Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mit-Tribunal Judicial da Comarca de Lisboa - Juízo Local Cível de Lisboa – Juiz 18 (il-Portugall) fil-31 ta’ Jannar 2019 – LE vs Transportes Aéreos Portugueses, SA

(Kawża C-74/19)

Lingwa tal-kawża: il-Portugiż

Qorti tar-rinviju

Tribunal Judicial da Comarca de Lisboa - Juízo Local Cível de Lisboa – Juiz 18

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: LE

Konvenuta: Transportes Aéreos Portugueses, SA

Domandi preliminari

Il-każ fejn passiġġier, matul titjira, jigdem lil passiġġieri oħra u jaggredixxi lill-ekwipaġġ li pprova jikkalmah, b’tali mod li kien jiġġustifika, skont il-kmandant tat-titjira, devjazzjoni lejn l-ajruport l-iktar qrib sabiex ikun jista’ jiġi żbarkat dan il-passiġġier u l-bagalji rispettivi tiegħu, liema fatt ta lok għal dewmien fil-wasla ta’ din it-titjira lejn id-destinazzjoni tagħha, jidħol fil-kunċett ta’ “ċirkustanzi straordinarji” msemmi fil-premessa 14 tar-Regolament (KE) Nru 261/2004 1 ?

“Ċirkustanza straordinarja” vverifikata fit-titjira ta’ tluq, immedjatament qabel, li ġiet operata mill-istess ajruplan, hija rilevanti sabiex tiġi eskluża r-responsabbiltà tat-trasportatur tal-ajru b’rabta mad-dewmien fil-wasla ta’ dan l-ajruplan fit-titjira ta’ ritorn, li fih ġie imbarkat il-passiġġier li ressaq it-talba għal kumpens, ir-rikorrent attwali?

L-evalwazzjoni u l-konklużjoni min-naħa tal-konvenuta li l-provvista ta’ ajruplan ieħor ma kienx jevita d-dewmien diġà fis-seħħ kif ukoll it-trasferiment tal-passiġġier, ir-rikorrent attwali, lejn it-titjira tal-jum segwenti, inkwantu din il-kumpannija, attwalment konvenuta, kellha biss titjira kuljum lejn id-destinazzjoni finali tal-passiġġier, hija ekwivalenti għal aġir min-naħa tat-trasportatur tal-ajru, attwalment konvenuta, li fih din tal-aħħar adottat il-miżuri kollha reġonevoli minkejja li ma kienx possibbli li jiġi rrettifikat id-dewmien ikkonstatat, li jaqa’ taħt l-Artikolu 5(3) tar-Regolament (KE) Nru 261/2004?

____________

1     Regolament (KE) Nru 261/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Frar 2004 li jistabbilixxi regoli komuni dwar il-kumpens u l-assistenza għal passiġġieri fil-każ li ma jitħallewx jitilgħu u ta’ kanċellazzjoni jew dewmien twil ta’ titjiriet, u li li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 295/91 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 7, Vol. 8, p. 10).