Language of document :

Rikors ippreżentat fid-29 ta' Diċembru 2007 - Marcuccio vs Il-Kummissjoni

(Kawża F-146/07)

Lingwa tal-kawża: It-Taljan

Partijiet

Rikorrent: Luigi Marcuccio (Tricase, l-Italja) (rappreżentant: G. Cipressa, avukat)

Konvenuta: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

Suġġett tal-kawża

Rikors imressaq kontra ċ-ċaħda mill-konvenuta tat-talba tar-rikorrent li tagħmel jew tikkonkludi investigazzjoni dwar il-fatt li, fid-29 ta' Ottuburu 2001, ir-rikorrent ġie f'kuntatt aċċidentali, fl-uffiċċji tad-delegazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea fl-Angola, fejn kien jiżvolġi l-attività ta' xogħol tiegħu bħala uffiċjal tal-konvenuta, u waqt il-ħin tax-xogħol, ma' trab bajdani li n-natura tiegħu mhix magħrufa, u li tingħatalu kull informazzjoni dwar x'ġara mill-kampjun ta' l-imsemmi trab u dwar il-proċeduri ta' konservazzjoni u ta' aċċess ta' l-istess.

Ir-rikorrent iressaq, in sostenn ta' l-argumenti tiegħu dwar iċ-ċaħda min-naħa tal-konvenuta, it-tliet motivi li ġejjin: 1) nuqqas assolut ta' motivazzjoni, kif ukoll nuqqas ta' loġika, inkonsistenza, nuqqas ta' raġonevolezza, konfużjoni, natura ta' prestest u nuqqas jew insuffiċjenza ta' l-investigazzjoni; 2) ksur tal-liġi ta' natura gravi, evidenti u manifest; 3) ksur ta' l-obbligu ta' premura u ta' amministrazzjoni tajba.

Talbiet tar-rikorrent

jannulla, safejn meħtieġ, in-nota tat-23 ta' Frar 2007, prot. ADMINB.2/MB/nb D(07)4623;

jannulla d-deċiżjoni, bi kwalunkwe mod ifformulata, li permezz tagħha saret iċ-ċaħda, mill-konvenuta, tat-talba ta' l-10 ta' Ottubru 2006, li saret mir-rikorrent lill-awtorità tal-ħatra;

jannulla, safejn meħtieġ, id-deċiżjoni, bi kwalunkwe mod ifformulata, li biha ġie miċħud l-ilment tas-27 ta' April 2007 li sar mir-rikorrent lill-awtorità tal-ħatra;

jannulla, safejn meħtieġ, in-nota ta' l-4 ta' Settembru 2007, prot. ADMIN.B.2/MB/ls D(07)19393

jaċċerta l-fatt li l-konvenuta m'għamlitx jew ma kkonkludietx ebda investigazzjoni xierqa, inklużi l-atti preparatorji u ovvjament dawk li jirriżultaw minnha, sabiex taċċerta kull ċirkustanza, kemm jekk seħħet qabel jew wara, marubta bi kwalunkwe mod mal-fatt li r-rikorrent, fid-29 ta' Ottubru 2001, ġie f'kuntatt aċċidentali, fl-uffiċċji tad-delegazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea fl-Angola, fejn f'dak iż-żmien kien iwettaq l-attività ta' xogħol tiegħu bħala uffiċċjal tal-konvenuta, u fil-ħin tax-xogħol, ma' trab bajdani ta' natura mhux magħrufa;

jaċċerta u jiddikjara li n-nuqqas li ssir l-investigazzjoni huwa illegali;

jordna lill-konvenuta tagħmel jew tikkonkludi l-investigazzjoni, tagħmel serje sħiħa ta' azzjonijiet li jirriżultaw minn din ta' l-aħħar, tagħti sensiela ta' informazzjoni lir-rikorrent dwar l-aċċident tad-29 ta' Ottubru 2001, tiggarantixxi lir-rikorrent l-aċċess għall-kampjun tat-trab;

jordna lill-konvenuta tħallas lir-rikorrent, bħala kumpens ta' dik il-parti tad-dannu li diġà ġie kkawżat b'mod irreversibili sad-data tal-lum min-nuqqas li ssir l-investigazzjoni, is-somma ta' EUR 3 000 000, jew somma akbar jew iżgħar li t-Tribunal jikkunsidra ġusta u ekwa;

jordna lill-konvenuta tħallas lir-rikorrent, bħala kumpens ta' dik il-parti tad-dannu li, fin-nuqqas li ssir l-investigazzjoni, ser ikun ikkawżat minn għada 'il quddiem, is-somma ta' EUR 300, jew dik is-somma akbar jew iżgħar li t-Tribunal jikkunsidra ġusta u ekwa, għal kull ġurnata li tgħaddi bejn għada u dik meta, wara li tkun saret l-investigazzjoni kif ukoll l-atti preparatorji u dawk li jirriżultaw minnha, issir komunikazzjoni lir-rikorrent kif ukoll tingħata pubbliċità xierqa, fl-uffiċċji tad-delegazzjoni u fl-uffiċċji prinċipali tad-Direttorati Ġenerali ta' Żvilupp u ta' Relazzjonijiet Esterni tal-KE, tal-konklużjonijiet ta' l-investigazzjoni;

jeżamina l-aġir adottat mill-konvenuta qabel, matul u wara l-aċċident tad-29 ta' Ottubru 2001 u l-aġir marbut miegħu bi kwalunkwe mod, minbarra n-nuqqas li ssir l-investigazzjoni;

jaċċerta u jiddikjara li l-aġir tagħha huwa illegali;

jordna lill-konvenuta li, bħala kumpens għad-dannu kkawżat mill-aġir tagħha, tħallas lir-rikorrent is-somma ta' EUR 5 000 000 jew dik is-somma akbar jew iżgħar li t-Tribunal jikkunsidra ġusta jew ekwa;

jordna lill-KE tħallas lura, lir-rikorrent, l-ispejjeż, drittijiet u spejjeż legali, inklużi dawk marbuta mal-perizja ex parte li eventwalment ser issir sabiex tiġi aċċertata l-eżistenza tal-kundizzjonijiet meħtieġa sabiex il-konvenuta tiġi ordnata tħallas lir-rikorrent kull somma msemmija kif ukoll, b'mod aktar ġenerali, sabiex jiġi aċċertat kull fatt rilevanti għall-għanjiet tas-sentenza li ser tingħata f'din il-kawża.

____________