Language of document :

Appell ippreżentat fid-29 ta’ Jannar 2019 minn Credito Fondiario SpA mid-digriet mogħti mill-Qorti Ġenerali (It-Tmien Awla) fid-19 ta’ Novembru 2018 fil-Kawża T-661/16, Credito Fondiario vs BUR

(Kawża C-69/19 P)

Lingwa tal-kawża: it-Taljan

Partijiet

Appellanti: Credito Fondiario SpA (rappreżentanti: F. Sciaudone, F. Iacovone, S. Frazzani u A. Neri, avukati)

Parti oħra fil-proċedura: Il-Bord Uniku ta’ Riżoluzzjoni

Intervenjenti: Ir-Repubblika Taljana, Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

L-appellanti titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tannulla d-digriet appellat u tirrinvija l-kawża lill-Qorti Ġenerali;

tikkundanna lill-BUR għall-ispejjeż tal-appell u għal dawk tal-Kawża T-661/16;

sussidjarjament, tannulla d-digriet appellat sa fejn il-Qorti Ġenerali tikkundanna lil Credito Fondiario għall-ħlas tal-ispejjeż tal-BUR u tiddeċiedi l-ispejjeż tal-proċeduri fl-ewwel istanza skont il-prinċipju ta’ ekwità.

Aggravji u argumenti prinċipali

L-appellanti tqis li d-digriet appellat huwa vvizzjat b’numru ta’ żbalji, li jikkostitwixxu kemm żbalji ta’ liġi kif ukoll żbalji ta’ proċedura.

I.    Kwalifika żbaljata tal-fatti – Nuqqas ta’ motivazzjoni

Il-Qorti Ġenerali kkwalifikat b’mod żbaljat il-fatti skont il-ġurisprudenza li tipprevedi li fin-nuqqas ta’ pubblikazzjoni jew ta’ notifika, it-terminu għall-preżentata ta’ appell jibda jiddekorri mill-mument fejn il-parti kkonċernata tieħu konjizzjoni preċiża tal-kontenut u tal-motivazzjoni tal-att, bil-kundizzjoni li tkun talbet it-test f’terminu raġonevoli.

B’mod partikolari, il-Qorti Ġenerali evalwat b’mod żbaljat li l-appellanti ħadet konjizzjoni ta’ żewġ deċiżjonijiet tal-BUR permezz taż-żewġ noti tal-Banca d’Italia tat-3 ta’ Mejju 2016. Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali evalwat b’mod żbaljat li l-appellanti ma aġixxietx f’terminu reġjonevoli sabiex tikseb iż-żewġ deċiżjonijiet tal-BUR. Il-Qorti Ġenerali ma kkunsidratx debitament il-kuntest ta’ nuqqas ta’ ċertezza legali. Konsegwentement, il-Qorti Ġenerali b’mod żbaljat ikkonstatat in-natura tardiva tar-rikors fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-każ inkwistjoni.

II.    Interpretazzjoni u applikazzjoni żbaljata tal-ġurisprudenza relatata mat-“terminu raġonevoli”

L-evalwazzojni tan-natura tardiva tar-rikors magħmula mill-Qorti Ġenerali hija vvizzjata wkoll minħabba l-interpretazzjoni żbaljata (u l-konsegwenti applikazzjoni żbaljata għall-każ inkwistjoni) tal-ġurisprudenza relatata mat-tul raġonevoli tat-terminu li matulu l-parti kkonċernata għandha taġixxi biex tikseb id-deċiżjoni li għandha tiġi kkontestata.

III.    Ksur tad-drittijiet tad-difiża tal-appellanti – Ksur u applikazzjoni żbaljata tal-Artikolu 126 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali

Filwaqt li l-Qorti Ġenerali adottat numru ta’ miżuri istruttorji u miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, hija ma stednitx lill-partijiet iressqu osservazzjonijiet dwar il-kwistjoni tal-preżentata fil-ħin tar-rikors. Il-Qorti Ġenerali eżaminat il-kwistjoni tan-natura tardiva għall-ewwel darba fid-digriet, fejn ibbażat iċ-ċaħda tar-rikors fuq din il-kwistjoni, mingħajr ma qiegħdet lill-partijiet, b’mod partikolari lill-appellanti, fil-kundizzjoni li jressqu l-fehmiet u l-argumenti tagħhom dwar dan il-punt.

Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali adottat id-digriet b’applikazzjoni tal-Artikolu 126 tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, minkejja li kien evidenti, għal numru ta’ rġaunijiet, li l-motiv ta’ inammissibbiltà li fuqu kien ibbażat id-digriet ma kienx manifest.

Għalhekk, il-Qorti Ġenerali kisret id-drittijiet tad-difiża tal-appellanti.

IV.    Żball ta’ evalwazzjoni relatat mal-inammissibbiltà tat-talba mressqa taħt l-Artikolu 277 TFUE

L-evalwazzjonijiet żbaljati li permezz tagħhom il-Qorti Ġenerali kkonstatat l-inammissibbiltà tat-talba għal annullament jikkomportaw, awtomatikament, l-illegalità tad-digriet fil-parti fejn il-Qorti Ġenerali kkonstatat l-inammissibbiltà tat-talba tal-appellanti intiża sabiex tinkiseb id-dikjarazzjoni ta’ illegalità tar-Regolament 2015/63 1 . Fil-fatt, il-Qorti Ġenerali qieset li t-tieni talba kienet neċessarjament aċċessorja fir-rigward tat-talba prinċipali ta’ annullament, u li għalhekk l-inammissibbiltà manifesta tar-rikors għal annullament kienet tiddetermina awtomatikament l-inammissibbiltà manifesta tat-talba intiża sabiex tinkiseb id-dikjarazzjoni ta’ illegalità tar-Regolament 2015/63.

V.    Żball ta’ evalwazzjoni relatat mal-kundanna għall-ispejjeż – Ksur u applikazzjoni żbaljata tal-Artikoli 134 u 135 tar-Regoli tal-Proċedura

Sussidjarjament, l-appellanti tikkontesta d-digriet sa fejn il-Qorti Ġenerali kkundannatha tbati l-ispejjeż tal-BUR.

Skont l-appellanti, għal raġunijiet ta’ ekwità, il-Qorti Ġenerali jmissha applikat l-Artikolu 135 tar-Regoli tal-Proċedura u paċiet l-ispejjeż bis-saħħa tal-Artikolu 135(1) tar-Regoli tal-Proċedura jew, jekk ikun il-każ, imissha kkundannat lill-BUR sabiex tbati mill-inqas parti mill-ispejjeż sostnuti mir-rikorrenti fl-ewwel istanza, bis-saħħa tal-Artikolu 135(2) tar-Regoli tal-Proċedura.

____________

1     Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) 2015/63 tal-21 ta’ Ottubru 2014 li jissupplimenta d-Direttiva 2014/59/UE tal-Parlament Ewropew u l-Kunsill fir-rigward tal-kontribuzzjonijiet ex ante għall-arranġamenti ta’ finanzjament ta’ riżoluzzjoni (ĠU 2015, L 11, p. 44 u r-rettifika ĠU 2017 L 156, p. 38 ).