Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mil-Labour Court (l-Irlanda), fl-20 ta’ Mejju 2020 – MG vs Dublin City Council

(Kawża C-214/20)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Qorti tar-rinviju

The Labour Court, l-Irlanda

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: MG

Konvenut: Dublin City Council

Domandi preliminari

L-Artikolu 2 tad-Direttiva [2003/88/KE] 1 għandu jiġi interpretat fis-sens li ħaddiem, meta jkun “tal-għassa” f’post(ijiet) tal-għażla tiegħu, mingħajr ma jkun suġġett, fl-ebda mument, matul il-perijodu ta’ għassa tiegħu, għal obbligu li jinnotifika lil persuna li timpjega fejn ikun qiegħed, suġġett biss għall-obbligu li jkun jista’ jwieġeb għal “sejħa” f’terminu ta’ wasla mixtieq ta’ ħames minuti u f’terminu ta’ wasla massimu ta’ għaxar minuti, qiegħed iwettaq ħin tax-xogħol waqt li jkun qiegħed għassa?

F’każ li tingħata risposta fl-affermattiv għall-ewwel domanda, jista’ ħaddiem li jkun limitat biss minn obbligu li jwieġeb għal sejħa f’terminu ta’ wasla mixtieq ta’ ħames minuti u terminu ta’ wasla massimu ta’ għaxar minuti, u li jista’, mingħajr restrizzjoni, ikun impjegat fl-istess ħin ma’ persuna li timpjega oħra jew li jeżerċita attività professjonali għal rasu waqt li jkun “tal-għassa”, jitqies li jkun qiegħed iwettaq “ħin tax-xogħol” għall-persuna li timpjega fir-rigward tal-impjieg li huwa jkun qiegħed “tal-għassa” fih?

Fil-każ li r-risposta għat-tieni domanda tkun fl-affermattiv, il-fatt li l-ħaddiem huwa effettivament impjegat mit-tieni persuna li timpjega waqt li huwa “tal-għassa”, suġġett biss għall-obbligu li t-tieni persuna li timpjega għandha teħles lill-ħaddiem meta jkun imsejjaħ mill-ewwel persuna li timpjega, ifisser li l-ħin imwettaq mill-ħaddiem li jkun “tal-għassa” u jkun ħadem għat-tieni persuna li timpjega għandu jitqies bħala ħin tax-xogħol fil-kuntest tar-relazzjoni tiegħu mal-ewwel persuna li timpjega?

Fil-każ ta’ risposta affermattiva għat-tielet domanda, ħaddiem li jaħdem għat-tieni persuna li timpjega waqt li jkun tal-għassa mal-ewwel persuna li timpjegah jakkumula ħin tax-xogħol, kontemporanjament, mal-ewwel u mat-tieni persuna li timpjega?

____________

1 Direttiva 2003/88/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta’ l-4 ta’ Novembru 2003 li tikkonċerna ċerti aspetti tal-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 4 p. 381).