Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Varhoven administrativen sad (il-Bulgarija) fil-31 ta’ Jannar 2019 – Direktor na Teritorialna direktsia Yugozapadna Agentsia “Mitnitsi” pravopriemnik na Mitnitsa Aerogara Sofia vs “Curtis Balkan” EOOD

(Kawża C-76/19)

Lingwa tal-kawża: il-Bulgaru

Qorti tar-rinviju

Varhoven administrativen sad

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: Direktor na Teritorialna direktsia Yugozapadna Agentsia “Mitnitsi” pravopriemnik na Mitnitsa Aerogara Sofia

Konvenuta: “Curtis Balkan” EOOD

Domandi preliminari

L-Artikolu 158(3) tar-Regolament Nru 2454/93 1 għandu jiġi interpretat fis-sens li jservi bħala bażi legali distinta għall-aġġustament tal-valur doganali bl-addizzjoni ta’ drittijiet mal-prezz effettivament imħallas jew li għandu jitħallas għall-merkanzija importata, irrispettivament mir-regola prevista fl-Artikolu 157 tar-Regolament Nru 2454/93?

L-Artikolu 158(3) tar-Regolament Nru 2454/93 għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprevedi żewġ sitwazzjonijiet alternattivi għall-aġġustament tal-valur doganali: minn naħa, is-sitwazzjoni fejn id-drittijiet, bħal dawk inkwistjoni hawnhekk, jikkonċernaw parzjalment il-merkanzija importata u parzjalment komponenti oħra miżjuda mal-merkanzija wara l-importazzjoni tagħha, u, min-naħa l-oħra, is-sitwazzjoni fejn id-drittijiet jikkonċernaw attivitajiet jew servizzi mwettqa wara l-importazzjoni?

L-Artikolu 158(3) tar-Regolament Nru 2454/93 għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprevedi tliet sitwazzjonijiet għall-aġġustament tal-valur doganali: l-ewwel nett, is-sitwazzjoni fejn id-drittijiet jikkonċernaw parzjalment il-merkanzija importata u parzjalment komponenti oħra miżjuda mal-merkanzija wara l-importazzjoni tagħhom, it-tieni nett, is-sitwazzjoni fejn id-drittijiet jikkonċernaw parzjalment il-merkanzija importata u parzjalment l-attivitajiet jew servizzi mwettqa wara l-importazzjoni u, it-tielet nett is-sitwazzjoni fejn id-drittijiet jikkonċernaw parzjalment il-merkanzija importata u parzjalment komponenti oħra miżjuda mal-merkanzija wara l-importazzjoni jew attivitajiet jew servizzi mwettqa wara l-importazzjoni?

L-Artikolu 158(3) tar-Regolament Nru 2454/93 għandu jiġi interpretat fis-sens li jawtorizza aġġustament tal-valur doganali meta jiġi stabbilit li d-drittijiet imħallsa jikkonċernaw attivitajiet jew servizzi mwettqa wara l-importazzjoni tal-merkanzija li tkun qiegħda tiġi vvalutata, li, f’dan il-każ partikolari huma servizzi pprovduti mill-kumpannija Bulgara lill-kumpannija Amerikana (inkonnessjoni ma’ manifattura u amministrazzjoni), irrispettivament minn jekk humiex issodisfatti r-rekwiżiti għall-aġġustament skont l-Artikolu 157 tar-Regolament Nru 2454/93?

L-Artikolu 158(3) tar-Regolament Nru 2454/93 għandu jiġi interpretat fis-sens li jikkostitwixxi każ partikolari ta’ aġġustament tal-valur doganali taħt l-arranġamenti u l-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 157 tar-Regolament Nru 2454/93, b’tali mod li n-natura partikolari tinsab biss fil-fatt li d-drittijiet jikkonċernaw biss parzjalment il-merkanzija li tkun qiegħda tiġi vvalutata, u għalhekk dawn id-drittijiet għandhom jitqassmu pro rata?

L-Artikolu 158(3) tar-Regolament Nru 2454/93 għandu jiġi interpretat fis-sens li japplika wkoll fil-każ li x-xerrej iħallas onorarji jew ħlasijiet ta’ liċenzja lil terz?

Fil-każ li ż-żewġ domandi preċedenti jingħataw, it-tnejn li huma, risposta fl-affermattiv, il-qorti hija meħtieġa tevalwa, għall-finijiet tat-tqassim pro rata tad-drittijiet skont l-Artikolu 158(3) tar-Regolament Nru 2454/93, jekk humiex issodisfatti ż-żewġ kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 157(2), jiġifieri li d-drittijiet jikkonċernaw, anki jekk parzjalment, il-merkanzija importata u li d-drittijiet jikkostitwixxu kundizzjoni tal-bejgħ ta’ din il-merkanzija, u, jekk dan ikun il-każ, f’din l-evalwazzjoni għandha tittieħed inkunsiderazzjoni r-regola prevista fl-Artikolu 160, fis-sens li l-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 157(2) għandhom jitqiesu li huma ssodisfatti jekk il-bejjiegħ jew persuna relatata miegħu jeżiġu li x-xerrej jagħmel dan il-ħlas?

L-Artikolu 160 tar-Regolament Nru 2454/93 japplika għar-regola fundamentali prevista fl-Artikolu 157 tar-Regolament Nru 2454/93 fil-każ biss li d-drittijiet għandhom jitħallsu lil terz u jikkonċernaw kompletament il-merkanzija li tkun qiegħda tiġi vvalutata, jew japplika wkoll f’każijiet fejn id-drittijiet jikkonċernaw biss parzjalment il-merkanzija importata?

L-Artikolu 160 tar-Regolament Nru 2454/93 għandu jiġi interpretat fis-sens li r-“relazzjoni” bejn min jagħti l-liċenzja u l-bejjiegħ għandha tinftiehem fis-sens li tirreferi għal każijiet fejn min jagħti l-liċenzja jkun relatat mal-bejjiegħ għaliex jeżerċita kontroll dirett fuq ix-xerrej li jmur lil hinn minn kontroll tal-kwalità, jew għandu jiġi interpretat fis-sens li r-relazzjoni bejn min jagħti l-liċenzja u x-xerrej deskritta iktar ’il fuq ma hijiex suffiċjenti sabiex tiġi preżunta relazzjoni (indiretta) bejn min jagħti l-liċenzja u l-bejjiegħ, b’mod partikolar fil-każ li dan tal-aħħar joġġezzjona għall-pożizzjoni li l-prezzijiet għall-ordni tax-xerrej għall-merkanzija importata kienet tiddependi mill-ħlas ta’ drittijiet u joġġezzjona wkoll għall-pożizzjoni li min ta l-liċenzja kien f’pożizzjoni li jikkontrolla jew jillimita l-azzjonijiet operazzjonali tiegħu?

L-Artikolu 160 tar-Regolament Nru 2454/93 għandu jiġi interpretat fis-sens li jippermetti aġġustament tal-valur doganali fil-każ biss li jkunu ssodisfatti ż-żewġ kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 157 tar-Regolament Nru 2454/93, jiġifieri li d-drittijiet imħallsa lil terz jikkonċernaw il-merkanzija li tkun qiegħda tiġi vvalutata u jikkostitwixxu kundizzjoni tal-bejgħ ta’ din il-merkanzija, u tkun issodisfatta wkoll il-kundizzjoni li l-bejjiegħ jew persuna relatata miegħu jeżiġu li x-xerrej iħallas id-drittijiet?

Ir-rekwiżit previst fl-ewwel inċiż tal-Artikolu 157(2) tar-Regolament Nru 2454/93 – li d-drittijiet ikunu jikkonċernaw il-merkanzija li tkun qiegħda tiġi vvalutata – għandu jitqies li ġie ssodisfatt fil-każ li jkun hemm relazzjoni indiretta bejn id-drittijiet u l-merkanzija importata, bħal dik fil-kawża ineżami, jekk il-merkanzija li tkun qiegħda tiġi vvalutata tkun komponent tal-prodott finali kopert minn liċenzja?

____________

1     Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 2454/93 tat-2 ta Lulju 1993 li jiffissa d-dispożizzjonijiet għall-implementazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 li jistabbilixxi il-Kodiċi Doganali Komunitarju (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 6, p. 3).