Language of document : ECLI:EU:C:2013:755

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)

21 ta’ Novembru 2013 (*)

“Għajnuna mill-Istat — Artikoli 107 TFUE u 108 TFUE — Benefiċċji mogħtija minn impriża pubblika li topera ajruport lil kumpannija tal-ajru low cost — Deċiżjoni li tinfetaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali ta’ din il-miżura — Obbligu tal-qrati tal-Istati Membri li jikkonformaw ruħhom mal-evalwazzjoni tal-Kummissjoni f’din id-deċiżjoni dwar l-eżistenza ta’ għajnuna”

Fil-Kawża C‑284/12,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Oberlandesgericht Koblenz (il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tat-30 ta’ Mejju 2012, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-7 ta’ Ġunju 2012, fil-proċedura

Deutsche Lufthansa AG

vs

Flughafen Frankfurt-Hahn GmbH,

fil-preżenza ta’:

Ryanair Ltd,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),

komposta minn R. Silva de Lapuerta, President tal-Awla, J. L. da Cruz Vilaça, G. Arestis, J.-C. Bonichot u A. Arabadjiev (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: P. Mengozzi,

Reġistratur: K. Malacek, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-11 ta’ April 2013,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal Deutsche Lufthansa AG, minn A. Martin-Ehlers, Rechtsanwalt,

–        għal Flughafen Frankfurt-Hahn GmbH, minn T. Müller-Heidelberg, Rechtsanwalt,

–        għal Ryanair Ltd, minn G. Berrisch, Rechtsanwalt,

–        għall-Gvern Ġermaniż, minn T. Henze u K. Petersen, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Belġjan, minn T. Materne u J.-C. Halleux, bħala aġenti, assistiti minn A. Lepièce, avukati,

–        għall-Gvern Olandiż, minn M. Noort u C. Wissels, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Pollakk, minn B. Majczyna u M. Szpunar, bħala aġenti,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn V. Di Bucci u T. Maxian Rusche, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali fis-seduta tas-27 ta’ Ġunju 2013,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikoli 107 TFUE u 108 TFUE.

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn Deutsche Lufthansa AG (iktar ’il quddiem “Lufthansa”) u Flughafen Frankfurt-Hahn GmbH (iktar ’il quddiem “FFH”), li topera l-ajruport ta’ Frankfurt-Hahn (il-Ġermanja), dwar il-waqfien u l-irkupru tal-għajnuna mill-Istat li FFH tat lil Ryanair Ltd (iktar ’il quddiem “Ryanair”).

 Il-kuntest ġuridiku

3        L-Artikolu 3 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999, tat-22 ta’ Marzu 1999, li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu [108 TFUE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 339), intitolat “Klawsola ta’ waqfien totali”, huwa redatt kif ġej:

“Għajnuna notifikabbli skont l-Artikolu 2(1) m’għandhiex tiddaħħal fis-seħħ qabel ma l-Kummissjoni ma tkun ħadet, jew tinftiehem li tkun ħadet, deċiżjoni li tawtorizza din l-għajnuna.”

4        L-Artikolu 4 tal-istess regolament, intitolat “Abbozz preliminari tan-notifika u deċiżjonijiet tal-Kummissjoni”, jipprovdi fil-paragrafi 2 sa 4 tiegħu:

“2.      Fejn il-Kummissjoni, wara eżami preliminari, issib li l-miżura notifikata ma tikkostitwixix għajnuna, għandha tirreġistra dik is-sejba permezz ta’ deċiżjoni.

3.      Fejn il-Kummissjoni, wara eżami preliminari, issib li ma tqajjem l-ebda dubju f’dik li l-kompatibilità mas-suq komuni ta’ miżura notifikata, safejn taqa’ fi ħdan l-iskop ta’ l-Artikolu [107(1) TFUE], għandha tiddeċiedi li l-miżura hija kompatibbli mas-suq komuni […].

4.      Fejn il-Kummissjoni, wara eżami preliminari, issib li tqajjmu dubji dwar il-kompatibilità mas-suq komuni ta’ miżura notifikata, għandha tiddeċiedi jekk għandhomx jibdew proċeduri skond l-Artikolu [108(2) TFUE] (minn hawn ’l quddiem imsejjħa ‘deċiżjoni li tinbeda l-proċedura formali għall-investigazzjoni [proċedura ta’ investigazzjoni formali]’).”

5        L-Artikolu 6 tal-imsemmi regolament, intitolat “Proċedura ta’ investigazzjoni formali”, jipprovdi fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Id-deċiżjoni li tinbeda l-proċedura ta’ investigazzjoni formali għandha tiġbor fil-qosor l-kwistjonijiet relevanti tal-fatti u liġi, għandha tinkludi stima preliminari tal-Kummissjoni dwar il-karattru tal-miżura proposta u għandha tqiegħed id-dubji dwar il-kompatibilità tagħha mas-suq komuni. Id-deċiżjoni għandha ssejjaħ lill-Istat Membru kkonċernat u lil partijiet interessati oħra sabiex jissottomettu l-kummenti f’perjodu preskritt li normalment m’għandux ikun aktar minn xahar. [...]”

6        L-Artikolu 7 tal-istess regolament, intitolat “Deċiżjonijiet tal-Kummissjoni li tagħlaq il-proċedura formali ta’ eżami”, jipprovdi:

“1.      Mingħajr preġudizzju għal l-Artikolu 8, il-proċedura ta’ investigazzjoni formali għandha tingħalaq permezz ta’ deċiżjoni msemmija fil-paragrafi 2 sa 5 ta’ dan l-Artikolu.

2.      Fejn il-Kummissjoni ssib li, fejn xieraq wara modifika mill-Istat Membru kkonċernat, il-miżura notifikata ma tikkostitwix għajnuna, għandha tirreġistra dik is-sejba permezz ta’ deċiżjoni.

3.      Fejn il-Kummissjoni ssib li, fejn xieraq wara modifika mill-Istat Membru konċernat, id-dubji dwar il-kompatibilità tal-miżura notifikata mas-suq komuni jkunu tneħħew, għandha tiddeċiedi li l-għajnuna hija kompatibbli mas-suq komuni [...]

4.      Il-Kummissjoni tista’ tehmeż ma’ deċiżjoni posittiva kondizzjonijiet [...] u tista’ tpoġġi obbligi [...]

5.      Fejn il-Kummissjoni ssib li l-għajnuna notifikata m’hijiex kompatibbli mas-suq komuni, għandha tiddeċiedi li dik l-għajnuna m’għandhiex tiddaħħal fis-seħħ […]

6.      Deċiżjonijiet meħuda skond il-paragrafi 2, 3, 4 u 5 għandhom jittieħdu malli jkunu tneħħew id-dubji msemmija fl-Artikolu 4(4). Il-Kummissjoni għandha kemm jista’ jkun tadotta deċiżjoni fi żmien tmintax-il xahar mid-data tal-ftuħ tal-proċedura. [...]

[...]”

7        L-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 659/1999, intitolat “Inġunzjoni għas-sospenjoni jew rkupru proviżjonali ta’ għajnuna”, jipprovdi:

“1.      Il-Kummissjoni tista’ wara li tagħti lill-Istat Membru kkonċernat l-opportunità li tissottometti l-kummenti tagħha, tadotta deċiżjoni li teħtieġ lill-Istat Membru li jissospendi kull għajnuna illegali sakemm il-Kummissjoni tieħu deċiżjoni dwar il-kompatibiltà ta’ l-għajnuna mas-suq komuni […]

2.      Il-Kummissjoni tista’ wara li tagħti lill-Istat Membru kkonċernat l-opportunità li tissottometti l-kummenti tagħha, tadotta deċiżjoni li teħtieġ lill-Istat Membru li jissospendi kull għajnuna illegali sakemm il-Kummissjoni tieħu deċiżjoni dwar il-kompatibiltà ta’ l-għajnuna mas-suq komuni. […]

[...]”

8        L-Artikolu 12 tal-istess regolament, intitolat “Nuqqas ta’ konformità ma’ deċiżjoni ta’ inġunzjoni”, jipprovdi:

“Jekk l-Istat Membru jonqos milli jikkonforma ma’ inġunzjoni ta’ sospensjoni jew inġunzjoni ta’ rkupru, il-Kummissjoni għandha tkun intitolata, filwaqt li tkun qed tagħmel l-eżami fuq is-sustanza ta’ l-argument abbażi ta’ l-informazzjoni disponibbli, biex tirreferi l-argument lill-[Qorti tal-Ġustizzja] direttament u japplika għal dikjarazzjoni li n-nuqqas ta’ konformità tikkostitwixxi ksur tat-Trattat.”

9        Skont l-Artikolu 13 ta’ dan ir-regolament, intitolat: “Deċiżjonijiet tal-Kummissjoni”:

“1.      L-eżami ta’ għajnuna llegali possibli għandu jirriżulta f’deċiżjoni skond l‑Artikolu

 4(2), (3) jew (4). Fil-każ ta’ deċiżjonijiet sabiex tinbeda l-proċedura ta’ investigazzjoni formali, il-proċeduri għandhom jingħalqu permezz ta’ deċiżjoni skond l-Artikolu 7. [...]

2.      F’każijiet ta’ għajnuna possibilment illegali u mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 11(2), il-Kummisjoni m’għandhiex tkun marbuta mal-limitu ta’ żmien imqiegħed fl-Artikoli 4(5), 7(6) u 7(7).

[...]”

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

10      FFH, operatur tal-ajruport ċivili Frankfurt-Hahn, kienet miżmuma, sa Jannar 2009, sa 65 % minn Fraport AG, sa 17.5 % mil-Land ta’ Rheinland-Pfalz u sa 17.5 % mil-Land ta’ Hessen. Fraport AG hija kumpannija b’responsabbiltà limitata kkwotata fil-Borsa u miżmuma fil-parti l-kbira tagħha mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, mil-Land ta’ Hessen u mill-belt ta’ Frankfurt am Main.

11      FFH iġġenerat telf annwali ta’ diversi miljuni ta’ Euro sa mill-bidu tal-attività tagħha. Fil-31 ta’ Diċembru 2011, dan it-telf kien jammonta għal madwar EUR 197 miljun. Dan kien jiġi sostnut, sal-2009, minn Fraport AG fuq il-bażi ta’ ftehim ta’ trasferiment tar-riżultati. Fl-1 ta’ Jannar 2009, Fraport AG madankollu biegħet l-ishma tagħha lil-Land ta’ Rheinland-Pfalz għall-prezz nominali ta’ Euro. Dan it-trasferiment kien motivat mill-impossibbiltà li tiġi introdotta taxxa fuq il-passiġġieri sabiex jitnaqqas it-telf iġġenerat mill-ajruport ta’ Frankfurt-Hahn, minħabba l-intenzjoni ta’ Ryanair li titlaq lill-ajruport jekk tali taxxa tiġi introdotta.

12      Ryanair hija kumpannija tal-ajru low cost li tirrappreżenta iktar minn 95 % tat-traffiku tal-passiġġieri tal-ajruport ta’ Frankfurt-Hahn. Skont l-iskeda ta’ tariffi ta’ dan l-ajruport tal-2001, il-kumpanniji tal-ajru li jużawh kellhom iħallsu tariffa ta’ EUR 4.35 għal kull passiġġier li jitlaq minn hemm. Madankollu, l-ebda tariffa għat-tluq, l-approċċ, l-inżul jew l-użu tal-infrastruttura tal-ajruport ma ntalbet minn Ryanair, peress li din tal-aħħar użat biss ajruplani li, skont l-imsemmija skeda, kienu jagħtuha dritt għal eżenzjoni, jiġifieri ajruplani li mat-tluq tagħhom kellhom piż ta’ bejn 5.7 u 90 tunnellata.

13      L-iskeda ta’ tariffi tal-ajruport ta’ Frankfurt-Hahn tal-2006 hija bbażata fuq skala stabbilita fid-dawl tan-numru ta’ passiġġieri ttrasportati kull sena minn kumpannija tal-ajru minn dan l-ajruport, b’firxa bejn EUR 5.35 għal numru inqas minn 100 000 passiġġier fis-sena u EUR 2.24 applikabbli minn 3 miljun passiġġier ’il fuq. Din l-iskeda tissuġġetta, barra minn hekk, l-eżenzjoni mit-tariffi tal-inżul u tat-tluq, kif ukoll minn dawk marbuta mal-provvista ta’ servizzi ta’ navigazzjoni tal-ajru u ta’ servizzi ta’ assistenza tal-art, għall-kundizzjoni li t-tul tas-servizzi ta’ assistenza tal-art ma jaqbiżx 30 minuta. L-imsemmija skeda tipprovdi wkoll għall-għoti ta’ “għajnuna għall-kummerċjalizzazzjoni” għall-ftuħ ta’ rotot tal-ajru ġodda. L-ammont ta’ din l-għajnuna huwa ddeterminat fid-dawl tal-volum totali ta’ passiġġieri ttrasportati mill-kumpannija tal-ajru kkonċernata. Ryanair ibbenefikat minn din l-għajnuna.

14      Peress li qieset li l-prattiki kummerċjali implementati minn FFH kienu jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat mhux notifikata lill-Kummissjoni u għalhekk mogħtija bi ksur tal-Artikolu 108(3) TFUE, Lufthansa aġixxiet, fis-26 ta’ Novembru 2006, quddiem il-Landgericht Bad Kreuznach (il-Ġermanja) b’talba għal ordni ta’ rkupru tal-ammonti mħallsa lil Ryanair, bħala “għajnuna għall-kummerċjalizzazzjoni” matul is-snin 2002 sa 2005, u ta’ dawk li jikkorrispondu għat-tnaqqis tat-tariffi tal-ajruport li minnu Ryanair ibbenefikat fl-2003 minħabba l-applikazzjoni tal-iskeda tal-2001, kif ukoll għall-waqfien ta’ kull għajnuna li minnha Ryanair tibbenefika.

15      Peress li t-talba tagħha ġiet miċħuda, Lufthansa appellat quddiem l-Oberlandesgericht Koblenz. Peress li l-appell tagħha ma rnexxiex, hija ressqet appell għal “Reviżjoni” quddiem il-Bundesgerichtshof. B’sentenza tal-10 ta’ Frar 2011, il-Bundesgerichtshof annullat is-sentenza tal-Oberlandesgericht Koblenz u bagħtet lura l-kawża quddiem din tal-aħħar sabiex jiġi ddeterminat jekk l-Artikolu 108(3) TFUE kienx inkiser.

16      Permezz ta’ deċiżjoni tas-17 ta’ Ġunju 2008, il-Kummissjoni fetħet il-proċedura ta’ investigazzjoni formali fis-sens tal-Artikolu 108(2) TFUE, fir-rigward tal-għajnuna mill-Istat possibbilment mogħtija mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja lil FFH u lil Ryanair (ĠU 2009, C 85, p. 1). Fost il-miżuri koperti minn din id-deċiżjoni jidhru t-tnaqqis tat-tariffi tal-ajruport kif ukoll id-dispożizzjonijiet fil-qasam tal-għajnuna għall-kummerċjalizzazzjoni favur Ryanair. F’din id-deċiżjoni, il-Kummissjoni waslet għall-konklużjoni preliminari li kull waħda mill-miżuri kkonċernati kienet selettiva u kienet tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, kemm-il darba tali miżura ma kinitx tissodisfa l-prinċipju tal-investitur privat. Fir-rigward ta’ dan il-prinċipju, il-Kummissjoni rrilevat li, fuq il-bażi tal-informazzjoni li hija kellha fil-mument tal-adozzjoni tad-deċiżjoni tas-17 ta’ Ġunju 2008, it-tariffi tal-ajruport imħallsa minn Ryanair ma kinux suffiċjenti sabiex ikopru l-ispejjeż sostnuti minn FFH.

17      Għalhekk, l-Oberlandesgericht Koblenz bagħtet lill-Kummissjoni talba għal opinjoni skont il-punt 3.2 tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-infurzar tal-liġi dwar l-għajnuna mill-Istat mill-qrati nazzjonali (ĠU 2009, C 85, p. 1). Fl-opinjoni tagħha, il-Kummissjoni indikat li ma kienx neċessarju għall-Oberlandesgericht Koblenz li tevalwa hija stess jekk il-miżuri inkwistjoni setgħux jiġu kklassifikati bħala għajnuna mill-Istat, peress li hija setgħet tibbaża ruħha fuq id-deċiżjoni tagħha tas-17 ta’ Ġunju 2008 sabiex tiddeduċi minnha l-konsegwenzi kollha li jirriżultaw mill-ksur tal-artikolu 108(3) TFUE. Dwar il-mertu, il-Kummissjoni speċifikat li l-miżuri inkwistjoni kienu kemm imputabbli lill-Istat kif ukoll selettivi.

18      Peress li qieset, madankollu, li kien il-kompitu tagħha li tiddetermina jekk il-miżuri inkwistjoni jikkostitwixxux għajnuna mill-Istat u peress li kellha, b’mod partikolari, dubji fir-rigward tan-natura selettiva ta’ dawn il-miżuri, l-Oberlandesgericht Koblenz iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)       Deċiżjoni tal-Kummissjoni li tiftaħ proċedura ta’ investigazzjoni formali skont it-tieni sentenza tal-Artikolu 108(3) TFUE, li ma hijiex ikkontesta, għandha bħala konsegwenza li qorti nazzjonali li quddiemha titressaq talba għall-irkupru ta’ ħlasijiet effettwati u għat-terminazzjoni ta’ kull ħlas hija marbuta bl-opinjoni espressa mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni tal-ftuħ f’dak li jirrigwarda l-kwistjoni dwar jekk il-miżura kkontestata tistax tiġi kkwalifikata bħala għajnuna?

2)       F’każ ta’ risposta negattiva għall-ewwel domanda:

Meta impriża pubblika, kif mifhum fl-Artikolu 2(b)(i) tad-Direttiva 2006/111/KE tal-Kummissjoni, tas-16 ta’ Novembru 2006, dwar it-trasparenza tar-relazzjonijiet finanzjarji bejn l-Istati Membri u l-impriżi pubbliċi kif ukoll dwar it-trasparenza finanzjarja fi ħdan ċerti impriżi (ĠU 2008, L 348M, p. 906), topera ajruport, il-miżuri adottati minn din l-impriża jistgħu jkunu kkwalifikati, taħt ir-regolamenti dwar l-għajnuna mill-Istat, bħala miżuri selettivi skont it-tifsira tal-Artikolu 107(1) TFUE sempliċement minħabba li dawn jibbenefikaw biss lil dawk l-impriżi tat-trasport bl-ajru li jużaw l-ajruport?

3)       F’każ ta’ risposta negattiva għat-tieni domanda:

a)      Il-kriterju tas-selettività għandu jiġi kkunsidrat bħala mhux sodisfatt meta l-impriża pubblika li topera ajruport tagħti, b’mod trasparenti, l-istess kundizzjonijiet lill-kumpanniji tal-ajru kollha li jagħżlu li jiddeċiedu li jużaw l-ajruport?

b)      Dan huwa wkoll il-każ meta min jopera l-ajruport ikun għażel mudell kummerċjali speċifiku (f’dan il-każ: kooperazzjoni mal-kumpanniji tal-ajru low cost) u meta l-kundizzjonijiet għall-użu, adattati għal dawn il-klijenti, ma jiġbdux bl-istess mod lill-kumpanniji kollha tal-ajru?

c)      Fi kwalunkwe każ, miżura għandha tiġi kkunsidrata bħala selettiva meta kumpannija tal-ajru tirrappreżenta t-traffiku prinċipali ta’ passiġġieri tal-ajruport għal numru ta’ snin?”

 Fuq id-domandi preliminari

 Fuq l-ammissibbiltà

19      Lufthansa tikkontesta l-ammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari minħabba li d-deċiżjoni tar-rinviju ma hijiex suffiċjentement motivata u ma tesponix b’mod dettaljat il-kuntest fattwali tat-tilwima fil-kawża prinċipali.

20      F’dan ir-rigward, jeħtieġ li jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, in-neċessità li tingħata interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni li tkun utli għall-qorti nazzjonali teħtieġ li din tiddefinixxi l-kuntest fattwali u leġiżlattiv li taħtu jaqgħu d-domandi li hija tagħmel jew li, għall-inqas, tispjega ċ-ċirkustanzi fattwali li fuqhom dawn id-domandi huma bbażati (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-31 ta’ Jannar 2008, Centro Europa 7, C‑380/05, Ġabra p. I‑349, punt 57 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tal-11 ta’ Marzu 2010, Attanasio Group, C-384/08, Ġabra p. I-2055, punt 32). Dawn ir-rekwiżiti japplikaw, b’mod partikolari, fil-qasam tal-kompetizzjoni, li huwa kkaratterizzat minn sitwazzjonijiet ta’ fatt u ta’ dritt kumplessi (ara, f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenzi tas-26 ta’ Jannar 1993, Telemarsicabruzzo et, C‑320/90 sa C‑322/90, Ġabra p. I-393, punt 7, kif ukoll Attanasio Group, iċċitata iktar ’il fuq, punt 32 u l-ġurisprudenza ċċitata).

21      Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, huwa importanti wkoll li l-qorti nazzjonali tindika r-raġunijiet speċifiċi li wassluha sabiex tistaqsi lilha nfisha dwar l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni u sabiex tqis li huwa neċessarju li tagħmel domandi preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja (ara, f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenza tas-6 ta’ Diċembru 2005, ABNA et, C‑453/03, C‑11/04, C‑12/04 u C‑194/04, Ġabra p. I‑10423, punt 46 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll id-digriet tal-20 ta’ Jannar 2011, Chihabi et, C‑432/10, punt 22).

22      Fil-każ ineżami, għandu jiġi kkonstatat li d-deċiżjoni tar-rinviju tinkludi l-punti ta’ fatt u ta’ dritt li jippermettu kemm lill-Qorti tal-Ġustizzja tipprovdi risposti utli lill-qorti tar-rinviju kif ukoll lill-gvernijiet tal-Istati Membri u lill-partijiet interessati l-oħra jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom skont l-Artikolu 23 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea. Barra minn hekk, ir-raġunijiet li wasslu lill-qorti tar-rinviju tagħmel domandi preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja ġew indikati b’mod ċar fid-deċiżjoni tar-rinviju.

23      Għaldaqstant, it-talba għal deċiżjoni preliminari hija ammissibbli.

 Fuq l-ewwel domanda

24      Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk, meta, skont l-Artikolu 108(3) TFUE, il-Kummissjoni tkun fetħet il-proċedura ta’ investigazzjoni formali prevista fil-paragrafu 2 ta’ dan l-artikolu fir-rigward ta’ miżura tal-Istat mhux innotifikata li tkun fi stadju ta’ implementazzjoni, qorti nazzjonali, adita b’talba għall-waqfien tal-implementazzjoni ta’ din il-miżura u għall-irkupru tal-ammonti diġà mħallsa, hijiex marbuta tiddeduċi l-konsegwenzi ta’ ksur eventwali tal-obbligu ta’ sospensjoni tal-eżekuzzjoni tagħha.

25      L-Artikolu 108(3) TFUE jistabbilixxi kontroll preventiv fuq il-proġetti ta’ għajnuna ġdida (sentenzi tal-11 ta’ Diċembru 1973, Lorenz, 120/73, Ġabra p. 1471, punt 2, kif ukoll tat-12 ta’ Frar 2008, CELF u Ministre de la Culture et de la Communication, iktar ’il quddiem is-“sentenza CELF I”, C‑199/06, Ġabra p. I‑469, punt 37).

26      Il-prevenzjoni organizzata b’dan il-mod tipprevedi li tkun biss l-għajnuna kompatibbli li tiġi implementata. Sabiex jintlaħaq dan l-għan, l-implementazzjoni ta’ proġett ta’ għajnuna għandha tiġi ddifferita sakemm id-dubju dwar il-kompatibbiltà tiegħu jitneħħa permezz ta’ deċiżjoni finali min-naħa tal-Kummissjoni (sentenza CELF I, iċċitata iktar ’il fuq, punt 48).

27      L-implementazzjoni ta’ din is-sistema ta’ kontroll tinvolvi, minn naħa, għall-Kummissjoni u, min-naħa l-oħra, għall-qrati nazzjonali, ir-rwoli rispettivi tagħhom li huma kumplimentari iżda distinti (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-11 ta’ Lulju 1996, SFEI et, C-39/94, Ġabra p. I-3547, punt 41; tal-21 ta’ Ottubru 2003, van Calster et, C-261/01 u C‑262/01, Ġabra p. I-12249, punt 74, kif ukoll tal-5 ta’ Ottubru 2006, Transalpine Ölleitung in Österreich et, C-368/04, Ġabra p. I-9957, punti 36 u 37).

28      Filwaqt li l-evalwazzjoni tal-kompatibbiltà ta’ miżuri ta’ għajnuna mas-suq intern taqa’ taħt il-kompetenza esklużiva tal-Kummissjoni, li hija suġġetta għal stħarriġ mill-qrati tal-Unjoni, il-qrati nazzjonali għandhom jiżguraw il-protezzjoni, sad-deċiżjoni finali tal-Kummissjoni, tad-drittijiet tal-individwi fil-każ ta’ ksur eventwali, mill-awtoritajiet tal-Istat, tal-projbizzjoni prevista fl-Artikolu 108(3) TFUE (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq van Calster et, punt 75, kif ukoll Transalpine Ölleitung in Österreich et, punt 38).

29      L-intervent tal-qrati nazzjonali huwa r-riżultat tal-effett dirett irrikonoxxut tal-projbizzjoni tal-implementazzjoni ta’ proġetti tal-għajnuna preskritta fl-aħħar sentenza tal-Artikolu 108(3) TFUE. F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li l-applikabbiltà immedjata tal-projbizzjoni tal-implementazzjoni msemmija f’din id-dispożizzjoni testendi għal kull għajnuna li tkun ġiet implementata mingħajr ma kienet notifikata (sentenzi Lorenz, iċċitata iktar ’il fuq, punt 8; tal-21 ta’ Novembru 1991, Fédération nationale du commerce extérieur des produits alimentaires u Syndicat national des négociants et transformateurs de saumon, iktar ’il quddiem is-“sentenza FNCE”, C‑354/90, Ġabra p. I-5505, punt 11, kif ukoll SFEI et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 39).

30      Il-qrati nazzjonali għandhom jiżguraw lill-individwi li jiġu dedotti l-konsegwenzi kollha ta’ ksur tal-aħħar sentenza tal-Artikolu 108(3) TFUE, skont id-dritt nazzjonali tagħhom, fir-rigward kemm tal-validità tal-atti ta’ implementazzjoni kif ukoll tal-irkupru tas-sostenn finanzjarju mogħti bi ksur ta’ din id-dispożizzjoni jew ta’ miżuri provviżorji eventwali (sentenzi ċċitati iktar ’il fuq FNCE, punt 12, kif ukoll SFEI et, punt 40).

31      L-għan tal-involviment tal-qrati nazzjonali huwa, għalhekk, li jadottaw il-miżuri xierqa sabiex tiġi rrimedjata l-illegalità tal-implementazzjoni tal-għajnuna, sabiex il-benefiċjarju ma jibqax ikollu tali għajnuna għad-dispożizzjoni libera tiegħu matul iż-żmien li jkun għad baqa’ sad-deċiżjoni tal-Kummissjoni (sentenza tal-11 ta’ Marzu 2010, CELF u ministre de la Culture et de la Communication, imsejħa “CELF II”, C-1/09, Ġabra p. I-2099, punt 30).

32      Il-ftuħ mill-Kummissjoni tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali prevista fl-Artikolu 108(2) TFUE ma tistax għalhekk teżonera lill-qrati nazzjonali mill-obbligu tagħhom li jipproteġu d-drittijiet tal-individwi fil-konfront ta’ ksur eventwali tal-Artikolu 108(3) TFUE (sentenza SFEI et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 44).

33      Madankollu, il-portata ta’ dan l-obbligu tista’ tvarja skont jekk il-Kummissjoni tkunx fetħet il-proċedura ta’ investigazzjoni formali fir-rigward tal-miżura inkwistjoni fil-kawża quddiem il-qorti nazzjonali.

34      Fil-każ li l-Kummissjoni ma tkunx għadha fetħet il-proċedura ta’ investigazzjoni formali u ma tkunx għalhekk ippronunzjat ruħha fuq il-kwistjoni ta’ jekk il-miżuri eżaminati jistgħux jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat, il-qrati nazzjonali, meta aditi b’talba sabiex jiġu dedotti l-konsegwenzi ta’ ksur eventwali tal-aħħar sentenza tal-Artikolu 108(3) TFUE, jista’ jkollhom jinterpretaw u japplikaw il-kunċett ta’ għajnuna bil-għan li jiddeterminaw jekk dawn tal-aħħar kellhomx jiġu nnotifikati lill-Kummissjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza SFEI et, iċċitata iktar ’il fuq, punti 49 u 53 u kif ukoll il-punt 1 tad-dispożittiv). Huwa wkoll il-kompitu tagħhom li jivverifikaw, b’mod partikolari, jekk il-miżura inkwistjoni tikkostitwixxix vantaġġ u jekk din hijiex selettiva, jiġifieri jekk din tiffavorixxix ċerti impriżi jew ċerti produtturi fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE (sentenza Transalpine Ölleitung in Österreich et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 39).

35      Fil-fatt, l-obbligu ta’ notifika u l-projbizzjoni tal-implementazzjoni previsti fl-Artikolu 108(3) TFUE jikkonċernaw il-proġetti li jistgħu jiġu kklassifikati bħala għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE. Għaldaqstant, qabel ma jiddeduċu l-konsegwenzi ta’ ksur eventwali tal-aħħar sentenza tal-Artikolu 108(3) TFUE, il-qrati nazzjonali għadhom qabelxejn jiddeċiedu l-kwistjoni ta’ jekk il-miżuri inkwistjoni jikkostitwixxux għajnuna mill-Istat.

36      Fil-każ li l-Kummissjoni tkun diġà fetħet il-proċedura ta’ investigazzjoni formali prevista fl-Artikolu 108(2) TFUE, għandu jiġi eżaminat liema huma l-miżuri li għandhom jittieħdu mill-qrati nazzjonali.

37      Filwaqt li huwa veru li l-evalwazzjonijiet magħmula fid-deċiżjoni li tinfetaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali huma ta’ natura preliminari, dan il-fatt ma jimplikax li din ma għandhiex effetti legali.

38      F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li, fil-każ li l-qrati nazzjonali jkunu jistgħu jqisu li miżura ma tikkostitwixxix għajnuna fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE u, għaldaqstant, ma jissospendux l-implementazzjoni tagħha, meta l-Kummissjoni tkun ikkonstatat, fid-deċiżjoni tagħha li tiftaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali, li din il-miżura jista’ jkollha elementi ta’ għajnuna, l-effettività tal-Artikolu 108(3) TFUE tiġi ppreġudikata.

39      Fil-fatt, minn naħa, jekk l-evalwazzjoni preliminari tan-natura ta’ għajnuna tal-miżura inkwistjoni, magħmula fid-deċiżjoni li tinfetaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali, tiġi eventwalment ikkonfermata fid-deċiżjoni finali tal-Kummissjoni, il-qrati nazzjonali jkunu naqsu milli jwettqu l-obbligu tagħhom, taħt l-Artikoli 108(3) TFUE u 3 tar-Regolament Nru 659/1999, li jissospendu l-implementazzjoni ta’ kull proġett ta’ għajnuna sal-adozzjoni tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni dwar il-kompatibbiltà ta’ dan il-proġett mas-suq intern.

40      Min-naħa l-oħra, anki jekk, fid-deċiżjoni finali tagħha, il-Kummissjoni kellha tikkonkludi li ma kienx hemm elementi ta’ għajnuna, l-għan ta’ prevenzjoni li huwa l-bażi tas-sistema ta’ kontroll tal-għajnuna mill-Istat stabbilit mit-Trattat FUE u msemmi fil-punti 25 u 26 ta’ din is-sentenza jipprevedi li, wara d-dubju mqajjem fid-deċiżjoni li tinfetaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali fir-rigward tan-natura ta’ għajnuna ta’ din il-miżura u l-kompatibbiltà tagħha mas-suq intern, l-implementazzjoni tagħha għandha tiġi ddifferita sakemm dan id-dubju jitneħħa permezz tad-deċiżjoni finali tal-Kummissjoni.

41      Għandu wkoll jiġi enfasizzat li l-applikazzjoni tar-regoli tal-Unjoni fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat hija bbażata fuq obbligu ta’ kooperazzjoni leali bejn, minn naħa, il-qrati nazzjonali, u, min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni u l-qrati tal-Unjoni, li fil-kuntest tiegħu kull waħda minnhom taġixxi skont ir-rwol mogħti lilha mit-Trattat. Fl-ambitu ta’ din il-kooperazzjoni, il-qrati nazzjonali għandhom jieħdu kull miżura ġenerali jew partikolari xierqa sabiex jiżguraw l-implementazzjoni tal-obbligi li joħorġu mid-dritt tal-Unjoni u joqogħdu lura minn dawk li jistgħu jqiegħdu f’perikolu l-kisba tal-għanijiet tat-Trattat, kif joħroġ mill-Artikolu 4(3) TUE. Għalhekk, il-qrati nazzjonali għandhom, b’mod partikolari, joqogħdu lura milli jieħdu deċiżjonijiet li jmorru kontra deċiżjoni tal-Kummissjoni, anki jekk din tkun ta’ natura provviżorja.

42      Konsegwentement, meta l-Kummissjoni tkun fetħet il-proċedura ta’ investigazzjoni formali fir-rigward ta’ miżura fi stadju ta’ implementazzjoni, il-qrati nazzjonali huma obbligati li jadottaw il-miżuri kollha neċessarji sabiex jiġu dedotti l-konsegwenzi ta’ ksur eventwali tal-obbligu ta’ sospensjoni tal-implementazzjoni ta’ din il-miżura.

43      Għal dan il-għan, il-qrati nazzjonali jistgħu jiddeċiedu li jissospendu l-implementazzjoni tal-miżura inkwistjoni u li jordnaw l-irkupru tal-ammonti diġà mħallsa. Huma jistgħu wkoll jiddeċiedu li jordnaw miżuri provviżorji sabiex jissalvagwardjaw, minn naħa, l-interessi tal-partijiet ikkonċernati u, min-naħa l-oħra, l-effettività tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tiftaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali.

44      Meta dawn ikollhom dubji dwar jekk il-miżura inkwistjoni tikkostitwixxix għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE jew dwar il-validità jew l-interpretazzjoni tad-deċiżjoni li tinfetaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali, il-qrati nazzjonali jistgħu, minn naħa, jitolbu lill-Kummissjoni għal kjarifiki u, min-naħa l-oħra, huma jistgħu jew għandhom, skont it-tieni u t-tielet paragrafi tal-Artikolu 267 TFUE, kif interpretati mill-Qorti tal-Ġustizzja, iressqu domanda preliminari quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja (ara, f’dan is-sens, fir-rigward tar-rinviji għal deċiżjoni preliminari dwar evalwazzjoni tal-validità fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat, is-sentenza tal-10 ta’ Jannar 2006, Cassa di Risparmio di Firenze et, C‑222/04, Ġabra p. I-289, punti 72 sa 74).

45      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, hemm lok li għall-ewwel domanda tingħata r-risposta li:

–        Meta, skont l-Artikolu 108(3) TFUE, il-Kummissjoni tkun fetħet il-proċedura ta’ investigazzjoni formali prevista fil-paragrafu 2 tal-istess artikolu fir-rigward ta’ miżura mhux notifikata li tkun fi stadju ta’ implementazzjoni, qorti nazzjonali, adita b’talba għall-waqfien tal-implementazzjoni ta’ din il-miżura u għall-irkupru tal-ammonti diġà mħallsa, hija marbuta tadotta l-miżuri kollha neċessarji sabiex tiddeduċi l-konsegwenzi ta’ ksur eventwali tal-obbligu ta’ sospensjoni tal-implementazzjoni tal-istess miżura.

–        Għal dan il-għan, il-qorti nazzjonali tista’ tiddeċiedi li tissospendi l-implementazzjoni tal-miżura inkwistjoni u li tordna l-irkupru tal-ammonti diġà mħallsa. Hija tista’ tiddeċiedi wkoll li tordna miżuri provviżorji sabiex tissalvagwardja, minn naħa, l-interessi tal-partijiet ikkonċernati, u, min-naħa l-oħra, l-effettività tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tiftaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali.

–        Meta l-qorti nazzjonali jkollha dubji fuq il-punt dwar jekk il-miżura inkwistjoni tikkostitwixxix għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE jew fir-rigward tal-validità jew l-interpretazzjoni tad-deċiżjoni li tinfetaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali, hija tista’, minn naħa, titlob lill-Kummissjoni kjarifiki, u, min-naħa l-oħra, hija tista’ jew għandha, skont it-tieni u t-tielet paragrafi tal-Artikolu 267 TFUE, tagħmel domanda preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja.

 Fuq it-tieni u t-tielet domandi

46      Fid-dawl tar-risposta mogħtija għall-ewwel domanda, ma hemmx ħtieġa li tingħata risposta għat-tieni u għat-tielet domandi.

 Fuq l-ispejjeż

47      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

Meta, skont l-Artikolu 108(3) TFUE, il-Kummissjoni tkun fetħet il-proċedura ta’ investigazzjoni formali prevista fil-paragrafu 2 tal-istess artikolu fir-rigward ta’ miżura mhux notifikata li tkun fi stadju ta’ implementazzjoni, qorti nazzjonali, adita b’talba għall-waqfien tal-implementazzjoni ta’ din il-miżura u għall-irkupru tal-ammonti diġà mħallsa, hija marbuta tadotta l-miżuri kollha neċessarji sabiex tiddeduċi l-konsegwenzi ta’ ksur eventwali tal-obbligu ta’ sospensjoni tal-implementazzjoni tal-istess miżura.

Għal dan il-għan, il-qorti nazzjonali tista’ tiddeċiedi li tissospendi l-implementazzjoni tal-miżura inkwistjoni u li tordna l-irkupru tal-ammonti diġà mħallsa. Hija tista’ tiddeċiedi wkoll li tordna miżuri provviżorji sabiex tissalvagwardja, minn naħa, l-interessi tal-partijiet ikkonċernati, u, min-naħa l-oħra, l-effettività tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea li tiftaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali.

Meta l-qorti nazzjonali jkollha dubji fuq il-punt dwar jekk il-miżura inkwistjoni tikkostitwixxix għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE jew fir-rigward tal-validità jew l-interpretazzjoni tad-deċiżjoni li tinfetaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali, hija tista’, minn naħa, titlob lill-Kummissjoni Ewropea kjarifiki, u, min-naħa l-oħra, hija tista’ jew għandha, skont it-tieni u t-tielet paragrafi tal-Artikolu 267 TFUE, tagħmel domanda preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.

Firem


* Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.