Language of document :

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) tat-12 ta’ Lulju 2018 (talba għal deċiżjoni preliminari tal-Upper Tribunal (Immigration and Asylum Chamber) - London - Ir-Renju Unit) – Secretary of State for the Home Department vs Rozanne Banger

(Kawża C-89/17) 1

(Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Ċittadinanza tal-Unjoni Ewropea – Artikolu 21 TFUE – Dritt taċ-ċittadini tal-Unjoni għal moviment liberu u għal residenza fit-territorju tal-Unjoni – Direttiva 2004/38/KE – L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(2)(b) – Sieħeb li miegħu ċ-ċittadin tal-Unjoni għandu relazzjoni stabbli, debitament iċċertifikata – Ritorn ta’ ċittadin tal-Unjoni fl-Istat Membru li huwa ċittadin tiegħu – Applikazzjoni għal permess ta’ residenza – Eżami estensiv tas-sitwazzjoni personali tal-applikant – Artikoli 15 u 31 – Protezzjoni ġudizzjarja effettiv – Karta tad-drittijiet fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Artikolu 47)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Qorti tar-rinviju

Upper Tribunal (Immigration and Asylum Chamber) London

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: Secretary of State for the Home Department

Konvenuta: Rozanne Banger

Dispożittiv

L-Artikolu 21(1) TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li jobbliga lill-Istat Membru li ċittadin tal-Unjoni għandu n-nazzjonalità tiegħu li jiffaċilita l-għoti ta’ permess ta’ residenza lis-sieħeb mhux irreġistrat, ċittadin ta’ Stat terz u li miegħu dan iċ-ċittadin tal-Unjoni għandu relazzjoni stabbli, debitament iċċertifikata, meta l-imsemmi ċittadin tal-Unjoni, wara li jkun eżerċita d-dritt tiegħu għal moviment sabiex jaħdem fi Stat Membru ieħor, konformement mal-kundizzjonijiet previsti mid-Direttiva 2004/38/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-29 ta’ April 2004, dwar id-drittijiet taċ-ċittadini tal-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju tal-Istati Membri u li temenda r-Regolament (KEE) Nru 1612/68 u li tħassar id-Direttivi 64/221/KEE, 68/360/KEE, 72/194/KEE, 73/148/KEE, 75/34/KEE, 75/35/KEE, 90/364/KEE, 90/365/KEE u 93/96/KEE, jirritorna mas-sieħeb tiegħu sabiex jirrisjedi fl-Istat Membru li tiegħu huwa għandu n-nazzjonalità.

L-Artikolu 21(1) TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li deċiżjoni li tiċħad l-għoti ta’ permess ta’ residenza lis-sieħeb mhux irreġistrat, ċittadin ta’ Stat terz, ta’ ċittadin tal-Unjoni, li, wara li jkun eżerċita d-dritt tiegħu għal moviment sabiex jaħdem fi Stat Membru ieħor, konformement mal-kundizzjonijiet previsti mid-Direttiva 2004/38, jirritorna mas-sieħeb tiegħu sabiex jirrisjedi fl-Istat Membru li tiegħu huwa għandu n-nazzjonalità, għandha tkun ibbażata fuq eżami estensiv tas-sitwazzjoni personali tal-applikant u għandha tkun immotivata.

L-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2004/38 għandu jiġi interpretat fis-sens li ċ-ċittadini ta’ Stati terzi previsti minn din id-dispożizzjoni għandu jkollhom rimedju sabiex jikkontestaw deċiżjoni li tiċħad l-għoti ta’ permess ta’ residenza adottata fil-konfront tagħhom, li wara li dan jiġi eżerċitat il-qorti nazzjonali għandha tkun tista’ tivverifika jekk id-deċiżjoni ta’ ċaħda hijiex ibbażata fuq bażi fattwali soda biżżejjed u jekk ġewx osservati l-garanziji proċedurali. Fost dawn il-garanziji huwa inkluż l-obbligu tal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti, li jwettqu eżami estensiv tas-sitwazzjoni personali tal-applikant u li jimmotivaw kull ċaħda ta’ dħul jew ta’ residenza.

____________

1     ĠU C 129, 24.04.2017.