Language of document : ECLI:EU:C:2013:197

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

MENGOZZI

ippreżentati fil-21 ta’ Marzu 2013 (1)

Kawża C‑86/12

Adzo Domenyo Alokpa,

Jarel Moudoulou,

Eja Moudoulou

vs

Ministre du Travail, de l’Emploi et de l’Immigration

[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Cour administrative (il-Lussemburgu)]

“Ċittadinanza tal-Unjoni – Artikoli 20 TFUE u 21 TFUE – Direttiva 2004/38/KE – Dritt ta’ residenza – Ulied minuri li għandhom in-nazzjonalità ta’ Stat Membru, dipendenti minn axxendent ċittadin ta’ Stat terz – Rifjut ta’ Stat Membru li jagħti residenza, titolu ta’ residenza u permess ta’ xogħol – Konsegwenzi fuq it-tgawdija effettiva tad-drittijiet marbuta mal-istatus ta’ ċittadin tal-Unjoni”





I –    Introduzzjoni

1.        Din it-talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Cour Administrative (il-Lussemburgu), tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 20 TFUE u twassal eventwalment biex jintefa’ dawl fuq id-drittijiet fundamentali, li l-interess prinċipali tagħhom jikkonċerna l-issodisfar tal-kundizzjonijiet previsti mid-Direttiva 2004/38/KE (2).

2.        Id-domanda preliminari li biha ġiet adita l-Qorti tal-Ġustizzja tqajmet fil-kuntest ta’ kawża bejn A. Alokpa, ċittadina tat-Togo, kif ukoll ż-żewġt itfal tagħha, imwielda fil-Lussemburgu u li għandhom in-nazzjonalità Franċiża, u l-Ministru Lussemburgiż tax-Xogħol, tal-Impjieg u tal-Immigrazzjoni, dwar id-deċiżjoni ta’ dan tal-aħħar li jirrifjuta, minn naħa, lil A. Alokpa dritt ta’ residenza fil-Lussemburgu, u, min-naħa l-oħra, l-ordni li hija għandha titlaq mit-territorju Lussemburgiż.

3.        B’mod iktar preċiż, wara li t-talba tagħha għal protezzjoni internazzjonali ġiet miċuħda mill-awtoritajiet u l-qrati Lussemburgiżi, A. Alokpa talbet l-għoti ta’ status ta’ tolleranza, li fil-bidu ġie wkoll miċħud. Madankollu, minħabba t-twelid prematur tat-tewmin tagħha fil-Lussemburgu (il-Lussemburgu) fis-17 ta’ Awwissu 2008, A. Alokpa kisbet l-imsemmi status sal-31 ta’ Diċembru 2008. Ftit jiem wara t-twelid tagħhom, it-tewmin ġew irrikonoxxuti minn J. Moudoulou, ċittadin Franċiż, u ngħataw passaport u karta ta’ identità Franċiża fil-15 ta’ Mejju u fl-4 ta’ Ġunju 2009, rispettivament.

4.        Sabiex tirregola l-istatus tagħha, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, fis-6 ta’ Mejju 2010, ressqet quddiem l-awtoritajiet Lussemburgiżi talba ta’ awtorizzazzjoni ta’ residenza inkwantu membru tal-familja ta’ ċittadini tal-Unjoni Ewropea. Wara li rċevew mingħand A. Alokpa informazzjoni addizzjonali dwar ir-raġunijiet li kienu jimpedulha milli tkun stabbilita ma’ wliedha fit-territorju Franċiż fejn kien residenti missier l-ulied, dawn l-awtoritajiet, b’deċiżjoni tal-14 ta’ Ottubru 2010, ċaħdu l-imsemmija talba, billi enfasizzaw li la A. Alokpa u lanqas it-tewmin tagħha ma kienu jissodisfaw il-kundizzjonijiet previsti mil-liġi Lussemburgiża li tittrasponi d-Direttiva 2004/38. Barra minn hekk, l-imsemmija deċiżjoni tirrileva li l-kura medikali tal-ulied setgħet tiġi perfettament żgurata fi Franza.

5.        Wara li r-rikors ippreżentat minn A. Alokpa f’isimha u f’isem uliedha, intiż għall-annullament tad-deċiżjonijiet imsemmija iktar ’il fuq, ġie ddikjarat infondat mit-Tribunal Administratif b’sentenza tal‑21 ta’ Settembru 2011, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ppreżentaw appell kontra din id-deċiżjoni quddiem il-Cour administrative.

6.        Il-qorti tar-rinviju tikkonstata, l-ewwel nett, li A. Alokpa u wliedha kellhom ħajja familjali komuni f’dar ta’ kenn Lussemburgiża u huma għalhekk ta’ responsabbiltà tal-Istat, mingħajr ma nħoloq l-ebda kuntatt mal-missier. Madankollu, hija tirrileva li A. Alokpa għandha offerta ta’ impjieg għal żmien indeterminat fil-Lussemburgu, li ma tistax taċċetta minħabba l-assenza ta’ awtorizzazzjoni ta’ residenza u permess ta’ xogħol.

7.        It-tieni nett, il-qorti tar-rinviju tosserva li s-sitwazzjoni taż-żewġ ulied għandha xejriet komuni mal-kawża li wasslet għas-sentenza Ruiz Zambrano (3), iżda tirrileva li wlied A. Alokpa ma jirrisjedux fit-territorju tal-Istat Membru li tagħhom huma għandhom in-nazzjonalità.

8.        Kien f’dan il-kuntest, li l-Cour Administrative ddeċidiet li tissospendi l‑proċeduri quddiemha u li tagħmel id-domandi preliminari segwenti lill-Qorti tal‑Ġustizzja:

“L-Artikolu 20 TFUE, jekk meħtieġ moqri flimkien mal-Artikoli 20, 21, 24, 33 u 34 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, jew ma’ wieħed jew diversi fosthom meħuda b’mod separat jew flimkien, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi li Stat Membru, minn naħa, jirrifjuta lil ċittadin ta’ Stat terz, li waħdu jieħu ħsieb uliedu li għadhom żgħar, li huma ċittadini tal-Unjoni, ir-residenza fl-Istat Membru ta’ residenza ta’ dawn tal-aħħar fejn huma jgħixu miegħu mit-twelid tagħhom, mingħajr ma għandhom in-nazzjonalità tiegħu, u min-naħa l-oħra, jirrifjuta lill-imsemmi ċittadin ta’ Stat terz permess ta’ residenza u saħansitra permess ta’ xogħol?

Deċiżjonijiet bħal dawn għandhom jitqiesu bħala tali li jċaħdu lill-imsemmija tfal, fil-pajjiż ta’ residenza tagħhom fejn huma għexu sa mit-twelid tagħhom, mit-tgawdija effettiva tas-sustanza tad-drittijiet relatati mal-istatus ta’ ċittadin tal-Unjoni anki fis-sitwazzjoni fejn l-axxendent dirett l-ieħor, li miegħu qatt ma kellhom ħajja ta’ familja komuni, jirrisjedi fi Stat ieħor tal-Unjoni, li tiegħu stess huwa ċittadin?”

9.        Dawn l-osservazzjonijiet bil-miktub ġew ippreżentati minn A. Alokpa, mill-Gvern Lussemburgiż, Belġjan, Ċek, Ġermaniż, Grieg, Litwan, Olandiż u Pollakk kif ukoll mill-Kummissjoni Ewropea. Dawn il-partijiet instemgħu fis-seduta li nżammet fis-17 ta’ Jannar 2013, bl-eċċezzjoni tal-Gvern Belġjan, Ċek, Grieg, Litwan u Pollakk li ma ġewx irrappreżentati matul is-seduta.

II – Analiżi ġuridika

A –    Osservazzjonijiet preliminari

10.      Il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi minn naħa, jekk ċittadin ta’ pajjiż terz, li waħdu għandu dipendenti fuqu wliedu ta’ età żgħira, li huma ċittadini tal-Unjoni mwielda fi Stat Membru li mhux dak li tagħhom huma għandhom in-nazzjonalità u li qatt ma eżerċitaw id-dritt tagħhom ta’ moviment liberu, jistax inissel minn dan tal-aħħar dritt ta’ residenza dderivat skont l-Artikolu 20 TFUE u jekk, min-naħa l-oħra, deċiżjoni ta’ rifjut ta’ din ir-residenza u li tordnalu biex iħalli t-territorju Lussemburgiż, huwiex ta’ natura li jċaħħad lill-imsemmija wlied mit-tgawdija effettiva tal-parti essenzjali tad-drittijiet marbuta mal-istatus ta’ ċittadin tal-Unjoni.

11.      Sabiex din l-ewwel parti tad-domanda tingħata risposta utli, jien ta’ parir li qabelxejn għandha tiġi miċħuda d-dikjarazzjoni, sostnuta mill-Gvern Belġjan u Ġermaniż fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħhom, li tipprovdi li s-sitwazzjoni inkwistjoni, bħal dik li wasslet għas-sentenza Ruiz Zambrano ċċitata iktar ’il fuq, hija “purament nazzjonali”.

12.      Fil-fatt, mill-imsemmija sentenza Ruiz Zambrano kif ukoll mis-sentenzi McCarthy u Dereci et (4) jirriżulta li l-Artikolu 20 TFUE, imsemmi fid-domanda għal deċiżjoni preliminari, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni fl-assenza ta’ kwalunkwe element transkonfinali attwali fis-sitwazzjoni ta’ ċittadini tal-Unjoni li jirrisjedu fl-Istat Membru li tagħhom huma għandhom in-nazzjonalità u li qatt ma eżerċitaw id-dritt tagħhom ta’ moviment liberu.

13.      Issa, fis-sentenza prinċipali, l-ulied ta’ A. Alokpa, li t-tnejn li huma huma ċittadini tal-Unjoni, jirresjedu fi Stat Membru li tiegħu huma ma għandhomx in-nazzjonalità.

14.      Tali eżempju jista’ għalhekk jitqabbel ma’ dak li wassal għas-sentenza Zhu u Chen (5), li fih il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li s-sitwazzjoni ta’ wild ta’ età żgħira, ċittadin tal-Unjoni, li kien jgħix fi Stat Membru li mhux dak li fih huwa kellu n-nazzjonalità u li ma kienx eżerċita d-dritt tiegħu għal moviment liberu, kien madankollu jaqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni fil-qasam tal-moviment liberu tal-persuni (6), b’mod partikolari taħt id-Direttiva 90/364/KEE (7), li ġiet issostitwita u mħassra bid-Direttiva 2004/38.

15.      L-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2004/38 jipprovdi barra minn hekk li dan japplika b’mod partikolari għal kull ċittadin tal-Unjoni li jirrisjedi fi Stat Membru li mhux dak li tiegħu għandu n-nazzjonalità, fatt li jikkorrispondi għas-sitwazzjoni ta’ wlied A. Alokpa.

16.      Konsegwentement, għandu fl-ewwel stadju jiġi eżaminat jekk, fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-kawża prinċipali, l-ulied ta’ età żgħira, ċittadini tal-Unjoni, li jirrisjedu fi Stat Membru li tiegħu ma għandhomx in-nazzjonalità, jissodisfawx il-kundizzjonijiet stabbiliti bid-Direttiva 2004/38, b’mod partikolari dawk tal-Artikolu 7(1)(b) ta’ din tal-aħħar. Fit-tieni stadju, għandu jiġi vverifikat jekk ommhom, inkwantu axxendenti diretta, ċittadina ta’ Stat terz, tistax tibbenefika minn dritt ta’ residenza dderivat (8).

17.      Kif huwa permess mill-ġurisprudenza sabiex il-qorti tar-rinviju tingħata risposta utli, l-ewwel parti tad-domanda preliminari għandha għalhekk tiġi rriformulata fis-sens li hija tirrigwarda l-interpretazzjoni tad-Direttiva 2004/38, imsemmija, mill-bqija, fit-talba għal deċiżjoni preliminari u li dwarha hija ffokata l-parti essenzjali tal-osservazzjonijiet tal-Gvern Lussemburgiż, Ċek, Grieg, Litwan, Olandiż u Pollakk kif ukoll tal-Kummissjoni (9).

B –    Fuq l-ewwel parti tad-domanda preliminari, dwar l-issodisfar tal-kundizzjonijiet tad-Direttiva 2004/38

18.      Biex id-domanda hekk riformulata tingħata risposta, għandu qabelxejn jitfakkar li l-Artikolu 7(1)(b) tad-Direttiva 2004/38 jipprovdi li kull ċittadin tal-Unjoni għandu d-dritt ta’ residenza fit-territorju ta’ Stat Membru għal tul ta’ iktar minn tliet xhur jekk ikollu, għalih u għall-membri tal-familja tiegħu, riżorsi suffiċjenti sabiex ma jsirx ta’ piż għas-sistema ta’ għajnuna soċjali tal-Istat Membru ospitanti matul ir-residenza tiegħu u assigurazzjoni għall-mard sħiħa fl-Istat Membru ospitanti.

19.      Kif il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet fis-sentenza Zhu u Chen, iċċitata iktar ’il fuq, dwar id-dispożizzjoni tad-Direttiva 2004/38, huwa biżżejjed li ċ-ċittadini tal-Istati Membri “jkollhom” ir-riżorsi meħtieġa mingħajr ma din id-dispożizzjoni tinkludi l-inqas rekwiżit dwar il-provenjenza tagħhom (10).

20.      Konsegwentement, ma huwiex meħtieġ, biex tiġi sodisfatta l-kundizzjoni ta’ “biżżejjed riżorsi” msemmija fl-Artikolu 7(1)(b) tad-Direttiva 2004/38, li ċ-ċittadin tal-Unjoni jkollu huwa stess tali riżorsi, peress li dan tal-aħħar jista’ jibbenefika minn dritt ta’ residenza anki meta r-riżorsi inkwistjoni jkunu ġejjin minn membru tal-familja tiegħu, axxendent dirett li jiżgura l-kustodja ta’ dan iċ-ċittadin.

21.      Madankollu, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta, b’differenza mis-sitwazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali li wasslet għas-sentenza Zhu u Chen (11), li wlied A. Alokpa ma għandhom l-ebda mezz ta’ sostenn, fatt li wassalhom, flimkien ma’ ommhom, biex jiddependu totalment mill-Gran Dukat tal-Lussemburgu, li fit-territorju tiegħu t-tliet rikorrenti prinċipali jirrisjedu f’dar ta’ kenn.

22.      Kif indikaw bosta mill-partijiet ikkonċernati quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, ulied A. Alokpa ma jidhrux għalhekk li jissodisfaw il-kundizzjonijiet dwar il-ħtieġa li jiddisponu minn riżorsi suffiċjenti kif ukoll dwar assigurazzjoni għall-mard sħiħa fl-Istat Membru ospitanti, fis-sens tal-Artikolu 7(1)(b) tad-Direttiva 2004/38.

23.      Madankollu, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta wkoll li A. Alokpa qatt ma kellha l-intenzjoni li ssir dipendenti fuq l-Istat Lussemburgiż u li hija rċeviet offerta ta’ impjieg għal xogħol għal żmien indeterminat fil-Lussemburgu, li hija suġġetta għall-unika kundizzjoni li hija tikseb karta ta’ residenza u permess ta’ xogħol fil-Lussemburgu. F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li A. Alokpa għaddiet, matul il-proċedura quddiem il-qorti tar-rinviju, kopja tal-imsemmija offerta ta’ impjieg.

24.      F’dan l-istadju, għandha ssir verifika tar-rilevanza ta’ din l-offerta ta’ impjieg, u għalhekk il-possibbiltà li jittieħdu inkunsiderazzjoni, sabiex tiġi sodisfatta l-kundizzjoni ta’ “biżżejjed riżorsi”, ipprovduta mill-Artikolu 7(1)(b) tad-Direttiva 2004/38, riżorsi li ma humiex attwali iżda futuri jew potenzjali.

25.      Din il-kwistjoni ġiet diskussa fit-tul mill-partijiet ikkonċernati matul is-seduta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.

26.      F’din l-okkażjoni, il-Gvern Lussemburgiż u Olandiż adottaw interpretazzjoni restrittiva tal-kundizzjoni stabbilita fl-Artikolu 7(1)(b) tad-Direttiva 2004/38, billi qiesu li s-sempliċi offerta ta’ impjieg tikkostitwixxi biss possibbiltà ipotetika li jinkisbu r-riżorsi meħtieġa, fatt li ma jaqax taħt il-formulazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni. Skont l-imsemmija gvernijiet, il-mezzi ta’ sostenn għandhom jinkisbu diġà fil-mument tat-tressiq tat-talba għal residenza, peress li kull interpretazzjoni kuntrarja għandha bħala konsegwenza li tippriva mis-sens u mill-effettività r-rekwiżit imsemmi fl-Artikolu 7(1)(b) ta’ din id-direttiva.

27.      Fuq il-pjan ta’ prinċipji, din il-pożizzjoni ma tikkonvinċinix.

28.      Fil-fatt jien inqis, bħall-Gvern Ġermaniż kif ukoll il-Kummissjoni, li l-kundizzjoni ta’ “riżorsi suffiċjenti” tista’ tiġi sodisfatta mill-perspettiva konkreta ta’ riżorsi futuri li jiġu minn offerta ta’ impjieg li għaliha ċittadin tal-Unjoni jew membru tal-familja tiegħu tkun issodisfat b’suċċess fi Stat Membru ieħor. L-interpretazzjoni kuntrarja twassal biex iċċaħħad mill-effettività l-moviment liberu taċ-ċittadini tal-Unjoni, filwaqt li l-għan tad-Direttiva 2004/38 huwa preċiżament dak li jissaħħaħ id-dritt tal-moviment liberu.

29.      Barra minn hekk, fir-rigward tal-ammont ta’ riżorsi suffiċjenti, l-Artikolu 8(4) tad-Direttiva 2004/38 jimponi fuq l-Istati Membri l-ħtieġa li jieħdu inkunsiderazzjoni s-sitwazzjoni personali tal-persuna kkonċernata. Għalhekk, fit-teħid inkunsiderazzjoni tas-sitwazzjoni konkreta ta’ persuna, wieħed ma jistax jinjora l-fatt li hija rċeviet offerta ta’ xogħol li permezz tagħha hija tista’ tnissel dħul li jippermettilha li tissodisfa l-kundizzjoni stabbilita fl-Artikolu 7(1)(b) tad-Direttiva 2004/38. Kull interpretazzjoni kuntrarja twassal għal trattament mhux ugwali ta’ sitwazzjonijiet individwali ta’ ċittadini tal-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom li tnawwar is-sens tal-Artikolu 8(4) ta’ din id-direttiva.

30.      Konsegwentement, il-qorti tar-rinviju għandha bħala regola ġenerali teżamina l-offerta ta’ impjieg għal żmien indeterminat mogħtija lil A. Alokpa sabiex jiġi vverifikat jekk uliedha, ċittadini tal-Unjoni, għandhomx “biżżejjed riżorsi” fis-sens tad-Direttiva 2004/38.

31.      Dan l-eżami jista’ madankollu joħloq kunflitt mar-regoli proċedurali nazzjonali sa fejn, kif diġà osservajt, din l-offerta tressqet biss matul proċedura fil-kuntest ta’ rikors għal annullament li A. Alokpa u wliedha ppreżentaw quddiem il-qrati amministrattivi Lussemburgiżi. Biex tipproċedi b’dan l-eżami, il-qorti tar-rinviju għandha għalhekk tkun awtorizzata li tivverifika l-legalità tad-deċiżjonijiet ikkontestati quddiemha, fid-dawl tal-fatti sussegwenti wara l-adozzjoni tagħhom (12).

32.      Barra minn hekk, kif ġustament indika l-Gvern Ġermaniż matul is-seduta, id-Direttiva 2004/38 ma tinkludi ebda dispożizzjoni partikolari li tippermetti li jiġu injorati r-regoli proċedurali nazzjonali.

33.      Għalhekk, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tevalwa jekk l-imsemmija regoli jagħtuhiex il-possibbiltà li tieħu inkunsiderazzjoni l-offerta ta’ impjieg ipprovduta matul il-proċedura minn A. Alokpa, fid-dawl tal-prinċipji stabbiliti sew ta’ ekwivalenza u ta’ effettività (13).

34.      Li kieku dan ma huwiex il-każ, u li, konsegwentement, il-kundizzjonijiet tal-Artikolu 7(1)(b) tad-Direttiva 2004/38 ma humiex sodisfatti, wieħed jista’ madankollu jistaqsi dwar il-possibbiltà li d-dispożizzjonijiet tal-Karta — li tirreferi għalihom il-qorti tar-rinviju — ikunu jistgħu jtaffu, jew saħansitra jwasslu biex l-imsemmija kundizzjonijiet jiġu injorati, b’mod partikolari biex jiġi żgurat it-teħid inkunsiderazzjoni tal-interess superjuri tal-minuri (Artikolu 24 tal-Karta) kif ukoll l-osservanza tal-ħajja familjari (Artikoli 7 u 33 tal-Karta).

35.      Madankollu, tali ipoteżi tidher li hija diffiċilment fattibbli sa fejn din twassal biex jiġu injorati l-limiti stabbiliti bl-Artikolu 21 TFUE għad-dritt taċ-ċittadini tal-Unjoni li jwettaq movimenti u li jirresjedi liberament fit-territorju tal-Istati Membri (14) u, għalhekk, twassal, fil-fehma tiegħi, biex tbiddel il-kompetenzi u l-kompiti ddefiniti mit-Trattati, u dan bi ksur tal-Artikolu 51(2) tal-Karta.

36.      F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma għadx hemm lok li wieħed isaqsi dwar dritt ta’ residenza dderivat eventwali ta’ A. Alokpa fil-Lussemburgu, għaliex uliedha, ċittadini tal-Unjoni, ma jissodisfawx il-kundizzjonijiet imposti bid-Direttiva 2004/38.

37.      Fil-każ li l-qorti tar-rinviju tista’ tieħu inkunsiderazzjoni l-offerta ta’ impjieg magħmula lil A. Alokpa, u għalhekk ir-riżorsi futuri jew potenzjali ta’ wliedha, u madankollu jkun għad għandha dubji dwar in-natura suffiċjenti ta’ dawn ir-riżorsi, id-dispożizzjonijiet tal-Karta għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni meta tiġi evalwata s-sitwazzjoni personali ta’ dawn tal-aħħar, b’mod partikolari fid-dawl tar-rabtiet li huma jista’ jkollhom mal-Gran Dukat tal-Lussemburgu mit-twelid tagħhom fit-territorju ta’ dan l-Istat Membru.

38.      Fil-każ li l-qorti tar-rinviju jkollha tqis li wlied A. Alokpa jissodisfaw il-kundizzjonijiet tal-Artikolu 7(1)(b) tad-Direttiva 2004/38, tqum għalhekk il-kwistjoni dwar id-dritt idderivat li ommhom tibbenefika minnu.

39.      Fir-rigward tal-membri tal-familja ta’ ċittadini tal-Unjoni, l-Artikolu 2(2)(d) tad-Direttiva 2004/38 jirrigwarda biss “il-qraba diretti dipendenti […]” ta’ ċittadini tal-Unjoni, sitwazzjoni li A. Alokpa ċertament ma tidħolx fiha.

40.      Fis-sentenza Zhu u Chen, iċċitata iktar ’il fuq, deċiża ftit xhur wara l-adozzjoni tad-Direttiva 2004/38 f’sitwazzjoni simili ħafna għal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li l-omm taċ-ċittadin tal-Unjoni ta’ età żgħira ma setgħetx tibbenefika mill-kwalità ta’ axxendenti “dipendenti” skont id-Direttiva 90/364, sabiex tibbenefika minn dritt ta’ residenza sekondarja fl-Istat Membru ospitanti (15).

41.      Min-naħa l-oħra, il-Qorti tal-Ġustizzja marret lil hinn mil-limiti ta’ din il-kundizzjoni, li kienu diġà preżenti fit-test tad-Direttiva 90/364 (16) li fuqu hija kellha tiddeċiedi, billi ddeċidiet, “meta […] l-Artikolu 18 KE [li sar l-Artikolu 21 TFUE] u d-Direttiva 90/364 jikkonferixxu dritt ta’ residenza għal perijodu indeterminat fl-Istat Membru ospitanti lil ċittadin minorenni ta’ età żgħira ta’ Stat Membru ieħor, dawn l-istess dispożizzjonijiet jippermettu lill-ġenitur li għandu l-kustodja effettiva ta’ dan iċ-ċittadin li jgħix miegħu fl-Istat Membru ospitanti” (17).

42.      Fuq il-bażi tal-imsemmija sentenza Zhu u Chen, A. Alokpa tista’ għalhekk tibbenefika minn dritt ta’ residenza dderivat fil-Lussemburgu, ibbażat kemm fuq l-Artikolu 21 TFUE kif ukoll fuq id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2004/38.

43.      Madankollu, fis-sentenza Iida, iċċitata iktar ’il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja interpretat id-dritt idderivat li jnissel ċittadin ta’ Stat terz axxendent dirett, mhux dipendenti fuq ċittadin tal-Unjoni ta’ età żgħira, imsemmi fis-sentenza Zhu u Chen, iċċitata iktar ’il fuq, bħala li ma jaqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2004/38, iżda huwa biss ibbażat fuq l-Artikolu 21 TFUE (18).

44.      Fil-fehma tiegħi, dan l-approċċ huwa iktar koerenti mal-kuntest ġuridiku applikabbli għaċ-ċittadini ta’ Stati terzi, axxendenti diretti, mhux dipendenti, ta’ ċittadini tal-Unjoni ta’ età żgħira, li jibbenefikaw mid-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2004/38. Fil-fatt, jekk jiġi eskluż li tali axxendenti diretti jissodisfaw il-kundizzjoni li jkunu “dipendenti” fuq ċittadin tal-Unjoni, fatt li jfisser għalhekk li ma jaqgħux taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ratione personis tad-Direttiva 2004/38, wieħed ma jifhimx għal liema raġuni d-dritt ta’ residenza dderivat li jistgħu jibbenefikaw minnu fl-Istat Membru ospitanti għandu jkun ibbażat fuq id-dispożizzjonijiet ta’ din tal-aħħar.

45.      Għalhekk, huwa iktar loġiku, kif sostniet il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Iida, iċċitata iktar ’il fuq, li tali dritt ta’ residenza dderivat ikun ibbażat direttament u esklużivament fuq id-dritt primarju tal-Unjoni, jiġifieri l-Artikolu 21 TFUE.

46.      Konsegwentement, jista’ jiġi konkluż li, fl-eventwalità li l-qorti tar-rinviju tqis li wlied A. Alokpa, billi tkun tista’ tuża l-fatti ġodda invokati matul il-proċedura quddiemha, jissodisfaw il-kundizzjonijiet tal-Artikolu 7(1)(b) tad-Direttiva 2004/38, ommhom tkun tista’ tibbenefika, fuq il-bażi tal-Artikolu 21 TFUE, minn dritt ta’ residenza dderivat fil-Lussemburgu bħala axxendenti diretta li tiżgura l-kustodja effettiva ta’ wliedha, ċittadini tal-Unjoni.

47.      Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, jien nipproponi li r-risposta għall-ewwel parti tad-domanda preliminari għandha tkun fis-sens li wlied ta’ età żgħira, ċittadini tal-Unjoni, dipendenti minn axxendent dirett, mhux dipendenti, li jiżgura l-kustodja effettivà tagħhom, jistgħu jibbenefikaw mid-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2004/38 sabiex jippermettu lil dan l-axxendent, ċittadin ta’ Stat terz, li jibbenefika minn dritt ta’ residenza dderivat fit-territorju ta’ Stat Membru li tiegħu wliedu jkollhom in-nazzjonalità. Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 7(1)(b) tal-imsemmija direttiva humiex sodisfatti, billi tittieħed inkunsiderazzjoni s-sitwazzjoni personali taċ-ċittadini tal-Unjoni kkonċernati, inkluż, jekk ikun il-każ, ir-riżorsi futuri jew potenzjali provenjenti minn offerta ta’ impjieg magħmula lill-imsemmi axxendent dirett, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, fid-dawl tal-limiti stabbiliti mir-regoli proċedurali nazzjonali u tar-rekwiżiti li jirriżultaw mill-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività.

C –    Fuq it-tieni parti tal-ewwel domanda preliminari dwar it-telf tat-tgawdija tal-parti essenzjali tad-drittijiet marbuta maċ-ċittadinanza tal-Unjoni

48.      Permezz tat-tieni parti ta’ din id-domanda, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi dwar jekk il-ġurisprudenza ta’ Ruiz Zambrano, iċċitata iktar ’il fuq, tistax tiġi applikata għall-każ fejn A. Alokpa u wliedha, ċittadini Franċiżi, jistgħux iħallu t-territorju Lussemburgiż u dan anki jekk missier dawn tal-aħħar, li miegħu qatt ma kellhom ħajja familjari komuni, jirresjedi fi Franza, li tiegħu dan tal-aħħar huwa hu stess ċittadin.

49.      Kif diġà ġie indikat, is-sitwazzjoni ta’ wlied A. Alokpa taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari taħt id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2004/38.

50.      Konsegwentement, l-Artikolu 20 TFUE, kif interpretat mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Ruiz Zambrano, iċċitata iktar ’il fuq, ma japplikax f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, speċjalment meta, mill-mument li ż-żewġ ċittadini tal-Unjoni ta’ età żgħira jmorru fi Stat Membru ieħor, inkluż dak li tiegħu huma ċittadini, għandu jiġi kkunsidrat li huma qed jeżerċitaw ukoll il-libertà ta’ moviment tagħhom, fatt li jwassal biex is-sitwazzjoni tagħhom taqa’, a fortiori, taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2004/38.

51.      Minkejja li l-Artikolu 20 TFUE ma japplikax, dan bl-ebda mod ma jċaħħad ir-rilevanza tat-tieni parti tad-domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju għaliex waħda mid-deċiżjonijiet li wasslet għall-kawża prinċipali tordna lil A. Alokpa u, għalhekk, lil uliedha biex iħallu t-territorju Lussemburgiż u toħloq riskju, tal-inqas potenzjali, li ċittadini tal-Unjoni jitneħħew mit-territorju tal-Unjoni.

52.      Għalhekk, għandu jiġi vverifikat jekk l-eżekuzzjoni ta’ tali deċiżjoni għandhiex bħala effett, fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata Ruiz Zambrano kif ukoll Dereci et, li tobbliga fil-fatt liċ-ċittadini tal-Unjoni biex jitilqu mit-territorju tal-Unjoni meħud globalment (19), billi ċċaħħadhom mit-tgawdija effettiva tal-parti essenzjali tad-drittijiet mogħtija permezz tal-istatus tagħhom (20).

53.      F’dan ir-rigward, l-allegazzjoni tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali, sostnuta matul is-seduta, li tipprovdi li A. Alokpa ma tistax tmur u tirrisjedi fi Franza ma’ wliedha u għalhekk ser tkun obbligata li tirritorna fit-Togo — fatt li probabbli wassal lill-qorti tar-rinviju biex fid-domanda tagħha ssemmi s-sitwazzjoni ta’ missier it-tfal inkwistjoni — tħallini perpless.

54.      Fil-fatt, wieħed għandu jiftakar li, inkwantu ċittadini Franċiżi, it-tfal ta’ A. Alokpa, igawdu minn dritt inkundizzjonali ta’ aċċess u ta’ residenza fit-terrritorju Franċiż, b’mod partikolari fuq il-bażi tal-Artikolu 21 TFUE u tal-prinċipju tad-dritt internazzjonali, sostnut mill-ġdid fl-Artikolu 3 tal-Protokoll Nru 4 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmat f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950 (21).

55.      Konsegwentement, id-deċiżjoni tal-awtoritajiet Lussemburgiżi li tordna lil A. Alokpa u, għalhekk, lil uliedha biex jitilqu mit-terrritorju tal-Gran Dukat tal-Lussemburgu mhux qed tobbliga lil dawn tal-aħħar biex jabbandunaw it-territorju tal-Unjoni meħud kollu kemm hu. Bħala omm u persuna li waħedha teżerċita l-kustodja effettiva ta’ wliedha mit-twelid tagħhom, A. Alokpa tista’ għalhekk tibbenefika hija stess mid-dritt ta’ residenza dderivat fit-territorju Franċiż.

56.      F’dawn iċ-ċirkustanzi, wieħed ma jistax jimmaġina li l-awtoritajiet Franċiżi jistgħu jirrifjutaw li A. Alokpa takkumpanja lil uliedha fl-Istat Membru li tiegħu huma ċittadini u li tirrisjedi magħhom, a fortiori għaliex hija hi l-unika persuna li magħhom huma għandhom ħajja familjari mit-twelid tagħhom (22). Kull soluzzjoni kuntrarja, twassal biex iċċaħħad l-effettività tad-drittijiet marbuta mat-tgawdija sħiħa u kompluta tal-istatus fundamentali ta’ ċittadinanza tal-Unjoni.

57.      Barra minn hekk, deċiżjoni ta’ tkeċċija mit-territorju Lussemburgiż, fid-dawl tal-prossimità ġeografika taż-żewġ Stati Membri kkonċernati, mhux neċessarjament tqiegħed inkwistjoni l-possibbiltà għal A. Alokpa li taċċetta l-offerta ta’ impjieg magħmula mill-persuna li timpjega Lussemburgiża, peress li hija tista’, pereżempju, teżerċita l-attività bil-paga tagħha bħala ħaddiema transkonfinali, bħalma mill-bqija jagħmlu bosta residenti Franċiżi.

58.      Minn dan isegwi li deċiżjoni tal-awtoritajiet amministrattivi Lussemburgiżi li tordna lil A. Alokpa u, għalhekk, lil uliedha biex jitilqu mit-territorju Lussemburgiż ma tistax titqies bħala ta’ natura li tobbliga lil dawn tal-aħħar biex jitilqu mit-territorju tal-Unjoni meħud kollu kemm hu, li ċċaħħadhom mit-tgawdija effettiva tal-parti essenzjali tad-drittijiet mogħtija mill-istatus tagħhom ta’ ċittadini tal-Unjoni, għaliex huwa paċifiku li huma jibbenefikaw minn dritt inkundizzjonali li jmorru u li jirrisjedu fit-territorju tal-Istat Membru li tiegħu huma ċittadini, dritt li jeħtieġ, biex jinżamm l-effettività tiegħu, li dritt ta’ residenza dderivat fi Franza jiġi rrikonoxxut lil A. Alokpa bħala persuna li waħedha għandha l-kustodja effettiva tagħhom u li magħha huma għandhom ħajja familjari komuni mit-twelid tagħhom.

III – Konklużjoni

59.      Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, nissuġġerixxi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad-domandi preliminari tal-Cour Administrative kif ġej:

Ulied ta’ età żgħira, ċittadini tal-Unjoni Ewropea, dipendenti minn axxendent dirett, mhux dipendenti, li jiżgura l-kustodja effettiva tagħhom, jistgħu jibbenefikaw mid-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2004/38/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-29 ta’ April 2004, dwar id-drittijiet taċ-ċittadini tal-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju tal-Istati Membri u li temenda r-Regolament (KEE) Nru 1612/68 u li tħassar id-Direttivi 64/221/KEE, 68/360/KEE, 72/194/KEE, 73/148/KEE, 75/34/KEE, 75/35/KEE, 90/364/KEE, 90/365/KEE u 93/96/KEE, sabiex jiġi permess, lil dan l-axxendent, ċittadin ta’ Stat terz, li jibbenefika minn dritt ta’ residenza dderivat fit-territorju ta’ Stat Membru fit-territorju ta’ Stat Membru li wliedu ma għandhomx in-nazzjonalità tiegħu. Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 7(1)(b) humiex sodisfatti, billi tittieħed inkunsiderazzjoni s-sitwazzjoni personali taċ-ċittadini tal-Unjoni kkonċernati, inkluż, jekk ikun il-każ, ir-riżorsi futuri jew potenzjali provenjenti minn offerta ta’ impjieg magħmula lill-imsemmi axxendent dirett, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, fid-dawl tal-limiti stabbiliti mir-regoli proċedurali nazzjonali u tar-rekwiżiti li jirriżultaw mill-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività

Deċiżjoni ta’ Stat Membru, li tordna lil ċittadini ta’ Stat terz biex jitlaq mit-territorju tiegħu, axxendent dirett tagħhom u li jiżgura l-kustodja effettiva ta’ wlied ta’ età żgħira, ċittadini tal-Unjoni li għandhom in-nazzjonalità ta’ Stat Membru ieħor, ma tistax titqies bħala ta’ natura li tobbliga lil imsemmija ċittadini biex jabbandunaw it-territorju tal-Unjoni meħud kollu kemm hu, li ċċaħħadhom mit-tgawdija effettiva tal-parti essenzjali tad-drittijiet mogħtija mill-istatus tagħhom ta’ ċittadini tal-Unjoni, għaliex dawn iċ-ċittadini għandhom dritt inkundizzjonali li jmorru u li jirrisjedu fit-territorju tal-Istat Membru li tiegħu huma ċittadini, dritt li jeħtieġ, biex jinżamm l-effettività tiegħu, li dritt ta’ residenza dderivat f’dan l-aħħar Stat Membru jiġi rrikonoxxut lill-imsemmi axxendent diretti bħala persuna li waħedha għandha l-kustodja effettiva tagħhom u li magħha huma għandhom ħajja familjari komuni mit-twelid tagħhom.


1 –      Lingwa oriġinali: il-Franċiż.


2 –      Direttiva 2004/38/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-29 ta’ April 2004, dwar id-drittijiet taċ-ċittadini tal-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju tal-Istati Membri u li temenda r-Regolament (KEE) Nru 1612/68 u li tħassar id-Direttivi 64/221/KEE, 68/360/KEE, 72/194/KEE, 73/148/KEE, 75/34/KEE, 75/35/KEE, 90/364/KEE, 90/365/KEE u 93/96/KEE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 5, p. 46).


3 – Sentenza tat-8 ta’ Marzu 2011, Ruiz Zambrano (C-34/09, Ġabra p. I-1177).


4 – Ara, rispettivament, is-sentenzi Ruiz Zambrano, iċċitata iktar ’il fuq, (punti 36, 38 u 39); tal-5 ta’ Mejju 2011, McCarthy (C-434/09, Ġabra p. I‑3375, punt 48) kif ukoll tal-15 ta’ Novembru 2011, Dereci et (C-256/11, Ġabra p. I‑11315, punt 63).


5 – Sentenza tad-19 ta’ Ottubru 2004 (C-200/02, Ġabra p. I-9925).


6 – Ibidem (punti 19, 20 u 25 sa 27).


7 – Direttiva tal-Kunsill, tat-28 ta’ Ġunju 1990, dwar id-dritt ta’ residenza (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 20, Vol. 1, p. 3).


8 – Abbażi ta’ ġurisprudenza stabbilita, id-drittijiet mogħtija bid-Direttiva 2004/38 lill-membri tal-familja ta’ ċittadini ta’ pajjiż terz ta’ ċittadin tal-Unjoni benefiċjarju tad-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva ma humiex drittijiet proprji tal-imsemmija ċittadini, iżda drittijiet derivati tal-eżerċizzju tal-libertà ta’ moviment minn ċittadin tal-Unjoni: ara, f’dan is-sens, is-sentenzi McCarthy, iċċitata iktar ’il fuq (punt 42); u Dereci et iċċitata iktar ’il fuq (punt 55) kif ukoll tat-8 ta’ Novembru 2012, Iida (C-40/11, punt 67).


9 – Minn ġurisprudenza kkonsolidata jirriżulta li l-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tipprovdi lill-qorti tar-rinviju l-elementi ta’ interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni li hija tqis utli għad-deċiżjoni tal-kawża li biha hija adita l-qorti tar-rinviju, irrispettivament jekk din tal-aħħar tkunx semmietha jew le fid-domandi tagħha (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat-8 ta’ Novembru 2007, ING. AUER, C-251/06, Ġabra p. I-9689, punt 38 u l-ġurisprudenza ċċitata). Għalhekk, skont din il-ġurisprudenza, fil-Kawża McCarthy, iċċitata iktar ’il fuq, filwaqt li l-qorti tar-rinviju kienet biss talbet l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2004/38, il-Qorti tal-Ġustizzja, wara li kkonstatat li l-kawża prinċipali ma taqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmija direttiva, ibbażat ir-risposta tagħha fuq l-Artikolu 21 TFUE. Barra minn hekk, dejjem b’riferiment għal din l-istess ġurisprudenza, is-sentenza tas-6 ta’ Diċembru 2012, O. et (C-356/11 u C-357/11), il-Qorti tal-Ġustizzja, fir-risposta tagħha lill-qorti nazzjonali, ikkunsidrat id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva tal-Kunsill Nru 2003/86/KE, tat-22 ta’ Settembru 2003, dwar id-dritt għal riunifikazzjoni tal-familja (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 224), għalkemm l-imsemmija qorti rriferiet biss għal dawn il-kwistjonijiet fl-Artikolu 20 TFUE.


10 – Punt 30 tas-sentenza.


11 –      Ibidem (punt 28).


12 – Għal kull finijiet utli, din il-kunsiderazzjoni ma tikkonċernax il-proċedura amministrattiva pendenti, li ssemmiet matul is-seduta mill-avukat tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali u mill-Gvern Lussemburgiż, dwar it-talba għal dritt ta’ residenza ta’ A. Alokpa bħala ħaddiema bil-paga, li tressqet fil-bidu tas-sena 2012 quddiem l-awtoritajiet Lussemburgiżi.


13 – Dawn iż-żewġ prinċipji jillimitaw l-awtonomija proċedurali tal-Istati Membri b’mod li r-regoli proċedurali nazzjonali japplikaw għal sitwazzjonijiet li jaqgħu taħt id-dritt tal-Unjoni bil-kundizzjoni, madankollu, li l-imsemmija regoli ma jkunux inqas favorevoli minn dawk li jirregolaw sitwazzjonijiet simili ta’ natura nazzjonali (prinċipju ta’ ekwivalenza) u li dawn ma jrendux impossibbli fil-prattika jew eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni (prinċipju ta’ effettività): ara f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenza tat-28 ta’ Frar 2012, Inter‑Environnement Wallonie u Terre wallonne (C-41/11, punt 45 u l-ġurisprudenza ċċitata).


14 – Infakkar li l-Artikolu 21(1) TFUE jipprovdi li dan id-dritt jeżisti “salvi l-limitazzjonijiet u l-kondizzjonijiet stabbiliti fit-Trattati u d-dispożizzjonijiet meħuda sabiex dan jitwettaq” u, għalhekk, salvi l-limitazzjonijiet u l-kundizzjonijiet stabbiliti bid-Direttiva 2004/38.


15 –      Punt 44 tas-sentenza.


16 –      Ara l-Artikolu 1(2)(b) tad-Direttiva 90/364.


17 –      Sentenza Zhu u Chen, iċċitata iktar ’il fuq (punt 46) (korsiv miżjud minni).


18 –      Sentenza Iida, iċċitata iktar ’il fuq (punti 55, 69 u 72).


19 –      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza Dereci et, iċċitata iktar ’il fuq (punt 66).


20 –      Sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Ruiz Zambrano (punti 43 u 44) u Dereci et (punt 65).


21 –      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza McCarthy, iċċitata iktar ’il fuq (punt 29 u l-ġurisprudenza ċċitata).


22 – Barra minn hekk, ir-residenza tal-ulied fit-territorju Franċiż tista’ tiffaċilita tqarrib eventwali ma’ missierhom b’mod li jippermettilhom li jkollhom regolarment relazzjonijiet personali miegħu, fatt li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni fl-interess superjuri tal-ulied, skont id-dispożizzjonijiet tal-Karta (ara, f’dan is-sens, is-sentenza O. et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 76).