Language of document :

Appell ippreżentat fl-20 ta’ Settembru 2019 minn Toshiba Samsung Storage Technology Corp. u Toshiba Samsung Storage Technology Korea Corp. mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (Il-Ħames Awla) fit-12 ta’ Lulju 2019 fil-Kawża T-8/16, Toshiba Samsung Storage Technology u Toshiba Samsung Storage Technology Korea vs Il-Kummissjoni

(Kawża C-700/19 P)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Appellanti: Toshiba Samsung Storage Technology Corp. u Toshiba Samsung Storage Technology Korea Corp. (rappreżentanti: M. Bay, avvocato, J. Ruiz Calzado, abogado, A. Aresu, avvocato)

Parti oħra fil-proċedura: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

L-appellanti jitolbu li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tannulla s-sentenza tal-Qorti Ġenerali li qiegħda tiġi appellata;

tannulla d-deċiżjoni tal-Kummissjoni fil-Każ COMP/39.639 – Disk Drives Ottiċi, sa fejn din tirrigwarda lill-appellanti;

tannulla jew tnaqqas il-multa imposta mid-deċiżjoni appellata fuq l-appellanti f’dik id-deċiżjoni;

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż kollha esposti fl-ewwel istanza kif ukoll dawk tal-appell;

tordna kwalunkwe miżura oħra xierqa fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-kawża.

Aggravji u argumenti prinċipali

Insostenn tal-appell tagħhom, l-appellanti jqajmu erba’ aggravji.

L-ewwel aggravju huwa bbażat fuq żbalji ta’ liġi fir-rigward tal-ewwel, tat-tieni u tat-tielet parti tal-ewwel motiv imqajjem fl-ewwel istanza, li jikkonsistu fil-ksur tar-rekwiżiti formali essenzjali u tad-drittijiet tad-difiża.

It-tieni aggravju huwa bbażat fuq żbalji ta’ liġi fil-motivazzjoni tal-konstatazzjoni tal-eżistenza ta’ ksur uniku u kontinwu.

It-tielet aggravju huwa bbażat fuq il-ksur tad-drittijiet tad-difiża u fuq l-applikazzjoni ta’ livell ġuridiku żbaljat.

Ir-raba’ aggravju huwa bbażat fuq il-ksur tar-rekwiżiti formali essenzjali, fuq in-nuqqas ta’ motivazzjoni taċ-ċaħda tal-ewwel parti tat-tieni motiv (nuqqas ta’ ġurisdizzjoni) imqajjem fl-ewwel istanza kif ukoll fuq l-iżball ta’ evalwazzjoni tal-kundizzjonijiet ta’ ammissibbiltà tal-provi.

____________