Language of document : ECLI:EU:C:2019:325

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

TANCHEV

ippreżentati fil‑11 ta’ April 2019 (1)

Kawża C619/18

IlKummissjoni Ewropea

vs

Ir-Repubblika tal-Polonja

“Nuqqas ta’ Stat Membru li jwettaq obbligu – Artikolu 258 TFUE – Artikolu 7 TUE – L-istat tad-dritt – Artikolu 19(1) TUE – Prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva – Prinċipji ta’ indipendenza u ta’ irremovabbiltà tal-imħallfin – Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Artikoli 47 u 51 tal-Karta – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi t-tnaqqis tal-età tal-irtirar tal-imħallfin fil-kariga tal-Qorti Suprema – Assenza ta’ perijodu tranżitorju – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tagħti d-diskrezzjoni lill-President tar-Repubblika sabiex jestendi l-mandat attiv tal-imħallfin tal-Qorti Suprema”






I.      Introduzzjoni

1.        Fil-kawża preżenti, il-Kummissjoni ressqet proċedura ta’ ksur kontra r-Repubblika tal-Polonja skont l-Artikolu 258 TFUE talli naqset milli tissodisfa l-obbligi tagħha skont id-dispożizzjonijiet magħquda tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE u tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”), għar-raġuni li, l-ewwel, miżuri nazzjonali li jnaqqsu l-età tal-irtirar tal-imħallfin tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema, il-Polonja) maħtura għal dik il-qorti qabel it‑3 ta’ April 2018 jiksru l-prinċipju ta’ irremovabbiltà tal-imħallfin, u t-tieni, miżuri nazzjonali li jagħtu d-diskrezzjoni lill-President tar-Repubblika li jestendi l-mandat attiv tal-imħallfin tal-Qorti Suprema meta jilħqu l-età mnaqqsa tal-irtirar jikser il-prinċipju ta’ indipendenza ġudizzjarja.

2.        Bażikament, din il-kawża tippreżenta lill-Qorti tal-Ġustizzja bl-opportunità li tiddeċiedi, għall-ewwel darba fil-kuntest ta’ rikors dirett għal ksur taħt l-Artikolu 258 TFUE, dwar il-kompatibbiltà ta’ ċerti miżuri meħuda minn Stat Membru dwar l-organizzazzjoni ġudizzjarja tiegħu mal-istandards stabbiliti fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, flimkien mal-Artikolu 47 tal-Karta, sabiex jiġi żgurat ir-rispett għall-istat tad-dritt fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni. Il-kawża tqajjem ukoll xi kwistjonijiet importanti dwar il-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE fir-rigward ta’ dak tal-Artikolu 47 tal-Karta u r-relazzjoni bejn il-proċeduri tal-Artikolu 258 TFUE u l-Artikolu 7 TUE (2).

II.    Il-kuntest ġuridiku

A.      Id-dritt tal-Unjoni

3.        It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE jgħid:

“L-Istati Membri għandhom jipprovdu r-rimedji meħtieġa sabiex jassiguraw protezzjoni legali effettiva fl-oqsma koperti mid-dritt ta’ l-Unjoni.”

B.      Id-dritt Pollakk

4.        L-Artikolu 30(1) tal-ustawa z dnia 23 listopada 2002 r. o Sądzie Najwyższym (il-Liġi tat‑23 ta’ Novembru 2002 dwar il-Qorti Suprema, Dz. U. Nru 240 tal‑2002, titlu 2052, kif emendata) (iktar ’il quddiem il-“Liġi tal-2002 dwar il-Qorti Suprema”) stabbiliet 70 sena bħala l-età tal-irtirar għall-imħallfin tal-Qorti Suprema, kemm-il darba, mhux iktar tard minn 6 xhur qabel ma jilħaq is-70 sena, imħallef issottometta dikjarazzjoni lill-Ewwel President tal-Qorti Suprema li jindika x-xewqa tiegħu li jkompli jwettaq id-dmirijiet tiegħu u ppreżenta ċertifikat li juri l-istat tas-saħħa tiegħu. F’dan il-każ, skont l-Artikolu 30(5) ta’ din il-liġi, dan l-imħallef jista’ awtomatikament jaqdi d-dmirijiet tiegħu sal-età ta’ 72 sena.

5.        Fl‑20 ta’ Diċembru 2017, il-President tar-Repubblika ffirma l-ustawa z dnia 8 grudnia 2017 r. o Sądzie Najwyższym (il-Liġi tat‑8 ta’ Diċembru 2017 dwar il-Qorti Suprema, Dz. U. tal‑2018, titlu 5, kif emendata) (iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar il-Qorti Suprema”) li daħlet fis-seħħ fit‑3 ta’ April 2018.

6.        L-Artikolu 37(1) sa (4) tal-Liġi dwar il-Qorti Suprema jipprovdi li:

“1.      L-imħallfin tas-[Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema)] jirtiraw fid-data li fiha jagħlqu 65 sena, ħlief jekk, mhux iktar kmieni minn tnax-il xahar qabel u mhux iktar tard minn sitt xhur wara li jilħqu l-età ta’ [65 sena], jagħmlu dikjarazzjoni li tindika x-xewqa tagħhom li jkomplu jeżerċitaw il-funzjonijiet tagħhom u jekk jippreżentaw ċertifikat, stabbilit skont il-kundizzjonijiet applikabbli għall-kandidati li japplikaw għal pożizzjoni fil-ġudikatura, li jattesta li l-istat ta’ saħħa tagħhom jippermettilhom iservu bħala mħallfin, u jekk il-President tar-Repubblika tal-Polonja jawtorizza l-estensjoni tal-funzjonijiet tagħhom fis-[Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema)].

1a.      Qabel ma tingħata tali awtorizzazzjoni, il-President tar-Repubblika tal-Polonja għandu jitlob l-opinjoni tal-Kunsill Nazzjonali għall-Ġudikatura. Il-Kunsill Nazzjonali għall-Ġudikatura għandu jibgħat l-opinjoni tiegħu lill-President tar-Repubblika tal-Polonja fi żmien 30 jum mid-data li fiha ntalab jagħmel dan minn dan tal-aħħar. Jekk il-Kunsill Nazzjonali għall-Ġudikatura ma jkunx bagħat l-opinjoni tiegħu fi żmien il-perijodu previst fit-tieni sentenza, din l-opinjoni titqies li hija favorevoli.

1b.      Meta jagħti l-opinjoni msemmija fil-paragrafu 1a, il-Kunsill Nazzjonali għall-Ġudikatura għandu jieħu inkunsiderazzjoni l-interess tas-sistema ġudizzjarja jew interess pubbliku importanti, b’mod partikolari l-assenjazzjoni effiċjenti tal-membri tas-[Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema)] jew il-ħtiġijiet li jirriżultaw mill-ammont ta’ xogħol ta’ ċerti awli tas-[Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema)].

2.      Id-dikjarazzjoni u ċ-ċertifikat imsemmija fil-paragrafu 1 għandhom jintbagħtu lill-Ewwel President tas-[Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema)], li min-naħa tiegħu għandu jittrażmettihom immedjatament, flimkien mal-opinjoni tiegħu, lill-President tar-Repubblika tal-Polonja. L-Ewwel President tas-[Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema)] għandu jikkomunika d-dikjarazzjoni tiegħu u ċ-ċertifikat tiegħu, flimkien mal-opinjoni tal-Kulleġġ tas-[Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema)], lill-President tar-Repubblika tal-Polonja.

3.      Il-President tar-Repubblika tal-Polonja jista’ jawtorizza lil imħallef tas-[Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema)] sabiex ikompli jeżerċita l-funzjonijiet tiegħu f’terminu ta’ tliet xhur mill-jum li fih tkun waslitlu l-opinjoni tal-Kunsill Nazzjonali għall-Ġudikatura msemmija fil-paragrafu 1a jew mill-iskadenza tat-terminu li fih għandha tiġi kkomunikata din l-opinjoni. Fin-nuqqas ta’ awtorizzazzjoni fit-terminu previst fl-ewwel sentenza, l-imħallef għandu jitqies li rtira b’effett mid-data li fiha jagħlaq 65 sena. Meta mħallef tas-[Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema)] jilħaq l-età msemmija fil-paragrafu 1 qabel tmiem il-proċedura ta’ estensjoni tal-mandat tiegħu, dan għandu jibqa’ fil-kariga sal-għeluq tal-imsemmija proċedura.

4.      L-awtorizzazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 għandha tingħata għal perijodu ta’ tliet snin, li jista’ jiġġedded darba. Id-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 3 għandhom japplikaw mutatis mutandis. Kull imħallef li huwa awtorizzat sabiex jestendi l-funzjonijiet tiegħu fis-[Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema)] jista’ jirtira fi kwalunkwe mument wara li jagħlaq 65 sena; sabiex jagħmel dan huwa għandu jibgħat dikjarazzjoni lill-Ewwel President tas-[Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema)], li għandu jibgħatha immedjatament lill-President tar-Repubblika tal-Polonja. L-Ewwel President tas-[Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema)] għandu jibgħat id-dikjarazzjoni tiegħu direttament lill-President tar-Repubblika tal-Polonja.”

7.        L-Artikolu 111(1) u (1a) tal-Liġi dwar il-Qorti Suprema jipprovdi li:

“1.      L-imħallfin tas-[Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema)] li laħqu l-età ta’ 65 sena fid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ din il-liġi, jew li laħqu din l-età fi żmien tliet xhur mid-data ta’ dan id-dħul fis-seħħ, għandhom jirtiraw b’effett mill-jum ta’ wara l-iskadenza ta’ dan it-terminu ta’ tliet xhur, ħlief jekk, fi żmien xahar mid-dħul fis-seħħ ta’ din il-liġi, dawn jippreżentaw id-dikjarazzjoni u ċ-ċertifikat imsemmija fl-Artikolu 37(1), u jekk il-President tar-Repubblika tal-Polonja jawtorizzahom ikomplu jeżerċitaw il-funzjonijiet tagħhom ta’ mħallfin tas-[Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema)]. Id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 37(2) sa (4) għandhom japplikaw mutatis mutandis.

1a.      L-imħallfin tas-[Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema)] li ser jilħqu l-età ta’ 65 sena wara l-iskadenza ta’ terminu ta’ tliet xhur u qabel l-iskadenza ta’ terminu ta’ tnax-il xahar mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ din il-liġi għandhom jirtiraw tnax-il xahar wara dan id-dħul fis-seħħ, ħlief jekk, f’dan it-terminu, dawn jippreżentaw id-dikjarazzjoni u ċ-ċertifikat imsemmija fl-Artikolu 37(1), u jekk il-President tar-Repubblika tal-Polonja jawtorizzahom ikomplu jeżerċitaw il-funzjonijiet tagħhom ta’ mħallfin tas-[Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema)].

Id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 37(1a) sa (4) għandhom japplikaw mutatis mutandis.”

8.        L-ustawa z dnia 10 maja 2018 r. o zmianie ustawy - Prawo o ustroju sądów powszechnych, ustawy o Sądzie Najwyższym oraz niektórych innych ustaw (il-Liġi tal‑10 ta’ Mejju 2018 li Temenda l-Liġi dwar l-Organizzazzjoni tal-Qrati tad-Dritt Komuni, il-Liġi dwar il-Qorti Suprema u Ċerti Liġijiet Oħra, Dz. U. tal‑2018, titlu 1045) (iktar ’il quddiem il-“Liġi Emendatorja tal‑10 ta’ Mejju 2018”) fiha, minbarra d-dispożizzjonijiet li jemendaw il-Liġi dwar il-Qorti Suprema, ċerti dispożizzjonijiet awtonomi li jirregolaw il-proċedura għall-estensjoni tal-mandat attiv tal-imħallfin tal-Qorti Suprema li laħqu l-età tal-irtirar ta’ 65 sena mhux iktar tard mit‑3 ta’ Lulju 2018. L-Artikolu 5 ta’ din il-liġi jgħid:

“Il-President tar-Repubblika tal-Polonja għandu jibgħat immedjatament lill-Kunsill Nazzjonali għall-Ġudikatura d-dikjarazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 37(1) u fl-Artikolu 111(1) tal-Liġi [dwar il-Qorti Suprema] li huwa ma eżaminax fid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ din il-liġi, għall-opinjoni tiegħu. Il-Kunsill Nazzjonali għall-Ġudikatura għandu jagħti l-opinjoni tiegħu fi żmien 30 jum mill-jum li fih intalab jagħmel dan mill-President tar-Repubblika tal-Polonja. Il-President tar-Repubblika tal-Polonja jista’ jawtorizza lil imħallef tas-[Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema) ikompli jeżerċita l-funzjonijiet tiegħu fi żmien 60 jum mill-jum li fih tkun waslitlu l-opinjoni tal-Kunsill Nazzjonali għall-Ġudikatura jew mill-iskadenza tat-terminu li fih kellha tiġi kkomunikata din l-opinjoni. Id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 37(2) sa (4) tal-Liġi [dwar il-Qorti Suprema], kif emendata b’din il-liġi, għandhom japplikaw mutatis mutandis.”

9.        Fis‑17 ta’ Diċembru 2018, il-President tar-Repubblika tal-Polonja ffirma l-ustawa z dnia 21 listopada 2018 r. o zmianie ustawy o Sądzie Najwyższym (il-Liġi tal‑21 ta’ Novembru 2018 li temenda l-Liġi dwar il-Qorti Suprema, Dz. U. tal‑2018, titlu 2507) (iktar ’il quddiem il-“Liġi tal‑21 ta’ Novembru 2018”) li daħlet fis-seħħ fl‑1 ta’ Jannar 2019. Skont l-Artikolu 1 ta’ din il-liġi, l-Artikoli 37(1a) sa (4) u l-Artikoli 111(1) u (1a) tal-Liġi dwar il-Qorti Suprema huma mħassra, u skont l-Artikolu 2 ta’ din il-liġi, imħallfin tal-Qorti Suprema, inklużi dawk maħtura bħala l-Ewwel President tal-Qorti Suprema, li rtiraw minħabba f’dawk id-dispożizzjonijiet tal-Liġi dwar il-Qorti Suprema jerġgħu jiddaħħlu bħala mħallfin u t-twettiq tad-dmirijiet tagħhom huwa meqjus li komplew mingħajr interruzzjoni.

III. Il-proċedura prekontenzjuża

10.      Anki jekk il-mekkaniżmu tal-Artikolu 7(1) TUE kien ikkawżat mill-Kummissjoni fl‑20 ta’ Diċembru 2017 (3), fit‑2 ta’ Lulju 2018, hija bagħtet ittra ta’ intimazzjoni lill-Polonja, skont l-Artikolu 258 TFUE, rigward il-konformità tal-Liġi dwar il-Qorti Suprema u l-Liġi Emendatorja tal‑10 ta’ Mejju 2018 (iktar ’il quddiem il-“miżuri kkontestati”) bit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE u l-Artikolu 47 tal-Karta, u stiednitu jissottometti l-osservazzjonijiet tiegħu f’terminu ta’ xahar.

11.      Permezz ta’ ittra tat‑2 ta’ Awwissu 2018, il-Polonja rrispondiet għall-ittra ta’ intimazzjoni. Hija kkontestat l-argumenti tal-Kummissjoni u talbet li l-proċedura tingħalaq.

12.      Fl‑14 ta’ Awwissu 2018, il-Kummissjoni indirizzat opinjoni motivata lill-Polonja, billi allegat li hija naqset milli tissodisfa l-obbligi tagħha skont id-dispożizzjonijiet magħquda tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE u l-Artikolu 47 tal-Karta. Hija stiednet lill-Polonja sabiex tikkonforma ma’ din l-opinjoni motivata f’terminu ta’ xahar minn meta tirċeviha.

13.      Fl‑14 ta’ Settembru 2018, il-Polonja wieġbet għall-opinjoni motivata, u tenniet il-pożizzjoni tagħha li l-allegat nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligi kien bla bażi u talbet l-għeluq tal-proċedura.

IV.    Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

14.      Permezz tar-rikors tagħha ppreżentat fit‑2 ta’ Ottubru 2018, il-Kummissjoni adixxiet lill-Qorti tal-Ġustizzja b’dan ir-rikors skont l-Artikolu 258 TFUE. Hija talbet li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–        tikkonstata li, billi naqqset l-età tal-irtirar tal-imħallfin tal-Qorti Suprema u applikata lill-imħallfin li nħatru fil-Qorti Suprema qabel it‑3 ta’ April 2018, u billi tat lill-President tar-Repubblika tal-Polonja s-setgħa diskrezzjonali li jestendi l-funzjoni ġudizzjarja attiva ta’ mħallfin fil-Qorti Suprema, ir-Repubblika tal-Polonja naqset milli twettaq l-obbligi tagħha skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1)TUE, flimkien mal-Artikolu 47 tal-Karta;

–        tikkundanna lir-Repubblika tal-Polonja għall-ispejjeż.

15.      Fir-risposta tagħha ppreżentata fis‑17 ta’ Diċembru 2018, ir-Repubblika tal-Polonja titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors fl-intier tiegħu bħala infondat;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

16.      B’att separat ippreżentat fit‑2 ta’ Ottubru 2018, il-Kummissjoni ressqet talba għal miżuri provviżorji skont l-Artikolu 279 TFUE u l-Artikolu 160(2) u (7) tar-Regoli tal-Proċedura, fejn talbet lill-Qorti tal-Ġustizzja tordna lill-Polonja: l-ewwel, tissospendi l-applikazzjoni tal-Artikolu 37(1) sa (4) u tal-Artikolu 111(1) u (1a) tal-Liġi dwar il-Qorti Suprema, tal-Artikolu 5 tal-Liġi Emendatorja tal‑10 ta’ Mejju 2018 u tal-miżuri l-oħra kollha adottati fl-applikazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet; it-tieni, li tadotta l-miżuri kollha meħtieġa sabiex tiżgura li l-imħallfin tal-Qorti Suprema affettwati minn dawn id-dispożizzjonijiet iwettqu d-dmirijiet tagħhom fl-istess karigi filwaqt li jibbenefikaw mill-istess drittijiet u kundizzjonijiet bħal dawk applikabbli qabel it‑3 ta’ April 2018; it-tielet, li toqgħod lura milli tieħu kwalunkwe miżura li taħtar imħallfin fis-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema) jew l-Ewwel President ġdid ta’ dik il-qorti minflok dawk affettwati minn dawn id-dispożizzjonijiet; u r-raba’, li kull xahar tikkomunika lill-Kummissjoni l-miżuri adottati sabiex tikkonforma bis-sħiħ ma’ din l-ordni.

17.      Il-Kummissjoni talbet ukoll, skont l-Artikolu 160(7) tar-Regoli tal-Proċedura, li l-miżuri provviżorji msemmija iktar ’il fuq jingħataw qabel mal-Polonja tkun ippreżentat l-osservazzjonijiet tagħha, minħabba r-riskju immedjat ta’ dannu serju u irreparabbli għall-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva fil-kuntest tal-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni.

18.      B’digriet tad‑19 ta’ Ottubru 2018, il-Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja laqa’ provviżorjament din it-talba tal-aħħar sal-għoti tad-digriet li kien ser itemm il-proċeduri għal miżuri provviżorji (4).

19.      Permezz tar-rikors tagħha ppreżentat fit‑22 ta’ Ottubru 2018, l-Ungerija talbet li tintervjeni fil-proċeduri għal miżuri provviżorji insostenn tal-Polonja. Il-permess għall-intervent ingħata permezz ta’ deċiżjoni tat‑30 ta’ Ottubru 2018 għall-finijiet tal-fażi orali tal-proċedura.

20.      Fit‑23 ta’ Ottubru 2018, skont l-Artikolu 161(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja rrefera t-talba għal miżuri provviżorji lill-Qorti tal-Ġustizzja li, wara li kkunsidrat l-importanza tagħha, attribwietha lill-Awla Manja skont l-Artikolu 60(1) tar-Regoli tal-Proċedura.

21.      B ’digriet tas‑17 ta’ Diċembru 2018, il-Qorti tal-Ġustizzja laqgħet kompletament it-talba tal-Kummissjoni għal miżuri provviżorji sakemm tagħti s-sentenza finali fil-kawża preżenti (5).

22.      Barra minn hekk, fit‑2 ta’ Ottubru 2018, il-Kummissjoni talbet lill-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi l-kawża preżenti permezz ta’ proċedura mħaffa kif imsemmi fl-Artikolu 23a tal-Istatut u l-Artikolu 133 tar-Regoli tal-Proċedura. Permezz ta’ digriet tal‑15 ta’ Novembru 2018, il-President tal-Qorti tal-Ġustizzja laqa’ din it-talba (6).

23.      Permezz tar-rikors tagħha ppreżentat fl‑24 ta’ Ottubru 2018, l-Ungerija talbet li tintervjeni insostenn tal-Polonja. Fid‑19 ta’ Diċembru 2018, il-President tal-Qorti tal-Ġustizzja ddeċieda, skont l-Artikolu 134 tar-Regoli tal-Proċedura, li ma jawtorizzax il-preżentazzjoni ta’ replika, kontroreplika jew nota ta’ intervent. Il-permess għall-intervent ingħata permezz ta’ deċiżjoni tad‑9 ta’ Jannar 2019 għall-finijiet tal-fażi orali tal-proċedura.

24.      Fit‑12 ta’ Frar 2019 inżammet seduta li fiha l-Kummissjoni, il-Polonja u l-Ungerija ppreżentaw is-sottomissjonijiet orali tagħhom.

V.      L-argumenti tal-partijiet

A.      Il-Kummissjoni

25.      Fis-seduta, il-Kummissjoni enfasizzat li għalkemm id-dispożizzjonijiet tal-Liġi dwar il-Qorti Suprema kkontestati f’din il-proċedura ġew emendati bil-Liġi tal‑21 ta’ Novembru 2018, ma huwiex ċert jekk dik il-liġi teliminax l-allegati ksur tad-dritt tal-Unjoni, u fi kwalunkwe każ, jibqa’ interess li tiġi deċiża din il-kawża fid-dawl tal-importanza tal-indipendenza ġudizzjarja fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni.

26.      Il-Kummissjoni saħqet ukoll waqt is-seduta li, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (7), il-miżuri kkontestati jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, u l-Artikolu 47 tal-Karta huwa rilevanti sa fejn dan l-artikolu jimporta r-rekwiżiti ta’ indipendenza u imparzjalità fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE. Dan ifisser li l-Artikolu 51(1) tal-Karta ma japplikax, sabiex il-Kummissjoni, billi tibda din il-proċedura, bl-ebda mod ma testendi l-kompetenza tal-Unjoni, kif prekluż mill-Artikolu 6(1) TUE.

27.      Bl-ewwel ilment tagħha, il-Kummissjoni tallega li billi tnaqqas l-età tal-irtirar tal-imħallfin tal-Qorti Suprema maħtura għal dik il-qorti qabel it‑3 ta’ April 2018, l-Artikoli 37(1) u 111(1) u (1a) tal-Liġi dwar il-Qorti Suprema jiksru l-prinċipju ta’ irremovabbiltà tal-imħallfin li tikkostitwixxi aspett essenzjali tal-indipendenza ġudizzjarja. Għalkemm ma teskludix reġimi fejn l-età tal-irtirar ta’ mħallef ma hijiex identika għal dik li kienet fis-seħħ fiż-żmien li nħatar l-imħallef, sabiex tikkonforma mal-Artikolu 19(1) TUE, salvagwardji adegwati, bħal miżuri tranżitorji jew approċċ gradwali, iridu jiġu inklużi sabiex dawn is-sistemi ma jintużawx sabiex ibiddlu l-kompożizzjoni tal-qrati.

28.      Il-Kummissjoni tafferma li l-miżuri kkontestati jaffettwaw iktar minn terz, jew 27 minn 72, tal-imħallfin tal-Qorti Suprema, inkluż l-Ewwel President tal-Qorti Suprema li l-mandat ta’ sitt snin tiegħu, iggarantit skont l-Artikolu 183(3) tal-kostituzzjoni Pollakka, kellu jiskadi fit‑30 ta’ April 2020 u li l-attivitajiet tiegħu bħala imħallef suppost jintemmu fit‑22 ta’ Novembru 2022. Fl-opinjoni tagħha, fl-assenza ta’ miżuri tranżitorji, il-miżuri kkontestati jġibu bidla profonda u immedjata fil-kompożizzjoni tal-Qorti Suprema. Dan jikser il-prinċipju ta’ irremovabbiltà tal-imħallfin, billi l-età mnaqqsa tal-irtirar tapplika għall-imħallfin tal-Qorti Suprema fil-kariga fid-data tad-dħul fis-seħħ tal-Liġi dwar il-Qorti Suprema u għandha impatt serju fuq l-indipendenza tal-Qorti Suprema li hija komposta minn imħallfin li ġeneralment għandhom esperjenza professjonali estensiva u li l-età tagħhom hija għalhekk iktar avvanzata.

29.      Il-Kummissjoni targumenta wkoll, inter alia, li l-għan li tiġi allinjata l-età tal-irtirar tal-imħallfin tal-Qorti Suprema mal-età ġenerali tal-irtirar ma jistax jiġġustifika ksur tal-prinċipju ta’ irremovabbiltà tal-imħallfin. Hija tal-fehma li għalkemm uħud mill-imħallfin milquta mill-miżuri kkontestati ġew maħtura meta l-età tal-irtirar kienet stabbilita għal 65 sena, il-mandat tagħhom ġie estiż sakemm laħqu l-età ta’ 70 sena fl-2002, u dan il-limitu ta’ età ġdid irid jittieħed kont tiegħu sabiex jiġi evalwat jekk it-tul tal-mandat tal-imħallef kienx imqassar.

30.      Permezz tat-tieni lment tagħha, il-Kummissjoni tallega li l-Artikoli 37(1) sa (4) u 111(1) u (1a) tal-Liġi dwar il-Qorti Suprema u l-Liġi Emendatorja tal‑10 ta’ Mejju 2018 li jagħtu lill-President tar-Repubblika s-setgħa li jestendi l-mandat attiv tal-imħallfin tal-Qorti Suprema tikser il-prinċipju ta’ indipendenza ġudizzjarja minħabba li d-deċiżjoni tiegħu ma hijiex ibbażata fuq kriterji vinkolanti, u lanqas suġġetta għal reviżjoni ġudizzjarja, u għalhekk tinvolvi marġni eċċessiv ta’ diskrezzjoni li jippermettilu jeżerċita influwenza fuq l-imħallfin tal-Qorti Suprema. Skont il-Kummissjoni, peress li l-President jista’ jiddeċiedi li jestendi l-funzjoni ġudizzjarja attiva ta’ mħallef tal-Qorti Suprema darbtejn għal perijodu ta’ 3 snin kull darba, il-ħtieġa għal imħallef li jikseb awtorizzazzjoni sabiex ikompli jeżerċita l-funzjonijiet tiegħu wara l-iskadenza tal-ewwel perijodu ta’ 3 snin jikser ukoll il-prinċipju ta’ indipendenza ġudizzjarja. Hija tenfasizza li dan l-ilment jinkludi mħallfin maħtura fil-Qorti Suprema wara t‑3 ta’ April 2018.

31.      B’mod partikolari, il-Kummissjoni targumenta li d-dmir tal-President li jitlob l-opinjoni tal-Kunsill Nazzjonali għall-Ġudikatura (iktar ’il quddiem il-“KNĠ”) ma jeliminax id-diskrezzjoni eċċessiva tiegħu, peress li din l-opinjoni hija marbuta ma’ kriterji ġenerali ħafna u ma hijiex vinkolanti. Il-Kummissjoni tqis ukoll li bir-riforma tal-KNĠ, komposta minn maġġoranza ta’ mħallfin magħżula mill-Parlament, minflok il-pari tagħhom bi ksur tan-normi Ewropej (8), ma tistax tiżgura l-indipendenza ġudizzjarja. Tkompli żżid li għall-imħallfin li jilħqu 65 sena sat‑3 ta’ Lulju 2018, il-miżuri kkontestati ma jispeċifikawx il-kriterji li l-KNĠ għandha tikkunsidra meta toħroġ l-opinjoni tagħha, u għal imħallfin li jilħqu 65 sena wara t‑3 ta’ Lulju 2018, ma hemm l-ebda terminu li fih il-President għandu jitlob din l-opinjoni.

32.      Il-Kummissjoni tafferma wkoll li s-sistemi ta’ Stati Membri oħra ma humiex komparabbli mas-sitwazzjoni fil-Polonja, u r-regoli Pollakki dwar is-segretezza tad-deliberazzjonijiet u l-kompożizzjoni tal-kmamar ma jikkunsidrawx il-fatt li l-indipendenza ġudizzjarja tikkonċerna l-organizzazzjoni tal-ġudikatura u jekk il-korp għandux dehra ta’ indipendenza.

B.      Ir-Repubblika tal-Polonja

33.      Ir-Repubblika tal-Polonja, l-ewwel, issostni li din il-kawża ma għandhiex skop u għandha tiġi rtirata minħabba li d-dispożizzjonijiet kollha kkontestati f’din il-kawża ġew imħassra, u l-effetti tagħhom ġew eliminati, bil-Liġi tal‑21 ta’ Novembru 2018.

34.      Il-Polonja, sostnuta mill-Ungerija, targumenta wkoll li l-miżuri kkontestati ma jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE jew tal-Artikolu 47 tal-Karta. F’dan ir-rigward hija tenfasizza li l-ilmenti għandhom jiġu eżaminati separatament, peress li dawn id-dispożizzjonijiet għandhom kamp ta’ applikazzjoni differenti.

35.      B’mod partikolari, il-Polonja, sostnuta mil-Ungerija, tissottometti li, skont l-Artikolu 19(1) TUE, ma huwiex ikkontestat li l-Polonja tiżgura li l-partijiet għandhom sistema effettiva ta’ rimedji u li l-imħallfin Pollakki huma koperti minn sistema ta’ garanziji ta’ indipendenza, u l-evalwazzjoni ta’ dawn il-garanziji ma tistax tiġi eżaminata biss fuq il-bażi ta’ dispożizzjoni partikolari dwar l-irtirar ta’ mħallfin irrispettivament mill-ordinamenti ġuridiċi kollha li tagħha tagħmel parti. Huma jenfasizzaw ukoll li s-sentenza ASJP (9) hija distinta, peress li tikkonċerna miżuri nazzjonali li jimplimentaw id-dritt tal-Unjoni, u ma toqgħodx għall-proposta li l-Unjoni kisbet kompetenza fl-organizzazzjoni tal-ġustizzja.

36.      Fir-rigward tal-Artikolu 47 tal-Karta, il-Polonja u l-Ungerija jsostnu li l-miżuri kkontestati ma jimplimentawx id-dritt tal-Unjoni skont it-tifsira tal-Artikolu 51(1) tagħha, u lanqas ma ġew miksura d-drittijiet suġġettivi ta’ individwi. Il-Polonja tenfasizza li l-Artikolu 6(1) TUE u l-Artikolu 51(2) tal-Karta jipprekludu interpretazzjoni tal-Karta li tippermetti lill-Unjoni Ewropea taġixxi lil hinn mis-setgħat mogħtija lilha, kif enfasizzat mill-Protokoll Nru 30 dwar l-applikazzjoni tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea għall-Polonja u għar-Renju Unit (10) li jeskludi l-estensjoni tas-setgħat tal-Qorti tal-Ġustizzja.

37.      Fir-rigward tal-ewwel ilment, il-Polonja targumenta li l-Kummissjoni ma wrietx ir-rabta bejn il-bidla fl-età tal-irtirar tal-imħallfin tal-Qorti Suprema u allegat ksur tal-prinċipju ta ’ irremovabbiltà tal-imħallfin. Fl-opinjoni tagħha, ma hemm xejn li jissuġġerixxi li l-miżuri kkontestati huma reazzjoni għal deċiżjonijiet ta’ ċerti imħallfin, u l-irtirar ta’ mħallef ma jistax jitqies bħala tkeċċija, peress li l-imħallef jibqa’ marbut bir-relazzjoni ta’ xogħol tiegħu u jirċievi salarju. Tirreferi għall-garanziji ta’ indipendenza tal-imħallfin imnaqqxa fil-kostituzzjoni Pollakka, inkluża l-irremovabbiltà tal-imħallfin, li timplika li meta mħallef jilħaq l-età mistennija, huwa jirtira (11).

38.      Il-Polonja ssostni, inter alia, li skont l-Artikolu 19(1) TUE ma huwiex meħtieġ li jkun provdut perijodu tranżitorju meta titbaxxa l-età tal-irtirar tal-imħallfin sabiex tiggarantixxi l-indipendenza tagħhom. Hija ssostni wkoll li mis‑27 minn 72 imħallef ikkonċernati mill-miżuri kkontestati, 17‑il imħallef ġew maħtura fil-Qorti Suprema meta l-età tal-irtirar kienet stabbilita għal 65 sena, u mill-10 imħallfin maħtura meta l-età tal-irtirar kienet 70 sena, 3 imħallfin kienu awtorizzati mill-President tar-Repubblika sabiex ikomplu fil-kariga tagħhom, li jfisser li 7 mħallfin biss kienu affettwati minn età ta’ rtirar iktar baxxa meta mqabbla ma’ dik fis-seħħ fil-ħin tal-ħatra tagħhom fil-Qorti Suprema.

39.      Matul is-seduta, il-Polonja, sostnuta mill-Ungerija, enfasizzat li l-għan tal-miżuri kkontestati huwa li jallinja l-età tal-irtirar tal-imħallfin tal-Qorti Suprema mal-età ġenerali tal-irtirar, kif irrikonoxxut fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (12). Barra minn hekk, l-Ungerija tikkunsidra li l-miżuri kkontestati huma parti minn pakkett leġiżlattiv ġenerali li ma huwiex immirat għal grupp speċifiku ta’ mħallfin, u l-argument tal-Kummissjoni jillimita l-leġiżlaturi nazzjonali milli jadattaw ir-regoli rilevanti sabiex ilaħħqu mal-bidliet ekonomiċi u soċjetali.

40.      Fir-rigward tat-tieni lment, il-Polonja ssostni li l-allegazzjoni tal-Kummissjoni ta ’ riskju potenzjali ta’ pressjoni fuq imħallef tal-Qorti Suprema b’konnessjoni mal-estensjoni tal-mandat tiegħu mill-President tar-Repubblika ma tistax titqies bħala ksur tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE. B’mod partikolari, hija ssostni li l-imħallfin tal-Qorti Suprema jgawdu garanziji ta’ indipendenza sabiex ikunu jistgħu jagħmlu d-deċiżjonijiet tagħhom ħielsa minn pressjoni, u tenfasizza r-regoli fil-Polonja dwar is-segretezza tad-deliberazzjonijiet u l-kompożizzjoni tal-kmamar. Issostni li l-President qed jaġixxi bħala parti mill-prerogattiva kostituzzjonali tiegħu li jaħtar imħallfin bħala gwardjani tal-kostituzzjoni Pollakka (13), u għalhekk jagħmel l-evalwazzjoni tiegħu fuq il-bażi tal-valuri li jirriżultaw minnha, mingħajr ma jkun marbut mill-opinjonijiet tal-Ewwel President (jew il-Kulleġġ) tal-Qorti Suprema u l-KNĠ. Skont il-Polonja, l-assenza ta’ stħarriġ ġudizzjarju tad-deċiżjoni tiegħu huwa spjegat mill-fatt li r-relazzjoni ta’ xogħol tal-imħallfin tal-Qorti Suprema taqa’ taħt il-liġi pubblika Pollakka, u tali reviżjoni ġudizzjarja tkun ukoll inkonsistenti mal-liġi kostituzzjonali Pollakka u s-separazzjoni tal-poteri.

41.      Il-Polonja ssostni wkoll li l-KNĠ hija marbuta bil-kriterji stabbiliti fil-miżuri kkontestati sabiex tagħti l-opinjoni tagħha, inkluż għal imħallfin li jilħqu l-età ta’ 65 sena sat‑3 ta’ Lulju 2018, u għalkemm għal imħallfin li jilħqu l-età ta’ 65 sena wara t‑3 ta’ Lulju 2018, dawn il-miżuri ma jindikawx terminu li fih il-President għandu jitlob opinjoni bħal din, fil-prattika huwa se jagħmel hekk minnufih. Waqt is-seduta hija enfasizzat li r-riforma tal-KNĠ hija marġinali għall-kawża preżenti, u l-linja tal-argument tal-Kummissjoni li l-indipendenza ġudizzjarja teħtieġ li deċiżjonijiet ta’ dan it-tip jittieħdu mill-imħallfin, permezz tal-korpi li jeleġġu, jiddependu fuq standards li ma humiex ġeneralment aċċettati fl-Unjoni Ewropea u jmorru kontra s-sistemi ta’ bosta Stati Membri u l-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, u b’hekk iwasslu għal żewġ piżijiet u żewġ miżuri fir-rigward tal-indipendenza ġudizzjarja.

VI.    Analiżi

42.      Wasalt għall-konklużjoni li evalwazzjoni separata tal-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tal-Artikolu 19(1) TUE u tal-Artikolu 47 tal-Karta hija meħtieġa. Konsegwentement, l-ilmenti għandhom jiġu miċħuda bħala inammissibbli sa fejn huma bbażati fuq l-Artikolu 47 tal-Karta, peress li l-Kummissjoni ma ppreżentat l-ebda argument sabiex turi li seħħet l-implimentazzjoni tad-dritt tal-Unjoni mill-Polonja, kif mitlub mill-Artikolu 51(1) tal-Karta, Jiena nikkonkludi wkoll li l-ilmenti huma fondati sew sa fejn ibbażati fuq it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, u li l-iskattar tal-mekkaniżmu tal-Artikolu 7(1) TUE ma huwiex ta’ ostakolu għal dan ir-rikors.

43.      L-analiżi tiegħi hija strutturata f’erba’ partijiet ewlenin dwar: l-ewwel, l-ammissibbiltà tar-rikors b’konnessjoni mal-Liġi tal‑21 ta’ Novembru 2018 (A); it-tieni, ir-relazzjoni bejn l-Artikolu 258 TFUE u l-Artikolu 7 TUE (B); it-tielet, il-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE u tal-Artikolu 47 tal-Karta u l-argument tal-Kummissjoni fuq dawn id-“dispożizzjonijiet magħquda” (C); u r-raba’, il-merti tar-rikors (D).

A.      Fuq l-ammissibbiltà tar-rikors fir-rigward tal-Liġi tal21 ta’ Novembru 2018

44.      Il-Qorti tal-Ġustizzja konsistentement iddeċidiet li l-kwistjoni dwar jekk Stat Membru naqasx li jwettaq l-obbligi tiegħu taħt l-Artikolu 258 TFUE hija ddeterminata b’riferiment għas-sitwazzjoni prevalenti f’dak l-Istat Membru fl-aħħar tat-terminu stabbilit fl-opinjoni motivata (14). Rikors fir-rigward ta’ ksur li ma kienx għadu jeżisti fiż-żmien li skada t-terminu huwa inammissibbli minħabba li huwa nieqes minn skop (15).

45.      Hija wkoll ġurisprudenza stabbilita li l-Kummissjoni xorta għandha interess li tressaq rikors skont l-Artikolu 258 TFUE anki meta l-allegat ksur jiġi rrimedjat wara l-iskadenza tat-terminu previst fl-opinjoni motivata (16). Dan ir-rikors iżomm l-għan tiegħu li jista’ jikkonsisti b’mod partikolari fl-istabbiliment tal-bażi tar-responsabbiltà li l-Istat Membru jista’ jeħel lejn dawk li jakkwistaw drittijiet minħabba n-nuqqas tiegħu (17).

46.      Fil-kawża preżenti, il-Kummissjoni talbet lill-Polonja sabiex tikkonforma mal-opinjoni motivata f’terminu ta’ xahar minn meta tirċeviha (ara l-punt 12 ta’ dawn il-konklużjonijiet) li kien l‑14 ta’ Awwissu 2018, kif indikat bit-timbru tal-irċevuta. Għalhekk, il-kwistjoni dwar jekk l-obbligi ġewx issodisfatti għandha tiġi ddeterminata b’riferiment għas-sitwazzjoni prevalenti fil-Polonja mill‑14 ta’ Settembru 2018. Hekk kif il-Liġi tal‑21 ta’ Novembru 2018 daħlet fis-seħħ fl‑1 ta’ Jannar 2019, jiġifieri, wara li t-terminu stabbilit fl-opinjoni motivata skada, din il-liġi ma tistax titqies, u ma tagħmilx, dan ir-rikors mingħajr skop.

47.      Konsegwentement, il-Liġi tal‑21 ta’ Novembru 2018 ma tneħħix il-ħtieġa li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi f’dan il-każ, u fil-fatt, hemm interess konvinċenti għall-Unjoni, Stati Membri oħra u individwi fis-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja. Konkretament, din is-sentenza tiżviluppa l-kunċett tal-osservanza tal-istat tad-dritt fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni u tikkjarifika dak li huwa meħtieġ sabiex ikun protett. Il-kwistjoni dwar jekk il-Liġi tal‑21 ta’ Novembru 2018 tirrimedjax biżżejjed l-allegat ksur tad-dritt tal-Unjoni għalhekk ma għandhiex x’taqsam ma’ din il-proċedura (18).

B.      L-Artikolu 258 TFUE u l-Artikolu 7 TUE

48.      Skont l-Artikolu 258 TFUE, il-Kummissjoni tista’ tippreżenta rikors għal ksur fejn tikkunsidra li Stat Membru naqas milli jwettaq “obbligu skont it-Trattati”. Ir-riferiment għat-“Trattati” f’din id-dispożizzjoni, meta mqabbla mal-Artikolu 226 KE preċedenti li jirreferi għal “dan it-Trattat”, tfisser li l-Kummissjoni tista’ tippreżenta rikors bħal dan għal allegati nuqqasijiet ta’ twettiq ta’ obbligi taħt it-TUE u t-TFUE (19), bla ħsara għat-tqassim speċifiku fil-qasam tal-Politika Estera u ta’ Sigurtà Komuni kif previst fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 24(1) TUE u tal-Artikolu 275 TFUE (20). Tali rikors ikopri wkoll allegati ksur tal-Karta li tikkostitwixxi dritt primarju vinkolanti tad-dritt tal-Unjoni (21), sakemm l-imġiba tal-Istat Membru taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tagħha (22).

49.      Madankollu, il-Kummissjoni tista’ tippreżenta rikors għal ksur skont l-Artikolu 258 TFUE meta l-mekkaniżmu tal-Artikolu 7(1) TUE diġà jkun ġie attivat kif inhu l-każ hawnhekk? Fil-fatt, fil-kummentarji huwa diskuss jekk l-Artikolu 7 TUE joperax bħala “lex specialis għall-monitoraġġ u s-sanzjonar (ta’ nuqqas) ta’ osservanza tal-valuri tal-Unjoni, u b’hekk ikollu prijorità fuq, jew teskludi, l-applikazzjoni tal-proċedura tal-Artikolu 258 TFUE” (23). F’dawn il-proċeduri, għalkemm il-Kummissjoni tibbaża dan ir-rikors fuq id-dispożizzjonijiet magħquda tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE u tal-Artikolu 47 tal-Karta, l-istess bidliet leġiżlattivi, relatati mal-Liġi dwar il-Qorti Suprema kif emendata, huma wkoll invokati fil-Proposta Raġunata għal Deċiżjoni tal-Kunsill dwar id-determinazzjoni ta’ riskju ċar ta’ ksur serju mill-Polonja tal-istat tad-dritt, li għall-ewwel darba xpruna l-mekkaniżmu tal-Artikolu 7(1) TUE (24).

50.      Hemm raġunijiet sodi sabiex jinstab li l-Artikolu 7 TUE u l-Artikolu 258 TFUE huma proċeduri separati u jistgħu jiġu invokati fl-istess ħin. B’mod partikolari, il-kliem ta’ kull dispożizzjoni ma jeskludix l-oħra u kif imsemmi iktar ’il fuq (ara l-punt 48 ta’ dawn il-konklużjonijiet), ir-riferiment għal “kwalunkwe obbligu skont it-Trattati” fl-Artikolu 258 TFUE jkopri bħala prinċipju r-regoli kollha tad-dritt tal-Unjoni mhux PESK. Dan huwa sostnut mill-iskema u l-iskop differenti tal-proċeduri stabbiliti fl-Artikolu 7 TUE u l-Artikolu 258 TFUE. L-Artikolu 7 TUE huwa essenzjalment proċedura “politika” sabiex jiġġieled “ksur serju u persistenti” ta ‘Stat Membru tal-valuri stabbiliti fl-Artikolu 2 TUE, suġġetti għal-livelli massimi għoljin, u jista’ jwassal għas-sospensjoni tad-drittijiet ta’ sħubija tal-Istat Membru inkluż dak ta’ dritt ta’ parteċipazzjoni (25). L-Artikolu 258 TFUE jikkostitwixxi rotta “legali” diretta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tiżgura l-infurzar tad-dritt tal-Unjoni mill-Istati Membri, u huwa mmirat sabiex jikseb dikjarazzjoni ta’ ksur u jista’ jwassal ukoll għall-impożizzjoni ta’ pieni finanzjarji fil-proċedura stabbilita fl-Artikolu 260 TFUE, bil-għan li l-Istat Membru kkonċernat jiġi mħeġġeġ itemm l-imġiba li tikser l-artikolu (26). Dawn id-differenzi jirriflettu n-natura awtonoma, tabilħaqq kumplimentari, ta’ dawn il-proċeduri u li jistgħu japplikaw b’mod parallel (27). Barra minn hekk, il-fatt li l-Artikolu 269 TFUE, li jikkonċerna l-kontestatazzjoni tal-legalità ta’ att adottat mill-Kunsill Ewropew jew mill-Kunsill skont l-Artikolu 7 TUE, jirrestrinġi l-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja għall-“istipulazzjonijiet proċedurali” fl-Artikolu 7 TUE ma għandux iċaħħad lill-Qorti tal-Ġustizzja milli tiddeċiedi fuq il-bażi tal-ġurisdizzjoni tagħha skont l-Artikolu 258 TFUE (28).

51.      Konsegwentement, il-fatt li l-mekkaniżmu tal-Artikolu 7(1) TUE ġie involut ma jipprekludix r-rikors preżenti.

C.      Il-kamp ta’ applikazzjoni tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE u tal-Artikolu 47 tal-Karta

1.      Evalwazzjoni separata

52.      Il-Kummissjoni ressqet dan ir-rikors fuq il-bażi li l-Polonja naqset li tissodisfa l-obbligi tagħha taħt id-“dispożizzjonijiet magħquda” tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE u tal-Artikolu 47 tal-Karta. Jidher li r-rikors tagħha huwa bbażat fuq iż-żewġ dispożizzjonijiet.

53.      Dan iqajjem il-kwistjoni jekk għandhiex issir evalwazzjoni separata tal-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE u tal-Artikolu 47 tal-Karta, kif argumentat il-Polonja, jew jekk, hekk kif issostni l-Kummissjoni, ma huwiex neċessarju sabiex jiġi allegat ksur tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE li jintwera li l-miżuri kkontestati jimplimentaw id-dritt tal-Unjoni fis-sens tal-Artikolu 51(1) tal-Karta, b’tali mod li r-rekwiżiti ta’ indipendenza tal-Artikolu 47 tal-Karta jistgħu jiġu “inklużi” fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19 TUE.

54.      Jiena naqbel mal-Polonja li hija meħtieġa evalwazzjoni separata tal-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE u tal-Artikolu 47 tal-Karta. Dan huwa kkonfermat mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tirreferi għar-relazzjoni bejn dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet sabiex tiżgura protezzjoni ġudizzjarja effettiva, filwaqt li tindika li l-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 47 tal-Karta, sa fejn għandu x’jaqsam ir-rikors tal-Istat Membru, huwa definit fl-Artikolu 51(1) tiegħu (29).

55.      I s-sentenza ASJP issostni wkoll din l-analiżi. Għalkemm it-talba għal deċiżjoni preliminari f’dak il-każ kienet tikkonċerna l-interpretazzjoni tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE u tal-Artikolu 47 tal-Karta, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja kienet ibbażata fuq l-ewwel dispożizzjoni (30). B’mod partikolari, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li “fir-rigward tal-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, li din id-dispożizzjoni tkopri “l-oqsma koperti mid-dritt tal-Unjoni”, irrispettivament mis-sitwazzjoni li fiha l-Istati Membri jimplimentaw dan id-dritt, fis-sens tal-Artikolu 51(1) tal-Karta” (31). Il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet ir-relazzjoni bejn l-Artikolu 19(1) TUE u l-Artikolu 47 tal-Karta, u konsegwentement l-Artikoli 6 u 13 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Libertajiet Fundamentali li fuqhom huma bbażati l-ewwel u t-tieni paragrafi ta’ dan l-aħħar artikolu (32) fl-espressjoni tal-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva u li r-rekwiżiti ta’ indipendenza ġudizzjarja taħt it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE jikkorrispondu għal dawk taħt it-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta li jirreferi għal aċċess għal tribunal “indipendenti” bħala wieħed mir-rekwiżiti marbuta ma’ dritt fundamentali għal rimedju effettiv. Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja semmiet l-Artikolu 47 tal-Karta u l-ġurisprudenza relatata biss sabiex tikkonferma s-sejbiet magħmula fuq il-bażi tal-Artikolu 19(1) TUE (33).

56.      Għalhekk, applikazzjoni kkombinata ta’ dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet fl-assenza ta’ evalwazzjoni skont l-Artikolu 51(1) tal-Karta ma tistax tiġi dedotta mis-sentenza ASJP. Anzi, minn dik is-sentenza jista’ jiġi dedott li t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE u tal-Artikolu 47 tal-Karta għandhom kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae differenti.

57.      Konstatazzjoni kuntrarja tkun adattata sabiex iddgħajjef is-sistema attwali ta’ reviżjoni tal-kompatibbiltà tal-miżuri nazzjonali mal-Karta u tiftaħ il-bieb għal dispożizzjonijiet tat-Trattat bħall-Artikolu 19(1) TUE sabiex jintuża bħala “sotterfuġju” sabiex jiġu evitati l-limiti tal-kamp ta’ applikazzjoni tal-Karta kif stabbilit fl-Artikolu 51(1) tagħha.

58.      Is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawża ASJP ma għandhiex titqies bħala li tnaqqas mis-saħħa tal-Karta jew tal-Artikolu 47 tagħha. Jidher li hija soluzzjoni eleganti u koerenti li tirrispetta l-limiti tal-Karta fil-konfront tal-Istati Membri, filwaqt li tavvanza s-sistema ta’ protezzjoni ġudizzjarja tal-Unjoni u tipproteġi l-valuri ewlenin tal-Unjoni kif stabbilit fl-Artikolu 2 TUE (34). Bis-saħħa ta’ din is-sentenza, l-Artikolu 19(1) TUE jikkostitwixxi standard awtonomu sabiex jiżgura li l-miżuri nazzjonali jissodisfaw ir-rekwiżiti ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva, inkluża l-indipendenza ġudizzjarja, li tikkumplimenta l-Artikolu 47 tal-Karta (u dispożizzjonijiet oħra tal-Karta skont kif ikun il-każ) (35).

59.      Kif enfasizzat minn sentenzi sussegwenti, bħal Achmea (36) u Minister for Justice and Equality (37), il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja qasmu r-responsabbiltà, skont l-Artikolu 19(1) TUE, sabiex jiżguraw l-applikazzjoni sħiħa tad-dritt tal-Unjoni fl-Istati Membri kollha u protezzjoni ġudizzjarja tad-drittijiet tal-individwi taħt din il-liġi. Irriżulta minn dan li, miżuri nazzjonali li jipprevjenu lill-qrati nazzjonali milli jwettqu l-kompiti tagħhom bħala qrati tal-Unjoni, bħal dawk li jċaħħduhom mill-ġurisdizzjoni tagħhom fuq tilwim li jinvolvi l-interpretazzjoni u l-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni (Achmea) jew ifixklu l-indipendenza tagħhom (Minister for Justice and Equality), ifixkel lill-Qorti tal-Ġustizzja milli twettaq il-mandat tagħha, skont l-Artikolu 19(1) TUE, sabiex tiżgura li fl-applikazzjoni u l-interpretazzjoni tat-Trattati l-liġi tkun osservata (38). Fil-fatt, tali miżuri jipperikolaw l-istruttura u l-funzjonament tal-ordinament ġuridiku tal-Unjoni. Billi tiżviluppa l-obbligi tal-Istati Membri skont l-Artikolu 19(1) TUE fis-sentenza ASJP, il-Qorti tal-Ġustizzja hija fi ħdan il-kompetenzi tagħha mogħtija lilha skont it-Trattati sabiex tiżgura li l-pedamenti tal-ordinament ġuridiku tal-Unjoni jibqgħu intatti.

60.      Huwa għar-raġunijiet preċedenti li meta, bħal hawn, il-Kummissjoni tibbaża ruħha fuq id-dispożizzjonijiet magħquda tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE u tal-Artikolu 47 tal-Karta, hija meħtieġa turi li l-miżuri kkontestati jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae ta’ dawk id-dispożizzjonijiet b’mod indipendenti.

2.      Applikazzjoni tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1TUE għal din il-proċedura

61.      Fis-sentenza ASJP (39), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-Artikolu 19 TUE jagħti espressjoni konkreta lill-valur tal-istat tad-dritt fl-Artikolu 2 TUE, u li t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE jobbliga lil kull Stat Membru sabiex jiżgura li l-korpi , bħala “qrati u tribunal” definiti mid-dritt tal-Unjoni, jaqgħu taħt is-sistema ġudizzjarja tagħha fl-oqsma koperti mid-dritt tal-Unjoni jissodisfaw ir-rekwiżiti ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva inkluża l-indipendenza ġudizzjarja. Sal-punt li tali qorti tista’ tiddeċiedi dwar kwistjonijiet li jikkonċernaw l-applikazzjoni jew l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, l-Istat Membru kkonċernat għandu jiżgura li dik il-qorti tissodisfa dawk ir-rekwiżiti.

62.      Il-fatt li l-miżuri inkwistjoni fis-sentenza ASJP kienu marbuta ma’ programm ta’ għajnuna finanzjarja tal-Unjoni ma kinux jidhru fl-analiżi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE u għalhekk ma jipprovdi ebda bażi li tiddistingwi dik il-kawża minn dik preżenti.

63.      Fil-kawża preżenti, ma huwiex ikkontestat li l-Qorti Suprema Pollakka tista’ tiddeċiedi, bħala qorti jew tribunal definiti mid-dritt tal-Unjoni, fuq kwistjonijiet li jikkonċernaw l-applikazzjoni u l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni (40). Għaldaqstant, il-miżuri kkontestati li allegatament ifixklu l-indipendenza tal-qorti jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE. Għalhekk, minħabba li dan ir-rikors jikkonċerna allegat ksur tal-istat tad-dritt, valur fundamentali tal-Unjoni u rifless fl-Artikolu 19 TUE (41), il-Kummissjoni tista’ tibda din il-proċedura skont l-Artikolu 258 TFUE kontra Stat Membru, anki meta dak l-Istat Membru Stat Membru mhux qed jimplimenta d-dritt tal-Unjoni skont l-Artikolu 51(1) tal-Karta.

64.      Fl-aħħar, l-interpretazzjoni li jiena qed nissuġġerixxi hawnhekk tal-Artikolu 19 TUE hija konsistenti mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja rigward il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Protokoll Nru 30 (42). L-espansjoni tas-setgħat tal-Kummissjoni sabiex tibda proċedura kontra l-Istati Membri taħt l-Artikolu 258 TFUE fir-rigward ta’ ksur seħħew, bħall-addizzjoni tal-Protokoll Nru 30, matul ir-reviżjoni tat-Trattat ta’ Lisbona. Għalhekk, li l-Kummissjoni titħalla tippreżenta rikorsi diretti kontra l-Istati Membri għal ksur tad-dispożizzjonijiet tat-TUE, bħall-Artikolu 19 TUE, bl-ebda mod ma tespandi l-kompetenza tal-Unjoni b’mod li jmur lil hinn minn dak li ġie miftiehem fil-proċess ta’ reviżjoni ta’ Lisbona (43).

3.      L-inapplikabbiltà tal-Artikolu 47 tal-Karta għal din il-proċedura

65.      Kif innutat hawn fuq, il-Kummissjoni ma ressqet l-ebda argument fl-applikazzjoni tagħha dwar il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 47 tal-Karta u kif il-miżuri kkontestati jimplimentaw id-dritt tal-Unjoni fis-sens tal-Artikolu 51(1) tal-Karta (44), u argumentat li l-Artikolu 51(1) ma huwiex rilevanti għal dawn il-proċeduri.

66.      Skont ġurisprudenza stabbilita, f’kull rikors ippreżentat skont l-Artikolu 258 TFUE, hija l-Kummissjoni li għandha tipprova l-allegat nuqqas billi tipprovdi lill-Qorti tal-Ġustizzja bl-informazzjoni kollha meħtieġa sabiex jiġi stabbilit li l-obbligu ma ġiex sodisfatt (45). B’mod partikolari, il-Kummissjoni għandha tindika fir-rikors tagħha taħt l-Artikolu 258 TFUE, l-ilmenti speċifiċi li fuqhom il-Qorti tal-Ġustizzja hija mitluba tiddeċiedi u għall-inqas, f’forma sommarja, il-partikolaritajiet legali u fattwali li fuqhom huma bbażati dawn l-ilmenti. Fir-rigward ta’ dawn id-dettalji legali, ma huwiex biżżejjed għall-Kummissjoni, sabiex issostni li l-Istat Membru konvenut ma kkonformax ma’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, li sempliċement tiċċita dik id-dispożizzjoni fit-taqsima tal-opinjoni motivata jew tar-rikors li jkopri l-kuntest legali u li huwa purament deskrittiv u nieqes minn kwalunkwe karattru ta’ spjega (46).

67.      Il-Kummissjoni naqset milli tressaq dettalji legali dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 47 tal-Karta għall-miżuri kkontestati indipendentement mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE u kif jimplimentaw id-dritt tal-Unjoni fis-sens tal-Artikolu 51(1) tal-Karta. L-ilmenti tagħha għandhom jiġu miċħuda bħala inammissibbli sakemm huma bbażati fuq l-Artikolu 47 tal-Karta.

D.      Merti tar-rikors

1.      L-ewwel ilment

68.      Bl-ewwel ilment tagħha, il-Kummissjoni tallega li billi tnaqqas l-età tal-irtirar tal-imħallfin tal-Qorti Suprema maħtura għal dik il-qorti qabel it‑3 ta’ April 2018 meta daħlet fis-seħħ il-Liġi dwar il-Qorti Suprema, l-Artikoli 37(1) u 111(1) u (1a) ta’ dik il-liġi jiksru l-prinċipju ta’ irremovabbiltà tal-imħallfin. Il-Kummissjoni tibbaża din it-talba fuq it-tneħħija bikrija ta’ iktar minn terz tal-imħallfin tal-Qorti Suprema fil-kariga u fuq l-assenza ta’ miżuri tranżitorji.

69.      Il-Polonja targumenta li l-Kummissjoni ma wrietx li l-miżuri kkontestati jiksru dak il-prinċipju, filwaqt li ħadet inkunsiderazzjoni n-numru limitat ta’ mħallfin affettwati u l-għan tagħha li tallinja l-età tal-irtirar tal-imħallfin tal-Qorti Suprema mal-età ġenerali tal-irtirar. Tirreferi wkoll għal garanziji ta’ indipendenza inerenti fil-kostituzzjoni tagħha.

70.      Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fir-rigward tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, li l-protezzjoni kontra t-tneħħija mill-kariga tal-membri tal-korp ikkonċernat hija waħda mill-garanziji essenzjali għall-indipendenza ġudizzjarja (47). Tabilħaqq, protezzjoni kontra t-tneħħija mill-kariga (irremovabbiltà) “hija l-bażi u r-riflessjoni tal-indipendenza ġudizzjarja u tfisser li l-imħallfin ma jistgħux jiġu mkeċċija, sospiżi, mċaqalqa jew irtirati ħlief għal raġunijiet, u bla ħsara għas-salvagwardji, ipprovduti bil-liġi” (48).

71.      Reċentement, il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem tenniet iċ-ċirkustanzi li fihom it-tneħħija ta’ mħallef mill-kariga tikser l-indipendenza u l-imparzjalità ta’ mħallef skont l-Artikolu 6(1) tal-KEDB. L-element oġġettiv ta’ imparzjalità protett minn dan l-artikolu jeħtieġ evalwazzjoni oġġettiva dwar jekk it-tribunal innifsu, u fost aspetti oħra l-kompożizzjoni tiegħu, joffrix biżżejjed garanziji sabiex jeskludi kwalunkwe dubju leġittimu fir-rigward tal-imparzjalità tiegħu. L-apparenzi huma ta’ ċertu importanza, sabiex “il-ġustizzja mhux biss biss issir imma għandha wkoll titqies li qed issir”. Dak li huwa fil-perikolu huwa l-kunfidenza li l-qrati ta’ soċjetà demokratika għandhom jispiraw fil-pubbliku (49). Dawn il-prinċipji jifformaw sors ta’ ispirazzjoni għall-prinċipji tad-dritt tal-Unjoni li huma għallinqas applikabbli meta l-Kummissjoni tinvoka, fil-kuntest ta’ proċedura skont l-Artikolu 258 TFUE, il-ksur tal-istat tad-dritt kif protett mill-Artikolu 2 TUE u li huwa espress konkretament fl-Artikolu 19 TUE (50).

72.      L-irremovabbiltà tal-imħallfin, flimkien mas-sigurtà tal-mandat, huma wkoll irrikonoxxuti bħala garanziji fundamentali tal-indipendenza ġudizzjarja fil-linji gwida (51) maħruġa mill-korpi Ewropej u internazzjonali relatati mal-indipendenza ġudizzjarja (52). B’mod partikolari, l-imħallfin għandu jkollhom mandat sal-età tal-irtirar mandatorju jew l-iskadenza tal-mandat tagħhom, u jistgħu jkunu suġġetti għal sospensjoni jew tneħħija mill-kariga f’każijiet individwali biss għal raġunijiet ta’ inkapaċità jew imġieba li jagħmluhom mhux tajba għall-kariga. Irtirar kmieni għandu jkun possibbli biss fuq talba tal-imħallef ikkonċernat jew għal raġunijiet mediċi, u kwalunkwe tibdil fl-età obbligatorja tal-irtirar ma għandux ikollu effett retroattiv.

73.      Fil-kawża preżenti, il-Kummissjoni wriet biżżejjed li l-miżuri kkontestati jiksru l-prinċipju tal-irremovabbiltà tal-imħallfin, li l-osservanza tagħhom hija meħtieġa sabiex tissodisfa r-rekwiżiti ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE (53).

74.      Iċ-ċirkustanzi ta’ din il-kawża huma distinti minn dawk li wasslu għas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza ASJP (54). F’dik is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-miżuri għat-tnaqqis tas-salarji inkwistjoni ma jfixklux l-indipendenza ġudizzjarja tal-qorti nazzjonali kkonċernata abbażi taċ-ċirkustanzi li ġejjin: l-ewwel, dawk il-miżuri ġew adottati minħabba l-ħtieġa kbira li jitneħħa d-defiċit eċċessiv tal-baġit ta’ Stat Membru fil-kuntest ta’ programm ta’ għajnuna finanzjarja tal-Unjoni, u pprovda għal tnaqqis limitat tal-ammont ta’ remunerazzjoni; it-tieni, applikaw b’mod wiesa’ għal diversi impjegati fis-settur pubbliku, inklużi rappreżentanti tal-leġiżlatura, l-eżekuttiv u l-ġudikatura, u għalhekk ma setgħux jiġu pperċepiti bħala adottati speċifikament fir-rigward tal-membri ta’ dik il-qorti; u t-tielet, kienu ta’ natura temporanja, minħabba li tneħħew fi żmien sentejn.

75.      Ħarsa mill-qrib ta’ dik is-sentenza tindika li l-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat diversi ċirkustanzi rilevanti fl-evalwazzjoni tagħha u b’mod partikolari l-impatt limitat u l-portata ġenerali tal-miżuri bħala mhux immirati speċifikament lejn il-ġudikatura. Mis-sentenza ASJP ma jirriżultax li d-dispożizzjonijiet applikabbli għall-imħallfin relatati mal-politika ġenerali fil-livell nazzjonali ma jmorrux kontra l-prinċipju ta’ indipendenza ġudizzjarja, iżda li l-evalwazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja tiddependi fuq iċ-ċirkustanzi tal-każ.

76.      F’din il-kawża, il-Kummissjoni wriet li l-miżuri kkontestati, l-ewwel, għandhom impatt kunsiderevoli fuq il-kompożizzjoni tal-Qorti Suprema għaliex jaffettwaw 27 minn 72 imħallef; it-tieni, jikkostitwixxu leġiżlazzjoni speċifika adottata fir-rigward ta’ membri tal-Qorti Suprema; u t-tielet, ma humiex maħsuba li jkunu temporanji. Barra minn hekk, it-tneħħija f’daqqa u mhux prevista ta’ numru kbir ta’ mħallfin inevitabbilment toħloq diffikultajiet f’termini ta’ fiduċja pubblika. Huwa prinċipalment għal din ir-raġuni li hemm bżonn ta’ arranġament tranżizzjonali, li jiżgura l-kontinwità tal-qorti.

77.      Jiena mhux konvint mill-argument tal-Polonja li, fir-rigward tal-imħallfin maħtura taħt reġim preċedenti li jipprovdi għall-età tal-irtirar iktar baxxa ta’ 65 sena, il-prinċipju ta’ irremovabbiltà tal-imħallfin mhux imfixkel. Kif tindika l-Kummissjoni, dan jinjora l-fatt li t-terminu tagħhom ġie estiż għall-età tal-irtirar ta’ 70 sena bil-Liġi tal‑2002 dwar il-Qorti Suprema u li ġiet itterminata qabel iż-żmien mill-miżuri kkontestati.

78.      Barra minn hekk, għalkemm il-miżuri kkontestati kienu japplikaw għal perijodu ta’ madwar disa’ xhur, mit‑3 ta’ April 2018 sal‑1 ta’ Jannar 2019 meta l-Liġi tal‑21 ta’ Novembru 2018 daħlet fis-seħħ, ma hemm l-ebda indikazzjoni li f’dak iż-żmien li fihom dawn il-miżuri ġew adottati dawn kienu maħsuba sabiex ikunu temporanji. L-adozzjoni tal-Liġi tal‑21 ta’ Novembru 2018 apparentement ġejja b’riżultat tad-digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja għal miżuri provviżorji (ara l-punti 16 sa 21 ta’ dawn il-konklużjonijiet) (55).

79.      Anki jekk, kif argumentat il-Polonja, huwa kkunsidrat li l-għan tal-miżuri kkontestati huwa li jallinja l-età tal-irtirar tal-imħallfin tal-Qorti Suprema mal-età ġenerali tal-irtirar, ma huwiex ikkontestat li dawn il-miżuri ġew applikati retroattivament għall-imħallfin kollha fil-kariga mingħajr ebda salvagwardja fis-seħħ permezz ta’ miżuri xierqa sabiex jiggarantixxu l-irremovabbiltà tal-imħallfin. Kif muri mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, filwaqt li l-Istati Membri għandhom il-kompetenza li jaġġustaw l-etajiet tal-irtirar tal-imħallfin fid-dawl tal-bidliet soċjali u ekonomiċi, huma għandhom jagħmlu hekk mingħajr ma jikkompromettu l-indipendenza u l-irremovabbiltà ta imħallfin bi ksur tal-obbligi tagħhom taħt id-dritt tal-Unjoni.

80.      B’mod partikolari, il-kawża Il‑Kummissjoni vs L‑Ungerija (56) kienet tikkonċerna proċedura ta’ ksur għan-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligi tal-Ungerija skont l-Artikoli 2 u 6(1) tad-Direttiva 2000/78 billi adottat miżuri li naqsu l-età tal-irtirar ta’ mħallfin, prosekuturi u nutara minn 70 għal 62 sena. Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-miżuri kkonċernati taw lok għal differenza fit-trattament ibbażata direttament fuq l-età, u mbagħad evalwat jekk setgħux jiġu ġġustifikati minn għan leġittimu u kinux proporzjonati skont l-Artikolu 6(1) ta’ dik id-direttiva. Fuq dik il-bażi, il-Qorti tal-Ġustizzja, abbażi tal-ġurisprudenza preċedenti tagħha inkluża Fuchs u Köhler (57), iddeċidiet li l-għanijiet imressqa mill-Ungerija li inkludew l-istandardizzazzjoni tal-limitu tal-età għall-irtirar obbligatorju fis-settur pubbliku kienu leġittimi, iżda sabet il-miżuri sproporzjonati.

81.      B’paragun, il-każ Il‑Kummissjoni vs L‑Ungerija (58) involva nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligi taħt id-Direttiva 95/46/KE (59) fuq il-bażi li l-Ungerija tterminat qabel iż-żmien it-terminu moqdi mis-superviżur tal-protezzjoni tad-data u b’hekk ġiet kompromessa l-indipendenza tiegħu bi ksur tal-Artikolu 28(1) ta’ din id-direttiva. Fis-sentenza tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja tenniet li kieku kien permess li Stat Membru jġiegħel awtorità superviżorja ttemm il-kariga qabel ma taqdi l-mandat sħiħ, it-theddida ta’ tali terminazzjoni prematura tista’ twassalha sabiex tidħol f’forma ta’ “konformità minn qabel” mal-awtorità politika li jkun inkompatibbli mar-rekwiżit tal-indipendenza. Il-Qorti tal-Ġustizzja ċaħdet l-argument tal-Ungerija li l-bidliet istituzzjonali fis-sistema tal-protezzjoni tad-data kienu raġuni oġġettiva li tiġġustifika t-terminazzjoni prematura, u enfasizzat li bidliet bħal dawn għandhom jiġu organizzati sabiex jissodisfaw il-ħtieġa ta’ indipendenza stabbilita fid-dritt tal-Unjoni, u għalkemm l-Istati Membri huma ħielsa fl-adozzjoni jew fl-emendar tal-mudell istituzzjonali, huma għandhom jiżguraw li l-indipendenza tal-awtorità ma tkunx kompromessa.

82.      Kif muri mill-kawża preċedenti, Il‑Kummissjoni vs L‑Ungerija (60), li tinvolvi l-età tal-irtirar tal-imħallfin, flimkien ma’ Fuchs u Köhler, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat bħala leġittimi ċerti għanijiet relatati mal-allinjament tal-età tal-irtirar fil-qafas speċifiku stabbilit fid-Direttiva 2000/78 fir-rigward tal-projbizzjoni fuq id-diskriminazzjoni fuq il-bażi tal-età. Madankollu, fis-sentenza Il‑Kummissjoni vs L‑Ungerija (61), li tinvolvi t-tneħħija bikrija tas-superviżur tal-protezzjoni tad-data, il-Qorti tal-Ġustizzja ma ppermettietx li tali għanijiet inaqqsu l-indipendenza tal-awtoritajiet superviżorji nazzjonali taħt id-dritt tal-Unjoni. Dan ir-raġunament huwa daqstant konvinċenti fil-każ tal-indipendenza tal-imħallfin. Jista’ jiġi dedott ukoll mill-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja li l-indipendenza ġudizzjarja hija “essenzjali” għall-protezzjoni ġudizzjarja effettiva skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE (62).

83.      Fid-dawl tar-raġunijiet preċedenti, l-ewwel ilment imqajjem mill-Kummissjoni għandu jitqies li huwa fondat.

2.      It-tieni lment

84.      Permezz tat-tieni lment tagħha, il-Kummissjoni tallega li l-Artikoli 37(1) sa (4) u 111(1) u (1a) tal-Liġi dwar il-Qorti Suprema u l-Liġi Emendatorja tal 10 ta’ Mejju 2018 jiksru l-prinċipju ta’ indipendenza ġudizzjarja minħabba li d-diskrezzjoni tal-President tar-Repubblika li jestendi l-mandat attiv tal-imħallfin tal-Qorti Suprema meta jilħqu l-età mnaqqsa tal-irtirar jippermettilu jeżerċita influwenza fuq il-Qorti Suprema u l-imħallfin tagħha. Il-Kummissjoni tibbaża t-talba tagħha primarjament fuq il-bażi li d-deċiżjoni tal-President tar-Repubblika ma hijiex suġġetta għal xi kriterji vinkolanti jew stħarriġ ġudizzjarju, u li d-dmir tiegħu li jitlob opinjoni lill-KNĠ ma teliminax id-diskrezzjoni eċċessiva tiegħu peress li dik l-opinjoni hija relatata ma’ kriterji ġenerali u ma hijiex vinkolanti.

85.      Il-Polonja ssostni li ma sar l-ebda ksur tal-indipendenza ġudizzjarja, filwaqt li b’mod partikolari tqis ir-rwol tal-President tar-Repubblika bħala gwardjan tal-kostituzzjoni Pollakka u s-sistema ta’ garanziji ta’ indipendenza ġudizzjarja fil-liġi Pollakka.

86.      Skont ir-rekwiżiti tal-indipendenza ġudizzjarja li l-Istati Membri għandhom jissodisfaw skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, il-kunċett ta’ indipendenza jippresupponi, b’mod partikolari, li l-korp ikkonċernat jeżerċita l-funzjonijiet tiegħu b’awtonomija kompleta, mingħajr ma jkun suġġett għal kwalunkwe restrizzjoni ġerarkika jew subordinata għal kwalunkwe korp ieħor u mingħajr ma jieħu ordnijiet jew struzzjonijiet minn kwalunkwe sors ikun xi jkun, u b’hekk ikun protett minn interventi esterni jew pressjoni li tista’ tfixkel is-sentenzi indipendenti tal-membri tagħha u tinfluwenza d-deċiżjonijiet tagħhom (63).

87.      Dawn ir-rekwiżiti jirrappreżentaw l-aspett estern tal-prinċipju ta’ indipendenza ġudizzjarja, li l-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat li jeħtieġu l-eżistenza ta’ regoli, b’mod partikolari, għal dak li jikkonċerna l-kompożizzjoni tal-istanza, il-ħatra, it-terminu tal-funzjonijiet kif ukoll il-kawżi ta’ astensjoni, rikuża u tkeċċija tal-membri tagħha, li jippermettu “li jitneħħa kull dubju leġittimu, fl-imħuħ tal-persuni suġġetti għall-ġurisdizzjoni tal-qrati, fir-rigward ta’ l-impermeabbiltà ta’ din l-istanza fir-rigward ta’ l-elementi esterni u tan-newtralità tagħha fir-rigward ta’ l-interessi li taffronta” (64).

88.      Nirreferi wkoll għall-prinċipji elaborati hawn fuq mill-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem li l-element oġġettiv tal-prinċipju ta’ indipendenza ġudizzjarja jeħtieġ garanziji biżżejjed sabiex jeskludi kull dubju leġittimu dwar l-indipendenza u l-imparzjalità tal-korp u jiżgura d-dehra ta’ indipendenza (ara l-punt 71 ta’ dawn il-konklużjonijiet).

89.      Fil-kawża preżenti, il-Kummissjoni wriet biżżejjed li l-miżuri kkontestati jiksru r-rekwiżiti ta’ indipendenza ġudizzjarja, peress li jistgħu jesponu lill-Qorti Suprema u lill-imħallfin tagħha għal intervent estern u pressjoni mill-President tar-Repubblika fl-estensjoni inizjali u t-tiġdid tal-mandat tagħhom li jfixkel l-indipendenza oġġettiva ta’ dik il-qorti u jinfluwenza s-sentenza u d-deċiżjonijiet indipendenti tal-imħallfin. Dan b’mod partikolari minħabba li r-rekwiżit li tapplika lill-President tar-Repubblika għall-estensjoni tal-età tal-irtirar huwa akkumpanjat minn tnaqqis fl-età tal-irtirar (65).

90.      Il-Polonja rrikonoxxiet li l-assenza ta’ awtorizzazzjoni mill-President tar-Repubblika li jestendi l-mandat ta’ mħallef tal-Qorti Suprema lil hinn mill-età tal-irtirar ma hijiex suġġetta għal reviżjoni ġudizzjarja.

91.      Irrispettivament mill-argumenti tal-Polonja fir-rigward tal-prerogattivi tal-President skont il-kostituzzjoni Pollakka, is-sistema ta’ garanziji ta’ indipendenza ġudizzjarja minquxa fil-liġi Pollakka u l-kriterji kkunsidrati mill-KNĠ fil-formulazzjoni tal-opinjoni tagħha, kif stabbilit fl-Artikolu 37(1b) tal-Liġi dwar il-Qorti Suprema, dawn l-argumenti ma humiex biżżejjed sabiex titneħħa l-impressjoni tal-assenza ta’ indipendenza oġġettiva tal-Qorti Suprema li tirriżulta mill-miżuri kkontestati u b’mod partikolari minn nuqqas ta’ kriterji vinkolanti li huma pprovduti f’dawk il-miżuri kif indikat mill-Kummissjoni.

92.      Fir-rigward tar-rwol tal-KNĠ, ma huwiex ikkontestat li l-opinjoni tiegħu ma hijiex vinkolanti. Irrispettivament mill-kompożizzjoni tal-KNĠ, ir-rwol tal-KNĠ bl-ebda mod ma jneħħi l-impressjoni tas-setgħa eċċessiva tal-President tar-Repubblika.

93.      Barra minn hekk, l-argumenti tal-Polonja bbażati fuq il-liġijiet tal-Istati Membri l-oħra u l-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni jonqsu milli jikkonvinċu. Kif indikat mill-Kummissjoni, ir-reġimi ta’ Stati Membri oħra ma humiex komparabbli mas-sitwazzjoni fil-Polonja, peress li joperaw f’kuntest legali, politiku u soċjali differenti, u fi kwalunkwe każ, dan ma għandux effett fuq in-nuqqas tal-Polonja li tissodisfa l-obbligi tagħha. Ir-riferiment għall-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni hija wkoll irrilevanti, peress li ma tqumx il-kwistjoni dwar bdil fl-età tal-irtirar tal-Imħallfin tal-Qorti tal-Ġustizzja u, barra minn hekk, ma hijiex xierqa, peress li tinsab fil-livell sopranazzjonali li tinvolvi reġim differenti mis-separazzjoni klassika tripartitika tal-poteri fl-Istati Membri (66).

94.      Fid-dawl tar-raġunijiet preċedenti, it-tieni lment imqajjem mill-Kummissjoni għandu jiġi kkunsidrat bħala fondat.

95.      Minn dak kollu li ntqal jirriżulta li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiddikjara li, billi tnaqqas l-età tal-irtirar tal-imħallfin tal-Qorti Suprema maħtura għal dik il-qorti qabel it‑3 ta’ April 2018 u billi tagħti d-diskrezzjoni lill-President tar-Repubblika sabiex jestendi l-mandat attivat tal-imħallfin tal-Qorti Suprema, ir-Repubblika tal-Polonja kisret il-prinċipji ta’ irremovabbiltà u indipendenza tal-imħallfin u b’hekk naqset milli tissodisfa l-obbligi tagħha skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE.

VII. Spejjeż

96.      Skont l-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu.

97.      Skont il-konklużjonijiet tiegħi, għalkemm l-ilmenti tal-Kummissjoni għandhom jiġu miċħuda bħala inammissibbli sa fejn huma bbażati fuq l-Artikolu 47 tal-Karta, il-Kummissjoni għandha raġun fuq iż-żewġ ilmenti sa fejn huma bbażati fuq it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE. Peress li r-Repubblika tal-Polonja tilfet, hemm lok li hija tiġi ordnata tbati l-ispejjeż tagħha kif ukoll dawk tal-Kummissjoni.

98.      Skont l-Artikolu 140(1) tar-Regoli tal-Proċedura, li taħthom l-Istati Membri li intervjenew fil-kawża għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom, l-Ungerija għandha tbati l-ispejjeż tagħha.

VIII. Konklużjoni

99.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet esposti iktar ’il fuq, jiena nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

(1)      tiddikjara li, billi tnaqqas l-età tal-irtirar tal-imħallfin tal-Qorti Suprema maħtura għal dik il-qorti qabel it‑3 ta’ April 2018 u billi tagħti d-diskrezzjoni lill-President tar-Repubblika sabiex jestendi l-funzjoni ġudizzjarja attiva tal-imħallfin tal-Qorti Suprema, ir-Repubblika tal-Polonja kisret il-prinċipji ta’ irremovabbiltà u indipendenza tal-imħallfin u b’hekk naqset milli tosserva l-obbligi tagħha skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE.

(2)      tiċħad ir-rikors fir-rigward tal-kumplament;

(3)      tikkundanna lir-Repubblika tal-Polonja għall-ispejjeż tagħha u għall-ispejjeż tal-Kummissjoni.

(4)      tikkundanna lill-Ungerija għall-ispejjeż tagħha.


1      Lingwa oriġinali: l-Ingliż.


2      Minbarra l-kawża preżenti, hemm bosta kawżi oħra pendenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja dwar ir-riforma tal-ġudikatura Pollakka, inkluż rikors għal ksur (C‑192/18) u talbiet għal deċiżjonijiet preliminari mressqa mill-Qorti Suprema Pollakka (C‑522/18, C‑537/18, C‑585/18, C‑624/18, C‑625/18 u C‑668/18), il-Qorti Amministrattiva Suprema Pollakka (C‑824/18) u l-qrati inferjuri Pollakki (C‑558/18, C‑563/18 u C‑623/18). Ta’ min jinnota li jekk fis-sentenza tagħha tas‑6 ta’ Novembru 2012, Il‑Kummissjoni vs L‑Ungerija, C‑286/12, EU:C:2012:687, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet dwar il-kompatibbiltà mad-dritt tal-Unjoni ta’ miżuri li jbaxxu l-età tal-irtirar għall-imħallfin, prosekuturi u nutara, hija għamlet hekk abbażi ta’ ksur tal-projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni fuq l-età fid-Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE tas‑27 ta’ Novembru 2000 li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjiegi u fix-xogħol (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 4, p. 79). Ara l-punt 80 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


3      Proposta Raġunata skont l-Artikolu 7(1) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea dwar l-Istat tad-Dritt fil-Polonja, COM (2017) 835 finali, tal‑20 ta’ Diċembru 2017.


4      Digriet tal-Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja tad‑19 ta’ Ottubru 2018, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja, C‑619/18 R, mhux ippubblikat, EU:C:2018:852.


5      Digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja tas‑17 ta’ Diċembru 2018, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja, C‑619/18 R, EU:C:2018:1021.


6      Digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal‑15 ta’ Novembru 2018, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja, C‑619/18, EU:C:2018:910.


7      Sentenzi tas‑27 ta’ Frar 2018, Associação Sindical dos Juízes Portugueses (iktar ’il quddiem is-“sentenza ASJP”), C‑64/16, EU:C:2018:117, u tal‑25 ta’ Lulju 2018, Minister for Justice and Equality, C‑216/18 PPU, EU:C:2018:586.


8      Il-Kummissjoni tirreferi b’mod partikolari għar-Rakkomandazzjoni tal-Kumitat tal-Ministri tal-Kunsill tal-Ewropa CM/Rec(2010) 12, Imħallfin: indipendenza, effiċjenza u responsabbiltajiet, tas‑17 ta’ Novembru 2010 (iktar ’il quddiem ir-“Rakkomandazzjoni tal‑2010”), punt 27.


9      Sentenza tas‑27 ta’ Frar 2018, C‑64/16, EU:C:2018:117.


10      ĠU 2016, C 202, p. 312 (“Protokoll Nru 30”).


11      Il-Polonja tirreferi b’mod partikolari għall-Artikolu 180(1) u (4) tal-Kostituzzjoni Pollakka.


12      Sentenzi tal‑21 ta’ Lulju 2011, Fuchs u Köhler, C‑159/10 u C‑160/10, EU:C:2011:508, u tas‑6 ta’ Novembru 2012, Il‑Kummissjoni vs L‑Ungerija, C‑286/12, EU:C:2012:687.


13      Il-Polonja tirreferi b’mod partikolari għall-Artikolu 126, il-punt 17 tal-Artikolu 144(3) u l-Artikolu 179 tal-Kostituzzjoni Pollakka.


14      Ara s-sentenza tat‑22 ta’ Frar 2018, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja, C‑336/16, EU:C:2018:94, punt 47.


15      Ara s-sentenza tal‑4 ta’ Mejju 2006, Il‑Kummissjoni vs Ir‑Renju Unit, C‑508/03, EU:C:2006:287, punt 73.


16      Ara s-sentenza tal‑14 ta’ April 2005, Il‑Kummissjoni vs Il‑Lussemburgu, C‑519/03, EU:C:2005:234, punt 19.


17      Ara s-sentenza tal‑10 ta’ April 2008, Il‑Kummissjoni vs L‑Italja, C‑442/06, EU:C:2008:216, punt 42.


18      Ara s-sentenza tat‑18 ta’ Lulju 2007, Il‑Kummissjoni vs Il‑Ġermanja, C‑503/04, EU:C:2017:432, punti 15 u 16.


19      Ara t-tielet paragrafu tal-Artikolu 1 TUE; l-Artikolu 1(2) TFUE.


20      Ara Craig, P., u De Búrca, G., EU Law: Text, Cases and Materials, is-sitt edizzjoni (OUP 2015) p. 431.


21      Ara, b’mod partikolari, l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(1) TUE.


22      Ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Saugmandsgaard Øe fil-kawża Il‑Kummissjoni vs L‑Ungerija, C‑235/17, EU:C:2018:971, punti 64 sa 127 u b’mod partikolari l-punti 66 u 67; Łazowski, A., “Decoding a Legal Enigma: the Charter of Fundamental Rights of the European Union and infringement proceedings”, ERA Forum, Vol. 14, 2013, p. 573 u 577. Ara wkoll il-punti 52 sa 60 u 65 sa 67 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


23      Kummenti editorjali, “Safeguarding EU values in the Member States - Is something finally happening?”, Common Market Law Review, Vol. 52, 2015, p. 619 u 626 sa 627.


24      Proposta Raġunata, nota ta’ qiegħ il-paġna 3, b’mod partikolari l-punti 4.1.1 u 4.1.2 u l-premessi 172 u 175.


25      Ara Closa, C., u Kochenov, D., (edituri), Reinforcing Rule of Law Oversight in the European Union, CUP, 2016; Jakab, A., u Kochenov, D., (edituri), The Enforcement of EU Law and Values: Ensuring Member States’ Compliance, OUP, 2017; “Liability of Member States for the Violation of Fundamental Values of the European Union,” Europarecht Beiheft 1, 2018.


26      Ara Lenaerts, K., Maselis, I., u Gutman, K., EU Procedural Law, Nowak, J. T., (editur), OUP, 2015, p. 159 sa 161; Prete, L., Infringement Proceedings in EU Law, Kluwer, 2017, p. 29 sa 34.


27      Ara Hillion, C., “Overseeing the Rule of Law in the EU: Legal Mandate and Means”, fi Closa u Kochenov, nota ta’ qiegħ il-paġna 25, p. 59, u 71 sa 74; Hoffmeister, F., “Enforcing the EU Charter of Fundamental Rights in Member States: How Far are Rome, Budapest and Bucharest from Brussels?”, f’Armin von Bogdandy u Pál Sonnevend (edituri), Constitutional Crisis in the European Constitutional Area, Hart, 2016, p. 195, u 205 sa 206.


28      Ara Schmidt, M., u Bogdanowicz, P., “The Infringement Procedure in the Rule of Law Crisis: How to Make Effective Use of Article 258 TFEU”, Common Market Law Review, Vol. 55, 2018, p 1061, u 1069 sa 1073, b’mod partikolari 1071.


29      Ara s-sentenzi tal‑14 ta’ Ġunju 2017, Online Games et, C‑685/15, EU:C:2017:452, punti 54 u 55, u tat‑13 ta’ Marzu 2018, European Union Copper Task Force vs Il‑Kummissjoni, C‑384/16 P, EU:C:2018:176, punti 116 u 117, u Industrias Químicas del Vallés vs Il‑Kummissjoni, C‑244/16 P, EU:C:2018:177, punti 106 u 107.


30      Sentenza tas‑27 ta’ Frar 2018, C‑64/16, EU:C:2018:117, punti 1, 18, 27 u l-parti operattiva.


31      Sentenza tas‑27 ta’ Frar 2018, ASJP, C‑64/16, EU:C:2018:117, punt 29.


32      Ara Spjegazzjonijiet dwar il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali (ĠU 2007, C 303, p. 17), Spjegazzjoni dwar l-Artikolu 47, p. 29 u 30.


33      Sentenza tas‑27 ta’ Frar 2018, ASJP, C‑64/16, EU:C:2018:117, punti 35, 41 u 42


34      Tabilħaqq, huwa argumentat fil-kummentarji li l-ksur tal-valuri stabbiliti fl-Artikolu 2 TUE minn Stat Membru jista’ jiġi mħarrek mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 258 TFUE. Ara Scheppele, K. L., “Enforcing the Basic Principles of EU Law through Systemic Infringement Actions”, fi Closa u Kochenov, nota ta’ qiegħ il-paġna 25, p. 105; Waelbroeck, M., u Oliver, P., “La crise de l’état de droit dans l’Union europeéenne: que faire?”, Cahiers de droit européen, 2017, p. 299.


35      Ara Bonelli, M., u Claes, M., “Judicial serendipity: how Portuguese judges came to the rescue of the Polish judiciary”, European Constitutional Law Review, Vol. 14, 2018, p. 622, Krajewski, M., Associação Sindical Dos Juízes Portugueses: The Court of Justice and Athena’s Dilemma, European Papers, Vol. 3, 2018, p. 395; Pech, L., u Platon, S., “Judicial independence under threat: The Court of Justice to the rescue in the ASJP case”, Common Market Law Review, Vol. 55, 2018, p. 1827.


36      Sentenza tas‑6 ta’ Marzu 2018, Achmea, C‑284/16, EU:C:2018:158, b’mod partikolari l-punti 36, 55 u 56.


37      Sentenza tal‑25 ta’ Lulju 2018, Minister for Justice and Equality, C‑216/18 PPU, EU:C:2018:586, b’mod partikolari l-punti 48 sa 55.


38      Ara Barents, R., “Remedies and Procedures before the EU Courts”, Breese, H. E., (editur), Kluwer, 2016, p. 112 sa 113. Ara wkoll il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Saugmandsgaard Øe fil-kawża ASJP, C‑64/16, EU:C:2017:395, punt 41.


39      Sentenza tas‑27 ta’ Frar 2018, C‑64/16, EU:C:2018:117, punti 32, 37 sa 41.


40      Ara, pereżempju, is-sentenza tal‑20 ta’ Diċembru 2017, Polkomtel, C‑277/16, EU:C:2017:989.


41      Jista’ jiġi kkunsidrat li l-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE ma jkoprix ir-reviżjoni ta’ kull miżura nazzjonali, għalkemm marġinali, li għandha x’taqsam mal-organizzazzjoni tal-ġudikatura, iżda pjuttost, tikkonċerna indipendenza predominantement oġġettiva u miżuri nazzjonali li għandhom impatt ġeneralizzat fuq is-sistema ġenerali stabbilita mill-Istati Membri sabiex tiġi żgurata protezzjoni ġudizzjarja effettiva u r-rekwiżiti essenzjali tagħha.


42      Sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2011, N.S. et, C‑411/10 u C‑493/10, EU:C:2011:865, punti 119 u 120. Ara wkoll il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Trstenjak fil-kawża N.S. et, C‑411/10 u C‑493/10, EU:C:2011:611, punti 167 sa 171 u tal-Avukat Ġenerali Kokott fil-kawża Bonda, C‑489/10, EU:C:2011:845 punti 21 sa 23.


43      Ara Łazowski, nota ta’ qiegħ il-paġna 22, p. 580 sa 581; Prete, nota ta’ qiegħ il-paġna 26, p. 74 sa 75.


44      Ara s-sentenzi tas‑16 ta’ Mejju 2017, Berlioz Investment Fund, C‑682/15, EU:C:2017:373, punt 49, u tal‑14 ta’ Ġunju 2017, Online Games et, C‑685/15, EU:C:2017:452, punt 55.


45      Ara s-sentenza tat‑13 ta’ Novembru 2008, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja, C‑227/07, EU:C:2008:620, punt 67.


46      Ara s-sentenza tad‑29 ta’ Novembru 2001, Il‑Kummissjoni vs L‑Italja, C‑202/99, EU:C:2001:646, punt 21.


47      Sentenzi tas‑27 ta’ Frar 2018, ASJP, C‑64/16, EU:C:2018:117, punt 45, u tas‑7 ta’ Frar 2019, Escribano Vindel, C‑49/18, EU:C:2019:106, punt 66.


48      Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Ruiz-Jarabo Colomer fil-kawża Coster, C‑17/00, EU:C:2001:366, punt 93.


49      Qorti EDB, tal‑25 ta’ Settembru 2018, Denisov v. L‑Ukraina, ECHR:2018:0925JUD007663911, punti 61 u 63.


50      Similment, il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar it-tifsira ta’ “indipendenza” hija rilevanti għall-interpretazzjoni tal-Artikolu 19(1) TUE. Ara, pereżempju, is-sentenza tad‑19 ta’ Settembru 2006, Wilson, C‑506/04, EU:C:2006:587, punti 49 sa 53.


51      Ninnota li linji gwida bħal dawn huma l-hekk imsejħa “soft-law” jew normi li ma jorbtux, iżda dawn jinkorporaw “kunsens normattiv” tar-regoli u l-prinċipji kondiviżi mill-Istati Membri (u ġurisdizzjonijiet oħra) li jipprovdu riferiment utli għall-Qorti tal-Ġustizzja. Ara Hoffmann-Riem, W., “The Venice Commission of the Council of Europe - Standards and Impact”, European Journal of International Law, Vol. 25, 2014, p. 579 sa 597.


52      Ara, pereżempju, il-Kunsill tal-Ewropa, il-Karta Ewropea dwar l-Istatut tal-Imħallfin, tat‑8 sal‑10 ta’ Lulju 1998, DAJ/DOC (98) 23, punt 3.4; Rakkomandazzjoni tal-2010, nota ta’ qiegħ il-paġna 8, punti 49 sa 52; l-Kunsill tal-Ewropa, il-Kunsill Konsultattiv tal-Imħallfin Ewropej (CCJE), Magna Carta tal-Imħallfin (Prinċipji Fundamentali), tas‑17 ta’ Novembru 2010, CCJE (2010)3 Final, punt 4; International Bar Association, Minimum Standards of Judicial Independence, 1982, punt 20; Nazzjonijiet Uniti, Prinċipji Bażiċi dwar l-Indipendenza tal-Ġudikatura, 1985, punti 12 u 18; Assoċjazzjoni Internazzjonali tal-Imħallfin, il-Karta Universali tal-Imħallef, reveduta fl‑2017, Artikolu 2‑2.


53      Kif indikat mill-Kummissjoni, il-Kummissjoni Ewropea għad-Demokrazija permezz tad-Dritt (il-Kummissjoni ta’ Venezia) kkunsidrat li l-irtirar bikri tal-imħallfin preżenti bħalissa jimmina kemm is-sigurtà tal-mandat tagħhom kif ukoll l-indipendenza tal-Qorti Suprema Pollakka b’mod ġenerali fl-Opinjoni tagħha Nru 904/2017 tal‑11 ta’ Diċembru 2017, dwar l-Abbozz ta’ Liġi li Jemenda l-Liġi dwar il-Kunsill Nazzjonali għall-Ġudikatura; dwar l-Abbozz ta’ Liġi li Jemenda l-Liġi dwar il-Qorti Suprema, proposti mill-President tar-Repubblika tal-Polonja, u dwar il-Liġi dwar l-Organizzazzjoni tal-Qrati Ordinarji, CDL‑AD(2017)031, punt 48. Ara wkoll, pereżempju, il-Kunsill tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tal-Bniedem, Rapport tar-Rapporteur Speċjali dwar l-indipendenza tal-imħallfin u l-avukati dwar il-missjoni tiegħu fil-Polonja, tal‑5 ta’ April 2018, A/HRC/38/38/Add.1, punt 55; Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa (OSCE) Uffiċċju għall-Istituzzjonijiet Demokratiċi u d-Drittijiet tal-Bniedem, Opinjoni dwar Ċerti Dispożizzjonijiet tal-Abbozz ta’ Liġi dwar il-Qorti Suprema tal-Polonja (mis‑26 ta’ Settembru 2017), tat‑13 ta’ Novembru 2017, JUD‑POL/315/2017, punt 112.


54      Sentenzi tas-27 ta’ Frar 2018, C‑64/16, EU:C:2018:117, punti 46 sa 51, u tas‑7 ta’ Frar 2019, Escribano Vindel, C‑49/18, EU:C:2019:106, punt 67.


55      Ara l-Istudju tal-Parlament Ewropew, The EU framework for enforcing the respect of the rule of law and the Union’s fundamental principles and values, Direttorat Ġenerali għall-Politika Interna tal-Unjoni, Direttorat għad-Drittijiet taċ-Ċittadini u għall-Affarijiet Kostituzzjonali, 2019, PE 608.856, p. 25.


56      Sentenza tas‑6 ta’ Novembru 2012, C‑286/12, EU:C:2012:687, punti 54 sa 81.


57      Sentenza tal‑21 ta’ Lulju 2011, C‑159/10 u C‑160/10, EU:C:2011:508, b’mod partikolari l-punt 50.


58      Sentenza tat‑8 ta’ April 2014, C‑288/12, EU:C:2014:237, punti 54, 59 u 60. Enfasi miżjuda minni


59      Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑24 ta’ Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward ta’ l-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 15, p. 355), issa mħassra bir-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) (ĠU 2016, L 119, p. 1 u rettifika fil-ĠU 2018, L 127, p. 2).


60      Sentenza tas‑6 ta’ Novembru 2012, C‑286/12, EU:C:2012:687.


61      Sentenza tat‑8 ta’ April 2014, C‑288/12, EU:C:2014:237.


62      Sentenza tas‑27 ta’ Frar 2018, ASJP, C‑64/16, EU:C:2018:117, punti 40 u 41.


63      Sentenzi tas‑27 ta’ Frar 2018, ASJP, C‑64/16, EU:C:2018:117, punt 44, u tas‑7 ta’ Frar 2019, Escribano Vindel, C‑49/18, EU:C:2019:106, punt 66


64      Ara s-sentenza tad‑19 ta’ Settembru 2006, Wilson, C‑506/04, EU:C:2006:587, punt 53.


65      Il-miżuri kkontestati kienu wkoll ikkunsidrati bħala li jmorru kontra l-istandards Ewropej u internazzjonali tal-indipendenza ġudizzjarja. Ara, pereżempju, il-Kunsill tal-Ewropa, il-Kunsill Konsultattiv tal-Imħallfin Ewropej (CCJE), ir-Rapport dwar l-Indipendenza Ġudizzjarja u l-Imparzjalità fl-Istati Membri tal-Kunsill tal-Ewropa fl‑2017, tas‑7 ta’ Frar 2018, punt 158; il-Kunsill tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tal-Bniedem, Rapport tar-Rapporteur Speċjali, nota ta’ qiegħ il-paġna 54, punt 56.


66      Ara Kosař, D., “Beyond Judicial Councils: Forms, Rationales and Impact of Judicial Self-Governance in Europe”, German Law Journal, Vol. 19, 2018, p. 1567 u 1596.