Language of document : ECLI:EU:C:2013:442

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

MENGOZZI

ppreżentati fis-27 ta’ Ġunju 2013 (1)

Kawża C‑284/12

Deutsche Lufthansa AG

vs

Flughafen Frankfurt-Hahn GmbH

[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Oberlandesgericht Koblenz (il-Ġermanja)]

“Għajnuna mill-Istat — Benefiċċji mogħtija minn impriża pubblika li topera ajruport lil kumpannija tal-ajru low cost — Deċiżjoni tal-ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali — Obbligu eventwali tal-qrati tal-Istati Membri sabiex jikkonformaw mal-evalwazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-eżistenza tal-għajnuna”






1.        Fil-kuntest ta’ din il-proċedura, l-Oberlandesgericht Koblenz qed tagħmel quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja xi domandi preliminari dwar l-interpretazzjoni tal-Artikoli 107(1) u 108(3) TFUE. Dawn id-domandi jirriżultaw minn azzjoni magħmula minn Deutsche Lufthansa AG (iktar ’il quddiem “DL”) kontra Flughafen Frankfurt-Hahn GmbH (iktar ’il quddiem “FFH”), kumpannija b’kapital b’maġġoranza pubbliku li tiġġestixxi l-ajruport ta’ Frankfurt-Hahn (iktar ’il quddiem “l-ajruport ta’ F-H”), bil-għan li fost l-oħrajn tirkupra l-għajnuna allegata li l-konvenuta tat lil Ryanair Ltd (iktar ’il quddiem “RA”) fil-forma ta’ tariffi tal-ajruport u kundizzjonijiet kuntrattwali preferenzjali oħrajn. Minn naħa, l-Oberlandesgericht Koblenz qed tistaqsi jekk, fl-evalwazzjoni tal-eżistenza ta’ għajnuna mill-Istat għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 108(3) TFUE, din hija marbuta mad-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tiftaħ proċedura ta’ investigazzjoni formali relatata mal-miżuri li huma s-suġġett tal-kawża prinċipali. Min-naħa l-oħra, qed tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-kundizzjonijiet tas-selettività tal-għajnuna skont l-Artikolu 107 TFUE.

2.        Fid-digriet tar-rinviju, l-Oberlandesgericht Koblenz tosserva li l- kontroversja prinċipali hija integrata f’sensiela ta’ azzjonijiet imressqa quddiem il-qrati Ġermaniżi minn kompetituri ta’ kumpanniji tal-ajru magħrufa bħala low cost (bi prezz irħis) fir-rigward ta’ allegazzjonijiet ta’ sussidji li bbenefikaw minnhom dawn tal-aħħar min-naħa tal-amministraturi pubbliċi ta’ diversi ajruporti li jinsabu fil-Ġermanja (2).

I –    Il-proċedura fil-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

3.        Fis-26 ta’ Novembru 2006, DL ressqet quddiem il-Landgericht Bad Kreuznach ilment dwar sensiela ta’ prattiki kummerċjali li twettqu favur RA u li, fl-opinjoni tagħha, jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat mhux innotifikata mogħtija bi ksur tal-Artikolu 108(3) TFUE. Hija, essenzjalment, sostniet li t-tariffi tal-ajruport adottati minn FFH fl-2001 u fl-2006 kienu ffissati abbażi ta’ kuntratti ffissati minn qabel ma’ RA, li kienet responsabbli għal iktar minn 95 % tat-traffiku tal-passiġġieri fl-ajruport ta’ F-H, u li kienu jinkludu kundizzjonijiet li fil-fatt kienu jiffavorixxu lil din il-kumpannija tal-ajru. B’mod iktar speċifiku, RA kienet ibbenefikat minn tariffi partikolarment baxxi bis-saħħa tat-tnaqqis fit-tariffi kkalkulati abbażi tal-għadd ta’ passiġġieri li jitilqu, kif ukoll minn sussidju bl-isem ta’ “marketing support” (“għajnuna għall-kummerċjalizzazzjoni”), mogħtija fil-każ ta’ ftuħ ta’ linji ġodda (3). Din l-għajnuna kienet ser tibqa’ tingħata anki jekk FFH kompliet tirreġistra telf. DL qed titlob sabiex tingħata l-irkupru tas-somom mogħtija lil RA bħala għajnuna għall-kummerċjalizzazzjoni bejn l-2002 u l-2005 u tas-somom korrispondenti għat-tnaqqis tat-tariffi li din ibbenefikat minnhom fl-2003 minħabba l-applikazzjoni tat-tariffi adottati minn FFH għall-2001 (4), kif ukoll li titwaqqaf kwalunkwe għajnuna futura favur RA.

4.        Fis-16 ta’ Mejju 2007, il-Landgericht Bad Kreuznach ċaħdet it-talba ta’ DL minħabba li hija mingħajr bażi (5). L-appell imressaq minn din tal-aħħar quddiem l-Oberlandesgericht Koblenz ġie miċħud permezz ta’ sentenza tal-25 ta’ Frar 2009. Fl-10 ta’ Frar 2011, il-Bundesgerichtshof, adita minn DL, annullat din is-sentenza u rrinvjat il-kawża quddiem l-Oberlandesgericht Koblenz sabiex tevalwa l-eżistenza ta’ ksur tal-Artikolu 108(3) TFUE.

5.        Fis-17 ta’Ġunju 2008, il-Kummissjoni ddeċidiet li tibda proċedura ta’ investigazzjoni formali skont l-Artikolu 108(2) TFUE dwar l-għajnuna mill-Istat possibbli mogħtija mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja lil FFH u lil RA (6). Fost il-miżuri tad-deċiżjoni jidhru t-tnaqqis tal-kirjiet u tax-taxxi tal-ajruport kif ukoll dispożizzjonijiet partikolari fil-qasam tal-kummerċjalizzazzjoni favur RA.

6.        Fl-4 ta’ Jannar 2012, l-Oberlandesgericht Koblenz bagħtet talba lill-Kummissjoni għal opinjoni abbażi tal-punt 3.2 tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat min-naħa tal-qrati nazzjonali (iktar ’il quddiem: il-“Komunikazzjoni”) (7). Mill-osservazzjonijiet ippreżentati quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, din it-talba tirrigwarda l-għoti tal-għajnuna għall-kummerċjalizzazzjoni, għajnuna allegata għall-avvjament u t-tnaqqis tat-taxxi tal-ajruport abbażi tat-tariffi tal-2006. L-Oberlandesgericht Koblenz essenzjalment saqsiet jekk dawn il-miżuri humiex attribwiti lill-Istat (8) u jekk humiex selettivi. Permezz ta’ opinjoni tad-29 ta’ Frar 2012, il-Kummissjoni wieġbet billi għamlet riferiment għall-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, u b’mod preliminari qalet li l-Oberlandesgericht Koblenz fil-kawża inkwistjoni ma kinitx obbligata tevalwa l-eżistenza ta’ għajnuna mill-Istat, billi tibbaża fuq id-deċiżjoni tal-ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali sabiex jinġibdu l-konsegwenzi neċessarji kollha mill-ksur tal-Artikolu 108(3) TFUE. Barra minn hekk, hija osservat ukoll dwar dan il-punt kuntrast bejn l-approċċ segwit mill-Bundesgerichtshof u l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja. Dwar il-kwistjoni mressqa mill-Oberlandesgericht Koblenz, il-Kummissjoni ppreċiżat li l-miżuri inkwistjoni dak iż-żmien kienu kemm attribwiti lill-Istat kif ukoll selettivi.

7.        L-Oberlandesgericht Koblenz, peress li qieset għall-kuntrarju ta’ dak issuġġerit mill-Kummissjoni fl-opinjoni tagħha, li kellha tevalwa jekk il-miżuri inkwistjoni jikkostitwixxux għajnuna mill-Istat, iddeċidiet li tissospendi l-proċedura quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      Deċiżjoni tal-Kummissjoni li tiftaħ proċedura ta’ investigazzjoni formali skont it-tieni sentenza tal-Artikolu 108(3) TFUE, li ma hijiex ikkontesta, għandha bħala konsegwenza li qorti nazzjonali li quddiemha titressaq talba għall-irkupru ta’ ħlasijiet effettwati u għat-terminazzjoni ta’ kull ħlas hija marbuta bl-opinjoni espressa mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni tal-ftuħ f’dak li jirrigwarda l-kwistjoni dwar jekk il-miżura kkontestata tistax tiġi kkwalifikata bħala għajnuna?

2)      F’każ ta’ risposta negattiva għall-ewwel domanda:

Meta impriża pubblika, kif mifhum fl-Artikolu 2(b)(i) tad-Direttiva [...] 2006/111/KE, (9) [...] topera ajruport, il-miżuri adottati minn din l-impriża jistgħu jkunu kkwalifikati, taħt ir-regolamenti dwar l-għajnuna mill-Istat, bħala miżuri selettivi skont it-tifsira tal-Artikolu 107(1) TFUE sempliċement minħabba li dawn jibbenefikaw biss lil dawk l-impriżi tat-trasport bl-ajru li jużaw l-ajruport?

3)      F’każ ta’ risposta negattiva għat-tieni domanda:

a)      Il-kriterju tas-selettività għandu jiġi kkunsidrat bħala mhux sodisfatt meta l-impriża pubblika li topera ajruport tagħti, b’mod trasparenti, l-istess kundizzjonijiet lill-kumpanniji tal-ajru kollha li jagħżlu li jiddeċiedu li jużaw l-ajruport?

b)      Dan huwa wkoll il-każ meta min jopera l-ajruport ikun għażel mudell kummerċjali speċifiku (f’dan il-każ: kooperazzjoni mal-kumpanniji tal-ajru low cost) u meta l-kundizzjonijiet għall-użu, adattati għal dawn il-klijenti, ma jiġbdux bl-istess mod lill-kumpanniji kollha tal-ajru?

c)      Fi kwalunkwe każ, miżura għandha tiġi kkunsidrata bħala selettiva meta kumpannija tal-ajru tirrappreżenta t-traffiku prinċipali ta’ passiġġieri tal-ajruport għal numru ta’ snin?”

8.        Permezz tal-ittra tat-18 ta’ Ġunju 2012, il-qorti tar-rinviju informat lill-Qorti tal-Ġustizzja li r-rikorrenti fil-kawża prinċipali, ippreżentat rikors għal annullament tad-digriet tar-rinviju.

II – Proċedura

9.        Ippreżentaw l-osservazzjonijiet bil-miktub tagħhom, minbarra l-partijiet fil-kawża prinċipali, il-Gvernijiet tal-Ġermanja, tal-Polonja, tal-Belġju u tal-Pajjiżi l-Baxxi, kif ukoll il-Kummissjoni. DL, FFH, RA, il-Gvernijiet tal-Ġermanja u tal-Belġju kif ukoll il-Kummissjoni nstemgħu waqt is-seduta tal-11 ta’ April 2013.

III – Analiżi

A –    Fuq l-ammissibbiltà tar-rinviju preliminari

10.      Għalkemm serjament inadegwata, id-deskrizzjoni tal-kuntest ġuriku u fattwali li huma inklużi fid-domandi preliminari, li tinsab fid-digriet tar-rinviju tal-Oberlandesgericht Koblenz, fl-opinjoni tiegħi hija suffiċjenti biżżejjed sabiex tippermetti lill-Qorti tal-Ġustizzja tagħti risposta utli lil din il-qorti u għalhekk tirrispondi għall-esiġenzi imposti mill-ġurisprudenza (10). Il-motiv tal-inammissibbiltà tar-rinviju preliminari mressaq mid-DL fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, għandu għaldaqstant jiġi miċħud.

B –    Fuq l-ewwel domanda preliminari

11.      Permezz tal-ewwel domanda preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju, essenzjalment, qed tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja jekk il-qorti nazzjonali li quddiemha huwa invokat il-ksur tal-Artikolu 108(3) TFUE, fil-kuntest ta’ kawża azzjoni intiża sabiex tikseb is-sospensjoni tal-allegati għajnunjiet illegali u l-irkupru tal-għajnuna diġà mħallsa, għandhiex tikkonforma mal-evalwazzjoni tal-miżuri inkwistjoni li wettqet il-Kummissjoni fid-deċiżjoni ta’ proċedura ta’ investigazzjoni formali, minkejja l-fatt li tali evalwazzjoni hija ta’ natura purament provviżorja. Tali qorti tqis li, fil-każ ta’ risposta affermattiva, is-setgħa ta’ stħarriġ tal-qrati nazzjonali tirriżulta eċċessivament imnaqqsa u tosserva li qrati supremi Ġermaniżi esprimew ruħhom dwar il-punt fin-negattiv, billi bbażaw b’mod partikolari fuq is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja, Transalpine Ölleitung in Österreich (11) u SFEI et (12). Hija tinnota barra minn hekk, li fil-każ li l-qrati nazzjonali jkunu awtorizzati jevalwaw b’mod awtonomu n-natura tal-miżuri inkwistjoni, anki wara l-ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali u matul il-proċedura stess, ir-riskju ta’ deċiżjonijiet konfliġġenti jista’ jkun evitat billi jew tintalab l-opinjoni tal-Kummissjoni jew billi jsiru domandi preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja.

12.      L-approċċ espress mill-qrati supremi Ġermaniżi, li huwa l-istess bħal dak tal-qorti tar-rinviju, huwa bbażat fuq ir-rwol rikonoxxut mill-Qorti tal-Ġustizzja għall-qrati nazzjonali sabiex tiġi żgurata l-osservanza tal-obbligu li għandhom l-Istati Membri skont l-aħħar sentenza tal-Artikolu 108(3) TFUE li ma jeżigwixxux miżuri ta’ għajnuna maħsuba qabel ma l-Kummissjoni tkun adottat deċiżjoni finali fir-rigward tagħhom.

13.      Kif huwa magħruf, l-effett dirett ta’ din id-dispożizzjoni (iktar preċiżament l-aħħar sentenza tal-Artikolu 93(3) TKE, li kienet fis-seħħ dak iż-żmien), kien rikonoxxut mis-sentenza magħrufa Costa Enel (13). Il-Qorti tal-Ġustizzja wara ppreċiżat ulterjorment li l-obbligu ta’ noneżekuzzjoni previst mid-dispożizzjoni inkwistjoni — u, konsegwentement, anki l-protezzjoni li l-individwi jistgħu jinvokaw quddiem il-qrati nazzjonali bis-saħħa tal-effett dirett ta’ din id-dispożizzjoni — jirrigwarda mhux biss il-proġetti ta’ għajnuna nnotifikati lill-Kummissjoni, kif jirriżulta direttament mit-Trattat, iżda wkoll kull miżura ta’ għajnuna li l-Istat Membru jipproponi li jagħti, anki fin-nuqqas ta’ notifika minn qabel, u li jestendi għall-perjodu kollu li matulu tibqa’ fis-seħħ il-projbizzjoni (14).

14.      Sabiex tawtorizza lill-qrati nazzjonali jiżguraw protezzjoni adegwata lill-entitajiet leżi mill-ksur tal-aħħar sentenza tal-Artikolu 108(3) TFUE, il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet lill-qrati nazzjonali s-setgħa li jinterpretaw u li japplikaw il-kunċett ta’ għajnuna, b’mod partikolari, bl-għan li jiddeterminaw jekk provvediment tal-Istat adottat mingħajr notifika minn qabel għandux ikun suġġett għall-proċedura ta’ kontroll prevista mit-Trattat (15).

15.      Il-protezzjoni offruta lill-individwi fil-qorti nazzjonali hija parti mill-funzjonament tajjeb tas-sistema ta’ kontroll tal-għajnuna mill-Istat previst mit-Trattat (16) u tikkontribwixxi sabiex tiġi żgurata l-effettività, b’mod partikolari quddiem l-assenza ta’ setgħat ta’ impożizzjoni intiżi kontra entitajiet li huma benefiċjarji tal-għajnuna. Iċ-ċentralità tar-rwol assenjat lill-qrati nazzjonali fil-kuntest ta’ tali sistema hija affermata mingħajr eżitazzjoni mill-istess Kummissjoni fil-Komunikazzjoni — u fil-Pjan ta’ azzjoni fil-qasam ta’ għajnuna mill-Istat (17) li sar qabel — li minnu b’mod partikolari toħroġ it-tendenza li jkun imsaħħaħ dan ir-rwol u li jkun inċentivat ir-rikors għal private enforcement, b’mod partikolari min-naħa tal-impriżi kompetituri benefiċjarji tal-għajnuna (18).

16.      Għaldaqstant, f’dan il-kuntest, il-qrati nazzjonali u l-Kummissjoni għandhom rwoli distinti iżda kumplimentari (19). B’mod partikolari huma l-qrati nazzjonali li għandhom jiggarantixxu lill-entitajiet intitolati li jinvokaw fil-qorti n-nuqqas ta’ osservazzjoni tal-obbligu previst fl-aħħar sentenza tal-Artikolu 108(3) TFUE, li mit-tali nuqqas ta’ osservazzjoni, se jkunu trattati l-konsegwenzi ġuridiċi kollha previsti fid-dritt intern, kemm f’dak li jikkonċerna l-validità tal-atti li jinkludu l-attwazzjoni tal-miżuri ta’ għajnuna, kif ukoll f’dak li jirrigwarda l-irkupru tal-kontribuzzjonijiet finanzjarji mogħtija bi ksur tal-klawżola ta’ sospensjoni (20). Ir-rimedji disponibbli quddiem il-qrati nazzjonali jinkludu għaldaqstant is-sospensjoni tal-ħlas tal-għajnuna illegali (21), l-irkupru tal-istess għajnuna (22) kif ukoll l-interessi relatati (23), il-kumpens għad-danni (24) u l-adozzjoni ta’ miżuri provviżorji (25).

17.      Minn dak li huwa espost hawnhekk, minn naħa, jirriżulta li l-protezzjoni li l-qrati nazzjonali għandhom jiżguraw għall-individwi tiddependi mit-twettiq tal-finalità segwita permezz tal-impożizzjoni tal-obbligu ta’ noneżekuzzjoni li hemm fl-aħħar sentenza tal-Artikolu 108(3) TFUE u, min-naħa l-oħra, li l-ambitu tal-imsemmija protezzjoni jiddependi fuq il-portata ta’ tali obbligu. Minn issa ’l quddiem, ser neżamina suċċessivament dawn iż-żewġ elementi, finalità u portata tal-obbligu ta’ noneżekuzzjoni (ara iktar ’l isfel Nru 1 u Nru. 2), bil-għan li jkunu definiti l-limiti tal-ġurisdizzjoni mogħtija lill-qrati nazzjonali bis-saħħa tal-impatt dirett rikonoxxut mill-aħħar sentenza tal-Artikolu 108(3) TFUE (ara iktar ’l isfel taqsima 3).

1.      Dwar il-finalità tal-obbligu ta’ noneżekuzzjoni previst fl-aħħar sentenza tal-Artikolu 108(3) TFUE

18.      L-ewwel sentenza tal-Artikolu 108(3) TFUE timponi fuq l-Istati Membri l-obbligu li jinnotifikaw il-proġetti intenzjonati sabiex jagħtu jew jimmodifikaw għajnuna. Meta, wara l-ewwel analiżi preliminari, il-Kummissjoni jidhrilha li l-proġett innotifikat mhux kompatibbli mas-suq intern, hija tibda proċedura ta’ investigazzjoni formali skont l-Artikolu 108(2) TFUE (it-tieni sentenza tal-Artikolu 108(3) TFUE u l-Artikolu 4(4) tar-Regolament Nru 659/1999). L-aħħar sentenza tal-Artikolu 108(3) TFUE tipprojbixxi, kif rajna, li Stat Membru interessat, jesegwixxi miżuri qabel ma tkun intemmet din il-proċedura għal deċiżjoni finali tal-Kummissjoni (26).

19.      Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kellha l-okkazzjoni tiċċara li l-projbizzjoni imposta mit-tali dispożizzjoni “hija intiża biex tiggarantixxi li l-effetti tal-għajnuna ma jippreżentawx ruħhom qabel ma l-Kummissjoni jkollha terminu raġjonevoli sabiex teżamina l-proġett fid-dettal, u, jekk ikun il-każ, tibda l-proċedura prevista fl-Artikolu 88(2) KE” (27), li jistabbilixxi b’dan il-mod “ kontroll ta’ prevenzjoni fuq il-proġetti ta’ għajnuna ġodda” (28).

20.      Minbarra din il-funzjoni ta’ karattru iktar speċifikament proċedurali, il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet fir-rigward tal-projbizzjoni inkwistjoni, anki funzjoni sostanzjalment konsistenti “li jiġi ggarantit li għajnuna li mhijiex kompatibbli qatt ma tiġi implementata” (29). Din il-funzjoni, li fis-sentenza CELF I, il-Qorti tal-Ġustizzja tattribwixxi speċifikament karattru ta’ “konservazzjoni”, fil-bidu titħaddem “b’mod temporanju”, permezz tal-projbizzjoni li hija tistabbilixxi sakemm għadha qed issir il-proċedura ta’ kontroll, u, sussegwentement, b’mod definittiv, meta deċiżjoni negattiva tittieħed mill-Kummissjoni fi tmiem tali proċedura (30). Għaldaqstant, l-għan ta’ “prevenzjoni” li huwa l-bażi tal-obbligu ta’ noneżekuzzjoni, fil-bidu jfisser li tkun posposta l-attwazzjoni tal-għajnuna proġettata sakemm ma jkunx hemm dubji dwar il-kompatibbiltà tagħha mas-suq intern (31). F’dan il-kuntest, huwa l-qrati nazzjonali li għandhom jissalvagwardjaw, sakemm ikun hemm deċiżjoni finali mill-Kummissjoni, id-drittijiet ta’ individwi fil-każ ta’ “ksur eventwali” mill-awtoritajiet tal-Istat, tal-projbizzjoni imposta mill-Artikolu 108(3) TFUE, (32) u jordnaw l-irkupru totali tal-għajnuna mogħtija bi ksur ta’ din il-projbizzjoni. Kif ippreċiżat ulterjorment il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza CELF II “l-għan tal-funzjoni tal-qrati nazzjonali huwa għalhekk li (...) jiddeċiedu dwar il-miżuri adegwati sabiex tiġi rrimedjata l-illegalità tal-implementazzjoni tal-għajnuna, b’tali mod li l-benefiċjarju ma jibqax igawdi mid-disponibbiltà libera ta’ din l-għajnuna matul il-perijodu li jkun fadal sakemm tingħata d-deċiżjoni tal-Kummissjoni” (33).

21.      F’dan ir-rigward, interessanti li jiġi nnotat li l-obbligu tal-qorti nazzjonali li tordna l-irkupru ta’ għajnuna illegali, li l-eżekuzzjoni tagħha saret bi ksur tal-obbligu ta’ noneżekuzzjoni, jieqaf wara li l-Kummissjoni, wara li tkun eliminat id-dubji fformulati qabel, tkun żgurat il-kompatibbiltà mas-suq intern. Kif ikkjarifikat il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza CELF I iċċitata iktar ʼil fuq, fil-fatt, l-għoti ta’ għajnuna kompatibbli ma jikkuntrastax mal-finalità prevista fl-aħħar sentenza tal-Artikolu 108(3) TFUE, li tikkonsisti fil-prevenzjoni tal-eżekuzzjoni ta’ għajnuna inkompatibbli biss (34). Għall-kuntrarju, tali attwazzjoni tikser il-funzjoni l-iktar spefiċikatament proċedurali tal-projbizzjoni imposta mill-imsemmija dispożizzjoni, li kif rajna tikkonsisti fil-garanzija li l-effetti ta’ għajnuna, anki kompatibbli, ma jseħħux qabel ma l-Kummissjoni tkun ippronunċjat ruħha definittivament dwarha. F’tali ċirkustanzi, il-qorti nazzjonali għandha għaldaqstant tordna l-irkupru tal-interessi għall-“perjodu ta’ illegalità”, jiġifieri mill-ġurnata li fiha l-għajnuna tkun tpoġġiet għad-dispożizzjoni tal-benefiċjarju bi ksur tal-obbligu ta’ noneżekuzzjoni sal-adozzjoni tad-deċiżjoni finali min-naħa tal-Kummissjoni.

2.      Dwar il-portata tal-obbligu ta’ noneżekuzzjoni impost mill-aħħar sentenza tal-Artikolu 108(3) TFUE

22.      Abbażi ta’ dak ippreċiżat mill-Qorti tal-Ġustizzja, is-sistema ta’ kontroll prevista fl-Artikolu 108(3) TFUE timponi obbligu ta’ notifika preventiva “li, bħala tali, tinkludi u timplika l-effett ta’ projbizzjoni impost mill-aħħar sentenza tal-istess dispożizzjoni” (35).

23.      Għalkemm huwa ġġustifikat li ngħidu li tali obbligu jirrigwarda biss proġetti mmirati sabiex jagħtu jew jimmodifikaw għajnuna, in-natura preventiva tas-sistema ta’ kontroll stabbilita mill-Artikolu 108(3) TFUE, l-indissoċjabbiltà bejn l-obbligi ta’ notifika u l-obbligi ta’ sospensjoni (36), kif ukoll il-valur proċedurali ta’ dawn tal-aħħar li ddiskutejna hawn fuq, iwassluna biex nikkunsidraw li l-projbizzjoni tal-eżekuzzjoni prevista mill-aħħar sentenza ta’ din id-dispożizzjoni tirriżulta awtomatikament mill-effett tan-notifika li saret. Minn dan jirriżulta li tali obbligu jorbot lill-Istati Membri għall-perjodu kollu tal-proċedura ta’ kontroll (37), indipendentement min-natura tal-miżuri nnotifikati, u għalhekk anki meta dawn oġġettivament ma jikkostitwixxux għajnuna, eventwalità oħra li madankollu hija prevista mill-istess Regolament Nru 659/1999 (38).

24.      Fl-opinjoni tiegħi, din l-interpretazzjoni tirrifletti n-natura u l-finalità tal-proċedura ta’ kontroll tal-għajnuna prevista mit-Trattat. Jekk Stat Membru jkun awtorizzat jibbaża, għall-att ta’ implementazzjoni ta’ miżura, fuq evalwazzjoni tagħha stess differenti minn dik li jkun għamel sabiex jinnotifikaha lill-Kummissjoni, dan jintroduċi element ta’ inkoerenza u jdgħajjef l-effetività tal-aħħar sentenza tal-Artikolu 108(3) TFUE bħala mekkaniżmu li “jissalvagwardja s-sistema ta’ kontroll kollha stabbilita b’[dan] l-artikolu” (39). Dan huwa l-każ, inkwantu l-kumplessità dejjem kbira tal-interventi pubbliċi fis-swieq, li ta’ spiss trendi oġġettivament diffiċli li jiġi determinat jekk dawn jikkostitwixxux elementi ta’ għajnuna, li b’hekk jiżdied ir-riskju konkret, meta l-klawżola ta’ sospensjoni ma tiġix attwata minħabba n-notifika biss, u li tiġi esegwita b’mod effettiv permezz ta’ miżuri effettivament inkompatibbli mas-suq intern.

25.      Fin-nuqqas ta’ notifika, l-operattività tal-obbligu ta’ noneżekuzzjoni hija għall-kuntrarju marbuta mal-eżistenza oġġettiva ta’ għajnuna mill-istat: L-Istat Membru li ma jagħmilx notifika preventiva lill-Kummissjoni, iwettaq miżura ta’ għajnuna skont l-Artikolu 107(1) TFUE, u jikser l-obbligi li għandu bis-saħħa tal-Artikolu 108(3) TFUE. F’din il-kawża, il-Qorti tal-Ġustizzja essenzjalment qed tintalab tippreċiża jekk Stat Membru għandux l-obbligu, indipendentement min-natura effettiva tal-miżura inkwistjoni, li jissospendi l-eżekuzzjoni tagħha stess sakemm tiġi adottata deċiżjoni finali mill-Kummissjoni meta din tal-aħħar, wara analiżi preliminari mibdija wara rapport jew ex officio, tiddeċiedi li tiftaħ proċedura ta’ investigazzjoni formali skont l-Artikolu 108(3) TFUE.

26.      Bħall-Kummissjoni u r-rikorrenti fil-kawża prinċipali, nikkunsidra li din il-kwisjoni għandha tiġi solvuta fl-affermattiv.

27.      L-obbligu li tiġi sospiża l-eżekuzzjoni ta’ miżura, li fil-konfront tagħha nfetħet proċedura ta’ investigazzjoni formali, huwa bbażat fuq l-aħħar sentenza tal-Artikolu 108(3) TFUE kif interpretata mill-Qorti tal-Ġustizzja (40) u, kif jiġri fil-każ ta’ notifika, jeżisti indipendentement min-natura oġġettiva tal-għajnuna tal-miżura inkwistjoni.

28.      Tali konklużjoni tirriżulta mill-analiżi tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja u tal-Qorti Ġenerali. Fis-sentenza tad-9 ta’ Ottubru 2001, L-Italja vs Il-Kummissjoni (41), il-Qorti tal-Ġustizzja, meta ppronunzjat ruħha dwar l-eċċezzjoni mressqa mill-Kummissjoni kontra r-rikors ippreżentat mill-Italja kontra d-deċiżjoni ta’ ftuħ ta’ proċedura ta’ investigazzjoni formali fil-konfront ta’ xi miżuri favur il-Gruppo Tirrenia di Navigazione, ikkwalifikati fit-tali deċiżjoni bħala “għajnuna ġdida”, għamlet riferiment għas-sentenzi, Spanja vs il-Kummissjoni (Cenemesa) (42) u L-Italja vs Il-Kummissjoni (Italgrani) (43), u affermat li “f’dak li jirrigwarda għajnuna fil-proċess tal-eżekuzzjoni, li tkompli tkun ipprovduta u li l-Istat Membru jqis bħala għajnuna eżistenti, il-kwalifika kuntrarja ta’ għajnuna ġdida adottata, anke provviżorjament biss, mill-Kummissjoni, fid-deċiżjoni tagħha li tibda l-proċedura skont l-Artikolu [108(2) TFUE], fil-konfront ta’ din l-għajnuna għandha effetti ġuridiċi awtonomi” (44). Skont il-Qorti tal-Ġustizzja, għalkemm “il-kwalifika tal-għajnuna tikkorrispondi għal sitwazzjoni oġġettiva li ma tiddependix mill-evalawazzjoni li tkun saret fil-fażi tal-ftuħ tal-proċedura”, din id-deċiżjoni timplika li, mill-perspettiva tal-Kummissjoni, “l-għajnuna hija u ngħatat b’mod illeġittimu mingħajr ma ttieħed inkunsiderazzjoni l-effett ta’ sospensjoni, derivat, fil-konfront tal-għajnuna ġdida, mill-aħħar sentenza tal-Artikolu 108(2) TFUE” (45) u “essenzjalment tibdel is-sitwazzjoni ġuridika tal-miżura kkunsidrata (…), b’mod partikolari f’dak li jirrigwarda s-segwitu tal-implementazzjoni tagħha” (46). Fil-fatt, “wara l-adozzjoni ta’ deċiżjoni bħal din, ikun hemm tal-inqas dubju sinjifikattiv dwar il-legalità tagħha, dubju li bla ħsara għall-possibbiltà li jintalbu miżuri provviżorji lill-imħallef għal miżuri provviżorji, għandu jwassal lill-Istat Membru sabiex jissospendi l-applikazzjoni tagħha, peress li l-ftuħ tal-proċedura li hemm fl-Artikolu [108(2) TFUE] jeskludi l-possibbiltà ta’ deċiżjoni immedjata li tikkonstata l-kompatibbiltà tal-miżura mas-suq komuni li tippermetti li legalment titkompla l-eżekuzzjoni tal-imsemmija miżura” (47). F’dan is-sens, id-deċiżjoni li tinfetaħ l-imsemmija proċedura “tipproduċi konsegwenzi diretti fuq is-sospensjoni tal-miżuri” (48) inkwistjoni.

29.      Fl-opinjoni tiegħi jirriżulta b’mod suffiċjentement ċar mis-siltiet riprodotti iktar ’ il fuq, li l-“effetti ġuridiċi awtonomi” tad-deċiżjoni tal-ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali msemmija mill-Qorti tal-Ġustizzja, fosthom, b’mod partikolari, l-obbligu tal-Istat Membru li jissospendi l-implementazzjoni tal-miżura, jirriżultaw mill-kwalifikazzjoni ta’ din tal-aħħar bħala “għajnuna ġdida” (49). Ma hemmx dubju, u l-Qorti tal-Ġustizzja tafferma dan b’mod ċar fis-sentenza inkwistjoni, li tali kwalifikazzjoni għandha natura provviżorja biss, fattur li jippermetti lill-Kummissjoni tikkonkludi, abbażi tal-informazzjoni miġbura matul il-proċedura ta’ investigazzjoni formali, li l-miżura inkwistjoni ma tikkostitwixxix għajnuna skont l-Artikolu 107(1) TFUE jiġifieri tikkostitwixxi għajnuna eżistenti. Madankollu, billi tikkwalifika miżura mhux innotifikata u fil-proċess tal-eżekuzzjoni bħala “għajnuna ġdida” u tordna fil-konfront tagħha l-ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali, il-Kummissjoni xorta tiċċirkola dubji serji dwar il-legalità ta’ din il-miżura u dwar il-kompatibbiltà tagħha mas-suq intern. Kif affermat il-Qorti tal-Ġustizzja, dawn id-dubji huma biżżejjed sabiex jixprunaw il-mekkaniżmu ta’ salvagwardja previst fl-aħħar sentenza tal-Artikolu 108(3) TFUE u sabiex jimponu fuq l-Istat Membru s-sospensjoni tal-eżekuzzjoni tal-miżura (50).

30.      Għall-kuntrarju tal-interpretazzjoni ssuġġerita minn FFH, nikkunsidra li l-portata tas-sentenza tad-9 ta’ Ottubru 2001 fil-kawża Tirrenia tmur lil hinn mill-ipoteżi li l-kwalifika tal-miżura bħala għajnuna tirriżulta paċifika u l-opinjonijiet differenti bejn l-Istat Membru kkonċernat u l-Kummissjoni jirrigwardaw biss in-natura tagħha ta’ għajnuna eżistenti jew ta’ għajnuna ġdida. Fil-fatt, il-kawża li wasslet għal tali sentenza tirrigwarda wkoll interventi pubbliċi li, skont l-Istat Membru rikorrenti, kienu żbaljati — u għaldaqstant, wara analiżi insuffiċjenti — ġew ikkwalifikati bħala għajnuna fid-deċiżjoni kkontestata (51). Fil-punt 69 tas-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat b’mod ċar li l-kawża hija ammissibbli anki fir-rigward ta’ tali miżuri “għal raġunijiet analogi għal dawk imsemmija fil-punti 59 u 60”. Fis-sentenza fuq il-mertu, mogħtija fl-10 ta’ Mejju 2005, il-Qorti tal-Ġustizzja min-naħa tikkonferma tali interpretazzjoni tas-sentenza tad-9 ta’ Ottubru 2001 (52) u, min-naħa oħra, b’mod ċar timplika li l-konsegwenzi ġuridiċi ta’ deċiżjoni ta’ ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali huma sostanzjalment identiċi kemm fil-każ li fih il-miżuri kwalifikati provviżorjament bħala għajnuna ġdida kienu kkunsidrati mill-Istat Membru kkonċernat bħala għajnuna eżistenti kif ukoll fil-każ li fih dan tal-aħħar iqis li dawn ma jikkostitwixxu bl-ebda mod għajnuna (53). Id-deċiżjoni kkontestata fil-kawża li wasslet għas-sentenzi inkwistjoni kienet barra minn hekk annullata mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-fatt minħabba li involviet is-sospensjoni, mingħajr diskussjoni minn qabel mal-Istat Membru kkonċernat, tal-miżuri li dan tal-aħħar ma kienx ikkunsidra li huma għajnuna (54) u li l-istess Kummissjoni, fid-deċiżjoni ta’ għeluq parzjali tagħha tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali, impliċitament ikkunsidrat bħala nieqsa mir-rekwiżit ta’ selettività.

31.      Għandu jiġi rrilevat ukoll li l-Qorti Ġenerali diġà kellha l-okkażjoni li tapplika l-prinċipji affermati fis-sentenza msemmija hawn fuq tad-9 ta’ Ottubru 2001 għal sitwazzjoni li fiha l-miżuri li fil-konfront tagħhom infetħet il-proċedura ta’ investigazzjoni formali ma kinux jikkostitwixxu għajnuna skont l-Istat Membru kkonċernat (55). Kif affermat korrettament il-Kummissjoni fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, fil-fatt ma hemm ebda raġuni sabiex issir distinzjoni bejn iż-żewġ ipoteżijiet.

32.      Minn dak kollu li rajna jirriżulta li d-deċiżjoni tal-ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali tista’ tinvolvi l-obbligu ta’ sospensjoni ta’ miżuri li ma jkunux suġġetti għall-proċedura ta’ kontroll tal-Artikolu 108(3) TFUE għall-Istat Membru kkonċernat, sa fejn ma jikkostitwixxux għajnuna jew meta jikkostitwixxu għajnuna eżistenti. Filwaqt li fil-każ ta’ miżuri li jaqgħu taħt il-kunċetti ta’ għajnuna u ta’ għajnuna ġdida, l-obbligu ta’ sospensjoni li jirriżulta mill-ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali jikkoinċidi mal-projbizzjoni tal-aħħar sentenza tal-Artikolu 108(3) TFUE, fil-każ ta’ miżuri li ma humiex inklużi taħt tali kunċetti, dan l-obbligu għall-kuntrarju huwa ex novo, bħala konsegwenza tal-kwalifika provviżorja li tinsab fid-deċiżjoni ta’ ftuħ.

33.      Għall-kuntrarju ta’ dak li jidher li jsostni l-Gvern Ġermaniż fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu, is-setgħa tal-Kummissjoni li tordna lill-Istat Membru kkonċernat, bis-saħħa tal-Artikolu 11(1) tar-Regolament Nru 659/1999, sabiex jissospendi il-ħlas ta’ għajnuna mogħtija illegalment ma timpedixxix li tkun affermata l-eżistenza ta’ obbligu ta’ sospensjoni li għandu bħala suġġett il-miżuri suġġetti għall-proċedura ta’ investigazzjoni formali bħala effett awtonomu tad-deċiżjoni tal-ftuħ ta’ din il-proċedura. F’dan ir-rigward, infakkar li l-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 659/1999 jikkostitwixxi kodifikazzjoni tal-prinċipji stabbiliti fis-sentenza Boussac (56), li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet is-setgħa msemmija hawn fuq mogħtija lill-Kummissjoni ta’ inġunzjoni bl-għan li tibbilanċja l-obbligu impost fuqha li tipproċedi għall-analiżi tal-kompatibbiltà tal-għajnuna mhux notifikata mingħajr ma tillimita ruħha li tiddikjara l-illegalità tagħha (57). Għall-kuntrarju tan-nuqqas ta’ osservazzjoni tal-projbizzjoni tal-eżekuzzjoni skont l-aħħar sentenza tal-Artikolu 108(3) TFUE, li tista’ titqajjem biss quddiem il-qrati nazzjonali, in-noneżekuzzjoni ta’ deċiżjoni ta’ sospensjoni skont l-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 659/1999 tawtorizza lill-Kummissjoni tadixxi direttament lill-Qorti tal-Ġustizzja abbażi tal-proċedura prevista fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 108(2) TFUE. Għaldaqstant dawn huma żewġ rimedji u żewġ proċeduri sostanzjalment differenti.

34.      FFH u RA barra minn hekk enfasizzaw li r-rikonoxximent tal-impatt ta’ sospensjoni tad-deċiżjoni ta’ ftuħ ta’ investigazzjoni formali jagħmel ħsara lid-drittijiet tad-difiża tal-partijiet interessati, fosthom b’mod partikolari l-benefiċjarju tal-miżura inkwistjoni, li jbati l-konsegwenzi tas-sospensjoni tiegħu mingħajr ma jkollu l-possibbiltà li jesprimi l-perspettiva tiegħu qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni. F’dan ir-rigward, għalkemm huwa veru li, skont ġurisprudenza stabbilita, l-obbligu tal-Kummissjoni li tordna lill-partijiet interessati, fosthom lill-benefiċjarji tal-għajnuna u l-entitajiet li applikaw għaliha, li jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom huwa previst biss fil-kuntest tal-fażi ta’ analiżi skont l-Artikolu 108(2) TFUE (58), madankollu, dawn l-entitajiet għandhom jiddisponu mid-dritt għal rimedju kontra d-deċiżjoni li permezz tagħha, fi tmiem il-perjodu tal-fażi preliminari tal-analiżi, il-Kummissjoni tiftaħ proċedura ta’ investigazzjoni formali, dritt li ġie rrikonoxxut proprju minħabba l-effetti ġuridiċi li tali deċiżjoni tipproduċi. Iċ-ċirkustanza li, fil-kuntest tar-rimedji kontra tali deċiżjonijiet, indipendentement min-natura preliminari tal-evalwazzjoni li tkun saret mill-Kummissjoni, l-istħarriġ tal-Qorti tal-Unjoni jirriżulta limitat (59), peress li din tal-aħħar ma tistax tiddeċiedi b’mod definittiv dwar l-eżistenza ta’ għajnuna, ma jiksirx, għall-kuntrarju ta’ dak li qed tafferma FHH, id-dritt ta’ protezzjoni ġudizzjarja adegwata. Fil-fatt, peress li tirrigwarda atti infraproċedimentali, din l-evalwazzjoni ma tistax tkun limitata għall-verifika tal-eżistenza tal-kundizzjonijiet li jilleġittimaw il-passaġġ għall-fażi suċċessiva tal-proċedura li mill-ftuħ tagħħa, jirriżultaw effetti ġuridiċi li jrendu lil dawn l-atti kontestabbli.

3.      L-ambitu tal-protezzjoni li l-qrati nazzjonali għandhom jagħtu lill-individwi leżi minn ksur eventwali tal-aħħar sentenza tal-Artikolu 108(3) TFUE

35.      Kif rajna fil-punti 22 u 24 ta’ hawn fuq, l-obbligu ta’ noneżekuzzjoni previst mill-aħħar sentenza tal-Artikolu 108(3) TFUE jgħodd b’riżultat tan-notifika biss, fil-każijiet fejn tkun saret din in-notifika. Il-qrati nazzjonali għandhom għaldaqstant jiġbdu l-konsegwenzi kollha tan-nuqqas ta’ osservazzjoni eventwali tat-tali obbligu indipendentement minn evalwazzjoni awtonoma tagħhom abbażi tal-Artikolu 107(1) TFUE tal-miżuri li huma s-suġġett tan-notifika.

36.      Meta għall-kuntrarju, il-miżura ma tkunx is-suġġett ta’ notifika, huma l-qrati nazzjonali li quddiemhom tkun ġiet invokata l-aħħar sentenza tal-Artikolu 108(3) TFUE li għandhom jivverifikaw jekk tali miżura tikkostitwixxix għajnuna mill-Istat suġġetta fiha nnifisha għal noneżekuzzjoni u, fil-każ ta’ risposta affermattiva, jissospendu kwalunkwe għotja ulterjuri u jordnaw l-irkupru tal-għotjiet li diġà jkunu ngħataw. Kif ġie mfakkar fil-punt 14 ta’ dawn il-konklużjonijiet, il-qrati nazzjonali huma awtorizzati jinterpretaw u japplikaw il-kunċett ta’ għajnuna. Meta jkun hemm dubji dwar il-kwalifika tal-miżura inkwistjoni, jistgħu kemm jistaqsu għal kjarifiki lill-Kummissjoni fil-kuntest tal-kooperazzjoni stabbilita mill-Komunikazzjoni (60) kif ukoll jadixxu lill-Qorti tal-Ġustizzja b’mod preliminari (61).

37.      X’effett għandha f’dan ir-rigward id-deċiżjoni tal-Kummissjoni dwar il-ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali skont l-Artikolu 108(2) TFUE?

38.      Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kellha mod kif tikkjarifika, fis-sentenza SFEI ċċitata iktar ʼil fuq, li l-ftuħ min-naħa tal-Kummissjoni ta’ proċedura ta’ analiżi preliminari jew ta’ proċedura ta’ investigazzjoni formali ma teżentax lill-qrati nazzjonali mill-obbligu ta’ salvagwardja tad-drittijiet tal-individwi fil-każ ta’ ksur tal-obbligu ta’ notifika minn qabel (62).

39.      Skont il-qorti tar-rinviju u l-Gvern Ġermaniż, minn din is-sentenza jistgħu jiġu dedotti s-setgħa/dmir tal-qrati nazzjonali li jinterpretaw u japplikaw il-kunċett tal-għajnuna anki wara l-ftuħ tal- proċedura ta’ investigazzjoni formali mingħajr ma jkunu marbuta mill-evalwazzjonijiet li tkun għamlet Kummissjoni fid-deċiżjoni tal-ftuħ. Għalkemm huwa minnu li fis-sentenza SFEI, il-Qorti tal-Ġustizzja tafferma b’mod ċar il-ġurisdizzjoni tal-qrati nazzjonali sabiex jippronunzjaw ruħhom dwar l-eżistenza ta’ għajnuna illegali allegata, minkejja li l-miżuri inkwistjoni huma suġġetti b’mod parallel għal analiżi mill-Kummissjoni, din l-affermazzjoni hija madankollu inkluża fil-każ li fih l-imsemmija istituzzjoni ma tkunx għadha ħadet pożizzjoni dwar il-kwalifika tal-miżuri bħala għajnuna mill-Istat (63) u ma tirrigwardax is-sitwazzjoni li fiha, bħal fil-kawża inkwistjoni, din il-pożizzjoni, għalkemm fil-kuntest tal-ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali, tkun madankollu ttieħdet. Għaldaqstant, taħt riżerva tal-ġurisidizzjoni tal-qrati nazzjonali sabiex jadottaw il-miżuri neċessarji għas-salvagwardja tad-drittijiet tal-individwi leżi mill-ksur tal-Artikolu 108(3) TFUE, anki wara li tkun infetħet il-proċedura tal-paragrafu 2 tat-tali artikolu, is-sentenza SFEI ma tippermettix li jinstiltu konklużjonijiet dwar l-inċidenza tad-deċiżjoni dwar il-bidu tal-eżerċitar ta’ tali ġurisidizzjoni.

40.      Sabiet tiġi evalwata tali inċidenza, għandu madankollu jitfakkar li t-tieni u t-tielet subparagrafi tal-Artikolu 4(3) TUE jimponu fuq l-Istati membri li jadottaw id-dispożizzjonijiet ġenerali jew partikolari kollha maħsuba sabiex jiggarantixxu t-twettiq tal-obbligi derivanti mit-Trattati jew li huma konsegwenti għall-atti tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni kif ukoll li jastjenu milli jadottaw kwalunkwe miżura li tirriskja li tipperikola t-twettiq tal-għanijiet tal-Unjoni u li tali obbligu jestendi għall-organi kollha tal-Istati Membri, fosthom inkluż, fl-ambitu tal-ġurisdizzjoni tagħhom, il-qrati(64). Minn dan jirriżulta li deċiżjoni ta’ ftuħ ta’ proċedura ta’ investigazzjoni formali torbot lill-qrati tal-Istat Membru li huwa l-benefiċjarju u li dawn il-qrati, li peress li għandhom jiddeċiedu dwar miżuri li huma maħsuba li jkunu s-suġġett ta’ deċiżjoni futura tal-Kummissjoni, għandhom jevitaw li jadottaw provvedimenti definittivi suxxettibbli li jirriżultaw inkompatibbli magħha (65). Għandu, barra minn hekk jitfakkar li, kif ippreċiżat mill-Qorti tal-Ġustizzja, sabiex jiggarantixxu l-osservanza tal-projbizzjoni ta’ eżekuzzjoni tal-aħħar sentenza tal-Artikolu 108(3) TFUE, il-qrati tal-Istati Membri għandhom jikkunsidraw bis-sħiħ l-interessi tal-Unjoni (66).

41.      Wara dak kollu li ntqal u fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet żviluppati fil-paragrafi 25 sa 34 hawn fuq, huwa possibbli li nagħmlu l-konklużjonijiet li ġejjin.

42.      Minħabba l-effett ikkombinat tal-aħħar sentenza tal-Artikolu 108(3) TFUE u tal-kwalifika bħala għajnuna (ġdida) tal-miżura inkwistjoni, il-ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali jinkludi l-obbligu għall-Istat Membru kkonċernat li jissospendi l-eżekuzzjoni tal-istess miżura mid-data tal-adozzjoni tad-deċiżjoni tal-ftuħ sakemm tingħata deċiżjoni finali, u dan indipendentement min-natura oġġettiva tal-miżura inkwistjoni (ara b’mod partikolari il-punt 32 hawn fuq). Il-qrati nazzjonali huma barra minn hekk marbuta jadottaw il-miżuri kollha meħtieġa sabiex jiżguraw l-osservanza tal-obbligu msemmi u sabiex jeliminaw il-konsegwenzi ta’ ksur eventwali tal-obbligu indipendentement minn evalwazzjoni minn qabel tal-miżura skont l-Artikolu 107(1) TFUE. Meta jkollhom dwar l-eżistenza tal-kundizzjonijiet, pertinenti għall-kwalifika tal-miżura bħala għajnuna, li jilleġittimaw il-ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali, dawn il-qrati jistgħu jagħmlu domanda preliminari dwar validità skont il-punt b) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 267 TFUE (67).

43.      Fil-perjodu ta’ qabel il-ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali, l-operattività tal-klawżola ta’ sospensjoni tal-aħħar sentenza tal-Artikolu 108(3) TFUE għall-kuntrarju hija marbuta mal-eżistenza oġġettiva ta’ għajnuna mill-Istat (ara l-punt 25 hawn fuq). Ordni eventwali ta’ rkupru ta’ dak li diġà ngħata bejn l-eżekuzzjoni tal-miżura inkwistjoni u l-ftuħ tal-proċedura hija għaldaqstant suġġetta għall-konstatazzjoni li tali miżura effettivament tikkostitwixxi għajnuna.

44.      Ukoll meta tagħmel tali konstatazzjoni, il-qorti nazzjonali għandha tikkunsidra d-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tiftaħ il-proċedura skont l-Artikolu 108(2) TFUE, li, għalkemm adottata wara analiżi preliminari, madankollu tinkludi pożizzjoni li tkun ħadet tali istituzzjoni dwar l-eżistenza prima facie ta’ għajnuna. Tali pożizzjoni għall-inqas għandha tkun ikkunsidrata bħala suffiċjenti sabiex tintegra l-kundizzjoni tal-fumus boni iuris għall-finijiet tal-adozzjoni ta’ miżura provviżorja. Għalhekk, anki kieku nikkunsidra, għall-kuntrarju ta’ dak aċċertat b’mod preliminari mill-Kummissjoni, li l-miżura inkwistjoni ma tikkostitwixxix għajnuna, din il-qorti ma tistax tiċħad it-talba mressqa għall-ħlas tal-irkupru imħallas fil-perjodu li hemm bejn l-eżekuzzjoni tal-miżura u l-ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali mingħajr ma qabel tadixxi lill-Qorti tal-Ġustizzja b’domanda preliminari ta’ validità li għandha bħal suġġett deċiżjoni ta’ ftuħ, skont il-punt b) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 267 TFUE. Għall-kuntrarju hija tista’, safejn huwa kkonsentit mid-dritt nazzjonali, tiddeċiedi li ma tipproċedix bl-irkupru definittiv sakemm tkun waslet sabiex tittieħed deċiżjoni finali mill-Kummissjoni u sadanittant tagħti ordni provviżorja ta’ rkupru, li tgħid li l-ħlasijiet isiru f’kont ibblukkat sakemm tittieħed deċiżjoni dwar il-mertu tal-kontroversja (68).

45.      Fi kwalunkwe każ, jista’ jkun opportun li, meta jkun hemm dubji dwar il-kwalifika tal-miżura, il-qorti nazzjonali tikkonsulta lill-Kummissjoni skont it-taqsima 3 tal-Komunikazzjoni bil-għan kemm li tkun informata dwar il-progress tal-proċedura pendenti kif ukoll sabiex titlob gwida anki fid-dawl ta’ elementi eventwali għad-dispożizzjoni tagħha li ma kinux rikonoxxuti mill-Kummissjoni fil-mument tal-adozzjoni tad-deċiżjoni ta’ ftuħ tal-proċedura. Min-naħa tagħha, il-Kummissjoni ma tistax tevita talba bħal din għal opinjoni billi tillimita ruħha li tirreferi għall-kontenut ta’ din id-deċiżjoni.

a)      Konklużjoni dwar l-ewwel domanda preliminari

46.      Abbażi tal-kunsiderazzjonijiet premessi nissuġġerixxi lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tirrispondi l-ewwel domanda preliminari kif ġej:

“Qorti nazzjonali li quddiemha hemm talba għall-waqfien ta’ ħlasijiet li sejrin isiru u l-irkupru ta’ dawk li diġà saru b’eżekuzzjoni ta’ miżura li ġejja mill-Istat, mhux innotifikata skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 108(3) TFUE, li fil-konfront tagħha l-Kummissjoni adottat deċiżjoni ta’ ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali skont l-Artikolu 108(2) TFUE, għandha tadotta l-miżuri neċessarji kollha sabiex tiżgura l-osservanza min-naħa tal-awtorità nazzjonali, tal-obbligu ta’ sospensjoni li jirriżulta mill-effett konġunt tal-aħħar sentenza tal-Artikolu 108(3) TFUE u tal-kwalifika provviżorja bħala għajnuna inkluża fid-deċiżjoni msemmija hawn fuq, kif ukoll sabiex telimina l-konsegwenzi ta’ ksur eventwali ta’ tali obbligu. Tali miżuri jinkludu s-sospensjoni tal-eżekuzzjoni tal-miżura inkwistjoni u l-irkupru tal-ammont li jkun diġà tħallas.

Meta ma tikkondividix il-kwalifika tal-miżura inkwistjoni użata mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni tal-ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali, din il-qorti, minbarra li tadixxi, jekk ikun il-każ, lill-Qorti tal-Ġustizzja b’domanda preliminari dwar il-validità skont il-punt b) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 267 TFUE, tista’, meta jkun awtorizzat mid-dritt nazzjonali, tiddeċiedi li ma tipproċedix b’irkupru definittiv tas-somom inkwistjoni, sakemm ma jkunx hemm deċiżjoni finali tal-Kummissjoni sabiex sadanittant toħroġ ordni provviżorja ta’ rkupru, li tgħid li tali somom għandhom jitħallsu f’kont ibblokkat sakemm tittieħed deċiżjoni dwar il-mertu tal-kontroversja”.

C –    Fuq it-tieni u t-tielet domanda preliminari

47.      Mid-digriet tar-rinviju jirriżulta li l-Oberlandesgericht Koblenz ma tikkondividix l-interpretazzjoni tar-rekwiżit tas-selettività li għamlet il-Kummissjoni fid-deċiżjoni tal-ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali u lanqas il-konklużjoni li tali istituzzjoni waslet għaliha dwar in-natura selettiva tal-miżuri inkwistjoni. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-qorti tar-rinviju għandha tqajjem kwistjoni dwar il-validità ta’ tali deċiżjoni skont il-punt b) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 267 TFUE. Madankollu jirriżulta li, permezz tat-tieni u t-tielet domanda preliminari, din ma kellhiex l-intenzjoni li tressaq tali kwistjoni, iżda pjuttost kwistjoni ta’ interpretazzjoni skont il-punt a) ta’ tali dispożizzjoni, ta’ din id-dispożizzjoni, li madankollu kienet suġġetta għal risposta negattiva mill-Qorti tal-Ġustizzja għall-ewwel domanda preliminari. Abbażi tal-kunsiderazzjonijiet li żvolġew fir-rigward ta’ din it-talba, nissuġġerixxi għaldaqstant lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex ma tirrispondix it-tieni u t-tielet domanda preliminari.

48.      Għaldaqstant, il-kunsiderazzjonijiet qosra li jsegwu huma maħsuba sabiex jipprovdu spunt ta’ riflessjoni għall-ipoteżi li l-Qorti tal-Ġustizzja ma taqbilx dak sostnut hawn fuq u tiddeċiedi li tagħti risposta negattiva għall-ewwel domanda preliminari.

49.      Permezz tat-tieni domanda preliminari, il-qorti tar-rinviju essenzjalment qed tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja jekk it-tariffi applikati minn FFH fl-2001 u fl-2006 għandhomx ikunu kkunsidrati bħala miżuri selettivi għall-fatt biss li japplikaw unikament għall-kumpanniji tal-ajru li jużaw l-ajruport ta’ F-H. Permezz tat-tielet domanda, din il-qorti qed tistaqsi jekk, fil-każ ta’ risposta negattiva għat-tieni domanda, is-selettività tista’ tiġi dedotta minn elementi partikolari li jikkaratterizzaw il-fatti. Għall-kuntrarju ta’ dak imressaq minn FFH fl-osservazzjonijiet tagħha, tali domandi huma ammissibbli (69).

50.      It-tieni domanda preliminari, li għandha tkun eżaminata flimkien mal-ewwel parti tat-tielet domanda, għandha fil-fehma tiegħi tirċievi risposta affermattiva. It-teżi mressqa mill-qorti tar-rinviju, minn FFH u minn RA, fil-prinċipju twassal sabiex tiġi miċħuda għalkollox il-possibbiltà li tkun ikkwalifikata bħala għajnuna mill-Istat, il-kundizzjonijiet li għalihom impriża pubblika toffri s-servizzi tagħha meta tali kundizzjonijiet jirriżultaw applikabbli mingħajr distinzjoni għall-kontraenti kollha tagħha. Issa, din it-teżi jkollha l-konsegwenzi li teskludi a priori mis-sistema ta’ kontroll għajnuna mill-Istat kif mitlub mit-Trattat, benefiċċji eventwali antikompetittivi ffinanzjati minn riżorsi pubbliċi u mogħtija permezz ta’ impriża pubblika għal operaturi ekonomiċi speċifiċi kkaratterizzati miċ-ċirkustanza li għandhom relazzjonijiet kummerċjali ma’ din tal-aħħar (70). Kif fil-fehma tiegħi osservat korrettement il-Kummissjoni, tali esklużjoni ma tidhirx konformi la mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tgħid li l-interventi pubbliċi li jirrigwardaw mingħajr distinzjoni l-operaturi kollha ta’ settur ekonomiku speċifiku jista’ jkollhom karattru selettiv (71) u lanqas mad-diversi preċedenti li fihom kienu kkunsidrati benefiċċji selettivi li jirriżultaw mill-provvista ta’ oġġetti u servizzi minn impriżi pubbliċi (jew privati) b’tariffi jew b’kundizzjonijiet identiċi għall-operaturi kollha li jeżerċitaw attività speċifika (72).

51.      Fil-kawża inkwistjoni, il-preżunti benefiċċji li jirriżultaw mill-applikazzjoni tat-tariffi li qed jiġu trattati, jibbenefikaw minnhom biss il-kumpanniji tal-ajru li jidħlu f’relazzjonijiet kummerċjali ma’ FFH u għaldaqstant ċirku ta’ entitajiet limitat għall-intern tas-settur ekonomiku interessat. Iċ-ċirkustanza, enfasizzata minn FFH, li kull kumpannija tal-ajru li tkun tixtieq tista’ tuża l-ajruport ta’ F-H — li l-kapaċità tiegħu faċilment tiġi adattata għal tkabbir eventwali tad-domanda — u b’dan il-mod tisfrutta t-tariffi applikati minnu, ma jidhirlix li għandha rilevanza partikolari. Il-fatt li l-possibbiltà ta’ benefiċċju mill-benefiċċji li jirriżultaw minn reġim speċifiku tiddependi minn deċiżjoni tal-operatur individwali — f’dan il-każ, il-kumpannija tal-ajru li tiddeċiedi li tinqeda mill-ajruport ta’ F-H — fil-fatt ma tawtorizzax l-esklużjoni tas-selettività tat-tali benefiċċji (73). Barra minn hekk, f’din il-kawża, il-kundizzjonijiet tariffarji applikati minn FFH huma, konformi ma’ strateġija kummerċjali preċiża deċiża minn din tal-aħħar, adattati għal tip partikolari ta’ utenti, il-kumpanniji tal-ajru low cost, filwaqt li jidhru ftit jew inqas attraenti għall-kumpanniji tal-ajru tradizzjonali. Il-libertà tal-għażla ta’ dawn tal-aħħar għaldaqstant hija limitata, speċjalment meta, kif jirriżulta kemm mid-digriet tar-rinviju kif ukoll mid-deċiżjoni ta’ ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali, it-tariffi inkwistjoni jirriflettu l-kontenut tal-kuntratti li saru bejn FFH u RA u huma għaldaqstant immudellati fuq l-eżigenzi ta’ tali kumpanija.

52.      Fl-aħħar nett, naqbel mal-Kummissjoni meta tikkunsidra li l-eżami tas-selettività f’każ bħal dan inkwistjoni ma jirrikjedix l-applikazzjoni tal-metodoloġija tal-analiżi f’żewġ stadji żviluppata mill-Qorti tal-Ġustizzja rigward xi reġimi fiskali nazzjonali, li abbażi taghħa, għall-evalwazzjoni tas-selettività ta’ miżura, jeħtieġ li jkun aċċertat l-ewwel nett, jekk fl-ambitu ta’ reġim ġuridiku partikolari, il-miżura msemmija tirrappreżentax benefiċċji għal impriżi speċifiċi meta mqabbla ma’ oħrajn li jinsabu f’sitwazzjoni fattwali u ġuridika simili (74) u, sussegwentement, jekk id-differenza eventwali bejn impriżi hijiex iġġustifikata abbażi tan-natura u tal-istruttura tar-reġim li titratta.

53.      Meta l-Qorti tal-Ġustizzja xorta tqis applikabbli tali metodoloġija f’din il-kawża nosserva li l-ewwel nett nikkunsidra, bħalma jagħmlu l-qorti tar-rinviju u FFH, li l-kumpanniji tal-ajru biss li jixtiequ jistabbilixxu relazzjonijiet kummerċjali mal-ajruport ta’ F-H jinsabu f’sitwazzjoni ġuridika u fattwali komparabbli fir-rigward tat-tariffi inkwistjoni jfisser li, b’raġunament sostanzjalment ċirkolari, huma rilevanti biss għall-finijiet tal-analiżi tan-natura selettiva ta’ din tal-aħħar, l-entitajiet biss li jissodisfaw il-kriterji u l-kundizzjonijiet previsti sabiex jinkisbu l-benefiċċji li jirriżultaw mill-applikazzjoni ta’ miżura speċifika. (75).

54.      Jekk verament għandna nidentifikaw ċirku ta’ entitajiet li fir-rigward tat-tariffi inkwistjoni jinsabu f’sitwazzjoni fattwali u ġuridika komparabbli, dan huwa, fil-fehma tiegħi kkostitwit (almenu) mill-kumpanniji kollha tal-ajru li jistgħu jużaw l-ajruport ta’ Frankfurt-Hahn u li jibbenefikaw mis-servizzi inklużi fit-tariffi msemmija (76). Fost tali impriżi, dawk biss li effettivament jużaw l-ajruport jibbenefikaw mill-preżunti benefiċċji li jirriżultaw mill-applikazzjoni tat-tariffi inkwistjoni u, fost dawn, kif jirriżulta mill-fajl, RA biss tibbenefika mit-tariffi u l-kundizzjonijiet l-oħra ta’ tranżazzjoni suġġetta għal negozjar bilaterali minn qabel ma’ FFH (77).

55.      Meta, għall-kuntrarju ta’ dak issuġġerit minni fil-punti preċedenti, il-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi li tirrispondi b’mod negattiv għat-tieni domanda preliminari, nikkunsidra li l-elementi enfasizzati mill-qorti tar-rinviju fit-tielet domanda [taħt b) u c)] u li diġà ssemmew iktar ’il fuq, jiġifieri l-adozzjoni min-naħa ta’ FFH ta’ mudell kummerċjali bbażat fuq kooperazzjoni mal-kumpannija tal-ajru low cost u ta’ kundizzjonijiet ta’ użu tal-ajruport adattati għall-esiġenzi ta’ dawn l-impriżi kif ukoll iċ-ċirkustanza li l-biċċa l-kbira tat-traffiku tal-passiġġieri tal-ajruport ikun oriġina minn kumpannija tal-ajru unika, fil-kuntest tal-evalwazzjoni globali iwassluna sabiex nikkonkludu bl-istess mod dwar in-natura selettiva tat-tariffi kkontestati.

IV – Konklużjonijiet

56.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, nissuġerixxi lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tirrispondi għad-domandi preliminari mressqa mill-Oberlandesgericht Koblenz bil-mod segwenti:

“Qorti nazzjonali, adita b’talba għall-ksib tal-waqfien ta’ ħlasijiet li għandhom isiru u l-irkupru ta’ dawk li diġà saru b’eżekuzzjoni ta’ miżura li ġejja mill-Istat, mhux innotifikata skont l-aħħar sentenza tal-Artikolu 108(3) TFUE u li fil-konfront tagħha l-Kummissjoni adottat deċiżjoni ta’ ftuħ ta’ proċedura ta’ investigazzjoni formali, skont l-Artikolu 108(2) TFUE, għandha tadotta l-miżuri neċessarji kollha sabiex tiżgura, l-osservanza min-naħa tal-awtoritajiet nazzjonali kollha, tal-obbligu ta’ sospensjoni li jirriżulta mill-effett konġunt tal-aħħar sentenza tal-Artikolu 108(3) TFUE u tal-kwalifika provviżorja bħala għajnuna li tinsab fid-deċiżjoni msemmija, kif ukoll sabiex telimina l-konsegwenzi ta’ ksur eventwali ta’ tali obbligu. Dawn il-miżuri jinkludu s-sospensjoni tal-eżekuzzjoni tal-miżura inkwistjoni u l-irkupru ta’ dak li diġà ġie mħallas.

Jekk ma taqbilx mal-kwalifika tal-miżura inkwistjoni magħmula mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni tal-ftuħ ta’ proċedura ta’ investigazzjoni formali, din il-qorti, minbarra li tadixxi, jekk ikun il-każ, lill-Qorti tal-Ġustizzja b’domanda preliminari dwar il-validità skont il-punt b) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 267 TFUE, tista’, sa fejn huwa awtorizzat mid-dritt nazzjonali, tiddeċiedi li ma tagħmilx irkupru definittiv tas-somom inkwistjoni sakemm tkun għadha ma tteħditx deċiżjoni finali mill-Kummissjoni, u sadanittant toħroġ ordni provviżorja ta’ rkupru, li tgħid li tali somom jitħallsu f’kont ibblokkat sakemm ikun hemm deċiżjoni dwar il-mertu tal-kontroversja.

Fid-dawl tar-risposta għall-ewwel domanda preliminari, ma hemmx lok li tingħata risposta għat-tieni u għat-tielet domanda.”


1 – Lingwa oriġinali: it-Taljan.


2 – Waħda minn dawn l-azzjonijiet, magħmula minn Air Berlin kontra l-ajruport ta’ Lübeck, toriġina minn rinviju preliminari ieħor, din id-darba fuq inizjattiva tax- Schleswig-Holsteinisches Oberlandesgericht (Kawża pendenti C‑27/13), li fiha hija qajjmet l-istess kwistjoni dwar il-marġni ta’ awtonomija li għandha l-qorti nazzjonali sabiex tevalwa l-eżistenza ta’ għajnuna fil-każ li fih il-Kummissjoni tkun fetħet ukoll b’mod parallel proċedura ta’ investigazzjoni formali skont l-Artikolu 108(2) TFUE.


3 – Abbażi ta’ dak affermat minn DL fl-osservazzjonijiet tagħha, dawn is-sussidji kienu kkalkulati mhux abbażi tal-volum ta’ passiġġieri fuq il-linja l-ġdida, iżda fuq il-volum totali ta’ passiġġieri ttrasportati mill-kumpannija inkwistjoni.


4 – Skont DL dan it-tnaqqis jikkorrispondi għall-ammont ta’ EUR 2.679 miljun.


5 – Id-deċiżjoni tirrigwarda l-applikazzjoni tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 823(2) BGB u l-possibbiltà ta’ kwalifika tal-Artikolu 108(3) bħala dispożizzjoni ta’ protezzjoni tar-rikorrenti.


6 – Għajnuna mill-Istat C 29/08 (ex NN 54/07) — il-Ġermanja — Flughafen Frankfurt Hahn & Ryanair (ĠU C 12 tas-17 ta’ Jannar 2009, p 6).


7 – ĠU C 85 tad-9 .4.2009, p 1.


8 – Din il-kwistjoni b’mod partikolari tirrigwarda l-miżuri mogħtija abbażi tal-kuntratt li sar bejn FFH u Ryanair fl-2001, meta l-bord superviżorju ta’ FHH ma kienx fil-biċċa l-kbira magħmul minn rappreżentanti tal-poteri pubbliċi.


9      Direttiva tal-Kummissjoni 2006/111/KEE, tas-16 ta’ Novembru 2006, dwar it-trasparenza tar-relazzjonijiet finanzjarji bejn l-Istati membri u l-impriżi pubbliċi kif ukoll dwar it-trasparenza finanzjarja fi ħdan ċerti impriżi (ĠU 2008, L 348M]


10 – Ara, fost l-oħrajn, is-sentenza tal-31 ta’ Jannar 2008, Centro Europa 7, (C‑380/05, Ġabra p. I‑349, punti 47 sa 49).


11 – Sentenza tal-5 ta’ Ottobru 2006, C‑368/04, Ġabra p. I‑9957.


12 – Sentenza tal-11 ta’ Lulju 1996, C‑39/94, Ġabra p. I‑3547.


13 – Sentenza tal-15 ta’ Lulju 1964, Costa (6/64, Ġabra p. 1141, p. 1162), ara anki, fost l-oħrajn, is-sentenzi tal-11 ta’ Diċembru 1973, Lorenz (120/73, Ġabra p. 1471, punt 8), tat-22 ta’ Marzu 1977, Steinike & Weinlig (78/76, Ġabra p. 595, punt 14), tal-21 ta’ Novembru 1991, Fédération nationale du commerce extérieur des produits alimentaires et Syndicat national des négociants et transformateurs de saumon (“FNCE”) (C‑354/90, Ġabra p. I‑5505, punt 11), u SFEI, iċċitata iktar ʼil fuq, punt 39.


14 – Sentenza Lorenz, iċċitata iktar ʼil fuq, punt 8.


15 – Sentenzi tat-30 ta’ Novembru 1993, Kirsammer-Hack (C‑189/91, Ġabra p. I-6185, punt 14) ; Steinike & Weinlig, iċċitata iktar ʼil fuq, punt 14 ; SFEI, iċċitata iktar ʼil fuq, punt 49 ; FNCE, iċċitata iktar ʼil fuq, punt 10.


16 – F’dan is-sens, ara s-sentenza FNCE, iċċitata iktar ʼil fuq, punt 8.


17 – COM(2005) 107 finali.


18 – Ara b’mod partikolari, il-punti 1.5 u 24 tal-Komunikazzjoni.


19 – Ara s-sentenzi SFEI, iċċitata iktar ʼil fuq, punt 41; tal-21 ta’ Ottubru 2003, van Calster et (C‑261/01 u C‑262/01, Ġabra p. I‑12249, punt 74); Transalpine Ölleitung in Österreich et, iċċitata iktar ʼil fuq, punt 37 u tat-8 ta’ Diċembru 2011, Residex Capital IV, (C‑275/10, Ġabra p. I-13043, punt 26).


20 – Sentenzi FNCE, iċċitata iktar ’il fuq, punt 12; SFEI, iċċitata iktar ʼil fuq, punt 40; van Calster et, iċċitata iktar ʼil fuq, punt 64; tal-21 ta’ Lulju 2005, Xunta de Galicia (C‑71/04, Ġabra p. I‑7419, punt 49); Transalpine Ölleitung in Österreich et, iċċitata iktar ʼil fuq, punt 47, tat-12 ta’ Frar 2008, CELF et Ministre de la Culture et de la Communication (“CELF I”) (C‑199/06, Ġabra p. I‑469, punt 45) u Residex Capital IV, iċċitata iktar ʼil fuq, punt 29. Ara wkoll il-punt 30 tal-Komunikazzjoni.


21 – Ara b’mod partikolari s-sentenza FNCE, iċċitata iktar ʼil fuq, punt 12 u taqsima 2.2.1 tal-Komunikazzjoni.


22 – Ara b’mod partikolari s-sentenzi Xunta de Galicia, iċċitata iktar ʼil fuq, punt 49; SFEI, iċċitata iktar ʼil fuq, punti 40 u 68, u FNCE, iċċitata iktar ʼil fuq, punt 12, kif ukoll il-punt 2.2.2 tal-Komunikazzjoni.


23 – Ara b’mod partikolari s-sentenza CELF I, iċċitata iktar ʼil fuq, punti 53 sa55 u l-punt 2.2.3 tal-Komunikazzjoni.


24 – Ara b’mod partikolari s-sentenzi CELF I, iċċitata iktar ʼil fuq, punti 53 sa 55; Transalpine Ölleitung in Österreich, iċċitata iktar ʼil fuq, punt 56; tal-11 ta’ Diċembru 2008, Il-Kummissjoni vs Freistaat Sachsen (C‑334/07, Ġabra p. I‑9465, punt 54) kif ukoll il- punt 2.2.4 tal-Komunikazzjoni.


25 – Ara b’mod partikolari s-sentenzi, iċċitata iktar ʼil fuq, punt 52; Transalpine Ölleitung in Österreich, iċċitata iktar ʼil fuq punt 46. Ara l-punti 26 et seq tal-Komunikazzjoni.


26 – Ara wkoll l-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 659/1999 bit-titlu “klawsola ta’ sospensjoni”.


27 – Ara s-sentenzi tal-14 ta’ Frar 1990, Franza vs Il-Kummissjoni (C‑301/87, Ġabra p. I‑307, punt 17) u CELF I, iċċitata iktar ʼil fuq, punt 36.


28 – Ara s-sentenzi CELF I, iċċitata iktar ʼil fuq, punt 37 u Lorenz, iċċitata iktar ʼil fuq, punt 2.


29 – Ara s-sentenza CELF I, iċċitata iktar ʼil fuq, punt 47. Korsiv miżjud minni.


30Idem.


31 – Ara s-sentenza CELF I, iċċitata iktar ʼil fuq, punt 48.


32 – Idem, punt 38.


33 – Sentenza tal-11 ta’ Marzu 2010, CELF et ministre de la Culture et de la Communication (“CELF II”) (C‑1/09, Ġabra. p. I‑2099, punt 30).


34 – Ara s-sentenza CELF I, iċċitata iktar ʼil fuq, punti 47 sa 49.


35 – Sentenza tat-22 ta’ Ġunju 2000, Franza vs Il-Kummissjoni (C‑332/98, Ġabra p. I‑4833, punt 31).


36 – Ara sentenza Franza vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il-fuq, punt 32.


37 – Sentenzi tat-30 ta’ Ġunju 1992, L-Italja vs Il-Kummissjoni (C‑47/91, Ġabra p. I‑4145, punt 24); SFEI, iċċitata iktar ʼil fuq, punt 38; Lorenz, iċċitata iktar ʼil fuq, punt 8 u FCNE, iċċitata iktar ʼil fuq , punt 11.


38 – Skont l-Artikoli 4(2) u 7(2) tar-Regolament Nru 659/1999, jekk wara l-analiżi preliminari, jiġifieri fi tmiem tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali, il-Kummissjoni tiddikjara li “il-miżura nnotifikata ma tikkostitwixxix għajnuna, tiddikjara dan permezz ta’ deċiżjoni”.


39 – Ara s-sentenza Franza vs Il-Kummissjoni, C-332/98, iċċitata iktar ʼil fuq, punt 32.


40 – Ara l-punt 12.


41 – Sentenza tad-9 ta’ Ottubru 2001, L-Italja vs Il-Kummissjoni (C‑400/99, Ġabra p. I‑7303).


42 – Sentenza tat-30 ta’ Ġunju 1992, Spanja vs Il-Kummissjoni (C‑312/90, Ġabra p. I‑4117).


43 – Sentenza tat-30 ta’ Ġunju 1992, L-Italja vs Il-Kummissjoni (C‑47/91, Ġabra p. I‑4145).


44 – Punt 57; korsiv miżjud minni.


45 – Punt 58.


46 – Punt 59; korsiv miżjud minni


47 – Punt 59.


48 – Punt 65.


49 – Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-10 ta’ Mejju 2005, L-Italja vs Il-Kummissjoni (C‑400/99, Ġabra p. I‑3657, punt 24).


50 – Ara l-punti 59 u 64.


51 – Ara d-deskrizzjoni tal-miżuri inkwistjoni fil-punti 23 sa 26 tas-sentenza, kif ukoll il-punt 28.


52 – Fil-punt 9 tat-tali sentenza, filwaqt li reġgħet għamlet riferiment għall-kontenut tas-sentenza tad-9 ta’ Ottubru 2001, il-Qorti tal-Ġustizzja affermat li l-kawża kienet iddikjarata ammissibbli “minħabba li l-Kummissjoni ikkwalifikat il-miżuri inkwistjoni bħala għajnuniet [għajnuna] ġodda [ġdida] mogħtija illegalment, filwaqt li l-Gvern Taljan sostna, għal xi wħud minnhom, li kienu għajnuniet [għajnuna] eżistenti (...) u għal xi oħrajn, li ma jinkludux elementi li jikkostitwixxu għajnuna, raġuni għalfejn dawk il-miżuri ma kellhomx għalfejn jiġu sospiżi għall-kuntrarju ta’ dak li jirriżulta mid-deċiżjoni imposta”.


53 – Ara l-punt 29.


54 – Ara l-punti 31, 34 kif ukoll il-punt 1 tad-dispożittiv. Nippreċiża li, fis-sentenza tad-9 ta’ Ottubru 2001, il-Qorti tal-Ġustizzja espressament eskludiet li s-sospensjoni tat-tali miżuri tirriżulta minn inġunzjoni allegata ta’ sospensjoni li tinsab fid-deċiżjoni kkontestata.


55 – Ara s-sentenzi tat-23 ta’ Ottubru 2002, Diputación Foral de Guipúzcoa et vs Il-Kummissjoni (T‑269/99, T‑271/99 u T‑272/99 Ġabra p. II‑4217, 36 sa 42) ; tat-30 ta’ April 2002, Government of Gibraltar vs Il-Kummissjoni (T‑195/01 u T‑207/01, Ġabra p. II‑2309, punti 80 sa 86); u tal-25 ta’ Marzu 2009, Alcoa Trasformazioni vs Il-Kummissjoni (T‑332/06, punti 33 sa 42).


56 – Sentenza tal-14 ta’ Frar 1990, Franza vs il-Kummissjoni ċċitata iktar ʼil fuq. Kif ninnota f’din is-sentenza, wara li ġie kkunsidrat li l-effikaċja tas-sistema ta’ kontroll stabbilita mit-Trattat tirrikjedi l-adozzjoni ta’ dispożizzjonijiet maħsuba biex jostakolaw in-nuqqas ta’ osservazzjoni tar-regolamenti li dak iż-żmien kienu fis-seħħ skont l-Artikolu 93(3) TKE, il-Qorti tal-Ġustizzja affermat li, meta jkun ikkonstatat li għajnuna ngħatat jew ġiet immodifikata mingħajr ma tkun saret notifika, jew, filwaqt li kienet innotifikata, kienet attwata qabel id-deċiżjoni tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali, il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tordna lill-Istat Membru kkonċernat, permezz ta’ deċiżjoni provviżorja, fil-kuntest tal-analiżi tal-għajnuna, sabiex jissospendi immedjatament l-għoti, u fil-każ li fih l-Istat Membru ma jikkonformax ma’ din id-deċiżjoni, li tmur direttament quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, filwaqt li tkompli b’mod parallel bl-analiżi fir-rigward tal-mertu, punti 18 sa 23.


57 – Ara punti 9 sa 23.


58 – Ara s-sentenzi tad-19 ta’ Mejju 1993, Cook vs Il-Kummissjoni, (C‑198/91, Ġabra p. I‑2487, punt 22); tal-15 ta’ Ġunju 1993, Matra vs Il-Kummissjoni ( C‑225/91, Ġabra p. I‑3203, punt 16); tat-2 ta’ April 1998, P, Il-Kummissjoni vs Sytraval u Brink’s France (C‑367/95 P, Ġabra p. I‑1719, punt 38); tat-13 ta’ Diċembru 2005, Il-Kummissjoni vs Aktionsgemeinschaft Recht und Eigentum (C‑78/03 P, Ġabra p. I‑10737, punt 34, kif ukoll tal-11 ta’ Settembru 2008, Il-Ġermanja et vs Kronofrance (C‑75/05 P u C‑80/05 P, Ġabra p. I‑6619, punt 37).


59 – Ara s-sentenzi tal-21 ta’ Lulju 2011, Alcoa Trasformazioni vs Il-Kummissjoni, (C‑194/09 P, Ġabra p. I-6311, punt 61) u tal-Qorti Ġenerali tat-23 ta’ Ottubru 2002, Diputación Foral de Guipúzcoa et vs Il-Kummissjoni (T‑269/99, T‑271/99 u T‑272/99,Ġabra p. II‑4217, punt 49), li fiha l-istħarriġ tal-Qorti tal-Ġustizzja huwa espressament limitat għall-iżball manifest ta’ evalwazzjoni. B’mod inċidentali nirrileva li tali limitazzjoni tal-istħarriġ tal-Qorti tal-Ġustizzja ma tidhirx għalkollox koerenti mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tgħid: “il-qorti Komunitarja għandha, bħala regola u fid-dawl tal-elementi konkreti tal-kawża mressqa quddiemha u kif ukoll tan-natura teknika jew kumplessa tal-evalwazzjonijiet magħmula mill-Kummissjoni, teżerċita stħarriġ sħiħ fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk miżura tidħolx fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu [87(1) TFUE]” (ara f’dan is-sens, fost l-oħrajn, is-sentenza tat-22 ta’ Diċembru 2008, British Aggregates vs Il-Kummissjoni (C‑487/06 P, Ġabra p. I‑10515, punt 111). Fl-opinjoni tiegħi, kien ikun għalkollox konformi ma’ din il-ġurisprudenza nirrikonoxxu li, anki fil-każ ta’ deċiżjoni tal-ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali, il-Qorti tal-Unjoni tagħmel stħarriġ spiss komplet, għalkemm limitat għall-kwisjoni dwar jekk, abbażi tal-informazzjoni għad-dispożizzjoni tagħha, il-Kummissjoni tistax leġittimament tikkonkludi, b’mod provviżorju, dwar l-eżistenza ta’ għajnuna jew, għall-inqas, tkompli bid-dubji serji f’dan ir-rigward.


60 – Sentenza SFEI, iċċitata iktar ʼil fuq , punt 50; taqsima 3 tal-Komunikazzjoni.


61 – Sentenza SFEI, iċċitata iktar ʼil fuq, punt 51.


62 – Sentenza SFEI, iċċitata iktar ʼil fuq; punt 44; ara wkoll, f’dan is-sens, preċedentement, is-sentenzi Lorenz, punt 8, u FNCE punti 10 u 11. Skont il-Qorti tal-Ġustizzja, interpretazzjoni diversa ċċaħħad l-effettività tal-projbizzjoni skont l-aħħar sentenza tal-Artikolu 108(3) u tiffavorixxi n-nuqqas ta’ osservazzjoni min-naħa tal-Istati Membri (ara s-sentenza SFEI, iċċitata iktar ʼil fuq, punt 55).


63 – Punt 53 u d-dispożittiv. Kif enfasizzat korrettement waqt is-seduta l-Kummissjoni, għall-kuntrarju ta’ din il-kawża, fil-kawża li minnha oriġinat it-tali sentenza, il-Kummissjoni għamlet biss eżami preliminari tal-miżuri inkwistjoni u meta ġiet introdotta t-talba għal deċiżjoni preliminari, kienet għadha ma bdietx il-proċedura ta’ investigazzjoni formali skont l-Artikolu 108(2) TFUE: ara l-punt 11 tas-sentenza u tal-punt 7 tal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Jacobs.


64 –      Ara f’dan is-sens, is-sentenza tal-14 ta’ Diċembru 2000, Masterfoods u HB (C‑344/98, Ġabra p. I‑11369, punt 49).


65 – Ara f’dan is-sens, f’dak li jirrigwarda l-applikazzjoni tal-Artikoli 85 u 86 TKE, il-punt 47 tas-sentenza tat-28 ta’ Frar 1991, Delimitis (C‑234/89, Ġabra p. I‑935).


66 – Ara s-sentenza Transalpine Ölleitung, iċċitata iktar ʼil fuq, punt 48.


67 – Indipendentement minn kull kunsiderazzjoni pertinenti għal-limiti tal-qorti nazzjonali li tressaq ex officio domanda preliminari ta’ validità fil-każ li fih id-deċiżjoni ma tkunx ikkontestata fil-ħin mis-suġġetti ta’ dritt li kontrihom tiġi invokata (ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza tal-10 ta’ Jannar 2006, Cassa di Risparmio di Firenze et (C‑222/04, Ġabra p. I‑289, punti 72 sa 74), ma naħsibx li din il-kwistjoni tidher fit-talba għal deċiżjoni preliminari, is-suġġett ta’ din il-kawża u lanqas ma għandha tkun eżaminata ex officio mill-Qorti tal-Ġustizzja (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-18 ta’ Lulju 2007, Lucchini (C-119/05, Ġabra p. I‑6199, punt 56).


68 – Ara l-punt 62 tal-Komunikazzjoni. F’dan is-sens, ġiet ippreżentata talba minn DL fl-isfond tar-rinviju preliminari, li kienet miċħuda mill-Oberlandesgericht Koblenz permezz tad-digriet tat-12 ta’ Lulju 2012.


69 – Abbażi ta’ ġurisprudenza stabbilita (ara, fost l-oħrajn, is-sentenza tat-22 ta’ Diċembru 2008, Régie Networks, C‑333/07, Ġabra p. I‑10807, punt 46), iċ-ċaħda min-naħa tal-Qorti tal-Ġustizzja li tippronunċja ruħha dwar talba għal deċiżjoni preliminari hija possibbli biss meta jkun jidher b’mod manifest li l-interpretazzjoni tad-dritt Komunitarju mitluba ma jkollha ebda relazzjoni mal-effettività jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali, meta l-kwistjoni tkun ipotetika jew inkella meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma tiddisponix mill-punti ta’ fatt u ta’ liġi neċessarji sabiex tirrispondi b’mod utli għad-domandi li jkunu tressqu quddiemha. F’din il-kawża inkwistjoni ma tokkorri l-ebda waħda mit-tali ipoteżi.


70 – Is-soluzzjoni eventwali kuntrarja, jiġifieri li l-kundizzjonijiet li għalihom impriża pubblika toffri l-prodotti jew is-servizzi tagħha dejjem jikkostitwixxu miżuri selettivi, ma jidhirlix li toħloq problemi partikolari. Evidentement, din ma tindikax b’mod awtomatiku li l-imsemmija kundizzjonijiet għandhom ikunu kkunsidrati bħala għajnuna; din il-konklużjoni hija ammissibbli biss fil-każ li fih dawn il-kundizzjonijiet jikkostitwixxu benefiċċji ffinanzjati permezz ta’ riżorsi pubbliċi li jikkawżaw distorzjoni tal-kompetizzjoni.


71 – Fil-każ li fih dawn l-interventi ma jikkostitwixxux miżuri ġenerali għall-operaturi ekonomiċi kollha tal-Istat Membru kkonċernat, ara s-sentenzi tas-17 ta’ Ġunju 1999, Il-Belġju vs Il-Kummissjoni (C‑75/97, Ġabra. p. I‑3671, punt 33) u tal-15 ta’ Diċembru 2005, Unicredito Italiano (C‑148/04, Ġabra p. I‑11137, punti 45 sa 49).


72 – Ara pereżempju, is-sentenza tal-20 ta’ Novembru 2003, GEMO (C‑126/01, Ġabra p. I‑13769), li fiha l-effetti tal-provvedimenti inkwistjoni, li abbażi tagħhom il-proprjetarji u d-detenturi kollha ta’ karkassi ta’ annimali ta’ piż determinat setgħu jużaw b’xejn is-servizzi għad-dispożizzjoni tal-impriżi privati tal-bejgħ tal-laħam tal-ġilda taż-żwiemel mhux tajbin għall-qatla li jingħataw kuntratti pubbliċi, li joperaw essenzjalment favur entitajiet speċifiċi, jiġifieri favur dawk li jrabbu l-annimali u l-biċċeriji (ara l-punti 37 sa 39) u s-sentenza tat-2 ta’ Frar 1988, Kwekerij van der Kooy et vs Il-Kummissjoni (67/85, 68/85 u 70/85 Ġabra p. 219), li fiha t-tariffa preferenzjali kkontestata pprattikata minn Gasunie tapplika għall-impriżi kollha attivi fis-settur tal-ortikoltura fis-serer.


73 – Il-perċezzjoni tal-benefiċċji previsti fil-kuntest ta’ reġim speċifiku ta’ għajnuna hija ta’ spiss subordinata għal deċiżjoni, pereżempju ta’ investiment, mill-benefiċjarju, pereżempju s-sentenza Unicredito italiano, iċċitata iktar ʼil fuq, punt 8, li fiha l-aġevolazzjoni fiskali inkwistjoni, applikabbli għas-settur bankarju kollu, ingħatat biss lill-banek li jwettqu funzjonijiet jew attivitajiet analogi ta’ ristrutturazzjoni għal ħames perjodi konsekuttivi ta’ tassazzjoni.


74 – Huma magħruf li din il-ġurisprudenza hija bbażata fuq is-sentenza tat-8 ta’ Novembru 2001, Adria-Wien Pipeline u Wietersdorfer & Peggauer Zementwerke, (C‑143/99, Ġabra p. I‑8365), dwar it-tnaqqis tat-taxxa fuq l-enerġija mogħti fl-Awstrija lill-impriżi attivi bħalissa fis-settur tal-manifattura; għal preċedenti oħra, ara b’mod partikolari s-sentenzi tat-13 ta’ Frar 2003, Spanja vs Il-Kummissjoni (C‑409/00, Ġabra. P. I‑1487, punt 47), tas-6 ta’ Settembru 2006, Il-Portugall vs Il-Kummissjoni (C-88/03, Ġabra p. I‑7115, punt 54), tal-11 ta’ Settembru 2008, UGT‑Rioja et (C‑428/06 sa C‑434/06, Ġabra p. I‑6747, punt 46) u British Aggregates, iċċitata iktar ʼil fuq, punt 82. Il-Qorti tal-Ġustizzja rreferew għal metodoloġija ta’ analiżi simili anki f’kuntesti differenti minn dak tal-miżuri fiskali, ara pereżempju, is-sentenzi tal-4 ta’ Lulju 2007, Bouygues u Bouygues Télécom vs Il-Kummissjoni (T‑475/04, Ġabra p. II‑2097), tat-2 ta’ April 2009, Bouygues u Bouygues Télécom vs Il-Kummissjoni (C‑431/07 P, Ġabra p. I‑2665) u tal-15 ta’ Lulju 2004, Spanja vs Il-Kummissjoni (C‑501/00, Ġabra p. I‑6717).


75 – Permezz tal-applikazzjoni tat-tali raġunament, pereżempju fil-kawża Adria-Wien Pipeline, l-impriżi biss prevalentement tal-manifattura kellhom jikkunsidraw sitwazzjoni ġuridika u fattwali komparabbli rigward il-miżura fiskali inkwistjoni; konsegwentement din ma setgħetx tibqa’ selettiva.


76 – Għall-kuntrarju ta’ dak li qed tafferma FFH fl-osservazzjonijiet tagħha, id-deċiżjonijiet dwar l-ajruport ta’ Manchester (deċiżjoni tal-14 ta’ Ġunju 1999, għajnuna mill-Istat NN 109/98 – Ajruport ta’ Manchester, ir-Renju Unit) u dak ta’ Bratislava [deċiżjoni tas-27 ta’ Jannar 2010, għajnuna mill-Istat C 12/08 (ex NN 74/07)] — is-Slovakkja — Ftehim bejn l-ajruport ta’ Bratislava u Ryanair (ĠU L 27, p. 24)] ma jawtorizzawx konklużjoni fis-sens tal-eżistenza ta’ prassi tal-Kummissjoni li għandha l-għan li tillimita għall-kumpanniji tal-ajru biss li jużaw l-ajruport inkwistjoni ċ-ċirku ta’ entitajiet li s-sitwazzjoni tagħhom tista’ tkun komparata għall-finijiet tal-analiżi tas-selettività. L-evalwazzjonijiet inklużi f’dawk id-deċiżjonijiet u li tirreferi għalihom FFH jirrigwardaw rispettivament l-analiżi tal-eżistenza ta’ distorsjoni tal-kompetizzjoni u l-applikazzjoni tal-kriterju tal-investitur privat fl-ekonomija tas-suq, u mhux dik tan-natura selettiva tal-miżuri inkwistjoni.


77 – Għalkemm il-kwistjoni ma kinitx imqajma speċifikatament, la fid-digriet tar-rinviju u lanqas fl-osservazzjonijiet ippreżentati quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, nosserva fl-aħħar li, fil-każijiet bħall-kawża inkwistjoni, l-analiżi dwar ġustifikazzjoni oġġettiva possibbli “abbażi tan-natura u tal-istruttura tar-reġim”, essenzjalment, tista’ titfixkel mal-eżami dwar il-konformità tal-komportament tal-impriża pubblika — fil-kawża inkwistjoni, il-ġestjoni ta’ FFH tar-relazzjonijiet kummerċjali mal-kumpanniji tal-ajru li jużaw l-ajruport ta’ F-H, ma’ dik ta’ operatur privat f’ekonomija tas-suq, eżami li normalment isir fil-kuntest tad-konstatazzjoni tal-eżistenza ta’ benfiċċju.