Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Bundesverwaltungsgericht (il-Ġermanja) fl-24 ta’ Frar 2020 – LW vs Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja

(Kawża C-91/20)

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Qorti tar-rinviju

Bundesverwaltungsgericht

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: LW

Konvenuta: Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja

Domandi preliminari

L-Artikolu 3 tad-Direttiva 2011/95/UE 1 għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi dispożizzjoni ta’ Stat Membru li tipprovdi li jiġi rrikonoxxut l-istatus ta’ refuġjat lil wild minuri mhux miżżewweġ, liema status huwa dderivat minn persuna li ngħatat l-istatus ta’ refuġjat (hekk imsejħa protezzjoni tal-familja ta’ refuġjat), inkluż fil-każ fejn il-wild inkwistjoni jiġi rrikonoxxut – permezz tal-ġenitur l-ieħor – li fi kwalunkwe każ għandu wkoll in-nazzjonalità ta’ pajjiż ieħor, li ma huwiex identiku għall-pajjiż ta’ oriġini tar-refuġjat u li l-wild jista’ jinvoka l-protezzjoni tiegħu?

L-Artikolu 23(2) tad-Direttiva 2011/95/UE għandu jiġi interpretat fis-sens li r-restrizzjoni li permezz tagħha l-membri tal-familja ma jistgħux jitolbu l-benefiċċji previsti fl-Artikoli 24 sa 35 ta’ din id-direttiva ħlief sa fejn dan ikun kompatibbli mal-istatus ġuridiku personali tal-membru tal-familja, tipprojbixxi li jiġi rrikonoxxut lill-wild minuri, fil-kundizzjonijiet deskritti fl-ewwel domanda, l-istatus ta’ refuġjat li huwa dderivat mill-persuna rrikonoxxuta bħala refuġjat?

Huwa rilevanti, sabiex tingħata risposta għall-ewwel u għat-tieni domanda, li jkun magħruf jekk huwiex possibbli u raġonevoli, għall-wild u għall-ġenituri tiegħu, li jirrisjedu fil-pajjiż fejn il-wild u ommu għandhom in-nazzjonalità, fejn jistgħu jitolbu protezzjoni li ma hijiex identika għal dik tal-pajjiż ta’ oriġini tar-refuġjat (missier), jew huwa suffiċjenti li l-unità tal-familja tista’ tinżamm fit-territorju Ġermaniż abbażi ta’ regoli fil-qasam tar-residenza?

____________

1 Direttiva 2011/95/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Diċembru 2011 dwar standards għall-kwalifika ta’ ċittadini nazzjonali ta’ pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat bħala benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali, għal stat uniformi għar-refuġjati jew għal persuni eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja, u għall-kontenut tal-protezzjoni mogħtija (ĠU 2011, L 337, p. 9).