Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-First-tier Tribunal (Tax Chamber) (ir-Renju Unit) fl-1 ta’ Frar 2019 – Kaplan International colleges UK Ltd vs The Commissioners for Her Majesty’s Revenue and Customs

(Kawża C-77/19)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Qorti tar-rinviju

First-tier Tribunal (Tax Chamber)

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: Kaplan International colleges UK Ltd

Konvenuti: The Commissioners for Her Majesty’s Revenue and Customs

Domandi preliminari

X’inhu l-kamp ta’ applikazzjoni territorjali tal-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 132(1)(f) tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE 1 ? B’mod partikolari (i) din l-eżenzjoni tapplika għal grupp li jaqsam l-ispejjeż (CSG) li jkun stabbilit fi Stat Membru ieħor għajr dak jew dawk fejn ikunu stabbiliti l-membri taċ-CSG? Fil-każ ta’ risposta affermattiva, (ii) din l-eżenzjoni hija wkoll applikabbli għal CSG stabbilit barra mill-Unjoni Ewropea?

Jekk l-eżenzjoni favur iċ-CSG tapplika bħala prinċipju għal entità stabbilita fi Stat Membru ieħor għajr dak jew dawk fejn ikunu stabbiliti l-membri taċ-CSG kif ukoll għal CSG stabbilit barra mill-Unjoni, kif għandu jiġi applikat il-kriterju li jgħid li l-eżenzjoni ma għandhiex tkun tista’ tikkawża distorsjoni tal-kompetizzjoni? B’mod partikolari,

dan il-kriterju japplika għal distorsjonijiet eventwali li jaffettwaw lil benefiċjarji oħra ta’ servizzi simili li ma humiex membri taċ-CSG jew japplika biss għad-distorsjonijiet eventwali li jaffettwaw lil fornituri eventwali oħra li jipprovdu servizzi lill-membri taċ-CSG?

Fil-każ li dan il-kriterju japplika biss għal benefiċjarji oħra, tkun tista’ teżisti possibbiltà reali ta’ distorsjoni jekk benefiċjarji oħra li ma jkunux membri taċ-CSG ikunu jistgħu jitolbu li jingħaqdu maċ-CSG inkwistjoni jew joħolqu CSG tagħhom stess bil-għan li jinkisbu servizzi simili jew ekonomiji ekwivalenti tal-VAT permezz ta’ metodi oħra (bħall-ħolqien ta’ fergħa fl-Istat Membru jew fil-pajjiż terz inkwistjoni)?

Fil-każ li dan il-kriterju japplika biss għal fornituri oħra, il-possibbiltà reali ta’ distorsjoni għandha tiġi evalwata billi jiġi ddeterminat jekk iċ-CSG huwiex żgur li ser iżomm il-klijentela tal-membri tiegħu, irrispettivament mill-applikazzjoni tal-eżenzjoni tal-VAT – u, konsegwentement, għandha tiġi evalwata fir-rigward tal-aċċess ta’ fornituri oħra għas-suq nazzjonali li fih ikunu stabbiliti l-membri taċ-CSG? Fil-każ ta’ risposta affermattiva, il-kwistjoni dwar jekk iċ-CSG huwiex żgur li ser iżomm il-klijentela tal-membri tiegħu, għaliex dawn tal-aħħar huma parti mill-istess grupp ta’ kumpanniji, hija rilevanti?

Distorsjonijiet potenzjali għandhom jiġu evalwati fuq livell nazzjonali fir-rigward ta’ fornituri oħra li jeżerċitaw l-attività tagħhom fil-pajjiż terz li fih ikun stabbilit iċ-CSG?

L-oneru tal-prova għal dak li jirrigwarda l-probabbiltà ta’ distorsjoni taqa’ fuq l-awtorità tat-taxxa tal-Unjoni li tamministra d-Direttiva tal-VAT?

Huwa neċessarju li l-awtorità tat-taxxa tal-Unjoni tikkummissjona perizja speċifika tas-suq tal-pajjiż terz li fih ikun stabbilit iċ-CSG?

L-eżistenza ta’ possibbiltà reali ta’ distorsjoni tista’ tiġi stabbilita permezz tal-identifikazzjoni ta’ suq kummerċjali fil-pajjiż terz?

L-eżenzjoni favur iċ-CSG tista’ tapplika f’sitwazzjoni bħal dik f’dan il-każ, li fiha l-membri taċ-CSG ikunu marbuta flimkien b’rabtiet ekonomiċi, finanzjarji u organizzattivi?

L-eżenzjoni favur iċ-CSG tista’ tapplika meta l-membri jkunu ħolqu grupp VAT li jikkostitwixxi persuna taxxabbli waħda? Huwa rilevanti l-fatt li KIC, il-membru rappreżentattiv li (fid-dritt nazzjonali) huwa l-benefiċjarju tas-servizzi, ma hijiex membru taċ-CSG? Fil-każ ta’ risposta affermattiva, din ir-rilevanza hija eskluża mid-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali li jipprevedu li l-membru rappreżentattiv għandu l-karatteristiċi u l-istatus ta’ membri taċ-CSG għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-eżenzjoni favur iċ-CSG?

____________

1     Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU 2006, L 347, p. 1, rettifika fil-ĠU 2007, L 335, p. 60).