Language of document : ECLI:EU:C:2019:308

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

11 ta’ April 2019 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Enerġija – Settur tal-gass tal-petroleum likwifikat (LPG) – Protezzjoni tal-konsumaturi – Obbligu ta’ interess ekonomiku ġenerali – Prezz massimu ta’ ċilindri ta’ gass – Obbligu ta’ distribuzzjoni fid-djar – Artikolu 106 TFUE – Direttivi 2003/55/KE, 2009/73/KE u 2006/123/KE – Interpretazzjoni tas-sentenza tal-20 ta’ April 2010, fil-kawża Federutility et (C‑265/08, EU:C:2010:205) — Il-prinċipju ta’ proporzjonalità”

Fil-Kawżi magħquda C‑473/17 u C‑546/17,

li għandhom bħala suġġett żewġ talbiet għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mit-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema, Spanja), permezz ta’ deċiżjonijiet tad-29 ta’ Ġunju 2017 (C‑473/17) u tad-19 ta’ Lulju 2017 (C-546/17), li waslu fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-2 ta’ Awwissu 2017 (C‑473/17) u fit-18 ta’ Settembru 2017 (C‑546/17), fil-proċeduri

Repsol Butano SA (C‑473/17),

DISA Gas SAU (C‑546/17)

vs

Administración del Estado,

fil-preżenza ta’:

Redexis Gas SL (C‑546/17),

Repsol Butano SA (C‑546/17),

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

komposta minn R. Silva de Lapuerta, Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja, li qed jaġixxi bħala President tal-Ewwel Awla, J.-C. Bonichot (Relatur), A. Arabadjiev, E. Regan u C.G. Fernlund, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: E. Tanchev,

Reġistratur: L. Carrasco Marco, administratrice,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-26 ta’ Settembru 2018,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal Repsol Butano SA u DISA Gas SAU, minn F. Castedo Bartolomé, F. Castedo Álvarez, L. Moliner Oliva u A. Rueda García, abogados,

–        għall-Gvern Spanjol, minn A. Rubio González u minn A. Gavela Llopis, bħala aġenti,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn O. Beynet u S. Pardo Quintillán, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal‑5 ta’ Diċembru 2018,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talbiet għal deċiżjoni preliminari jirrigwardaw l-interpretazzjoni tad-Direttiva 2003/55/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2003 dwar ir-regoli komuni għas-suq intern tal-gass naturali u li tħassar id-Direttiva 2003/55/KE (ĠU 2003, L 176, p. 57), u tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, kif interpretati mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tal-20 ta’ April 2010, Federutility et (C‑265/08, EU:C:2010:205).

2        Dawn it-talbiet ġew ippreżentati fil-kuntest ta’ żewġ kawżi bejn Repsol Butano S.A. u DISA Gas SAU u l-Administración del Estado (l-Amministrazzjoni tal-Istat, Spanja) dwar il-legalità tal-Orden IET/389/2015 por la que el sistema ta’ determinación actualiza automática de precios de venta máximos, antes de gases de los impuestos, licuados del petróleo envasados y se modifica el sistema ta’ determinación automática de las tarifas de venta, antes de gases de los impuestos, licuados del petróleo por canalización (id-Digriet IET/389/2015 li jaġġorna s-sistema ta’ determinazzjoni awtomatika tal-prezzijiet massimi tal-bejgħ, qabel it-taxxa, il-gass tal-petroleum likwifikat u li jemenda s-sistema ta’ determinazzjoni awtomatika tal-prezzijiet ta’ bejgħ, qabel it-taxxa, tal-gass tal-petroleum likwifikat minn sistema ta’ pajpijiet), tal-5 ta’ Marzu 2015 (BOE Nru 58, tad-9 ta’ Marzu 2015, p. 20850, iktar ’il quddiem id-“Digriet IET/389/2015”).

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

 Id-Direttiva 2003/55

3        Id-Direttiva 2003/55, li tħassret permezz tad-Direttiva 2009/73 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Lulju 2009 dwar ir-regoli komuni għas-suq intern tal-gass naturali u li tħassar id-Direttiva 2003/55/KE (ĠU 2009, L 211, p. 94), kienet tipprevedi fl-Artikolu 1 tagħha:

“1.      Din id-Direttiva tistabbilixxi regoli komuni għat-trasmissjoni, tqassim, provvista u ħażna ta’ gass naturali. Tistabbilixxi r-regoli li jirrelataw għall-organizzazzjoni u l-iffunzjonar tas-settur tal-gass naturali, aċċess għas-suq, il-kriterji u l-proċeduri li japplikaw għall-għotja ta’ awtorizzazzjoni għat-trasmissjoni u d-distribuzzjoni, fornitura u l-ħażna tal-gass naturali u l-operazzjoni tas-sistemi.”

2.      Ir-regoli stabbiliti f’sin id-Direttiva għall-gass naturali, inkluż il-gass naturali likwifikat (LNG), għandhom japplikaw wkoll għall-bijogass u gass minn biomassi jew tipi oħrajn ta’ gass sa fejn dawn il-gassijiet jistgħu teknikament u b’mod sikur jiġu injettati fi, u trasportatti mis-sistema tal-gass naturali.”

4        L-Artikolu 3(2) ta’ din id-direttiva kienet tipprevedi:

“Tenut kont sħiħ tad-disposizzjonijiet rilevanti tat-Trattat, b’mod partikolari l-Artikolu 86 tiegħu [KE], l-Istati Membri jistgħu jimponu fuq impriżi operaturi fis-settur tal-gass, fl-interess ekonomiku generali, obbligazzjonijiet dwar is-servizz pubbliku, li jistgħu jirrelataw għal sigurtà, inkluża s-sigurtà tal-fornitura, regolarità, kwalità u prezz tal-provvisti, u l-protezzjoni ta’ l-ambjent, li jinkludi l-effiċjenza ta’ l-enerġija u ħarsien tal-klima. Dawn l-obbligazzjonijiet għandhom jigu identifikati b’mod ċar, trasparenti, mhux diskriminatorju, verifikabbli u għandhom jiggarantixxu l-ugwaljanza ta’ l-aċċess għall-kumpaniji tal-gass ta’ l-UE lil konsumaturi ċittadini. Rigward is-sigurtà tal-fornitura, l-amministrazzjoni ta’ l-effiċjenza ta’ l-enerġija/perspettiva tat-talbiet u għall-ksib ta’ l-għanijiet ta’ l-ambjent, imsemmija f’dan il-paragrafu, l-Istati Membri jistgħu jintroduċu l-implimentazzjoni ta’ ppjanar fit-tul, b’qisien għall-possibbiltà li terzi persuni jitolbu aċċess għas-sistema.”

 Id-Direttiva 2009/73

5        L-Artikolu 1 tad-Direttiva 2009/73 jistabbilixxi:

“1.      Din id-Direttiva tistabbilixxi regoli komuni għat-trasmissjoni, id-distribuzzjoni, il-provvista u ħażna ta’ gass naturali. Hija tippreskrivi r-regoli marbuta mal-organizzazzjoni u l-funzjonament tas-settur tal-gass naturali, l-aċċess għas-suq, il-kriterji u l-proċeduri applikabbli għall-għoti ta’ awtorizzazzjonijiet għat-trasmissjoni, id-distribuzzjoni, il-provvista u l-ħżin ta’ gass naturali u l-operazzjoni tas-sistemi.

2.      Ir-regoli stabbiliti f’din id-Direttiva għall-gass naturali, inkluż il-gass naturali likwifikat (LNG), għandhom japplikaw ukoll b’mod mhux diskriminatorju għall-bijogass u gass minn biomassi jew tipi oħrajn ta’ gass sa fejn dawn il-gassijiet jistgħu teknikament u b’mod sikur jiġu injettati fi, u trasportati mis-sistema tal-gass naturali.”

6        L-Artikolu 3(2) ta’ din id-direttiva jipprevedi:

“Tenut kont sħiħ tad-dispożizzjonijiet relevanti tat-Trattat [KE], b’mod partikolari l-Artikolu 86 tiegħu, l-Istati Membri jistgħu jimponu fuq impriżi operaturi fis-settur tal-gass, fl-interess ekonomiku ġenerali, obbligazzjonijiet dwar is-servizz pubbliku, li jistgħu jirrelataw għas-sigurtà, inkluża s-sigurtà tal-fornitura, regolarità, kwalità u prezz tal-provvisti, u l-protezzjoni tal-ambjent, li jinkludi l-effiċjenza tal-enerġija, l-enerġija minn sorsi li jiġġeddu u protezzjoni tal-klima. Obbligi bħal dawn għandhom ikunu definiti b’mod ċar, trasparenti, mhux diskriminatorji, verifikabbli u għandhom jiggarantixxu l-ugwaljanza tal-aċċess lill-kumpaniji tal-gass tal-Kommunita’ għall-konsumaturi nazzjonali. Fir-rigward tas-sigurtà tal-provvista, l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija/il-ġestjoni tad-domanda u għall-ksib tal-għanijiet ambjentali u għanijiet għall-enerġija minn sorsi li jiġġeddu, kif imsemmi f’dan il-paragrafu, l-Istati Membri jistgħu jintroduċu l-implimentazzjoni ta’ ppjanar għall-perijodu fit-tul, b’kont meħud tal-possibbiltà li terzi persuni jitolbu aċċess għas-sistema.”

 Id-Direttiva 2006/123/KE

7        Il-premessi 5, 8, 17, 70 sa 73 tad-Direttiva 2006/123/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2006 dwar is-servizzi fis-suq intern (ĠU 2006, L 376, p. 36), jistabbilixxu:

“(5)      Huwa għalhekk meħtieġ li jitneħħew l-ostakoli għal-libertà ta’ stabbiliment għal fornituri fl-Istati Membri u ostakoli għall-moviment liberu tas-servizzi bejn l-Istati Membri u biex ir-riċevituri u l-fornituri jkollhom garanzija taċ-ċertezza legali meħtieġa għall-eżerċizzju fil-prattika ta’ dawk iż-żewġ libertajiet fundamentali tat-Trattat. Peress li l-ostakoli fis-suq intern għas-servizzi jaffettwaw lill-operaturi li jixtiequ jistabbilixxu ruħhom fi Stati Membri oħrajn kif ukoll dawk li jipprovdu servizz fi Stat Membru ieħor mingħajr ma huma stabbiliti hemm, huwa meħtieġ li l-fornituri jitħallew jiżviluppaw l-attivitajiet tas-servizzi tagħhom fi ħdan is-suq intern jew billi jistabbilixxu ruħhom fi Stat Membru jew billi jagħmlu użu mill-moviment liberu tas-servizzi. Fornituri għandhom ikunu kapaċi jagħżlu bejn dawk iż-żewġ libertajiet, skond l-istrateġija tagħhom ta’ tkabbir f’kull Stat Membru.

(8)      Huwa xieraq li d-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva dwar il-libertà ta’ stabbiliment u l-moviment liberu tas-servizzi għandu japplika biss sakemm l-attivitajiet trattati huma miftuħa għal kompetizzjoni, sabiex dawn ma jobbligawx lill-Istati Membri jew biex jilliberalizzaw servizzi ta’ interess ġenerali ekonomiku jew biex jipprivatizzaw entitajiet pubbliċi li jipprovdu tali servizzi jew li jabolixxu monopolji eżistenti għal attivitajiet oħra jew ċerti servizzi ta’ distribuzzjoni.

(17)      Din id-Direttiva tkopri biss is-servizzi li huma mwettqa għal kunsiderazzjoni ekonomika. […] Servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali, huma servizzi mwettqa għal konsiderazzjoni ekonomika u għalhekk jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva. Iżda ċerti servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali, bħal dawk li jistgħu jeżistu fil-qasam tat-trasport, huma esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva u ċerti servizzi oħrajn ta’ interess ekonomiku ġenerali, per eżempju, li jistgħu jeżistu fil-qasam tas-servizzi postali, huma suġġetti għal deroga mid-dispożizzjoni dwar il-libertà għall-provvista ta’ servizzi mniżżla f’din id-Direttiva. […]

(70)      Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, u mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 16 tat-Trattat, is-servizzi jistgħu jitqiesu lu huma servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali, biss jekk jiġu pprovduti fl-applikazzjoni ta’ ħidma speċjali fl-interess pubbliku fdata lill-fornitur mill-Istat Membru kkonċernat. Din il-ħidma għandha titwettaq permezz ta’ att wieħed jew aktar, li l-forma tiegħu għandha tkun iddeterminata mill-Istat Membru kkonċernat, u għandu jispeċifika n-natura preċiża tal-kompitu speċjali.

(71)      Il-proċess ta’ evalwazzjoni reċiproka previst f’din id-Direttiva ma għandux jaffettwa l-libertà ta’ l-Istati Membri li jistipulaw fil-leġislazzjoni tagħhom livell għoli ta’ protezzjoni ta’ l-interess pubbliku, b’mod partikolari fir-rigward ta’ objettivi tal-politika soċjali. Barra minn hekk, huwa meħtieġ li l-proċess ta’ evalwazzjoni reċiproka jqis bis-sħiħ l-ispeċifiċità tas-servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali u ta’ kompiti partikolari assenjati lilhom. Dan jista’ jiġġustifika ċerti restrizzjonijiet dwar il-libertà ta’ l-istabbiliment, b’mod partikolari fejn restrizzjonijiet bħal dawn isegwu objettivi ta’ saħħa pubblika u politika soċjali skond il-kondizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 15(3)(a), (b) u (ċ). […]

(72)      Servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali li huma fdati b’kompiti importanti marbutin ma’ koeżjoni soċjali u territorjali. It-twettiq ta’ dawn il-kompiti m’għandux ikun ostakolat bħala riżultat tal-proċess ta’ evalwazzjoni previst f’din id-Direttiva. Ħtiġijiet li huma meħtieġa għat-twettiq ta’ tali kompiti ma għandhomx ikunu affettwati b’dan il-proċess waqt li, fl-istess ħin, jeħtieġ li jkunu indirizzati restrizzjonijiet inġustifikati għal-libertà ta’ stabbiliment.

(73)      […] Il-valutazzjoni tal-kompatibilità ta’ tariffi fissi minimi u/jew massimi mal-libertà ta’ l-istabbiliment tikkonċerna biss it-tariffi imposti minn awtoritajiet kompetenti speċifikament għal proviżjoni ta’ ċerti servizzi u mhux pereżempju, regoli ġenerali dwar determinazzjoni ta’ prezz bħal kiri ta’ djar.”

8        Skont l-Artikolu 1(1) u (2) tad-Direttiva 2006/123:

“1.      Din id-Direttiva tistabbilixxi dispożizzjonijiet ġenerali li jħaffu l-eżerċizzju tal-libertà ta’ stabbiliment għall-fornituri tas-servizzi u l-moviment liberu tas-servizzi, filwaqt li tinżamm kwalità għolja tas-servizzi.

2.      Din id-Direttiva ma tkoprix il-liberalizzazzjoni ta’ servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali, riżervata għall-entitajiet pubbliċi jew privati, lanqas mil-privatizzazzjoni ta’ entitajiet pubbliċi li jipprovdu servizzi.”

9        L-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva jipprevedi:

“1.      Din id-Direttiva għandha tapplika għal servizzi pprovduti mill-fornituri stabbiliti fi Stat Membru.

2.      Din id-Direttiva m’għandhiex tapplika għal dawn l-attivitajiet:

a)      servizzi mhux ekonomiċi ta’ interess ġenerali;

[…]”

10      L-Artikolu 15 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Rekwiżiti li għandhom jiġu evalwati”, li jinsab fil-Kapitolu III tagħha, dwar il-libertà għall-istabbilment ta’ fornituri, jipprevedi:

“1.      L-Istati Membri għandhom jeżaminaw jekk, taħt is-sistema legali tagħhom, kwalunkwe mir-rekwiżiti elenkati fil-paragafu 2 huma imposti u għandhom jiżguraw li tali rekwiżiti huma kompatibbli mal-kondizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 3. L-Istati Membri għandhom jaddattaw il-liġijiet, ir-regolamenti jew id-dispożizzjonijiet amministrattivi tagħhom sabiex jagħmluhom kompatibbli ma’ dawk il-kondizzjonijiet.

2.      L-Istati Membri għandhom jeżaminaw jekk is-sistema legali tagħhom tagħmilx l-aċċess għal attività ta’ servizz jew l-eżerċizzju tagħha soġġetta għal konformità ma’ kwalunkwe minn dawn ir-rekwiżiti mhux-diskriminatorji:

[…]

g)      tariffi fissi minimi u/jew massimi li magħhom għandu jikkonforma l-fornitur;

h)      obbligazzjoni għal fornitur li jipprovdu servizzi speċifiċi oħra flimkien mas-servizz tiegħu.

3.      L-Istati Membri għandhom jivverifikaw li r-rekwiżiti msemmija fil-paragrafu 2 jissodisfaw il-kondizzjonijiet li ġejjin:

a)      non-diskriminazzjoni: ir-rekwiżiti m’għandhomx ikunu diskriminatorji la direttament lanqas indirettament skond in-nazzjonalità jew, fir-rigward ta’ kumpanniji, skond il-post ta’ l-uffiċċju rreġistrat;

b)      bżonn: ir-rekwiżiti għandhom ikunu ġġustifikati b’raġuni aktar importanti li għandha x’taqsam ma’ l-interess pubbliku;

ċ)      proporzjonalità: ir-rekwiżiti għandhom ikunu adatti biex jiżguraw li jintlaħaq l-objettiv mixtieq; m’għandhomx imorru lil hinn minn dak li hu meħtieġ biex jintlaħaq dak l-objettiv; u ma għandux ikun possibbli li dawk ir-rekwiżiti jiġu sostitwiti minn miżuri oħrajn, anqas restrittivi li jwasslu għall-istess riżultat.

4.      Il-paragrafi 1, 2 u 3 japplikaw biss għal-leġislazzjoni fil-qasam tas-servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali biss dment li l-applikazzjoni ta’ dawn il-paragrafi ma xxekkilx il-prestazzjoni, fil-liġi jew fil-fatt, tal-kompitu partikolari allokat lilhom.

[…]

6.      Mit-28 ta’ Diċembru 2006, l-Istati Membri m’għandhom jintroduċu l-ebda rekwiżit ġdid tat-tip elenkat fil-paragrafu 2, sakemm dan ir-rekwiżit ma jissodisfax il-kondizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 3.

[…]”

 Id-dritt Spanjol

11      L-Artikolu 1(3) ta’ Ley 34/1998 del Sector de hidrocarburos (il-Liġi 34/1998 dwar is-Settur tal-Idrokarburi), tas-7 ta’ Ottubru 1998 (BOE Nru 241, tat-8 ta’ Ottubru 1998, p. 33517), jipprevedi:

“L-attivitajiet għall-provvista ta’ idrokarburi likwidi u gassużi għandhom jiġu eżerċitati b’konformità mal-prinċipji ta’ oġġettività, trasparenza u kompetizzjoni ħielsa.”

12      L-Artikolu 37(1) ta’ din il-liġi jipprovdi:

“L-attivitajiet ta’ rraffinar taż-żejt mhux irraffinat, it-trasport, il-ħażna, id-distribuzzjoni u l-bejgħ ta’ prodotti taż-żejt mhux maħdum, inkluż gass tal-petroleum likwifikat, jistgħu jsiru liberament skont it-termini previsti minn din il-liġi, mingħajr preġudizzju għall-obbligi li jirriżultaw minn dispożizzjonijiet oħra tal-leġiżlazzjoni settorjali rilevanti u, b’mod partikolari, dwar l-ippjanar tat-territorju u l-ambjent u l-protezzjoni tal-konsumaturi u tal-utenti.”

13      L-Artikolu 38 tal-imsemmija liġi jipprevedi:

“Il-prezzijiet tal-prodotti mill-petroleum għandhom ikunu ffissati b’mod ħieles”

14      Ir-raba’ dispożizzjoni tranżitorja tal-Liġi 34/1998 tipprevedi:

“Permezz ta’ formola speċifika f’termini regolatorji, il-Gvern jista’ jistabbilixxi l-prezz massimu ta’ bejgħ lill-pubbliku tal-gass tal-petroleum likwifikat ibbottiljat sakemm il-kundizzjonijiet tal-kompetizzjoni u l-kompetittività f’dan is-suq ma jitqisux biżżejjed. Il-prezz massimu jinkludi l-ispiża tal-konsenja fid-djar.”

15      L-Artikolu 5 tar-Real Decreto‑ley 15/1999 por el que se aprueban medidas de reforma estructural liberalización, e incremento ta’ competencia en el Sector de hidrocarburos (id-Digriet‑Liġi Rjali 15/1999 li Japprova Miżuri ta’ Liberalizzazzjoni, Riforma Strutturali u Żieda fil-Kompetizzjoni fis-Settur tal-Idrokarburi), mill-1 ta’ Ottubru 1999 (BOE Nru 236, tat-2 ta’ Ottubru 1999, p. 35442), kien jipprevedi:

“1.      Il-prezz massimu ta’ bejgħ lill-pubbliku, qabel it-taxxa, tal-gass tal-petroleum likwifikat ibbottiljat ta’ piż nett ta’ mhux inqas minn 8 kilogrammi [kg] huwa ffissat għal 83.4 Pesetas/kg, inkluża d-distribuzzjoni fid-dar. Dan il-prezz għandu japplika għal perijodu ta’ tnax-il xahar wara d-dħul fis-seħħ ta’ dan id-Digriet Irjali.

2.      Il-Ministru tal-Industrija u tal-Enerġija jistabbilixxi, permezz ta’ digriet ministerjali, wara ftehim tal-Kummissjoni tal-Gvern għall-Affarijiet Ekonomiċi, fit-terminu ta’ tnax-il xahar stipulat fil-paragrafu preċedenti, sistema tal-ipprezzar tal-gass tal-petroleum likwifikat ikkundizzjonata minħabba n-natura staġjonali tas-suq.

3.      Jekk il-kundizzjonijiet tal-kompetizzjoni u l-kompetittività fis-suq ma humiex ikkunsidrati biżżejjed, il-Ministru tal-Industrija u tal-Enerġija jista’ jistabbilixxi, permezz ta’ digriet ministerjali, wara ftehim tal-Kummissjoni tal-Gvern għall-Affarijiet Ekonomiċi, sistemi oħra ta’ ffissar tal-prezzijiet massimi ta’ bejgħ lill-pubbliku ta’ gass tal-petroleum likwifikat ibbottiljat. Il-prezz massimu jinkludi l-ispiża tad-distribuzzjoni bieb bieb.”

16      Ir-Real Decreto‑ley 8/2014, de aprobación de medidas urgentes para el crecimiento, competitividad y la eficiencia (id-Digriet‑Liġi Rjali 8/2014 dwar l-Adozzjoni ta’ Miżuri Urġenti għat-Tkabbir, Kompetittività u Effiċjenza), tal-4 ta’ Lulju 2014 (BOE Nru 163, tal-5 ta’ Lulju 2014, p. 52544), ħassar ir-raba’ dispożizzjoni tranżitorja tal-Liġi 34/1998 kif ukoll l-Artikolu 5 tad-Digriet‑Liġi Rjali 15/1999.

17      Id-dispożizzjoni addizzjonali tlieta u tletin tal-Liġi 34/1998, kif emendata permezz tad-Digriet‑Liġi Rjali 8/2014, tipprevedi:

“1.      L-utenti li jkollhom kuntratt ta’ provvista ta’ gass tal-petroleum likwifikat ibbottiljat ta’ piż nett ta’ mhux inqas minn 8 kg u ta’ inqas minn 20 kg, ħlief apparat tat-taħlit għall-finijiet tal-użu tal-gass tal-petroleum likwifikat bħala fjuwil, għandhom id-dritt għal distribuzzjoni fid-dar.

Fil-livell peninsulari u f’kull territorju insulari u extrapeninsulari, il-bejjiegħ bl-ingrossa tal-gass tal-petroleum likwifikat li għandu l-ikbar sehem mis-suq bħala riżultat tal-bejgħ tiegħu fis-settur tal-gass tal-petroleum likwifikat ibbottiljat ta’ piż nett ta’ mhux inqas minn 8 kg u ta’ inqas minn 20 kg, ħlief apparat tat-taħlit għall-finijiet tal-użu tal-gass tal-petroleum likwifikat bħala fjuwil, huwa obbligat li jqassam il-gass tal-petroleum likwifikat fid-dar ta’ persuna li titlob dan fil-ġurisdizzjoni rilevanti.

2.      Il-lista tal-bejjiegħa bl-ingrossa tal-gass tal-petroleum likwifikat li għandhom obbligu ta’ distribuzzjoni hija stabbilita permezz ta’ deċiżjoni tad-Direttur Ġenerali għall-Politika tal-Enerġija u l-Minjieri kull tliet snin. Din id-deċiżjoni għandha tiġi pubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Istat.

Jekk l-evoluzzjoni tas-suq u l-istruttura kummerċjali tas-settur jirrikjedu dan u fi kwalunkwe każ kull ħames snin, il-Gvern jirrevedi l-kundizzjonijiet għall-eżerċizzju tal-obbligu impost minn din id-dispożizzjoni, jew jiddeċiedi t-tneħħija tagħha.

3.      Minkejja d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 38 ta’ din il-liġi, peress li l-kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni u kompetittività fis-suq mhumiex ikkunsidrati biżżejjed, il-Ministru tal-Industrija, tal-Enerġija u tat-Turiżmu, wara ftehim tal-Kummissjoni tal-Gvern għall-Affarijiet Ekonomiċi, jistabbilixxi l-prezzijiet massimi tal-bejgħ lill-pubbliku tal-gass tal-petroleum likwifikat ibbottiljat b’piż nett ta’ 8 kg jew iktar imma inqas minn 20 kg b’piż mingħajr tagħbija ta’ iktar minn 9 kg, ħlief apparat tat-taħlit għall-finijiet tal-użu tal-gass tal-petroleum likwifikat bħala fjuwil, billi jistabbilixxi l-valuri konkreti ta’ dawn il-prezzijiet jew sistema ta’ determinazzjoni u ta’ aġġornament awtomatiku ta’ dawn il-prezzijiet. Il-prezz massimu jinkludi l-ispiża tad-distribuzzjoni bieb bieb.

4.      Mingħajr preġudizzju għall-paragrafi preċedenti, jekk il-bejjiegħ bl-ingrossa tal-gass tal-petroleum likwifikat obbligat li jiddistribwixxi fid-djar fliexken ta’ piż nett ta’ mhux inqas minn 8 kg iżda inqas minn 20 kg ma għandux fliexken b’piż mingħajr tagħbija ta’ iktar minn 9 kg, l-obbligu ta’ distribuzzjoni domestika tal-prezzijiet massimi tal-bejgħ imsemmija fil-paragrafu 3 jestendi għal ċilindri b’piż mingħajr tagħbija ta’ inqas minn 9 kg fil-ġurisdizzjoni rilevanti.

5.      Bejjiegħa bl-ingrossa tal-gass tal-petroleum likwifikat għandhom jipprovdu lid-Direttorat Ġenerali għall-Politika tal-Enerġija u l-Minjieri l-informazzjoni mitluba lilhom fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet tagħhom, b’mod partikolari għall-finijiet tal-applikazzjoni, l-eżami u l-monitoraġġ tal-obbligu ta’ distribuzzjoni, distribuzzjoni tal-gass tal-petroleum likwifikat u l-prezz massimu ta’ bejgħ lill-pubbliku msemmija fil-paragrafi preċedenti.”

 Il-kawżi prinċipali u d-domandi preliminari

18      Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li Repsol Butano u DISA Gas ippreżentaw quddiem it-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema, Spanja), rikorsi kontenzjużi amministrattivi kontra d-Digriet IET/389/2015.

19      Insostenn tar-rikors tagħha, Repsol Butano ssostni li s-sistema ta’ ffissar tal-prezzijiet massimi ta’ gass tal-petroleum likwifikat (“LPG”) ibbottiljat implementata bid-Digriet IET/389/2015 tmur kontra l-liberalizzazzjoni tas-settur ikkonċernat u hija diskriminatorja. Disa Gas issostni li l-obbligu ta’ provvista fid-dar ta’ ċilindri ta’ LPG għal prezz massimu rregolat huwa diskriminatorju inkwantu huwa impost fuq operatur wieħed f’kull żona territorjali ddefinita mil-leġiżlazzjoni Spanjola. Barra minn hekk, din is-sistema tmur kontra l-liberalizzazzjoni tas-settur u l-prinċipju ta’ proporzjonalità. Hija tinkoraġġixxi wkoll distorsjonijiet tal-kompetizzjoni.

20      Skont il-qorti tar-rinviju, id-Digriet IET/389/2015, li, b’mod partikolari, għandu l-għan tal-aġġornament tas-sistema awtomatika ta’ determinazzjoni tal-prezzijiet massimi tal-bejgħ taċ-ċilindri ta’ gass tal-petroleum likwifikat, ġie adottat abbażi tal-leġiżlazzjoni Spanjola dwar is-settur taż-żejt, jiġifieri d-dispożizzjoni addizzjonali tlieta u tletin tal-Liġi 34/1998 imressqa mid-Digriet‑Liġi 8/2014.

21      Din id-dispożizzjoni tipprevedi li, minn naħa, il-Ministro de Industria, Turismo y Energía (il-Ministru tal-Industrija, tal-Enerġija u tat-Turiżmu, Spanja) jistabbilixxi, “sakemm il-kundizzjonijiet tal-kompetizzjoni u l-kompetittività f’dan is-suq ma jitqisux biżżejjed”, il-prezzijiet massimi tal-bejgħ tal-LPG ibbottiljat b’piż nett ta’ bejn 8 kg u 20 kg u b’piż mingħajr tagħbija ta’ iktar minn 9 kg. F’każ ta’ indisponibbiltà ta’ dawn iċ-ċilindri, il-prezzijiet massimi tal-bejgħ japplikaw ukoll għal ċilindri oħra.

22      Min-naħa l-oħra, din id-dispożizzjoni leġiżlattiva tipprevedi obbligu ta’ distribuzzjoni domestika taċ-ċilindri tal-gass li għalih japplika l-prezz irregolat. L-ispiża tal-konsenja hija inkluża fil-prezz massimu. Dan l-obbligu huwa impost fuq operaturi li għandhom l-ikbar sehem mis-suq fis-settur tal-LPG ibbottiljat b’piż nett ta’ bejn 8 kg u 20 kg, fid-diversi territorji tar-Renju ta’ Spanja, jiġifieri fil-peniżola, il-Gżejjer Baleariċi, u l-Gżejjer Kanarji, f’Ceuta u f’Melilla. Il-lista tal-operaturi suġġetti għall-obbligu ta’ distribuzzjoni hija stabbilita permezz ta’ deċiżjoni tad-Direttur Ġenerali għall-Politika tal-Enerġija u l-Minjieri kull tliet snin. Skont id-dispożizzjoni addizzjonali tlieta u tletin tal-Liġi 34/1998, il-Gvern jirrevedi l-kundizzjonijiet tal-eżerċizzju ta’ dan l-obbligu “[m]eta l-evoluzzjoni tas-suq u l-istruttura tan-negozju tas-settur ikunu jeħtiġuha u, f’kull każ, kull ħames snin”.

23      Il-qorti tar-rinviju tirrileva, barra minn hekk, li qabel l-adozzjoni tad-Digriet‑Liġi 8/2014, dispożizzjonijiet oħra tal-Liġi 34/1998 diġà kienu jipprevedu l-possibbiltà li jiġi ffissat prezz massimu ta’ bejgħ tal-LPG ibbottiljat u obbligu ta’ distribuzzjoni fid-djar. Skont din il-qorti, dawn il-miżuri kienu kontinwament implimentati u estiżi sa mis-sena 1998, u dan minkejja l-fatt li l-leġiżlazzjoni rilevanti kienet tagħtihom espliċitament natura tranżitorja. L-estensjoni ta’ dawn il-miżuri għal perijodu daqshekk twil jista’ jkun ostakolu għad-dħul ta’ operaturi ġodda fis-suq ikkonċernat. Dawn jinsabu f’sitwazzjoni fejn l-operatur li jkollu l-ikbar proporzjon ta’ traffiku fuq territorju partikolari jipprovdi l-LPG ibbottiljat bi prezz massimu stabbilit b’mod amministrattiv, li jinkludi, barra minn hekk, id-distribuzzjoni fid-dar.

24      Il-Qorti tar-rinviju tikkunsidra li l-fatt li jiġi impost prezz massimu li jinkludi tqassim fid-djar jista’ jikkostitwixxi ostakolu għad-dħul fis-suq ta’ operaturi ġodda. Ċertament, sa fejn huma jużaw fliexken inqas onerużi, li ma humiex suġġetti għal prezz irregolat, huma jistgħu jistabbilixxu l-prezzijiet liberament. Madankollu, fil-prattika, ma jkunux jistgħu jiddevjaw minn dan il-prezz taħt piena li ma jkunx hemm talba li tiġġustifika l-investiment. Għalhekk, hemm raġunijiet biex wieħed jemmen li dawk il-miżuri kienu, fil-verità, effett ta’ ffriżar tas-suq, ħaġa li tmur kontra l-kompetizzjoni ħielsa.

25      Fir-rigward tal-kompatibbiltà tal-miżuri inkwistjoni fil-kawża prinċipali mad-dritt tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fis-sentenza tagħha tal-20 ta’ April 2010, Federutility et (C‑265/08, EU:C:2010:205), li d-Direttiva 2003/55 li tirregola s-suq tal-gass naturali ma tipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li, fl-interess ekonomiku ġenerali, tipprova żżomm il-prezz tal-provvista tal-gass naturali f’livell raġonevoli permezz tal-istabbiliment ta’ prezz ta’ riferiment, bil-kundizzjoni li din il-leġiżlazzjoni tinkludi l-għanijiet ta’ liberalizzazzjoni u ta’ protezzjoni tal-konsumatur finali, li din tkun neċessarja u jkollha durata limitata.

26      It-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema) ddeċidiet li l-kriterji stabbiliti f’din is-sentenza huma applikabbli wkoll għas-suq tal-gass likwifikat ibbottiljat, bil-kundizzjoni li l-kuntratt ikun ta’ dimensjoni Komunitarja, u dan anki fin-nuqqas ta’ leġiżlazzjoni tal-Unjoni li speċifikament tirregola dan is-suq.

27      Il-qorti tar-rinviju tirrileva li, f’dawn il-kawżi, il-miżura li tikkonsisti f’li jiġi ffissat prezz massimu ta’ bejgħ tal-gass likwifikat ibbottiljat tista’ tiġi kklassifikata bħala miżura ta’ protezzjoni tal-konsumaturi vulnerabbli, billi din tfittex li tiżgura li l-prezz ta’ provvista lill-konsumatur finali jinżamm f’livell raġonevoli. L-istess japplika għall-obbligu ta’ distribuzzjoni fid-djar. Dawn il-miżuri ser ikomplu, għalhekk, l-għanijiet ta’ interess ekonomiku ġenerali, fis-sens tal-Artikolu 106 TFUE.

28      Madankollu, dawn il-miżuri huma ta’ natura ġenerali u mingħajr distinzjoni, peress li huma jibbenefikaw il-konsumaturi kollha. Barra minn hekk, filwaqt li jirriżulta mil-leġiżlazzjoni rilevanti li dawn il-miżuri huma ta’ natura tranżitorja billi jiġġeddu “sakemm il-kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni u ta’ kompetittività f’dan is-suq ma jitqisux suffiċjenti”, huma fis-seħħ għal iktar minn 18 sena.

29      Hemm lok, konsegwentement, ta’ dubju dwar il-kompatibbiltà ta’ dawn il-miżuri mad-dritt tal-Unjoni, fid-dawl tal-kriterji stabbiliti fis-sentenza tal-20 ta’ April 2010, Federutility et (C‑265/08, EU:C:2010:205), u l-prinċipju ta’ proporzjonalità.

30      F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u tagħmel id-domandi preliminari segwenti lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“1)      Miżura li tistabbilixxi prezz massimu għaċ-ċilindri tal-gass likwifikat ibbottiljat, bħala miżura ta’ protezzjoni tal-utenti li huma soċjalment vulnerabbli, hija kompatibbli mal-ġurisprudenza stabbilita fis-sentenza [tal-20 ta’ April 2010, Federutility et (C‑265/08, EU:C:2010:205), u] tosserva l-prinċipju ta’ proporzjonalità fil-każ fejn ikun hemm, alternattivament jew simultanjament, iċ-ċirkustanzi li ġejjin[:]

–        [i]l-miżura tiġi adottata b’mod ġenerali għall-konsumaturi kollha u għal perijodu indefinit ‘sakemm il-kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni u ta’ kompetittività f’dan is-suq ma jitqisux suffiċjenti’,

–        il-miżura [tkun] ilha fis-seħħ għal iktar minn [1]8 il-sena,

–        il-miżura tista’ tikkontribwixxi għall-iffriżar tas-sitwazzjoni ta’ kompetizzjoni dgħajfa billi tostakola d-dħul fis-suq ta’ operaturi ġodda.

2.      Miżura li timponi d-distribuzzjoni fid-djar tal-gass likwifikat ibbottiljat, bħala miżura ta’ protezzjoni tal-utenti li huma soċjalment vulnerabbli jew li jgħixu f’żoni li l-aċċess għalihom huwa diffiċli, hija kompatibbli mal-ġurisprudenza stabbilita fis-sentenza [tal-20 ta’ April 2010, Federutility et (C-265/08, EU:C:2010:205), u] tosserva l-prinċipju ta’ proporzjonalità jekk ikun hemm, alternattivament jew simultanjament, iċ-ċirkustanzi elenkati fid-domanda preċedenti?”

 Fuq id-domandi preliminari

31      Permezz tad-domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk il-prinċipju ta’ proporzjonalità għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi miżuri, bħal dawk inkwistjoni fil-kawżi prinċipali, li jistabbilixxu prezz massimu tal-LPG ibbottiljat b’piż nett ta’ bejn 8 kg u 20 kg u b’piż mingħajr tagħbija ta’ iktar minn 9 kg, u jobbligaw lill-operaturi li għandhom l-ikbar sehem mis-suq fis-settur ikkonċernat, f’suq ġeografiku partikolari, id-distribuzzjoni fid-djar ta’ dan il-gass. Hija tirreferi, f’dan il-kuntest, għall-kriterji li jirriżultaw mis-sentenza tal‑20 ta’ April 2010, Federutility et (C‑265/08, EU:C:2010:205).

32      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, f’din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet fuq l-interpretazzjoni tad-Direttiva 2003/55, b’mod partikolari l-Artikolu 3(2) tagħha li jirregola l-intervent tal-Istati Membri, fl-interess ekonomiku ġenerali, fis-settur tal-gass naturali, imsemmi f’din id-direttiva. F’dan il-kuntest, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet dwar il-kriterji li jippermettu li tiġi evalwata l-proporzjonalità ta’ miżura li tistabbilixxi l-prezzijiet ta’ riferiment tal-provvista ta’ gass naturali lill-klijenti finali.

33      Id-Direttiva 2003/55 tħassret bid-Direttiva 2009/73, li l-Artikolu 3(2) tagħha huwa, essenzjalment, identiku għall-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2003/55, u kien is-suġġett ta’ interpretazzjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tas-7 ta’ Settembru 2016, ANODE (C‑121/15, EU:C:2016:637).

34      Il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dawn iż-żewġ direttivi huwa ddefinit, rispettivament, fl-Artikolu 1 ta’ kull waħda minnhom. Konformement ma’ dawn id-dispożizzjonijiet, dawn id-direttivi japplikaw għall-gass naturali u l-bijogass u l-gass mill-bijomassa jew tipi oħra ta’ gass, sa fejn hu teknikament fattibbli li jiġu injettati u ttrasportati b’mod sikur fis-sistema tal-gass naturali.

35      Kif il-Gvern Spanjol u l-Kummissjoni Ewropea indikaw fl-osservazzjonijiet tagħhom sottomessi lill-Qorti tal-Ġustizzja, ma huwiex teknikament possibbli li jiġi injettat u ttrasportat LPG sikur fis-sistema tal-gass naturali. Għaldaqstant, kif il-qorti tar-rinviju ġustament irrilevat, għandu jiġi konkluż li regoli nazzjonali li jirregolaw biss bejgħ ta’ LPG ma jaqgħux taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2003/55 jew taħt dak tad-Direttiva 2009/73.

36      Minn dan jirriżulta li l-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2003/55 u l-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2009/73, kif interpretati mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenzi tal-20 ta’ April 2010, Federutility et (C‑265/08, EU:C:2010:205), u tas-7 ta’ Settembru 2016, ANODE (C‑121/15, EU:C:2016:637), ma humiex rilevanti għall-finijiet tas-soluzzjoni tal-kawżi prinċipali.

37      Madankollu, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar kif għandha tapplika, għall-miżuri inkwistjoni fil-kawżi li għandha quddiemha, il-kriterji għall-evalwazzjoni tal-osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità stabbiliti fis-sentenza tal-20 ta’ April 2010, Federutility et (C‑265/08, EU:C:2010:205).

38      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, fil-kuntest tal-proċedura ta’ kooperazzjoni bejn il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja, stabbilita fl-Artikolu 267 TFUE, hija din tal-aħħar li għandha tagħti lill-qorti nazzjonali risposta utli li tgħinha tiddeċiedi l-kawża quddiemha. F’dan id-dawl, jekk ikun il-każ, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tifformula mill-ġdid id-domandi li jkunu sarulha. Barra minn hekk, jista’ jkun meħtieġ għall-Qorti tal-Ġustizzja li tieħu inkunsiderazzjoni regoli tad-dritt tal-Unjoni li għalihom il-qorti tar-rinviju ma tkunx għamlet riferiment fil-formulazzjoni tad-domanda tagħha (sentenza tad-29 ta’ Novembru 2018, Baumgarten sports & more, C‑548/17, EU:C:2018:970, punt 22).

39      Mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-prinċipju ta’ proporzjonalità jagħmel parti mill-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni li għandhom jiġu rrispettati minn leġiżlazzjoni nazzjonali li taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni jew li timplimenta dan tal-aħħar (sentenza tas-6 ta’ Marzu 2014, Siragusa (C‑206/13, EU:C:2014:126, punt 34).

40      F’dawn il-kawżi, huwa paċifiku li l-miżuri inkwistjoni fil-kawża prinċipali jistgħu jostakolaw id-dħul ta’ operaturi ġodda f’suq ikkaratterizzat minn livell baxx ta’ kompetizzjoni. Il-qorti tar-rinviju tqis li dawn il-miżuri jistgħu jostakolaw il-libertajiet fundamentali stabbiliti fit-Trattat FUE. Hija tqis, madankollu, li dawn il-miżuri għandhom għan ta’ interess ekonomiku ġenerali, jiġifieri tal-provvista tal-enerġija bi prezzijiet raġonevoli għall-konsumaturi vulnerabbli. Huwa f’dan il-kuntest li din tistaqsi fuq il-punt dwar jekk, fid-dawl tal-effetti restrittivi fuq is-suq intern kif ukoll tal-għan imfittex, il-miżuri inkwistjoni fil-kawża prinċipali humiex proporzjonati.

41      Għandu jiġi kkonstatat li miżuri bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li jistabbilixxu prezz massimu tal-LPG ibbottiljat f’ċerti ċilindri tal-gass u li jimponu fuq l-operaturi li għandhom l-ikbar sehem mis-suq fis-settur ikkonċernat, f’suq ġeografiku partikolari, id-distribuzzjoni tagħhom fid-djar, jikkostitwixxu restrizzjoni għal-libertà ta’ stabbiliment tal-fornituri ta’ servizzi, fis-sens tad-Direttiva 2006/123, u jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din tal-aħħar.

42      Fil-fatt, minn naħa, l-Artikolu 15(2)(ġ) tad-Direttiva 2006/123 jikklassifika espressament it-“tariffi fissi […] massimi li magħhom għandu jikkonforma l-fornitur;” “rekwiżiti”, fis-sens tal-punt 7 tal-Artikolu 4 ta’ din id-direttiva, li jikkostitwixxu kundizzjonijiet li jirrigwardaw il-libertà ta’ stabbiliment tal-fornituri ta’ servizzi (ara, b’analoġija, is-sentenza tat-23 ta’ Diċembru 2015, Hiebler, C‑293/14, EU:C:2015:843, punt 51). Min-naħa l-oħra, l-obbligu ta’ konsenja fid-djar impost fuq xi operaturi skont is-sehem tagħhom tas-suq fis-settur taċ-ċilindri ta’ gass tal-petroleum likwifikat jikkostitwixxi wieħed minn “servizzi speċifiċi oħrajn”, fis-sens tal-Artikolu 15(2)(h) tad-Direttiva 2006/123 li, skont ir-regoli nazzjonali applikabbli, jiġu pprovduti flimkien mas-servizz prinċipali li jikkonsisti fil-bejgħ ta’ dan il-gass.

43      Barra minn hekk, jirriżulta espressament mill-Artikolu 2(2) tad-Direttiva 2006/123, moqri flimkien mal-premessi 17, 70 u 72 tagħha, li r-regoli stabbiliti minn din id-direttiva japplikaw, bħala prinċipju, għas-servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali, u huma biss is-servizzi ta’ interess ġenerali mhux ekonomiċi li huma esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tagħhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-23 ta’ Diċembru 2015, Hiebler, C‑293/14, EU:C:2015:843, punti 43 u 44).

44      Ir-rekwiżiti elenkati fil-lista prevista fil-paragrafu 2 tal-Artikolu 15 tad-Direttiva 2006/123 għandhom ikunu suġġetti għal valutazzjoni mill-Istati Membri. Skont il-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu 15, dawn tal-aħħar għandhom, madankollu, ikunu jistgħu jżommu jew, skont il-każ, li jintroduċu fis-sistemi legali rekwiżiti, bil-kundizzjoni li dawn ikunu konformi mal-kundizzjonijiet ta’ nondiskriminazzjoni, ta’ neċessità u ta’ proporzjonalità msemmija fil-paragrafu 3 tal-imsemmi Artikolu 15 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-23 ta’ Diċembru 2015, Hiebler, C‑293/14, EU:C:2015:843, punt 54).

45      B’hekk, l-Artikolu 15(3) tad-Direttiva 2006/123 jipprevedi li restrizzjoni għal-libertà ta’ stabbiliment, bħal dik li tirriżulta mill-iffissar ta’ prezz massimu ta’ LPG u tal-obbligu ta’ distribuzzjoni d-dar, tista’ tkun iġġustifikata. Jeħtieġ, għal dan il-għan, l-osservanza ta’ kundizzjonijiet intiżi sabiex din ir-restrizzjoni, l-ewwel nett, ma tkunx diskriminatorja abbażi tan-nazzjonalità, sussegwentement, tkun iġġustifikata minn raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali u, fl-aħħar nett, tkun xierqa sabiex tiggarantixxi t-twettiq tal-għan imfittex, ma tmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex dan jintlaħaq u li ma tkunx tista’ tiġi ssostitwita minn miżuri oħra inqas vinkolanti li jippermettu li jintlaħaq l-istess riżultat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-23 ta’ Diċembru 2015, Hiebler, C‑293/14, EU:C:2015:843, punt 55).

46      Fir-rigward tal-intrapriżi inkarigati mill-ġestjoni ta’ servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali, jirriżulta, barra minn hekk, mill-paragrafu 4 tal-Artikolu 15 tad-Direttiva 2006/123 li l-paragrafi 1 sa 3 tal-Artikolu 15 japplikaw biss għal-leġiżlazzjoni nazzjonali rilevanti biss sa fejn l-applikazzjoni tagħhom ma xxekkilx il-prestazzjoni, fil-liġi jew fil-fatt, tal-kompitu partikolari li ġie fdat lil dawn l-impriżi.

47      Madankollu, kif jirriżulta mill-kliem stess tal-paragrafu 4 tal-Artikolu 15 tad-Direttiva 2006/123, sakemm il-kundizzjonijiet ta’ nondiskriminazzjoni, ta’ neċessità u ta’ proporzjonalità, previsti fil-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu 15, ma jxekklux il-missjoni partikolari assenjata mill-awtorità kompetenti għal servizz ta’ interess ekonomiku ġenerali, dawn għandhom jiġu osservati.

48      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti u sabiex il-qorti tar-rinviju tingħata risposta utli, għandu jiġi kkunsidrat li din trid tkun taf jekk il-kundizzjoni ta’ proporzjonalità stabbilita fl-Artikolu 15(3)(ċ) tad-Direttiva 2006/123 għandhiex tiġi interpretata fis-sens li hija tipprekludi miżuri, bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li jistabbilixxu prezz massimu tal-LPG ibbottiljat b’piż nett ta’ bejn 8 kg u 20 kg u b’piż mingħajr tagħbija ta’ iktar minn 9 kg u li jimponu fuq l-operaturi li għandhom l-ikbar sehem mis-suq fis-settur ikkonċernat, f’suq ġeografiku partikolari, id-distribuzzjoni fid-djar ta’ dan il-gass.

49      Għalkemm hija l-qorti nazzjonali li għandha tevalwa l-kompatibbiltà ta’ miżuri nazzjonali mad-dritt tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ madankollu tipprovdilha kull indikazzjoni utli bil-għan li tiġi solvuta t-tilwima li titressaq quddiemha (sentenza tal-14 ta’ Frar 2019, Nestrade, C‑562/17, EU:C:2019:115, punt 36).

50      Mill-punt 31 ta’ din is-sentenza, jirriżulta li l-qorti tar-rinviju tistaqsi, f’dan il-kuntest, b’mod partikolari dwar l-applikabbiltà u l-interpretazzjoni tal-kriterji stabbiliti fis-sentenza tal-20 ta’ April 2010, Federutility et (C‑265/08, EU:C:2010:205), dwar il-proporzjonalità ta’ intervent statali fis-settur tal-gass naturali.

51      Kif ġie rrilevat ukoll f’din is-sentenza, l-industrija tal-gass naturali hija rregolata mid-Direttiva 2009/73. Din għandha l-għan ulterjuri ta’ suq intern tal-gass naturali kompletament u effettivament miftuħ u kompetittiv fejn il-konsumaturi kollha jistgħu jagħżlu liberament il-fornituri tagħhom u fejn il-fornituri kollha jistgħu jipprovdu liberament il-prodotti tagħhom lill-klijenti tagħhom, li jimplika li l-prezz ta’ provvista tal-gass naturali għandu jiġi ffissat esklużivament permezz tal-offerta u tat-talba (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-7 ta’ Settembru 2016, ANODE (C‑121/15, EU:C:2016:637, punt 26).

52      Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li restrizzjoni li tirriżulta minn miżura ta’ intervent pubbliku fuq il-prezzijiet tal-bejgħ tal-gass naturali, sabiex tkun konformi mal-prinċipju ta’ proporzjonalità, għandu neċessarjament ikollha perijodu limitat li ma jaqbiżx dak li huwa meħtieġ sabiex jintlaħaq l-għan ta’ interess ġenerali mfittex (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-20 ta’ April 2010, Federutility et, C‑265/08, EU:C:2010:205, punti 33 u 35).

53      Dawn il-kunsiderazzjonijiet japplikaw ukoll għall-kundizzjoni ta’ proporzjonalità msemmija fl-Artikolu 15(3)(ċ) tad-Direttiva 2006/123.

54      Ċertament, l-Istati Membri huma permessi li jżommu jew, skont il-każ, jintroduċu rekwiżiti tat-tip ta’ dawk imsemmija fil-paragrafu 2 tal-Artikolu 15 tad-Direttiva 2006/123, bil-kundizzjoni li dawn ikunu konformi mal-kundizzjonijiet ta’ nondiskriminazzjoni, ta’ neċessità u ta’ proporzjonalità msemmija fil-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu 15 (sentenza tas-16 ta’ Ġunju 2015, Rina Services et, C‑593/13, EU:C:2015:399, punt 33).

55      Madankollu, l-evalwazzjoni tal-konformità ta’ tali rekwiżit mal-prinċipju tal-proporzjonalità tista’ tvarja maż-żmien skont is-suq ikkonċernat u l-evoluzzjoni tiegħu. Barra minn hekk, għandu jiġi evitat li l-osservanza ta’ wieħed mir-rekwiżiti msemmija fl-Artikolu 15(2) tad-Direttiva 2006/123 toħloq ostakolu permanenti għat-twettiq tas-suq intern.

56      F’dan il-kuntest, hija l-qorti tar-rinviju li għandha teżamina jekk u sa fejn l-awtoritajiet kompetenti huma suġġetti mil-liġi nazzjonali applikabbli għal obbligu ta’ eżami mill-ġdid perjodiku, f’intervalli fil-qrib, tan-neċessità u tal-modalitajiet tal-intervent tiegħu skont l-iżvilupp tas-suq ikkonċernat (sentenza tal-20 ta’ April 2010, Federutility et, C‑265/08, EU:C:2010:205, punt 35).

57      F’dan ir-rigward, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li d-dispożizzjoni addizzjonali tlieta u tletin tal-Liġi 34/1998, kif emendata permezz tad-Digriet‑Liġi 8/2014, jipprevedi li l-Ministru għall-Industrija, l-Enerġija u t-Turiżmu jistabbilixxi l-prezzijiet massimi tal-bejgħ tal-LPG “sakemm il-kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni u ta’ kompetittività f’dan is-suq ma jitqisux suffiċjenti”. Barra minn hekk, minn din id-dispożizzjoni jirriżulta li l-obbligu ta’ konsenja fid-djar għandu jiġi rrivedut meta “l-evoluzzjoni tas-suq u l-istruttura tan-negozju tas-settur ikunu jeħtiġuha u, f’kull każ, kull ħames snin”.

58      Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk id-dispożizzjoni nazzjonali tissodisfax ir-rekwiżit li jsir eżami mill-ġdid perjodiku msemmi fil-punt 56 ta’ din is-sentenza.

59      Barra minn hekk, jirriżulta mill-proċess għad-dispożizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja li d-dritt nazzjonali applikabbli jipprevedi mekkaniżmu ta’ aġġustament tal-prezz massimu ta’ bejgħ tal-LPG f’intervalli regolari, biex jirrifletti l-evoluzzjoni tal-ispejjeż, fatt li hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika. Kif iddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja, dan il-mekkaniżmu jikkonċerna biss reviżjoni perjodika tal-livell ta’ dawn it-tariffi u ma jikkonċernax in-neċessità u l-modalitajiet tal-intervent pubbliku fuq il-prezzijiet u ma jistax jiġi ekwiparat għal limitazzjoni ta’ żmien tal-miżura inkwistjoni (sentenza tas-7 ta’ Settembru 2016, ANODE (C‑121/15, EU:C:2016:637, punt 62).

60      Sussegwentement, hemm lok li jiġi rrilevat li l-fatt, imsemmi fid-deċiżjonijiet tar-rinviju, li, bħal dawk il-miżuri inkwistjoni fil-kawża prinċipali, huma fis-seħħ fi Spanja sa mill-1998, u dan minkejja n-natura tranżitorja, ma jippermettix, waħdu, li jiġi konkluż li dawn il-miżuri mhumiex adegwati. Fil-fatt, mill-osservazzjonijiet li l-Gvern Spanjol ippreżenta lill-Qorti tal-Ġustizzja, jirriżulta li s-suq Spanjol tal-LPG ibbottiljat huwa f’reċessjoni minħabba l-espansjoni tas-suq tal-gass naturali. It-tnaqqis tal-bejgħ li jirriżulta minn dan iżid mal-ispejjeż tal-operaturi attivi f’dan is-suq u jagħmilha iktar diffiċli għall-kompetituri ġodda li jistgħu jeżerċitaw pressjoni fuq il-prezzijiet. Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika dawn l-elementi u biex jittieħed kont waqt l-evalwazzjoni tal-proporzjonalità tal-miżuri inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

61      Barra minn hekk, il-prezz irregolat u l-obbligu ta’ konsenja kkonċernati japplikaw biss, skont l-informazzjoni li għandha l-Qorti tal-Ġustizzja, għal-LPG ibbottiljat b’piż nett ta’ bejn 8 kg u 20 kg u b’piż mingħajr tagħbija ta’ iktar minn 9 kg. Il-kummerċ ta’ dan il-gass permezz ta’ kontenituri oħrajn ma huwiex suġġett għal dawn l-obbligi. F’dan ir-rigward, huwa l-kompitu tal-qorti tar-rinviju li tivverifika jekk il-miżuri inkwistjoni fil-kawża prinċipali għandhomx l-effett li jnaqqsu jew li jreġġgħu lura l-profittabbiltà ta’ LPG mhux irregolat. Dan jista’ jkun il-każ b’mod partikolari jekk il-prezz massimu, kif iddefinit mil-leġiżlazzjoni Spanjola rilevanti, kien sostanzjalment inqas mill-prezz tas-suq, hekk kif jallegaw ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali.

62      Fl-aħħar nett, ir-rekwiżit tal-proporzjonalità għandu wkoll jiġi evalwat fid-dawl tal-kamp ta’ applikazzjoni personali tal-miżura inkwistjoni u, iktar speċifikament, tal-benefiċjarji tagħha (sentenza tal-20 ta’ April 2010, Federutility et, C‑265/08, EU:C:2010:205, punt 39).

63      F’dan ir-rigward, mill-proċess għad-dispożizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja, jirriżulta li l-miżuri inkwistjoni huma intiżi għall-konsumaturi domestiċi u mhux kummerċjali, li jikkorrispondi għall-għan imfittex minn dawn il-miżuri, jiġifieri tal-provvista tal-enerġija bi prezzijiet raġonevoli għall-konsumaturi vulnerabbli.

64      Barra minn hekk, huwa paċifiku li l-konsumaturi domestiċi jibbenefikaw mill-miżuri inkwistjoni fil-kawża prinċipali, indipendentement mill-kwistjoni ta’ jekk dawn humiex soċjalment vulnerabbli jew jekk jgħixux f’żoni remoti jew b’aċċess diffiċli tal-punti ta’ distribuzzjoni tal-LPG. Minkejja li din iċ-ċirkustanza, bħala prinċipju, tista’ tikkostitwixxi indizju li dawn il-miżuri jmorru lil hinn minn dak li jkun meħtieġ sabiex jintlaħqu l-għanijiet tagħhom, xorta jibqa’ l-fatt li l-prinċipju ta’ proporzjonalità ma jipprekludix neċessarjament li l-miżuri kkontestati jiġu applikati lill-konsumaturi domestiċi kollha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-20 ta’ April 2010, Federutility et, C‑265/08, EU:C:2010:205, punt 40). Il-qorti tar-rinviju għandha teżamina, f’dan il-kuntest, il-possibbiltà u l-opportunità li jiġu adottati miżuri iktar immirati għall-konsumaturi vulnerabbli. F’dan ir-rigward, l-argumenti tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali u tal-Gvern Spanjol, dwar il-fattibbiltà ta’ miżuri alternattivi u l-konsegwenzi ekonomiċi possibbli ta’ dawn il-miżuri jikkostitwixxu elementi rilevanti.

65      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, hemm lok li tingħata risposta għad-domandi magħmula li l-kundizzjoni ta’ proporzjonalità stabbilita fl-Artikolu 15(3)(ċ) tad-Direttiva 2006/123 għandha tiġi interpretata fis-sens li hija ma tipprekludix miżuri, bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li jistabbilixxu prezz massimu taċ-ċilindri ta’ gass tal-petroleum likwifikat, u jimponu fuq ċerti operaturi d-distribuzzjoni fid-djar ta’ dan il-gass, bil-kundizzjoni li dawn il-miżuri jinżammu biss għal żmien limitat u li ma jmorrux lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq l-għan ta’ interess ekonomiku ġenerali mfittex.

 Fuq l-ispejjeż

66      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

Il-kundizzjoni ta’ proporzjonalità stabbilita fl-Artikolu 15(3)(ċ) tad-Direttiva 2006/123/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2006 dwar is-servizzi fis-suq intern, għandha tiġi interpretata fis-sens li hija ma tipprekludix miżuri, bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li jistabbilixxu prezz massimu taċ-ċilindri ta’ gass tal-petroleum likwifikat, u jimponu fuq ċerti operaturi d-distribuzzjoni fid-djar ta’ dan il-gass, bil-kundizzjoni li dawn il-miżuri jinżammu biss għal żmien limitat u li ma jmorrux lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq l-għan ta’ interess ekonomiku ġenerali mfittex.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol.