal-Persunal, Anness V, Artikolu 6)

2.      Uffiċjali — Leave — Leave speċjali għal marda gravi ta’ membru axxendenti tal-familja

(Regolamenti tal-Persunal, Anness V, Artikolu 6)

3.      Uffiċjali — Rikors — Ilment amministrattiv li għandu jitressaq qabel — Deċiżjoni ta’ ċaħda — Sostituzzjoni tal-motivi tal-att ikkontestat

(Regolamenti tal-Persunal, Artikoli 90 u 91)

4.      Uffiċjali — Rikors — Motivi — Motiv ineffettiv — Motiv ibbażat fuq l-irregolarità tal-motiv uniku espost fid-deċiżjoni kkontestata — Deċiżjoni li tista’ tiġi legalment iġġustifikata minn motiv ieħor

1.      L-Artikolu 6 tal-Anness V tar-Regolamenti tal-Persunal jipprevedi, minbarra l-marda gravi ta’ membru axxendenti tal-familja, sitwazzjonijiet differenti oħra li fihom jista’ jingħata leave speċjali lill-uffiċjal; dawn huma avvenimenti differenti ħafna. Uħud minn dawk l-avvenimenti jistgħu jikkonċernaw, matul l-istess sena kalendarja, diversi dixxendenti jew diversi axxendenti tal-uffiċjal. Fir-rigward b’mod partikolari tat-twelid jew tal-mewt ta’ dixxendent, jew tal-mewt ta’ axxendent, tkun diffiċilment konċepibbli l-kunsiderazzjoni, fid-dawl tan-natura eċċezzjonali ta’ dawk l-avvenimenti, li n-numru massimu ta’ ġranet stabbilit fit-test tal-Artikolu 6 tal-Anness V tar-Regolamenti tal-Persunal ikun applikabbli għat-twelid kollu jew għall-imwiet kollha ta’ dixxendenti jew ta’ axxendenti li jkunu ġraw matul is-sena kalendarja. F’dawn il-każijiet, id-dritt għal leave speċjali japplika neċessarjament għal kull twelid ta’ dixxendent jew għal kull mewt ta’ dixxendent jew ta’ axxendent. Issa, peress li l-Artikolu 6 tal-Anness V tar-Regolamenti tal-Persunal ma jagħmilx differenza fit-trattament tal-avvenimenti li huwa jenumera, għandu jiġi dedott li l-leġiżlatur ried li jiġi applikat trattament simili fil-konfront ta’ dawk l-avvenimenti kollha u għalhekk, li f’każ ta’ marda gravi ta’ membru axxendenti tal-familja, uffiċjal jista’ jibbenefika minn leave ta’ jumejn għal kull axxendent u kull sena.

(ara l-punti 38 sa 42 u 45)

2.      Fil-każ li istituzzjoni tadotta direttiva interna, li tagħmel riferiment għall-ħames inċiż tal-Artikolu 6 tal-Anness V tar-Regolamenti tal-Persunal, li tkun tipprevedi l-possibbiltà li uffiċjal jikseb it-tiġdid tal-leave speċjali tiegħu għal marda gravi ta’ membru axxendenti tal-familja, peress li dik il-possibbiltà hija suġġetta għal kundizzjonijiet addizzjonali li jiżguraw, minn naħa, l-eżistenza ta’ sitwazzjoni familjari għal kollox partikolari u, min-naħa l-oħra, li l-axxendent inkwistjoni jkun isofri minn mard ta’ natura kronika, dan ikun jammonta għal ftuħ tad-dritt għal leave speċjali li ma jkunx limitat għal dak għal marda gravi ta’ membru axxendenti tal-familja kif previst mill-imsemmi Artikolu 6 tal-Anness V tar-Regolamenti tal-Persunal.

Għaldaqstant, tali direttiva, li għandha tapplika biss f’sitwazzjonijiet iktar delikati minn dawk previsti mill-ħames inċiż tal-Artikolu 6 tal-Anness V tar-Regolamenti tal-Persunal, ma tmurx kontra d-dispożizzjonijiet ta’ dak l-Artikolu.

(ara l-punti 48 u 49)

3.      Għalkemm fis-sistema tar-rimedji legali prevista fl-Artikoli 90 u 91 tar-Regolamenti tal-Persunal, l-amministrazzjoni tista’ tasal sabiex temenda, meta hija tiċħad espressament l-ilment, il-motivi li abbażi tagħhom hija kienet adottat l-att ikkontestat, tali emenda ma tistax issir meta d-deċiżjoni espressa ta’ ċaħda tal-ilment tiġi adottata qabel il-preżentata quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tar-rikors dirett kontra l-att ikkontestat.

Fil-fatt, in-nuqqas totali ta’ motivazzjoni ta’ deċiżjoni ma jistax jiġi kopert minn spjegazzjonijiet ipprovduti mill-amministrazzjoni wara l-preżentata ta’ rikors kontenzjuż, għaliex il-ftuħ tal-possibbiltà għall-amministrazzjoni li tirregolarizza n-nuqqas totali ta’ motivazzjoni wara l-preżentata ta’ rikors kontenzjuż tikser il-prinċipju ta’ ugwaljanza tal-partijiet quddiem il-qorti, peress li r-rikorrenti jkollu biss ir-replika sabiex jippreżenta l-motivi tiegħu kontra l-motivazzjoni li huwa jikseb konjizzjoni tagħha biss wara l-preżentata tar-rikors. B’analoġija u għall-istess raġunijiet, meta l-amministrazzjoni ma tillimitax ruħha għal motiv li jkun jeżisti qabel, iżda tippretendi li tibbaża l-att ikkontestat fuq motiv ġdid, dan għandha tagħmlu neċessarjament qabel il-preżentata tar-rikors kontenzjuż.

(ara l-punti 70 u 71)

Referenza: Il-Qorti tal-Prim’Istanza 12 ta’ Frar 1992, Volger vs Il‑Parlament, T‑52/90, Ġabra p. II‑121, punt 41; Il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea 9 ta’ Diċembru 2009, Il‑Kummissjoni vs Birkhoff, T‑377/08 P, ĠabraSP p. I‑B‑1‑133 u II‑B‑1‑807, punti 55 sa 60; 12 ta’ Mejju 2010, Il‑Kummissjoni vs Meierhofer, T‑560/08 P, Ġabra p. II‑1739, punt 59

4.      Iċ-ċirkustanza li deċiżjoni, ibbażata fuq motiv uniku li l-irregolarità tiegħu tkun ġiet ikkonstatata mill-qorti tal-Unjoni, tista’ tkun legalment iġġustifikata minn motiv ieħor tista’ tostakola l-annullament tal-imsemmija deċiżjoni biss sa fejn l-amministrazzjoni ma jkollha l-ebda marġni ta’ diskrezzjoni u tkun tista’ biss tieħu mill-ġdid deċiżjoni identika, fuq il-mertu, għad-deċiżjoni annullata.

F’dak ir-rigward, istituzzjoni konvenuta ma tistax tinvoka, sabiex tikkonkludi li hemm nuqqas ta’ interess leġittimu tal-uffiċjali li jikseb l-annullament tar-rifjut tal-amministrazzjoni li tilqa’ t-talbiet tiegħu għal leave speċjali għal marda gravi ta’ membru axxendenti tal-familja, in-nuqqas ta’ kundizzjoni tal-għoti prevista minn direttiva interna tal-istituzzjoni, jiġifieri n-nuqqas ta’ “sitwazzjoni familjari għal kollox partikolari”, peress li l-amministrazzjoni għandha fir-rigward tiegħu, kif jirrileva l-kliem stess tal-kundizzjoni, marġni ta’ diskrezzjoni wiesgħa ħafna.

(ara l-punti 75, 76 u 78)