Language of document :

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Is-Sitt Awla)

10 ta’ Settembru 2015 (*)

“Disinn Komunitarju – Proċedimenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità – Disinn Komunitarju rreġistrat li jirrappreżenta basktijiet tal-idejn – Disinn preċedenti – Raġuni għal invalidità – Karattru individwali – Artikolu 6 tar-Regolament (KE) Nru 6/2002 – Obbligu ta’ motivazzjoni”

Fil-Kawża T‑525/13,

H&M Hennes & Mauritz BV & Co. KG, stabbilita f’Hamburg (il-Ġermanja), irrappreżentata minn H. Hartwig u A. von Mühlendahl, avukati,

rikorrenti,

vs

L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI), irrappreżentat minn A. Folliard-Monguiral, bħala aġent,

konvenut,

il-parti l-oħra fil-proċedimenti quddiem il-Bord tal-Appell tal-UASI, intervenjenti quddiem il-Qorti Ġenerali, hija

Yves Saint Laurent SAS, stabbilita fi Pariġi (Franza), irrappreżentata minn N. Decker, avukat,

li għandha bħala suġġett rikors ippreżentat kontra d-deċiżjoni tat-Tielet Awla tal-Appell tal-UASI tat-8 ta’ Lulju 2013 (Kawża R 207/2012-3), dwar proċedimenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità bejn H&M Hennes & Mauritz BV & Co. KG u Yves Saint Laurent SAS,

IL-QORTI ĠENERALI (Is-Sitt Awla),

komposta minn S. Frimodt Nielsen, President, F. Dehousse u A. M. Collins (Relatur), Imħallfin,

Reġistratur: E. Coulon,

wara li rat ir-rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-30 ta’ Settembru 2013,

wara li rat ir-risposta tal-UASI ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-20 ta’ Jannar 2014,

wara li rat ir-risposta tal-intervenjenti ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-24 ta’ Jannar 2014,

wara li rat li l-partijiet ma ressqu l-ebda talba għal seduta fi żmien xahar min-notifika tal-għeluq tal-proċedura bil-miktub u għaldaqstant iddeċidiet, fuq rapport tal-Imħallef Relatur u skont l-Artikolu 135A tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali tat-2 ta’ Mejju 1991, li tiddeċiedi mingħajr il-fażi orali tal-proċeduri,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Fit-30 ta’ Ottubru 2006, l-intervenjenti Yves Saint Laurent SAS, ippreżentat applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ disinn Komunitarju (iktar ‘il quddiem id-“disinn ikkontestat”) lill-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI) skont ir-Regolament (KE) Nru 6/2002 tat-12 ta’ Diċembru 2001 dwar id-disinni Komunitarji (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti 2002, L 3, p. 1).

2        Id-disinn ikkontestat, intiż sabiex jiġi applikat għal “basktijiet tal-idejn”, fi ħdan il-klassi 03-01 skont il-Ftehim ta’ Locarno li jistabbilixxi Klassifika Internazzjonali għad-Disinni Industrijali tat-8 ta’ Ottubru 1968, kif emendat, huwa rappreżentat minn sitt ritratti kif ġej:

Image not found

3        Id-disinn ikkontestat ġie rreġistrat taħt in-numru 613294-0001 u ppublikat fil-Bullettin tad-disinni Komunitarji Nru 135/2006, tat-28 ta’ Novembru 2006.

4        Fit-3 ta’ April 2009, ir-rikorrenti H&M Hennes & Mauritz BV & Co. KG, ippreżentat lill-UASI applikazzjoni għan-nullità tad-disinn ikkontestat, ibbażata fuq l-Artikoli 4 sa 9 tar-Regolament Nru 6/2002 u kif ukoll l-Artikolu 25(1)(c) sa (f) jew (g) tal-istess Regolament. Fir-rikors tagħha għal annullament, ir-rikorrenti sostniet biss li d-disinn ikkontestat kien nieqes minn karattru individwali fis-sens tal-Artikolu 6 tar-regolament.

5        Insostenn tar-rikors tagħha għal annullament, ir-rikorrenti invokat, insostenn tal-allegat nuqqas ta’ karattru individwali tad-disinn ikkontestat, d-disinn preċedenti riprodott hawn taħt:

Image not found

6        B’deċiżjoni tal-4 ta’ Novembru 2011, id-Diviżjoni tal-Kanċellazjoni ċaħdet din l-applikazzjoni għal dikjarazzjoni ta’ invalidità.

7        Fil-25 ta’ Jannar 2012, ir-rikorrenti ppreżentat appell quddiem l-UASI, skont l-Artikoli 55 u 60 tar-Regolament Nru 6/2002, kontra d-deċiżjoni tad-Diviżjoni ta’ Kanċellazjoni.

8        Permezz ta’ deċiżjoni tat-8 ta’ Lulju 2013 (iktar il-quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”) it-Tielet Bord tal-Appell tal-UASI ċaħad l-appell. Wara li kkunsidra li d-dokumenti ppreżentati mir-rikorrenti kienu tat-tip li jipprova l-iżvelar pubbliku tal-basket tal-idejn kopert mid-disinn preċedenti, il-Bord tal-Appell eżamina l-karattru individwali tad-disinn ikkontestat. Huwaa ddeskriva l-utent avżat tal-imsemmi disinn bħala mara avżata, li kienet interessata, bħala utenti possibbli, fil-basktijiet tal-idejn. Skont il-Bord, iż-żewġ disinni inkwistjoni kellhom karatteristiċi komuni, b’mod partikolari il-kontorni superjuri tagħhom u l-mankijiet f’forma ta’ ċineg mehmuża mal-korp tal-basket permezz ta’ sistema ta’ ċrieki rinfurzati bir-rivets, iżda d-differenzi fil-forma, l-istruttura u l-finitura tas-superfiċi għandhom rwol ċentrali fl-impressjoni globali maħluqa minn dawn il-prodotti. F’dan ir-rigward, il-Bord tal-Appell ikkunsidra li l-grad ta’ libertà tad-disinjatur kienet wiesgħa, iżda f’dan il-każ hija ma tħassarx, mill-perspettiva tal-utent avżat, id-differenzi sinifikanti fil-forma, l-istruttura u l-finitura tas-superfiċi li jissepara ż-żewġ basktijiet.

 Konklużjonijiet tal-partijiet

9        Ir-rikorrenti titlob lill-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata,

–        tippronunzja n-nullità tad-disinn ikkontestat,

–        tikkundanna lill-intervjenenti għall-ispejjeż, inklużi dawk sostnuti quddiem il-Bord tal-Appell.

10      L-UASI titlob lil Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        Tiċħad ir-rikors;

–        Tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

11      L-intervenjenti jitlob lill-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad l-anness A.6 tar-rikors bħala inammissibbli ;

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkonferma d-deċiżjoni kkontestata ;

–        tiddikjara l-validità tad-disinn ikkontestat ;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjez inklużi dawk marbuta mal-proċedimenti quddiem l-UASI.

 Fid-drittt

12      Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tqajjem, essenzjalment motiv uniku, bbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 6 tar-Regolament 6/2002, li jinqasam f’żewġ fergħat. Fl-ewwel fergħa hija ssostni li d-deċiżjoni kkontestata kkonkludiet b’mod żbaljat mingħajr motivazzjoni suffiċjenti li l-grad għoli ta’ libertà tad-disinjatur ma kellu ebda effett fuq il-kostatazzjoni li d-disinn inkwistjoni jipproduċi impressjoni globali differenti fuq utent avżat. Fit-tieni fergħa, hija tallega li d-deċiżjoni kkontestata kkonkludiet b’mod żbaljat, li filwaqt li tirrikonoxxi l-grad għoli ta’ libertà tad-disinjatur, id-differenzi bejn id-disinni inkwistjoni kienu biżżejjed sinifikanti sabiex jipproduċu impressjoni globali differenti.

13      Skont l-ewwel fergħa tal-motiv uniku, ir-rikorrenti ssostni ilment li jallega nuqqas ta’ motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata. Il-Qorti Ġenerali tqis li huwa xieraq li teżamina b’mod separat l-ilment qabel ma jiġu eżaminati l-argumenti fuq il-mertu.

14      L-UASI u l-intervenjenti jikkontestaw l-argumenti tar-rikorrenti.

 Fuq l-ilment ibbażat fuq nuqqas ta’motivazzjoni

15      Għandu jiġi mfakkar li skont l-Artikolu 62 tar-Regolament Nru 6/2002, id-deċiżjonijiet tal-UASI għandhom ikunu motivati. Dan l-obbligu għandu l-istess portata bħal dak li jirriżulta mill-Artikolu 296 TFUE, skont liema raġunament l-awtur tal-att għandu jidher b’mod ċar u mhux ekwivoku. Dan l-obbligu għandu għan doppju: minn naħa waħda, li l-persuni kkonċernati li jkunu jafu ġ-ġustifikazzjonijiet tal-miżura meħuda sabiex ikunu jistgħu jiddefendu d-drittijiet tagħhom u, min-naħa l-oħra, li l-qorti tal-Unjoni tistħarreġ il-legalità tad-deċiżjoni. Madankollu, ma jistax ikun meħtieġ mill-Bordijiet tal-Appell sabiex jipprovdu spjegazzjoni li ssegwi b’mod eżawrjenti u wieħed wieħed l-argumenti esposti mill-partijiet quddiemhom. Il-motivazzjoni tista’ għaldaqstant tkun impliċita bil-kundizzjoni li hija tippermetti lil dawk ikkonċernati li jkunu jafu ġ-ġustifikazzjonijiet għaliex id-deċiżjoni tal-Bord tal-Appell ġiet adottata u għall-qorti kompetenti li jkollha biżżejjed materjal biex tistħarreġ il-każ [ara s-sentenza tal-25 ta’ April 2013, Bell & Ross vs UASI – KIN (Boitier de montre-bracelet), T-80/10, EU:T:2012:214, punt 37 u l-ġurisprudenza ċċitata].

16      Barra minn hekk, għandu jiġi mfakkar li l-obbligu ta’ motivazzjoni tad-deċiżjonijiet jikkostitwixxi forma proċedurali sostanzjali li għandha tiġi distinta mill-kwistjoni tal-fondatezza tal-motivi, peress illi din taqa’ taħt il-legalità sostantiva tal-att inkwistjoni. Fil-fatt, il-motivazzjoni ta’ deċiżjoni tikkonsisti fl-espressjoni formali tal-motivi li fuqhom hija bbażata din id-deċiżjoni. Jekk dawn il-motivi jkunu vvizzjati bi żbalji, dawn jivvizzjaw il-legalità sostantiva tad-deċiżjoni, iżda mhux il-motivazzjoni tagħha, li tista’ tkun suffiċjenti filwaqt li jkunu espressi motivi żbaljati. (ara s-sentenza Boîtier de montre-bracelet, punt 15 supra, EU:T:2013:214, punt 38 u l-ġurisprudenza ċċitata).

17      F’dan il-każ, jirriżulta mid-deċiżjoni kkontestata li l-Bord tal-Appell ikkunsidra li d-differenzi bejn id-disinni inkwistjoni kienu mmarkati b’tali mod li l-grad ta’ libertà tad-disinjatur ma jistax jaffettwa l-konklużjoni dwar l-impressjonijiet globali differenti prodotti minnhom. L-ewwel nett, il-Bord tal-Appell ikkunsidra fil-punt 42 tad-deċiżjoni kkontestata li “[kien] hemm ċerti karatteristiċi komuni bejn iż-żewġ mudelli ta’ basket [inkwistjoni] iżda [li] għar-raġunijiet mogħtija iktar kmieni [fil-punti 30 sa 34], id-differenzi fil-forma, l-istruttura u l-finitura tas-superfiċi tal-basktijiet [kienu] dawk li ddeterminaw l-impressjoni globali mill-perspettiva tal-utent avżat”. Imbagħad huwa fakkar fil-punt 44 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-grad ta’ libertà tad-disinjatur kien fattur li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni meta jiġi evalwat il-karattru individwali tad-disinn skont l-Artikolu 6(2) tar-Regolament 6/2002, li servew biex isaħħu jew jikkwalifikaw il-perċezzjoni tal-utent f’dan ir-rigward. Fl-aħħar nett, huwa rrikonoxxa, fil-punt 45 tal-istess deċiżjoni, li l-marġni ta’ libertà tad-disinjatur fil-kuntest ta’ artikoli tal-moda bħalma huma il-basktijiet tal-idejn, kien kbir, qabel li jindika li “dan ir-rikonoxximent ma jimplikax awtomatikament, kuntrarju kif qed tipprova tindika ir-[rikorrenti], li l-[mudell u disinn] tal-basket tal-idejn [ikkontestat] jipproduċi l-istess impressjoni globali li l-basket tal-idejn suġġett prinċipali tal-oġġett jew mudell [jew disinn] preċedenti”. Il-Bord qal li “[f]il-fatt, il-punt ta’ tluq għall-evalwazzjoni ta’ din l-impressjoni ġenerali taħt l-Artikolu 6(1) tar-[Regolament nru 6/2002 kienet] il-persuna ta’ l-utent avżat”, li “f’dan il-każ, dan il-marġini għoli ta’ libertà ma jħassarx, mill-perspettiva tal-utent avżat, id-differenzi sinifikanti fil-forma, l-istruttura u l-finitura tas-superfiċi li jissep[araw] iż-żewġ boroż” u li, “f’dan il-każ, għalhekk il-marġni wiesa’ ta’ libertà tad-disinjatur ma[kenitx] bl-ebda mod inkompatibbli [...] bil-konklużjoni li ż-żewġ basktijiet jippro[duċu] impressjoni globali differenti”.

18      Minn dan isegwi li, kuntrarjament għal dak li tallega r-rikorrenti, il-Bord tal-Appell stabbilixxa suffiċjentement b’mod ċar u inekwivoku r-raġunament li bih huwa kkunsidra li f’dan il-każ il-grad għoli ta’ libertà tad-disinjatur ma kellu ebda effett fuq il-konstatazzjoni li d-disinni inkwistjoni jipproduċu impressjoni globali differenti fuq l-utent avżat. L-ilment li l-motivazzjoni hija inadegwata, għalhekk, għandu jiġi miċħud bħala infondat.

 Dwar il-mertu

19      Iż-żewġ fergħat tal-motiv huma bbażati fuq allegati żbalji mwettqa mill-Bord tal-Appell fl-applikazzjoni tal-Artikolu 6 tar-Regolament 6/2002 fil-każ preżenti, il-Qorti Ġenerali tqis li huwa xieraq li dawn għandhom jiġu eżaminati flimkien.

20      Skont l-Artikolu 6(1)(b) tar-Regolament 6/2002, disinn Komunitarju rreġistrat għandu jitqies li jkollu karattru individwali jekk l-impressjoni ġenerali li jagħti lill-utent avżat tkun differenti mill-impressjoni ġenerali mogħtija lil dan l-utent minn kull disinn li jkun ġie żvelat lill-pubbliku qabel id-data tal-preżentata tal-applikazzjoni għal reġistrazzjoni jew, jekk ikun hemm talba għal prijorità, qabel id-data tal-prijorità. L-Artikolu 6(2) tal-istess-regolament jipprovdi li, fl-evalwazzjoni tal-karattru individwali, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni il-grad ta’ libertà tad-disinjatur fl-iżvilupp tad-disinn.

21      Jirriżulta mill-premessa 14 tar-Regolament 6/2002 li, meta jiġi evalwat il-karattru individwali ta’ disinn, għandu jirrifletti n-natura tal-prodott li għalih ikun applikat id-disinn jew li fih ikun integrat, u b’mod partikolari, is-settur industrijali li għalih jappartjeni u l-grad ta’ libertà tad-disinjatur fl-iżvilupp tad-disinn. F’dan il-każ, id-disinn ikkontestat, bħad-disinn preċedenti jirrappreżenta basket tal-idejn.

22      Barra minn hekk, jirriżulta mill-Artikolu 6(1)(b), tar-Regolament nru 6/2002, kif ukoll minn ġurisprudenza stabbilita li l-kunsiderazzjoni tal-karattru individwali ta’ disinn jew mudell jiddependi fuq l-impressjoni ġenerali li jħalli fuq utent avżat [ara s-sentenza tal-25 ta’ Ottubru 2013, Merlin e.a. vs UASI – Dusyma (Jeux), T‑231/10, EU:T:2013:560, punt 28 u l-ġurisprudenza ċċitata].

23      Fir-rigward tal-kunċett ta’ utent avżat, fir-rigward ta’ liema l-karattru individwali tad-disinn Komunitarju kkontestat għandu jiġi evalwat, il-Bord tal-Appell iddefinixxih, f’dan il-każ, bħala mara sofistikata li, tinteressa ruħha, bħala utenti eventwali, ta’ basktijiet tal-idejn.

24      Fir-rigward tal-livell ta’ attenzjoni tal-utent avżat, għandu jiġi mfakkar, kif iddikjara il-Bord tal-Appell, li skont il-ġurisprudenza, il-kunċett ta’ utent avżat jista’ jinftiehem bħala li jirreferi għal utent li ma huwiex dotat b’attenzjoni medja, iżda b’viġilanza speċjali, jew minħabba l-esperjenza personali tiegħu jew minħabba għarfien estensiv tiegħu tal-qasam ikkonċernat (sentenza tal-20 ta’ Ottubru 2011, PepsiCo vs Grupo Promer Mon Graphic, C‑281/10 P, Rec, EU:C:2011:679, punt 53).

25      Jirriżulta wkoll mill-ġurisprudenza li jekk l-utent avżat ma huwiex il-konsumatur normalment avżat u raġonevolment attent u avżat li normalment jara disinn fl-intier tiegħu u ma jwettaqx eżami tad-diversi dettalji tiegħu, huwa lanqas ma huwa l-espert jew il-bniedem tas-sengħa li huwa kapaċi li josserva fid-dettal id-differenzi minimi li jistgħu jeżistu bejn id-disinni kunfliġġenti. Id-definizzjoni “avżat” tissuġġerixxi barra minn hekk li, mingħajr ma jkun disinjatur jew espert tekniku, l-utent jkun jaf id-disinni differenti li jeżistu fil-qasam ikkonċernat, jiddisponi minn ċertu grad ta’ konoxxenza fir-rigward tal-elementi li dawn id-disinni jkun fihom normalment u, minħabba l-interess tiegħu fil-prodotti kkonċernati, juża livell ta’ attenzjoni relattivament ogħla meta jagħmel użu minnhom (sentenza PepsiCo vs Grupo Promer Mon Graphic, punt 24 supra, EU:C:2011:679, punt 59).

26      Il-Bord tal-Appell ikkunsidra li l-utent avżat f’dan il-każ ma kienx xerrej medju ta’ basktijiet tal-idejn u lanqas espert partikolarment attent, iżda profil intermedju familjari mal-prodott skont il-livell ta’ attenzjoni meħtieġa mill-ġurisprudenża ċċitata fil-punti 24 u 25 hawn fuq.

27      Ir-rikorrenti ma tikkontestax il-kostatazzjonijiet tal-Bord tal-Appell rigward id-definizzjoni u l-livell ta’ attenzjoni ta’ utent avżat, li għandha tapprova.

28      Fir-rigward tal-grad ta’ libertà tad-disinjatur ta’ disinn, jirriżulta mill-ġurisprudenza li hija definita minn, inter alia, il-limitazzjonijiet tal-karatteristiċi imposti mill-funzjoni teknika tal-prodott jew element tal-prodott, jew ukoll minn rekwiżiti statutorji applikabbli għall-prodott. Dawn ir-restrizzjonijiet iwasslu għal normalizzazzjoni ta’ ċerti karatteristiċi, isiru iktar komuni għal disinji applikati fuq il-prodott ikkonċernat [sentenzi tad-9 ta’ Settembru 2011, Kwang Yang Motor vs UASI – Honda Giken Kogyo (Magna tal-kombustjoni interna), T‑11/08, EU:T:2011:447, punt 32, u Boîtier de montre-bracelet, punt 15 supra, EU:T:2013:214, punt 112].

29      Għalhekk, iktar ma tkun kbira l-libertà tad-disinjatur fl-iżvilupp tad-disinn, inqas ikun probabbli li differenzi żgħar bejn id-disinni kunfliġġenti jkunu biżżejjed sabiex jagħtu impressjoni globali differenti lill-utent avżat. Bil-maqlub, iktar ma tkun ristretta l-libertà tad-disinjatur, inqas ikun probabbli li differenzi żgħar bejn id-disinni kunfliġġenti jkunu biżżejjed sabiex jagħtu impressjoni globali differenti lill-utent avżat. Għalhekk, grad għoli ta’ libertà tad-disinjatur fl-iżvilupp ta’ disinn isaħħaħ il-konklużjoni li d-disinni ma jippreżentawx differenzi sinifikanti u jipproduċu l-istess impressjoni globali fuq l-utent avżat (sentenzi Magna tal-kombustjoni interna, punt 28 supra, EU:T:2011:447, punt 33, u Boîtier de montre-bracelet, punt 15 supra, EU:T:2013:214, punt 113).

30      F’dan il-każ, il-Bord tal-Appell ġustament ikkonkluda li, fil-kuntest ta’ oġġetti tal-moda bħal basktijiet tal-idejn, il-marġni tal-libertà tad-disinjatur kien kbir. Barra minn hekk, ir-rikorrenti ma tikkontestax l-evalwazzjoni. Madankollu, hija targumenta, essenzjalment, li l-Bord tal-Appell żbalja meta ddeċieda li l-kriterju “libertà tad-disinjatur” għandu jkun parti mill-analiżi tal-karattru individwali tad-disinn ikkontestat u li kien jaqleb l-istadji ta’ dan il-proċess. Għalhekk l-approċċ tiegħu kien jikkonsisti fl-ewwel stadju, li jqabbel iż-żweġ disinni inkwistjoni biex jikkonkludi li dawn ma jipproduċux l-istess impressjoni globali fuq l-utent avżat u, fit-tieni stadju, li jeżamina li l-ilment taħt il-libertà tad-disinjatur kienu ser jirriżultaw żbaljati. Barra minn hekk, id-differenzi bejn id-disinni inkwistjoni ma humiex sinifikanti biżżejjed biex joħolqu impressjoni globali differenti fuq l-utent avżat.

31      L-ewwel nett, huwa ċar li r-raġunament f’żewġ stadji, kif rakkomandat mir-rikorrenti ma huwiex meħtieġ kemm bir-regolament kif ukoll b’ġurisprudenza.

32      Fil-fatt, il-formulazzjoni tal-Artikolu 6 tar-Regolament nru 6/2002, li jikkonċerna l-evalwazzjoni tal-karattru individwali, jgħid fil-paragrafu 1 tiegħu, li l-kriterju tal-impressjoni globali prodotta mid-disinni kunfliġġenti u jiddikjara, fil-paragrafu 2, li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-grad ta’ libertà tad-disinjatur għal dawn il-finijiet (ara paragrafu 20 hawn fuq). Skont dawn id-dispożizzjonijiet, b’mod partikolari l-Artikolu 6(1)(b) tar- Regolament nru 6/2002, l-apprezzament tal-karattru individwali ta’ disinn Komunitarju għandu jipproċedi, essenzjalment, b’ reviżjoni f’erba’ passi. Din ir-reviżjoni hija li tiddetermina, fl-ewwel lok, is-settur tal-prodott li fih id-disinn ikun maħsub li jiġi inkorporat jew li miegħu jkun maħsub li jiġi applikat, fit-tieni lok, l-utent avżat ta’ tali prodott skont l-iskop tagħhom u, b’referenza għall-utent avżat, il-grad ta’ għarfien ta’ arti preċedenti u l-livell ta’ attenzjoni fit-tqabbil, dirett jekk possibbli, tad-disinni, fit-tielet lok, il-grad ta’ libertà tad-disinjatur fl-iżvilupp tad-disinn u fir-raba’ lok, ir-riżultat tat-tqabbil tad-disinni inkwistjoni, wara li jittieħed kont tal-qasam ikkonċernat, il-grad ta’ libertà tad-disinjatur u tal-impresssjoni ġenerali prodotta fuq l-utent avżat mid-disinn ikkontestat u għal kull disinn preċedenti magħmul pubbliku [ara, f’dan is-sens, sentenza tas-7 ta’ Novembru 2013 Budziewska vs UASI – Puma (leaping feline), T‑666/11, EU:T:2013:584, punt 21 u l-ġurisprudenza ċċitata].

33      Kif jirriżulta mill-ġurisprudenza u dik iċċitata fil-punt 29 hawn fuq u invokata mir-rikorrenti nnifisha, il-fattur relatat mal-grad ta’ libertà tad-disinjatur jista’ “jsaħħaħ” (jew, għall-kuntrarju jdgħajjef) il-konklużjoni fuq l-impressjoni ġenerali ta’ kull disinn inkwistjoni. Dan ma jfissirx li la l-iskema allegata identifikata mir-rikorrenti f’din il-ġurisprudenza u lanqas l-estratt tas-sentenza tal-Bundesgerichtshof (Qorti Federali tal-Ġustizzja tal-Ġeremanja) riprodott fil-punt 29 tar-rikors li l-evalwazzjoni tal-grad ta’ libertà tad-disinjatur huwa stadju preliminarju u astratt li jqabblu l-impressjoni globali prodotta minn kull disinn inkwistjoni.

34      Huwa wkoll xieraq li tirrifjuta l-allegazzjonijiet kollha mqajma fil-punt 33 tar-rikors u għall-punt 44 tad-deċiżjoni kkontestata. Dawn il-pretensjonijiet huma bbażati parzjalment fuq qari żbaljat ta’ dan il-punt u dawn huma, fi kwalunkwe każ, mhux sostanzjati. Il-Bord tal-Appell ikkonstata li hemm dawn li ġejjin:

“ Fir-rigward tal-grad ta’ libertà tad-disinjatur, il-Bord ifakkar li huwa fattur li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni taħt l-Artikolu 6 tar-[Regolament nru 6/2002] fuq l-evalwazzjoni ta’ karattru individwali. Ma hemmx, madankollu, l-ebda “reċiproċità, strettament u lanqas awtomazzjoni. Fis-sentenza [Magna ta’ kombustjoni interna, punt 28 hawn fuq, EU:T:2011:447] iċċitata mir-[rikorrenti] insostenn tal-argument tagħha, il-Qorti Ġenerali iddikjarat li grad għoli ta’ libertà tad-disinjatur fl-iżvilupp ta’ disinn “isaħħaħ” il-konklużjoni li d-disinji ma jipprezentawx differenzi sinifikanti u jipproduċu l-istess impressjoni globali fuq l-utent avżat [...] il-grad ta’ libertà ma jistax għalhekk waħdu, jiipproduċi riżultati dwar l-evalwazzjoni tal-karattru individwali. Din l-evalwazzjoni għandha, fil-fatt, tkun ibbażata fuq l-impressjoni ġenerali kif iddikjarat fl-Artikolu 6(1) tar-[Regolament nru 6/2002]. Jekk huwa veru, għalhekk, li din għandha tiġi minħabba l-marġni ta’ libertà tad-disinjatur, il-punt ta’ tluq tal-evalwazzjoni tal-karattru individwali tal-mudell għandu, fi kwalunkwe każ, ikun il-perċezzjoni tal-utent avżat. Fi kliem ieħor, il-grad ta’ libertà tad-disinjatur huwa li jservi sabiex jimmodera deċiżjoni – fis-sens, kif iddikjarat mill-Qorti Ġenerali, li jsaħħaħ jew, għall-kuntrarju, li jdgħajjef – miksuba fuq il-bażi tal-perċezzjoni tal-utent avżat. Il-grad ta’ libertà tad-disinjatur ma huwiex, kuntrarjament għal dak li jidher li jaffermaw ir-[rikorrenti], il-punt tat-tluq għall-evalwazzjoni tal-karattru individwali, iżda kif indikat fl-Artikolu 6(2) tar-[Regolament nru 6/2002] aspett li għandu ‘jittieħed inkunsiderazzjoni’ meta jiġu analizzati l-perċezzjoni tal-utent avżat.”

35      Dan mingħajr ma jiġi kommess l-iżball li l-Bord tal-Appell iddikjara li l-fattur relatat mal-libertà tad-disinjatur fih innifsu ma jikkundizzjonax l-evalwazzjoni tal-karattru individwali tad-disinn, iżda li, madankollu, kien hemm element li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni f’din l-evalwazzjoni. Għalhekk, hija kkunsidrat, ġustament, li dan l-element kien fattur li jitħallew jikkwalifikaw l-evalwazzjoni tal-karattru individwali tad-disinn ikkontestat, iktar minn fattur waħdu jiddetermina d-distanza meħtieġa bejn żewġ disinni jew mudelli biex wieħed minnhom kellu karattru individwali.

36      Fit-tieni lok, fir-rigward tal-paragun tal-impressjonijiet globali prodotti mid-disinn ikkontestat u d-disinn preċedenti, il-Bord tal-Appell irrileva, fil-punt 30 tad-deċiżjoni kkontestata, li dawn kienu differenti mit-tliet karatteristiċi li definittivament influwenzaw l-aspett viżiv globali tagħhom, jiġifieri l-forma ġenerali, l-istruttura u l-finitura tas-superfiċi tal-basket.

37      L-ewwel nett, il-Bord irrileva li l-korp tad-disinn ikkontestat kellu forma notevoli rettangolari minħabba l-preżenza ta’ tliet linji dritti li kkaratterizzaw dawn il-ġnub u l-bażi tal-basket, li tawh l-impressjoni ta’ oġġett relitivament angolat. Madankollu, il-korp tad-disinn jew mudell preċedenti kien, skont huwa, il-ġenb u l-bażi fit-tond u l-impressjoni tat-tond jiddomina l-figura tagħha. Sussegwentement, il-Bord tal-Appell ikkunsidra li l-korp tad-disinn ikkontestat ġie ppreżentat bħala magħmul minn biċċa ġilda sħiħa, mingħajr qtugħ jew ħjata li jidhru, minbarra biċċa żgħira fil-kantunieri fin-naħa t’isfel tal-basket. Madankollu, is-superfiċi tal-korp tad-disinn preċedenti kien, skont hija, maqsum fi tliet porzjonijiet mill-ħjata, jiġifieri porzjon ta’ fuq mgħawwġa, u ż-żewġ porzjonijiet t’isfel tal-istess daqs, delimitati minn ħjata vertikali. Fl-aħħar nett, il-Bord tal-Appell iddikjara li l-finitura tas-superfiċi tad-disinn ikkontestat kien kompletament lixx, ħlief għal żewġt abbozzi ta’ ħjatat f’angoli aktar baxxi. Madankollu, is-superfiċi tad-disinn preċedenti kien, skont huwa, miksi b’motifi dekorattivi evidenti u magħmulin ‘en relief’, jiġifieri kullar li jingħalaq fil-parti ta’ fuq tal-borża, ħjata vertikali li jaqsam il-basket fi tnejn u li tagħlaq il-bażi tal-basket. Għal kull wieħed minn dawn it-tliet fatturi, il-Bord tal-Appell ikkonkluda li d-differenzi bejn id-disinni inkwistjoni kienu importanti u għalhekk x’aktarx li jinfluwenzaw materjalment l-impressjoni globali tal-utent avżat. Fil-każ tad-disinn ikkontestat, l-impressjoni hija dik ta’ mudell ta’ basket karatterizzat minn linji essenzjali u semplicità formali, filwaqt li fil-każ tad-disinn preċedenti, l-impressjoni tkun dik ta’ basket iktar “imżejjen”, ikkaratterizzat minn kurvi u superfiċi imżejjen b’motifi ornamentali.

38      Fir-rigward tal-karatteristiċi komuni taż-żewġ disinni inkwistjoni, jiġifieri il-kontorn ta’ fuq tagħhom u l-preżenza ta’ manku f’forma ta’ ċinga(eg) imqabbda(in) mal-korp permezz ta’ sistema ta’ ċrieki msaħħaħ bir-rivets, il-Bord tal-Appell ikkunsidra li ma kienux suffiċjenti sabiex jagħtu, fl-għajnejn ta’ utent avżat, l-istess impressjoni globali. Huwa indika b’mod partikolari li l-mod kif dawn iċ-ċrieki kienu użati fiż-żewġ boroż kien differenti ħafna fis-sens li kienu viżibbli ħafna, li ma kienx il-każ fid-disinn preċedenti, dettall li jkun ovvju għall-utent avżat.

39      F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li l-evalwazzjoni tal-impressjoni ġenerali prodotta fuq utent avżat minn disinn jinkludi kif il-prodott irrappreżentat minn dak id-disinn huwa użat [ara sentenza tal-21 ta’ Novembru 2013, El Hogar Perfecto del Siglo XXI vs UASI – Wenf International Advisers (Tire-bouchon), T‑337/12, Rec, EU:T:2013:601, punt 46 u l-ġurisprudenza ċċitata]. F’dan il-każ, għandu jiġi osservat li ċ-ċineg u l-manku tad-disinni kunfliġġenti fi tpinġijiet jew mudelli għandhom użu differenti, speċjalment minħabba l-fatt li d-disinn ikkontestat jirrappreżenta basket li jinżamm fl-idejn biss, filwaqt li d-disinn preċedenti jirrappreżenta basket li jintlibes fuq l-ispalla.

40      F’dan il-kuntest u fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, huwa xieraq li jiġi kkunsidrat li d-differenzi bejn id-disinni inkwistjoni huma importanti u li xebh bejniethom huma negliġibbli fl-impressjoni globali prodotta minnhom. Għalhekk, huwa xieraq li tiġi kkonfermata l-evalwazzjoni tal-Bord tal-Appell fis-sens li kkunsidrat li d-disinn ikkontestat jipproduċi, fuq l-utent avżat, impressjoni globali differenti minn dak prodott mid-disinn preċedenti.

41      L-evalwazzjoni ta’ hawn fuq ma hijiex ikkontestata mill-allegazzjonijiet tar-rikorrenti.

42      Permezz tal-ewwel ilment, ibbażat fuq in-nuqqas ta’ analiżi kuntestwali tal-karatteristiċi tal-basket inkwistjoni, ir-rikorrenti ssostni li l-Bord tal-Appell ma kkunsidrax ix-xebh bejn id-disinni inkwistjoni, u lanqas ma ċċarat id-differenzi ta’ bejniethom, jew analizzat jekk dawn id-differenzi jew xebh kienu minuri, normali jew kbar, sabiex jinġabru konklużjonijiet għall-impressjoni globali prodotta meta jitqies il-grad għoli ta’ libertà tad-disinjatur. Huwa meħtieġ li jiġi miċħud dan l-ilment bħala fattwalment ibbażat fuq il-punti 36 sa 38 hawn fuq, li jiddeskrivu l-istadji progressivi tal-analiżi magħmula mill-Bord tal-Appell fil-punti 30 sa 42 tad-deċiżjoni kkontestata.

43      Permezz tat-tieni ilment, ir-rikorrenti ssostni li d-differenzi bejn id-disinni inkwistjoni, għalkemm ma kinux insinjifikattivi, mhumiex madankollu sinifikanti biżżejjed sabiex joħolqu impressjoni globali differenti fuq l-utent avżat. Skont hija, id-deċiżjoni kkontestata ma tindirizzax dan l-aspett u ma tissodisfax il-kriterji stabbiliti mill-ġurisprudenza.

44      Huwa ċar li dan l-ilment, jekk wieħed jassumi li huwa ammissibbli, huwa bla ebda bażi. Fl-ewwel lok, huwa ċar mill-punti 37 sa 42 tad-deċiżjoni kkontestata li l-Bord tal-Appell ikkunsidra b’attenzjoni l-elementi komuni taż-żewġ disinni inkwistjoni qabel ma kkonkluda li d-differenzi bejniethom għelbu l-impressjoni globali prodotta, affermazzjoni kkonfermata mill-Qorti Ġenerali (ara l-punt 40 hawn fuq). Barra minn hekk, hekk kif jirriżulta mill-punt 42 iktar ‘il fuq,il-Bord tal-Appell applika korrettement il-kriterji stabbiliti mill-ġurisprudenza f’dan il-każ.

45      Għandu għalhekk jiġi miċħud kompletament, mingħajr ma jkun neċessarju li tingħata deċiżjoni dwar l-ammissibbiltà tat-tielet kap tat-talbiet ippreżentati mir-rikorrenti u l-ammissibbiltà tat-tielet u r-raba’ kapijiet tat-talbiet ippreżentati mill-intervenjenti kif ukoll dik annessa mar-rikors, ikkontestat minn din tal-aħħar.

 Fuq l-ispejjeż

46      Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Qorti Ġenerali, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba.

47      Peress li l-ewwel rikorrenti tilfet, hija għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, kif mitlub mill-UASI u mill-intervjenjenti.

48      Barra miinn hekk, l-intervenjenti talbet il-kundanna tar-rikorrenti għall-ispejjeż sostnuti minnha fil-proċeduri quddiem l-UASI. F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar, li skont l-Artikolu 190(2) tar-Regoli ta’ Proċedura, l-ispejjeż indispensabbli sostnuti mill-partijiet għall-proċedimenti quddiem il-Bord tal-Appell huma kkunsidrati bħala spejjeż li jistgħu jiġu rkuprati. Madankollu, ma huwiex l-istess fir-rigward tal-ispejjeż sostnuti għall-proċedimenti quddiem id-Diviżjoni ta’ Kanċellazzjoni. Għaldaqstant, it-talba tal-intervenjenti li r-rikorrenti, peress li tilfet il-kawża, tiġi kkundannata għall-ispejjeż tal-proċedimenti amministrattivi quddiem l-UASI tista’ tintlaqa’ biss għall-ispejjeż indispensabbli sostnuti mill-intervenjenti għall-proċedimenti quddiem il-Bord tal-Appell (ara s-sentenza Boîtier de montre-bracelet, punt 15 supra, EU:T:2013:214, punt 164 u l-ġurisprudenza ċċitata).

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (Is-sitt Awla)

taqta’ u tiddeċiedi :

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      H&M Hennes & Mauritz BV & Co. KG hija kkundannata għall-ispejjeż inklużi dawk sostnuti minn Yves Saint Laurent SAS matul il-proċedimenti quddiem il-Bord tal-Appell tal-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI).

Frimodt Nielsen

Dehousse

Collins

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fl-10 ta’ Settembru 2015.

Firem


* Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.