Language of document : ECLI:EU:F:2013:64

SENTENZA TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU
TAL-UNJONI EWROPEA (It-Tieni Awla)

16 ta’ Mejju 2013 (*)

“Servizz pubbliku — Sigurtà soċjali — Marda gravi — Kunċett — Ammissjoni u żmien fl-isptar — Teħid ta’ responsabbiltà — Ħlas dirett mill-Uffiċċju responsabbli għall-ħlasijiet — Assenza ta’ limiti massimi fid-Dispożizzjonijiet Ġenerali ta’ Implementazzjoni (DĠI) għall-ispejjeż ta’ akkomodazzjoni — Obbligu li l-persuna affiljata tiġi informata qabel f’każ ta’ fatturazzjoni eċċessiva”

Fil-Kawża F‑104/10,

li għandha bħala suġġett rikors ippreżentat skont l-Artikolu 270 TFUE, applikabbli għat-Trattat KEEA skont l-Artikolu 106a tiegħu,

Mario Alberto de Pretis Cagnodo, ex uffiċjal tal-Kummissjoni Ewropea,

Serena Trampuz de Pretis Cagnodo, il-mara tiegħu,

residenti flimkien fi Trieste (l-Italja), irrappreżentati minn C. Falagiani, avukat,

rikorrenti,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn J. Currall u D. Martin, bħala aġenti, assistiti minn A. Dal Ferro, avukat,

konvenuta,

IT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU
(It-Tieni Awla),

kompost minn M. I. Rofes i Pujol (Relatur), President, I. Boruta u K. Bradley, Imħallfin,

Reġistratur: J. Tomac, Amministratur,

wara li ra l-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-21 ta’ Ġunju 2012,

jagħti l-preżenti

Sentenza

1        Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku fil-21 ta’ Ottubru 2010 M. A. de Pretis Cagnodo u martu, S. Trampuz de Pretis Cagnodo, ippreżentaw dan ir-rikors għall-annullament tad-deċiżjonijiet tal-Uffiċċju responsabbli għall-ħlasijiet ta’ Ispra (l-Italja) (iktar ’il quddiem l-“Uffiċċju responsabbli għall-ħlasijiet”) tal-Iskema Komuni ta’ Assigurazzjoni għall-Mard (iktar ’il quddiem l-i“SKAM”), kif jirriżultaw mill-karta li tindika l-ħlas Nru 10, tal-1 ta’ Ottubru 2009, li jirrifjutaw ir-rimbors ta’ 100 % tal-ispejjeż tal-ammissjoni u taż-żmien fl-isptar tar-rikorrenti, inkorsi bejn it-13 ta’ Frar 2009 u l-25 ta’ Marzu 2009 biex ir-rikorrenti tħalliet debitriċi għas-somma ta’ EUR 28 800 għall-ispejjeż tal-akkomodazzjoni matul iż-żmien li għamlet fl-isptar li ġew ikkunsidrati bħala eċċessivi.

 Il-kuntest ġuridiku

2        L-Artikolu 72 tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Unjoni Ewropea, fil-verżjoni tagħhom applikabbli għall-kawża (iktar ’il quddiem ir-“Regolamenti tal-Persunal”), jipprovdi:

“1.      Uffiċjal, il-konsorti tiegħu, fejn it-tali konsorti mhux eliġibbli għall-benefiċċji ta’ l-istess natura u fuq l-istess livell bis-saħħa ta’ xi disposizzjoni jew regolament ieħor, it-tfal tiegħu u dipendenti oħra fis-sens ta’ l-Artikolu 2 ta’ l-Anness VII huma assigurati kontra l-mard sa 80 % ta’ l-ispejjeż imħallsa, suġġetti għar-regoli mħejjija mill-ftehim bejn l-istituzzjonijiet tal-[Unjoni] wara li jkun ikkonsultat il-Kumitat tar-Regolamenti tal-Persunal. Din ir-rata għandha tiżdied għal 85 % tas-servizzi li ġejjin: konsulenza u viżiti, operazzjonijiet kirurġiċi, ammissjoni fl-isptar, prodotti farmaċewtiċi, radjoloġija, analiżi, testijiet tal-laboratorju, u protesi fuq preskrizzjoni bl-eċċezzjoni ta’ protesi dentali. Tiżdied għal 100 % fil-każijiet ta’ tuberkulożi, poljomelite, kankru, mard mentali, u mard ieħor rikonoxxut mill-awtorità tal-ħatra bħala ta’ serjetà [gravità] komparabbli, u għal eżami biex jinstab il-mard mill-ewwel [skrining] u fil-każijiet ta’ għeluq [twelid]. Madankollu, ir-rimburżar ta’ 100 % ma japplikax fil-każ ta’ mard jew aċċident fuq il-post tax-xogħol li daħħal fis-seħħ l-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 73.

[…]

2.      Uffiċjal li baqa’ fis-servizz tal-[Unjoni] sa l-età ta’ 63 sena jew li jirċievi benefiċċju ta’ l-invalidità, għandu jkun intitolat għall-benefiċċji pprovduti fil-paragrafu 1 wara li jitlaq mis-servizz. L-ammont tal-kontribuzzjoni għandu jinħadem b’riferenza għall-ammont tal-pensjoni jew tal-benefiċċju.

[…]

2a.      Li ġej għandhom l-istess ikunu intitolati għall-benefiċċji pprovduti fil-paragrafu 1, bil-kondizzjoni li m’għandhomx impieg bil-qligħ:

(i)      dawk li qabel kienu uffiċjali intitolati għall-pensjonijiet ta’ l-irtirar, li jitilqu mis-servizz tal-[Unjoni] qabel jagħlqu t-63 sena,

[…]”

3        Skont l-Artikolu 27 tar-Regolament tal-Kunsill (KE, EURATOM) Nru 1605/2002, tal-25 ta’ Ġunju 2002, rigward ir-Regolament Finanazjarju applikabbli ghall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 4, p. 74):

“1. L-approprjazzjonijiet tal-budget għandhom ikunu wżati b’konformità mal-prinċipju ta’ amministrazzjoni soda finanzjarja [amministrazzjoni finanzjarja tajba], jiġiefiri bi qbil mal-prinċipji ta’ l-ekonomija, l-effiċċjenza u l-effettività.

2.      Il-prinċipju ta’ l-ekonomija jeħtieġ li r-riżorsi użati mill-istituzzjoni fit-twettieq ta’ l-attivitajiet tagħha għandhom ikunu disponibbli f’waqt xieraq, fi kwantità u kwalità xierqa u fl-aħjar prezz.

Il-prinċipju ta’ l-effiċjenza huwa kkonċernat ma’ l-aħjar relezzjoni bejn ir-riżorsi użati u r-riżultati milħuqa.

Il-prinċipju ta’ l-effettività huwa kkonċernat ma l-akkwist ta’ obbjettivi speċifiċi kif stabbiliti u l-akkwist tar-riżultati intiżi.

[…]”

4        L-Artikolu 36 tar-Regoli tal-Proċedura jipprovdi:

“Jekk ir-rikors ma jkunx konformi mal-kundizzjonijiet elenkati fl-Artikolu 35(1)(a), (b) u (c), (2) jew (5), ir-Reġistratur għandu jistabbilixxi terminu raġjonevoli sabiex ir-rikorrent jirregolarizza r-rikors tiegħu. Fin-nuqqas ta’ din ir-regolarizzazzjoni fit-terminu mogħti, it-Tribunal għandu jiddeċiedi jekk in-nuqqas ta’ osservanza ta’ dawn il-kundizzjonijiet timplikax l-inammissibbiltà formali tar-rikors.”

5        L-Artikolu 1 tar-Regoli komuni dwar l-assigurazzjoni għar-riskji ta’ mard tal-uffiċjali tal-Unjoni Ewropea msemmija fl-Artikolu 72 tar-Regolamenti tal-Persunal (iktar ’il quddiem: ir-“Regoli Komuni”) huwa redatt kif ġej:

“Skont l-Artikolu 72 tar-Regolamenti tal-Persunal, għandha tiġi stabbilita [SKAM]. Din l-iskema għandha tiggarantixxi lill-benefiċjarji, fil-limiti u fil-kundizzjonijiet previsti f’dawn ir-regoli u fid-Dispożizzjonijiet Ġenerali ta’ Implementazzjoni adottati abbażi tal-Artikolu 52 tagħhom, ir-rimbors tal-ispejjeż sostnuti minħabba marda, inċident jew maternità, kif ukoll il-ħlas ta’ allowance għall-ispejjeż tal-funeral.

Il-benefiċjarji għandhom ikunu l-persuni affiljati u l-persuni koperti mill-assigurazzjoni tal-persuni affiljati.

[…]” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

6        L-Artikolu 2 tar-Regoli Komuni jipprovdi:

“[…]

3.      Għandhom ikunu affiljati fl-[iSKAM]:

–        L-ex uffiċjali, il-membri tal-persunal temporanju, il-benefiċjarji ta’ pensjoni tal-irtirar,

–        […]” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

7        L-Artikolu 12 tar-Regoli Komuni jistabbilixxi:

“Għandhom ikunu koperti bl-assigurazzjoni tal-persuna affiljata, skont il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikoli 13 u 14:

–        Il-konjuġi tal-persuna affiljata, sakemm dan ma jkunx huwa stess affiljat fl-[iSKAM];

–        […]” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

8        Skont l-Artikolu 20 tar-Regoli Komuni, li jistabbilixxi r-regoli ġenerali għal rimbors:

“1.      Sabiex jiġi salvagwardjat l-ekwilibriju finanzjarju tal-[iSKAM] u sabiex jiġi osservat il-prinċipju ta’ kopertura soċjali li jispira l-Artikolu 72 tar-Regolamenti tal-Persunal, il-limiti massimi għar-rimbors ta’ ċerti benefiċċji jistgħu jiġu ffissati fid-Dispożizzjonijiet Ġenerali ta’ Implementazzjoni.

Jekk l-ispejjeż sostnuti mill-persuna affiljata jkunu inqas mil-limitu massimu, ir-rimbors għandu jiġi kkalkolat abbażi tal-ammont sostnut.

2.      Għall-benefiċċji li għalihom ma jkun ġie ffissat ebda limitu massimu għar-rimbors, il-parti tal-ispejjeż ikkunsidrati bħala eċċessivi meta pparagunati man-nefqa normali fil-pajjiż fejn ikunu ġew sostnuti l-ispejjeż ma tiġix irrimborsata. Il-parti tal-ispejjeż ikkunsidrati bħala eċċessivi għandha tiġi ddeterminata każ b’każ mill-Uffiċċju responsabbli għall-ħlasijiet [tal-iSKAM] wara l-opinjoni tal-uffiċjal mediku.

[…]

6.      Skont l-Artikolu 72(1) tar-Regolament tal-Persunal, għandhom jiġu rrimborsati 100 % tal-ispejjeż fil-każijiet ta’ tuberkulożi, poljomelite, kankru, mard mentali, u mard ieħor irrikonoxxut mill-Awtorità tal-Ħatra bħala ta’ gravità paragunabbli wara l-opinjoni tal-uffiċjal mediku tal-Uffiċċju responsabbli għall-ħlasijiet [tal-iSKAM].

Din l-opinjoni għandha tinħareġ abbażi ta’ kriterji ġenerali stabbiliti fid-Dispożizzjonijiet Ġenerali ta’ Implementazzjoni wara li jkun ġie kkonsultat l-uffiċjal mediku [tal-iSKAM].

[…]” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

9        L-Artikolu 30 tar-Regoli Komuni jipprovdi:

“1.      Jistgħu jingħataw ħlasijiet bil-quddiem lill-persuni affiljati sabiex ikunu jistgħu jlaħħqu ma’ spejjeż kbar. Huma għandhom jingħataw prinċipalment bħala teħid ta’ responsabbiltà f’każ ta’ ammissjoni fl-isptar.

2.      Il-ħlasijiet bil-quddiem fuq l-ispejjeż mediċi għandhom jinġabru, jew minn kwalunkwe somma dovuta lill-persuna affiljata taħt l-[iSKAM], jew mir-remunerazzjoni jew mill-pensjoni, jew minn kwalunkwe somma dovuta lill-persuna affiljata mill-istituzzjoni tagħha, jew mill-pensjoni tas-superstiti wara li l-persuna affiljata tkun mietet. […]” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

10      Skont l-Artikolu 35 tar-Regoli Komuni:

“[…]

2.      Qabel ma tieħu deċiżjoni dwar ilment imressaq abbażi tal-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal, l-Awtorità tal-Ħatra jew, skont il-każ, il-Bord tad-Diretturi [tal-iSKAM] għandu jitlob l-opinjoni tal-Kumitat ta’ Ġestjoni [tal-iSKAM].

[…]” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

11      L-Artikolu 36 tar-Regoli Komuni jipprovdi:

“Il-funzjonament ta’ din l-iskema għandu jiġi żgurat minn kumitat ta’ ġestjoni, minn uffiċċju ċentrali, mill-Uffiċċji responsabbli għall-ħlasijiet u minn kunsill mediku.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

12      L-Artikolu 41 tar-Regoli Komuni jistabbilixxi:

“Il-kumitat ta’ ġestjoni għandu jkun assistit minn kunsill mediku kompost minn uffiċjal mediku għal kull istituzzjoni u mill-uffiċjali mediċi ta’ kull Uffiċċju responsabbli għall-ħlasijiet.

Il-kunsill mediku jista’ jiġi kkonsultat mill-kumitat ta’ ġestjoni jew mill-uffiċċju ċentrali dwar kwalunkwe kwistjoni medika li tinqala’ fil-kuntest tal-[iSKAM]. Huwa għandu jitlaqqa’ fuq it-talba tal-kumitat ta’ ġestjoni jew tal-uffiċċju ċentrali jew fuq it-talba ta’ wieħed mill-uffiċjali mediċi tal-Uffiċċji responsabbli għall-ħlasijiet u għandu jagħti l-opinjoni tiegħu fit-terminu mogħti lilu.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

13      L-Artikolu 43 tar-Regoli Komuni jipprovdi, fir-rigward tal-awtorizzazzjoni (tal-ħlasijiet) u tal-kontroll:

“1.      L-implementazzjoni tad-dħul u tal-ħruġ tal-[iSKAM] issir, b’analoġija, skont id-dispożizzjonijiet previsti fir-Regolament [Nru 1605/2002] u b’mod partikolari fl-Artikolu 60 tiegħu.

2.      […]

3.      L-uffiċċju ċentrali għandu jwettaq jew jara li jitwettqu kontrolli ex post sabiex

–        jiġu żgurati l-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet imwettqa mill-uffiċċji responsabbli għall-ħlasijiet kif ukoll l-osservanza tal-prinċipji ta’ amministrazzjoni finanzjarja tajba,

[…].” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

14      Skont l-Artikolu 52 tar-Regoli Komuni:

“1.      Skont it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 72(1) tar-Regolamenti tal-Persunal, l-istituzzjonijiet għandhom jiddelegaw lill-Kummissjoni [Ewropea] il-kompetenza sabiex tistabbilixxi, permezz ta’ Dispożizzjonijiet Ġenerali ta’ Implementazzjoni, ir-regoli li jirregolaw ir-rimbors tal-ispejjeż bil-għan li jiġi ssalvagwardjat l-ekwilibriju finanzjarju tal-[iSKAM] u filwaqt li jiġi osservat il-prinċipju ta’ kopertura soċjali li jispira l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 72(1) tar-Regolamenti tal-Persunal.

[…]” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

15      Il-punt 1.3 tal-Kapitolu 2 tat-Titolu II tad-Dispożizzjonijiet Ġenerali ta’ Implementazzjoni adottati mill-Kummissjoni Ewropea skont l-Artikolu 52 tar-Regoli Komuni (iktar ’il quddiem id-“DĠI”), li jirrigwarda l-metodi tar-rimbors f’każ ta’ żmien fl-isptar jistabbilixxi, fir-rigward tar-rata tar-rimbors:

“Kwalunkwe soġġorn ikkunsidrat bħala żmien fl-isptar għandu jiġi rrimborsat sa 85 % f’każ ta’ operazzjoni kirurġika jew f’każ ta’ żmien fl-isptar minħabba raġuni medika.

Din ir-rata ta’ rimbors għandha titla’ għal 100 %:

–        F’każ ta’ marda gravi;

–        […]

–        F’każ ta’ żmien twil fl-isptar, għall-ispejjeż ta’ soġġorn lil hinn minn [tletin] jum konsekuttiv, wara l-opinjoni tal-uffiċjal mediku.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

16      Il-punt 1.3 msemmi iktar ’il fuq tad-DĠI jipprovdi, fir-rigward tal-kundizzjonijiet tar-rimbors:

“Sabiex jiġi rrimborsat, iż-żmien fl-isptar għandu jkun suġġett għal rapport mediku mibgħut lill-uffiċjal mediku tal-[u]ffiċċju responsabbli għall-ħlasijiet.

–        Spejjeż ta’ akkomodazzjoni:

L-ispejjeż tas-soġġorn li jirrigwardaw l-ispejjeż tal-alloġġ, tas-servizzi u tat-taxxi għandhom jiġu rrimborsati abbażi tan-nefqa li tkun ġiet sostnuta tabilħaqq u skont ir-regoli tal-fatturazzjoni fis-seħħ f’dan il-qasam fil-pajjiż fejn il-pazjent ikun ġie ammess u għamel żmien fl-isptar. Jekk dawn ikunu inklużi fi prezz li jinkludi l-ispejjeż kollha ta’ jum fl-isptar, ir-rimbors għandu jsir b’mod globali.

Ir-rimbors tal-ispejjeż li jirriżultaw mill-għażla tal-kamra għandu jkun limitat għall-prezz tal-kamra privata individwali li tqum l-inqas tal-isptar.

Ir-rimbors tal-ispejjeż għandu jkun limitat għat-tul ta’ żmien fl-isptar li huwa medikalment meħtieġ sabiex isiru l-operazzjonijiet jew sabiex tingħata l-kura fil-pajjiż fejn il-pazjent ikun ġie ammess u għamel żmien fl-isptar.

[…]” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

17      Il-Kapitolu 4 tat-Titolu III tad-DĠI, li jirregola t-teħid ta’ responsabbiltà u l-ħlasijiet bil-quddiem, jippreċiża:

“Skont l-Artikolu 30 tar-Regoli Komuni, il-persuni affiljati jistgħu jingħataw ħlasijiet bil-quddiem sabiex ikunu jistgħu jlaħħqu ma’ spejjeż kbar. Bħala prinċipju, dawn għandhom jingħataw bħala teħid ta’ responsabbiltà u b’mod eċċezzjonali bħala ħlasijiet bil-quddiem.

[…]

1.      Teħid ta’ responsabbiltà

Ħlief f’każ ta’ urġenza jew ta’ forza maġġuri, it-teħid ta’ responsabbiltà għandu jintalab minn qabel mill-persuna affiljata.

It-teħid ta’ responsabbiltà għandu jingħata fil-każijiet li ġejjin:

–        F’każ ta’ ammissjoni u ta’ żmien fl-isptar, it-teħid ta’ responsabbiltà għandu jkopri l-fatturi prinċipali u dawk tal-kirurgu.

[…]

Fil-kuntest ta’ teħid ta’ responsabbiltà, il-parti tal-ispejjeż li għaliha jibqa’ responsabbli l-persuna affiljata wara l-iffissar tal-prezzijiet għandha tinżamm, bara prinċipju, mir-rimborsi sussegwenti, possibbilment mir-remunerazzjoni tiegħu, mill-pensjoni tiegħu jew minn kwalunkwe somma oħra dovuta lilu mill-istituzzjoni tiegħu. Fuq it-talba tal-Uffiċċju responsabbli għall-ħlasijiet, l-ispejjeż li jifdal ikunu jistgħu jiġu rrimborsati permezz ta’ trasferiment għall-kont bankarju tal-iSKAM.

[…]” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

18      Il-Kapitolu 5 tat-Titolu III tad-DĠI, li jirrigwarda r-rikonoxximent tal-istatus ta’ marda gravi, jipprovdi dan li ġej:

“1.      Definizzjoni

Għandhom jiġu rikonoxxuti b’mod partikolari bħala mardiet gravi l-każijiet ta’ tuberkulożi, poljomelite, kankru, mard mentali, u mard ieħor rikonoxxut mill-[Awtorità tal-Ħatra] bħala ta’ gravità paragunabbli.

Dawn tal-aħħar jikkonċernaw mard li jinvolvu, fi gradi differenti, l-erba’ kriterji li ġejjin:

–        pronjożi li ħajjet il-pazjent tinsab f’periklu;

–        żvilupp kroniku;

–        ħtieġa għal miżuri dijanjostiċi u/jew terapewtiċi serji;

–        preżenza jew riskju ta’ diżabbiltà gravi.

[…]” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

19      Ir-rikorrent, ex uffiċjal tal-Kummissjoni u benefiċjarju ta’ pensjoni tal-irtirar huwa, bħala tali, affiljat fl-iSKAM. Martu, li hija wkoll rikorrenti f’din il-kawża, hija koperta primarjament mill-iSKAM bħala konjuġi ta’ persuna affiljata u hija koperta mill-assigurazzjoni tar-raġel tagħha.

20      Fit-22 ta’ Jannar 2009, ir-rikorrenti, bħala l-mara ta’ persuna affiljata u mingħajr ma kienet irrappreżentata, ressqet talba għal teħid ta’ responsabbiltà, abbażi tal-punt 1 tal-Kapitolu 4 tat-Titolu III tad-DĠI quddiem l-Uffiċċju responsabbli għall-ħlasijiet minħabba l-ammissjoni tagħha fl-isptar, prevista għat-12 ta’ Frar 2009, fil-klinika Anthea ta’ Bari (l-Italja). Fil-5 ta’ Frar 2009, l-Uffiċċju responsabbli għall-ħlasijiet laqa’ t-talba u bagħat ittra lill-klinika fejn informaha li kien se jieħu r-responsabbiltà għall-ispejjeż taż-żmien fl-isptar tar-rikorrenti u fejn qalilha li ma kellha tintbagħat l-ebda fattura provviżorja jew talba lill-assigurati biex iħallsu depożitu.

21      L-ammissjoni fl-isptar seħħet fit-13 ta’ Frar 2009. Ir-rikorrenti kienet operata fl-14 ta’ Frar 2009, iżda feġġet kumplikazzjoni li ħtiġijiet operazzjoni kirurġika oħra, fil-25 ta’ Frar 2009. Is-soġġorn tar-rikorrenti fil-klinika Anthea dam sal-25 ta’ Marzu 2009, b’kollox 40 jum.

22      Fit-13 ta’ April 2009, b’segwitu għad-deċiżjoni ta’ teħid ta’ responsabbiltà, l-Uffiċċju responsabbli għall-ħlasijiet ikkuntattja lill-klinika Anthea u talabha tibgħat lilu direttament, u mhux lill-pazjenta, il-fattura prinċipali biex ikun jista’ jsir il-ħlas. Il-klinika Anthea bagħtet lill-Uffiċċju responsabbli għall-ħlasijiet il-fattura nru 4080, tas-16 ta’ April 2009, għal ammont totali ta’ EUR 83 893.20, bit-taxxa fuq il-valur miżjud inkluża (iktar ’il quddiem il-“VAT”), li minnhom EUR 57 600 kienu għall-ispejjeż ta’ akkomodazzjoni b’rata ta’ EUR 1 440 għal kull jum, bil-VAT inkluża, u EUR 26 293.20 kienu għall-ispejjeż mediċi u tal-isptar. Il-fattura, b’rendikont dettaljat tal-ispejjeż tal-aħħar iżda mingħajr ma ġie speċifikat it-tip ta’ kamra li okkupat ir-rikorrenti, tħallset kollha mill-Uffiċċju responsabbli għall-ħlasijiet mingħajr ma qabel informa lir-rikorrenti bl-ammont iffatturat.

23      L-Uffiċċju responsabbli għall-ħlasijiet bagħat lir-rikorrent il-karta li tindika l-ħlas nru 10, li kienet iġġib id-data tal-1 ta’ Ottubru 2009, minn fejn jirriżulta li: (i) l-ammont totali mħallas għaż-żmien fl-isptar kien ta’ EUR 83 893.20; (ii) l-Uffiċċju responsabbli għall-ħlasijiet ikkunsidra bħala eċċessivi l-ispejjeż ta’ akkomodazzjoni ffatturati, li kienu jlaħħqu total ta’ EUR 57 600; (iii) ir-rimbors għal dawn l-ispejjeż tal-aħħar ġie llimitat għal EUR 28 800, jiġifieri EUR 720 għal kull jum, bil-VAT inkluża, filwaqt li l-EUR 28 800 l-oħra tħalliet responsabbli għalihom il-persuna affiljata; u (iv) l-ispejjeż taż-żmien fl-isptar li kienu rimborsabbli, jiġifieri EUR 55 093.20, li minnhom EUR 26 293.2 kienu spejjeż mediċi u EUR 28 800 kienu spejjeż ta’ akkomodazzjoni, ġew irrimborsati lir-rikorrent b’rata ta’ 85 %, jiġifieri EUR 46 829.22 li kienu responsabbiltà tal-Uffiċċju responsabbli għall-ħlasijiet u EUR 8 263.98 li tħalla responsabbli għalihom ir-rikorrent. Minn dawn il-kalkoli jirriżulta li għal 40 jum fl-isptar, bl-ispejjeż mediċi u ta’ akkomodazzjoni magħduda flimkien, l-Uffiċċju responsabbli għall-ħlasijiet ikkunsidra bħala rimborsabbli ammont ta’ EUR 1 377.30 għal kull jum fl-isptar.

24      Ir-rikorrenti ppreżentat osservazzjonijiet dwar il-karta li tindika l-ħlas nru 10 u enfasizzat il-possibbiltà li l-klinika Anthea tiġi kkuntattjata sabiex tinkiseb iktar informazzjoni dwar l-akkomodazzjoni. Kif jirriżulta wkoll mid-deċiżjoni tal-Kummissjoni, tat-23 ta’ Lulju 2010, li kellha tittieħed bi tweġiba għall-ilment imressaq mir-rikorrenti abbażi tal-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni ta’ ċaħda tal-ilment”), din tal-aħħar ġiet informata, fit-13 ta’ Novembru 2009, li l-fajl tagħha ntbagħat lill-kunsill mediku tal-iSKAM (iktar ’il quddiem il-“kunsill mediku”) biex dan jagħti l-opinjoni tiegħu. Mid-deċiżjoni ta’ ċaħda tal-ilment jirriżulta wkoll li, permezz ta’ posta elettronika tas-26 ta’ Novembru 2009, ir-rikorrenti talbet lill-assigurazzjoni għall-mard biex din tagħmel kuntatt mal-klinika Anthea sabiex il-fattura tas-16 ta’ April 2009 tkun tista’ tiġi eżaminata mill-ġdid.

25      Mid-deċiżjoni ta’ ċaħda tal-ilment jirriżulta wkoll li, permezz ta’ posta elettronika tas-27 ta’ Novembru 2009, l-Uffiċċju responsabbli għall-ħlasijiet ikkomunika lir-rikorrenti l-kontenut tal-komunikazzjoni telefonika li uffiċjal tiegħu kellu ma’ impjegat tal-klinika Anthea. Waqt din it-taħdita, dan tal-aħħar qal li r-rikorrenti fl-isptar kienet tokkupa suite ferm lussuża, b’sodda tar-ram isfar, u b’menù à la carte. It-talba bil-miktub tal-Uffiċċju responsabbli għall-ħlasijiet sabiex jintbagħtilha l-prezz tal-kamra privata individwali li tqum l-inqas fil-klinika baqgħet mingħajr tweġiba min-naħa tal-klinika Anthea.

26      Mill-minuti tal-laqgħa tal-kunsill mediku li saret fi Brussell (il-Belġju) fl-10 ta’ Diċembru 2009, mibgħuta lir-rikorrent permezz ta’ ittra tal-Uffiċċju responsabbli għall-ħlasijiet li kienet iġġib id-data tas-26 ta’ Jannar 2010, jirriżulta li l-kunsill mediku kkonferma n-natura eċċessiva tal-ispejjeż ta’ akkomodazzjoni ffatturati, b’kollox EUR 57 600, abbażi tal-informazzjoni mogħtija mit-tobba Taljani, li qalu li n-nefqa osservata fl-Italja għal din it-tip ta’ spiża tlaħħaq bejn EUR 400 u EUR 600 għal kull jum, bil-VAT mhux inkluża (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni tas-26 ta’ Jannar 2010”).

27      Ir-rikorrenti ressqet ilment, li kien iġib id-data tas-16 ta’ April 2010, u li ġie rreġistrat mill-Kummissjoni fit-22 ta’ April 2010, abbażi tal-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal. Fl-ilment tagħha, ir-rikorrenti tikkunsidra, minn naħa, li l-Uffiċċju responsabbli għall-ħlasijiet, destinatarju tal-fattura tal-klinika Anthea, missu eċċepixxa fi żmien xieraq in-natura eċċessiva tas-somma mitluba għall-ispejjeż tal-akkomodazzjoni u ma missux ipproċeda bil-ħlas. Min-naħa l-oħra, ir-rikorrenti tikkunsidra li l-ispejjeż marbuta maż-żmien li għamlet fl-isptar misshom ġew irrimborsati 100 %, minħabba li l-marda li wasslet għall-ammissjoni tagħha fl-isptar hija “gravi” fis-sens tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 72(1) tar-Regolamenti tal-Persunal. Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti ssostni li, billi t-tul taż-żmien li għamlet fl-isptar lil hinn minn 30 jum huwa ġġustifikat, l-ispejjeż tal-isptar tal-aħħar għaxart ijiem misshom ġew irrimborsati 100 %. Fir-rigward tan-natura eċċessiva tal-ispejjeż ta’ akkomodazzjoni, ir-rikorrenti tilmenta mill-fatt li, minflok ma dawn tal-aħħar ġew iffatturati b’rata ta’ EUR 300 għal kull jum għal kamra individwali, ammont li ġie kkomunikat lilha bil-fomm darbtejn qabel l-ammissjoni tagħha fl-isptar, il-klinika Anthea nefħet in-nefqa għall-akkomodazzjoni sa EUR 1 440 għal kull jum bl-iskuża li hija ġiet alloġġata fi suite lussuża, li ma huwiex minnu għaliex l-imsemmija klinika ma għandhiex suites għall-pazjenti.

28      Fid-dawl tal-ilment, l-Awtorità tal-Ħatra talbet l-opinjoni tal-uffiċjal mediku tal-Uffiċċju responsabbli għall-ħlasijiet (iktar ’il quddiem l-“uffiċjal mediku”), dwar, minn naħa, jekk l-ispejjeż taż-żmien fl-isptar lil hinn minn 30 jum konsekuttiv kinux iġġustifikati u, min-naħa l-oħra, jekk il-patoloġija li wasslet għall-operazzjoni kirurġika li għamlet ir-rikorrenti setgħetx tiġi rrikonoxxuta bħala marda gravi fis-sens tal-punt 1 tal-Kapitolu 5 tat-Titolu III tad-DĠI. Fl-opinjoni maħruġa fit-18 ta’ Mejju 2010, l-uffiċjal mediku kkonkluda, dwar l-ewwel kwistjoni, li l-pazjenta setgħet ħarġet mill-klinika Anthea mit-8 ta’ Marzu 2009 u li t-terapiji u l-eżamijiet li saru sussegwentement setgħu saru f’darha jew permezz ta’ konsultazzjoni esterna. Fir-rigward tat-tieni kwistjoni, huwa kkunsidra li mill-inqas tnejn mill-kriterji fundamentali għar-rikonoxximent ta’ marda gravi, jiġifieri l-pronjożi li ħajjet il-pazjent tinsab fil-perikolu u l-preżenza jew ir-riskju ta’ infermità jew ta’ diżabbiltà gravi, ma kinux ġew sodisfatti.

29      Skont l-Artikolu 35(2) tar-Regoli Komuni, l-Awtorità tal-Ħatra talbet ukoll l-opinjoni tal-Kumitat ta’ Ġestjoni tal-iSKAM (iktar ’il quddiem il-“Kumitat ta’ Ġestjoni”). Waqt il-laqgħa tiegħu tad-9 u tal-10 ta’ Ġunju 2010, dan tal-aħħar iddiskuta l-kwistjonijiet imqajma mill-ilment u staqsa lill-kunsill mediku jekk it-tul ta’ żmien fl-isptar kienx medikalment indispensabbli. Il-kunsill mediku wieġeb, fl-24 ta’ Ġunju 2010, li ma kellux biżżejjed elementi fil-fajl dwar iż-żmien fl-isptar lil hinn minn 30 jum u kkunsidra li d-dispożizzjoni tal-punt 1.3 tal-Kapitolu 2 tat-Titolu II tad-DĠI dwar ir-rimbors ta’ 100 % tal-ispejjeż tas-soġġorn lil hinn minn 30 jum konsekuttiv tista’ tkun applikabbli għar-rikorrenti. Fid-dawl tat-tweġiba tal-kunsill mediku, il-Kumitat ta’ Ġestjoni wera li kien favur li d-deċiżjoni tal-Uffiċċju responsabbli għall-ħlasijiet, li fir-rigward tar-rikorrenti ma tiġix applikata r-rata ta’ rimbors ta’ 100 % għal marda gravi, tiġi kkonfermata.

30      Id-deċiżjoni ta’ ċaħda tal-ilment irrifjutat li tilqa’ l-ilment kemm fir-rigward tan-natura eċċessiva tal-ispejjeż ta’ akkomodazzjoni li kienu jaqbżu EUR 720 għal kull jum, bil-VAT inkluża, kif ukoll tal-assenza ta’ marda gravi fis-sens tal-punt 1 tal-Kapitolu 5 tat-Titolu III tad-DĠI. Għal dik li hija l-kwistjoni dwar jekk iż-żmien fl-isptar tar-rikorrenti lil hinn minn 30 jum kienx indispensabbli, l-Awtorità tal-Ħatra kkunsidrat li l-fajl kellu jintbagħat lill-Uffiċċju responsabbli għall-ħlasijiet sabiex dan tal-aħħar jitlob perizja medika esterna.

31      Mid-deċiżjoni ta’ ċaħda tal-ilment jirriżulta wkoll li, fl-opinjoni adottata wara l-laqgħa tiegħu tad-9 u tal-10 ta’ Ġunju 2010, il-Kumitat ta’ Ġestjoni talab li l-uffiċċju ċentrali u/jew l-Uffiċċju responsabbli għall-ħlasijiet jagħti għajnuna lir-rikorrenti sabiex din tkun tista’ tirkupra mingħand il-klinika Anthea l-flus żejda ffatturati għall-akkomodazzjoni. Mill-proċess ma jirriżultax li l-imsemmija uffiċċji responsabbli għall-ħlasijiet ħadu xi azzjoni abbażi ta’ din it-talba tal-Kumitat ta’ Ġestjoni.

 It-talbiet tal-partijiet

32      Fir-rikors, ir-rikorrenti jitolbu li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jogħġbu:

–        jissospendi jew jipprojbixxi b’mod provviżorju l-eżekuzzjoni tal-proċedura ta’ rkupru forzat tas-somom inkwistjoni, u li jipprojbixxi b’mod provviżorju l-ġbir tal-flus ex officio mill-pensjoni tar-rikorrent (l-ewwel kap tat-talbiet);

–        jikkonstata u jiddikjara li ma tista’ ssir ebda talba jew ilment kontra r-rikorrenti dwar l-ammont u l-ħlas tal-ispejjeż tal-akkomodazzjoni kif intalbu mill-klinika fejn saritilha l-operazzjoni (it-tieni kap tat-talbiet);

–        jikkwalifika bħala “gravi” l-marda li wasslet għall-ammissjoni fl-isptar tar-rikorrenti u l-operazzjonijiet li sarulha (it-tielet kap tat-talbiet);

–        jikkunsidra inevitabbli u terapewtikament korrett it-tul ta’ żmien li għamlet fl-isptar (ir-raba’ kap tat-talbiet);

–        jiddikjara li r-rikorrenti huma eżenti minn kwalunkwe rimbors tal-benefiċċji mogħtija mill-Uffiċċju responsabbli għall-ħlasijiet (il-ħames kap tat-talbiet);

–        jordna lill-Kummissjoni tannulla t-talba għall-ħlas lura tas-somma ta’ EUR 41 833 jew ta’ kwalunkwe somma oħra li tista’ tiġi ddeterminata (is-sitt kap tat-talbiet);

–        jordna lill-Kummissjoni tastjeni minn kull ġbir ex officio tal-ammont ta’ EUR 41 833 jew ta’ kwalunkwe ammont ieħor li jista’ jiġi ddeterminat, mill-pensjoni tar-rikorrent (is-seba’ kap tat-talbiet);

–        jadotta miżuri istruttorji differenti (it-tmien kap tat-talbiet);

–        jikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż (id-disa’ kap tat-talbiet).

33      Ir-rikorrenti ppreċiżaw u estendew it-talbiet tagħhom, meta ġie rregolarizzat ir-rikors, fis-16 ta’ Novembru 2010, fis-sens li permezz tar-rikors tagħhom, huma qed jitolbu li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jogħġbu:

–        jannulla d-deċiżjoni tal-Kummissjoni, kif tirriżulta mill-karta li tindika l-ħlas nru 10, tal-1 ta’ Ottubru 2009;

–        jannulla d-deċiżjoni tas-26 ta’ Jannar 2010;

–        jannulla d-deċiżjoni ta’ ċaħda tal-ilment.

34      Il-Kummissjoni titlob li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jogħġbu:

–        jiċħad ir-rikors bħala inammissibbli u/jew infondat;

–        jikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

 Il-proċedura

35      Fil-5 ta’ Novembru 2010, ir-Reġistru tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku indirizza lir-rappreżentant tar-rikorrenti, skont l-Artikolu 36 tar-Regoli tal-Proċedura għall-finijiet tar-regolarizzazzjoni tar-rikors, li miegħu ma kienu annessi la l-att li tiegħu kien qed jintalab l-annullament, la d-dokument li jiċċertifika r-rappreżentant tar-rikorrenti u lanqas sunt tal-kawża, u tah, għal dan il-għan, terminu li kien jiskadi fil-15 ta’ Novembru 2010. Peress li r-rikors ġie rregolarizzat biss fis-16 ta’ Novembru 2010, it-Tieni Awla tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, li lilha ġiet assenjata l-kawża, waqt il-laqgħa tagħha tal-24 ta’ Ottubru 2011, iddeċidiet, abbażi tas-setgħa diskrezzjonali li jirrikonoxxilha l-Artikolu 36 tar-Regoli tal-Proċeduri li, f’dan il-każ in-nuqqas ta’ osservanza tat-terminu ta’ regolarizzazzjoni ma kellux iwassal għall-inammissibbiltà tar-rikors.

36      Permezz ta’ att separat, ippreżentat fir-Reġistru tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku fil-15 ta’ Novembru 2010, ir-rikorrenti ppreżentaw rikors li permezz tiegħu talbu lill-Imħallef għall-miżuri provviżorji jordna s-sospensjoni tal-eżekuzzjoni tal-proċedura ta’ rkupru forzat, permezz ta’ ġbir ex officio mill-pensjoni tal-irtirar tar-rikorrent tal-ammonti mhux irrimborsati marbuta maż-żmien li r-rikorrenti għamlet fl-isptar. Dan ir-rikors ġie rreġistrat bir-referenza F‑104/10 R.

37      Permezz ta’ digriet tal-15 ta’ Frar 2011, de Pretis Cagnodo u Trampuz de Pretis Cagnodo vs Il‑Kummissjoni (F‑104/10 R), il-President tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ċaħad it-talba għas-sospensjoni tal-eżekuzzjoni, minħabba li f’dan il-każ ir-rikorrenti ma kinux stabbilixxew li l-kundizzjoni tal-urġenza kienet ġiet sodisfatta.

38      Fil-11 ta’ April 2011, ir-rikorrenti bagħtu lit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku l-perizja medika esterna, mitluba mill-Uffiċċju responsabbli għall-ħlasijiet b’segwitu għad-deċiżjoni ta’ ċaħda tal-ilment, li l-Uffiċċju responsabbli għall-ħlasijiet kien bagħtilhom fit-30 ta’ Marzu 2011. F’dan id-dokument, it-tabib speċjalista kkonsultat kien ikkonkluda li abbażi tal-elementi tal-fajl seta’ jiġi ġġustifikat żmien fl-isptar lil hinn minn 30 jum. L-Uffiċċju responsabbli għall-ħlasijiet ħa azzjoni abbażi ta’ din l-opinjoni u, fil-karta li tindika l-ħlas nru 11, tat-18 ta’ Marzu 2011, niżżel EUR 2 066 favur ir-rikorrent fil-kontabbiltà tiegħu, li tnaqqsu mill-ammont totali li kien għadu responsabbli għalihom hu. Wara din it-tranżazzjoni, minbarra EUR 28 800 għall-ispejjeż ta’ akkomodazzjoni kkunsidrati bħala eċċessivi mill-Uffiċċju responsabbli għall-ħlasijiet, l-ammont ta’ EUR 6 197.98 kien għadu responsabbli għalih ir-rikorrent.

39      Fis-26 ta’ Ottubru 2011, ir-Reġistru tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku kkomunika lill-partijiet il-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura deċiżi mit-Tribunal, skont l-Artikolu 56 tar-Regoli tal-Proċedura, li kellhom l-għan li jiċċaraw ċerti punti u sabiex ir-rikorrenti jkunu jistgħu jinstemgħu dwar l-inammissibbiltà tar-rikors imqajma mill-Kummissjoni fir-risposta tagħha.

40      Fl-istess komunikazzjoni, ir-Reġistru tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku informa lill-partijiet li t-Tribunal kien qed jipprevedi, skont l-Artikolu 77 tar-Regoli tal-Proċedura, li jqajjem ex officio eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà bbażata fuq in-nuqqas ta’ interess ġuridiku tar-rikorrenti, b’mod partikolari minħabba li l-karta li tindika l-ħlas nru 10 kienet tippreġudika lir-rikorrent filwaqt li kienet ir-rikorrenti waħedha li ressqet l-ilment u li mal-ewwel daqqa ta’ għajn ma jidhirx li hija tista’ tikseb benefiċċju dirett mill-annullament eventwali l-imsemmija karta li tindika l-ħlas peress li hija la kienet id-destinatarja u lanqas il-benefiċjarja.

41      Il-partijiet kellhom tliet ġimgħat sabiex jieħdu azzjoni abbażi tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura kif ukoll sabiex jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom dwar l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma ex officio u huma għamlu dan fit-terminu mogħti.

42      L-Imħallef Relatur, inkarigat mit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, skont l-Artikolu 68 tar-Regoli tal-Proċedura, eżamina l-possibbiltajiet ta’ ftehim bonarju tal-kontroversja bejn ir-rikorrenti u l-Kummissjoni u, f’Marzu 2012, ippropona soluzzjoni li setgħet iġġib fi tmiemha l-kwistjoni, soluzzjoni li madankollu ma ratx il-qbil tal-partijiet. Il-kulleġġ ġudikanti, waqt il-laqgħa tal-awla tas-26 ta’ April 2012, ikkonstata l-falliment tat-tentattiv ta’ ftehim bonarju u ddeċieda li jagħti bidu għall-proċedura orali.

43      Waqt is-seduta tal-21 ta’ Ġunju 2012, ir-rappreżentant tar-rikorrenti informa lit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku li kien qed jirrinunzja għar-raba’ kap tat-talbiet, intiż għall-annullament tal-karta li tindika l-ħlas nru 10 inkwantu huwa ma rrikonoxxiex il-ħtieġa għal żmien twil fl-isptar, sa fejn, fid-dawl tal-konklużjonijiet tal-ispeċjalista kkonsultat fil-kuntest tal-perizja medika esterna mitluba mill-Uffiċċju responsabbli għall-ħlasijiet, dan tal-aħħar kien iddeċieda li jirrimborsa 100 % tal-ispejjeż taż-żmien li r-rikorrenti għamlet fl-isptar lil hinn minn 30 jum.

 Fuq l-ammissibbiltà

 L-argumenti tal-partijiet

44      Fl-ewwel lok, fir-risposta tagħha, il-Kummissjoni, mingħajr ma talbet espressament li r-rikors jiġi ddikjarat inammissibbli, uriet xi dubji dwar l-ammissibbiltà tal-fatt li l-proċedura prekontenzjuża nbdiet esklużivament mir-rikorrenti, li ma għandhiex il-kwalità ta’ persuna affiljata fl-iSKAM, filwaqt li hija biss il-persuna affiljata, jiġifieri r-rikorrent, li tista’, abbażi tal-Artikoli 90 et seq tar-Regolamenti tal-Persunal, tagħti bidu għall-proċedura amministrattiva. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni qed tħalli f’idejn it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku.

45      Barra minn hekk, fir-risposta tagħha għall-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, il-Kummissjoni sostniet hija wkoll l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà, imqajma ex officio mit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, ibbażata fuq in-nuqqas ta’ interess ġuridiku tar-rikorrenti u talbet formalment lit-Tribunal sabiex jiddikjara r-rikors inammissibbli, peress li r-rikorrent ma ppreċediex ir-rikors tiegħu b’ilment abbażi tal-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal, filwaqt li huwa l-uniku destinatarju tal-karta li tindika l-ħlas ikkontestata maħruġa mill-Uffiċċju responsabbli għall-ħlasijiet, peress li martu ma kinitx formalment id-destinatarja tal-fattura tal-klinika Anthea.

46      Fit-tieni lok, fir-risposta, il-Kummissjoni qajmet l-inammissibbiltà tar-rikors għaliex allegatament dan ma huwiex konformi mal-Artikolu 35 tar-Regoli tal-Proċedura sa fejn dan la jifformula l-motivi u lanqas l-argumenti legali fir-rikors invokati insostenn tat-talbiet tar-rikorrenti.

47      Fit-tielet lok, fil-fehma tal-Kummissjoni, ir-rikors huwa inammissibbli peress li, billi talbu b’mod partikolari lit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku sabiex jikkwalifika bħala “gravi” l-marda tar-rikorrenti, ir-rikorrenti jipprovaw jiksbu mingħand it-Tribunal deċiżjoni dwar kwistjonijiet ta’ natura medika, li bħala tali ma jaqgħux taħt il-kompetenza ta’ dan tal-aħħar.

48      Fir-raba’ lok, il-Kummissjoni titlob li r-rikors jiġi ddikjarat inammissibbli minħabba l-fatt li r-rikorrenti qed jitolbu li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, permezz ta’ ċerti kapi tat-talbiet, jindirizzalha xi ordnijiet.

49      Min-naħa tagħhom ir-rikorrenti jaffermaw li l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà minħabba assenza ta’ interess ġuridiku tar-rikorrenti ma hijiex fondata. Fil-fatt, l-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal jirreferi għal dawk kollha li għandhom interess fl-applikazzjoni tiegħu. F’dan il-każ, l-ilment tressaq mir-rikorrenti, li ma għandha l-ebda dħul tagħha billi l-għixien tagħha jiddependi esklużivament mill-pensjoni tal-irtirar li jirċievi r-raġel tagħha. Għalhekk, kull avveniment li jista’ jkun ta’ piż fuq l-ammont ta’ dan is-sors ta’ dħul, bħall-possibbiltà li mill-pensjoni tar-raġel tagħha jinżammu ammonti dovuti għal spejjeż mediċi, jikkonċernaha direttament u individwalment. It-tressiq tal-ilment mir-rikorrenti biss jista’ jiġi spjegat bil-fatt li kienet hija li kienet involuta f’dak li kien qed jiġri fl-isptar u hija kienet taf id-dettalji aħjar mir-rikorrent. Ir-rikorrenti jgħidu wkoll li, sa fejn ir-rikorrenti ressqet l-ilment bħala mart ir-rikorrent hija għamlet dan mhux biss f’isimha iżda anki f’isem u għan-nom ta’ dan tal-aħħar u jitolbu li, fi kwalunkwe każ, ir-rikors ġie ppreżentat miż-żewġ konjuġi, li għandu jneħħi kull dubju kemm dwar l-eżistenza ta’ interess ġuridiku min-naħa ta’ kull wieħed minnhom kif ukoll dwar ir-regolarità tal-proċedura prekontenzjuża. Ir-rikorrenti ma ħadux pożizzjoni dwar l-eċċezzjonijiet ta’ inammissibbiltà l-oħra mqajma mill-Kummissjoni.

 Il-kunsiderazzjonijiet tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku

50      Qabel xejn, għandu jiġi ppreċiżat li l-Kummissjoni hija żbaljata meta ssostni li l-proċedura prekontenzjuża ma ġietx segwita b’mod korrett.

51      Fil-fatt, abbażi tal-Artikolu 90(1) u (2) tar-Regolamenti tal-Persunal, kull persuna li għaliha japplikaw dawn ir-Regolamenti tal-Persunal tista’ jew tibgħat talba lill-Awtorità tal-Ħatra biex tieħu deċiżjoni dwarha jew tressaq ilment kontra att li jaffettwaha ħażin. Barra minn hekk, mill-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 72(1) tar-Regolamenti tal-Persunal jirriżulta li, bħala konjuġi ta’ ex uffiċjal, ir-rikorrenti hija assigurata għar-riskji ta’ mard. Minn dan isegwi li r-rikorrenti hija “persuna li għaliha japplikaw dawn ir-Regolament tal-Persunal” fis-sens tal-Artikolu 90 ta’ dan it-test.

52      Din l-evalwazzjoni hija kkonfermata bid-dispożizzjonijiet tar-Regoli Komuni, b’mod partikolari l-Artikoli 12 sa 14 tagħhom, li jipprovdu li l-konjuġi tal-persuna affiljata tkun koperta bl-assigurazzjoni tal-persuna affiljata, b’mod primarju jew supplimentari, skont jekk ikollhiex jew le, rispettivament, dħul li jkun ġej minn attività professjonali.

53      Huwa minnu li l-Artikoli 27, 28 u 30 tar-Regoli Komuni jirriżervaw għall-persuni affiljati l-possibbiltà li jressqu talbiet għal awtorizzazzjoni minn qabel, talbiet għal rimbors kif ukoll talbiet għal ħlasijiet bil-quddiem sabiex ikunu jistgħu jlaħħqu ma’ spejjeż kbar.

54      Madankollu xorta jibqa’ l-fatt li l-Artikolu 1 tar-Regoli Komuni jinkludi, fil-kunċett ta’ benefiċjarji tal-iSKAM, kemm lill-persuni affiljati kif ukoll lill-persuni koperti mill-assigurazzjoni tal-persuni affiljati u li l-persuni koperti mill-assigurazzjoni tal-persuni affiljati huma, abbażi tal-Artikolu 26 tar-Regoli Komuni, l-istess bħall-persuna affiljata nfisha, irreġistrati mal-uffiċċju ċentrali u mal-Uffiċċju responsabbli għall-ħlasijiet tal-iSKAM. Fir-rigward taċ-ċirkustanza li l-karta li tindika l-ħlas nru 10 ntbagħtet biss lir-rikorrent, dan huwa biss il-konsegwenza tal-fatt li, skont l-Artikolu 30 tar-Regoli Komuni u tal-punt 1 tal-Kapitolu 4 tat-Titolu III tad-DĠI, hija l-persuna affiljata li hija l-interlokutriċi tal-Uffiċċju responsabbli għall-ħlasijiet tal-iSKAM meta titressaq talba għal teħid ta’ responsabbiltà. Anki jekk, f’dan il-każ, it-talba għal teħid ta’ responsabbiltà tressqet mir-rikorrenti, hija għamlet dan f’isem ir-raġel tagħha, possibbiltà prevista fil-formola stess.

55      F’dan il-każ, il-fatturi mibgħuta mill-klinika lill-Uffiċċju responsabbli għall-ħlasijiet u mħallsa minn dan tal-aħħar kellhom fuqhom isem ir-rikorrenti u, ibda minn meta l-karta li tindika l-ħlas nru 10 ntbagħtet lir-rikorrent, kienet tabilħaqq ir-rikorrenti, f’pożizzjoni aħjar mill-konjuġi tagħha sabiex tkun taf ir-realtà tas-servizzi mogħtija mill-klinika, li tat bidu għall-passi fir-rigward tal-Uffiċċju responsabbli għall-ħlasijiet, li min-naħa tiegħu rrikonoxxiha bħala interlokutriċi u laqqa’ lill-kunsill mediku. L-istess jista’ jingħad meta r-rikorrenti ressqet ilment, abbażi tal-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal, kontra d-deċiżjoni tal-Uffiċċju responsabbli għall-ħlasijiet. Fil-fatt, wara dan l-ilment, l-Awtorità tal-Ħatra talbet l-opinjoni tal-uffiċjal mediku u dik tal-Kumitat ta’ Ġestjoni, fejn tlaqqa’ wkoll il-kunsill mediku u, bi tweġiba għal dan, sussegwentement adottat id-deċiżjoni ta’ ċaħda tal-ilment, deċiżjoni li ġiet ikkomunikata lir-rikorrenti permezz ta’ ittra indirizzata lilha, fejn hija ġiet informata li l-imsemmija deċiżjoni setgħet tiġi kkontestata minnha quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, f’terminu ta’ tliet xhur li beda jiddekorri mid-data meta rċeviet l-ittra.

56      F’dawn iċ-ċirkustanzi, filwaqt li l-Kummissjoni stess ikkunsidrat lir-rikorrenti bħala interlokutriċi valida fil-kuntest tal-proċedura prekontenzjuża, u abbażi tar-regola nemo potest venire contra factum proprium, jiġifieri li l-amministrazzjoni hija obbligata tkun konsistenti mal-atti tagħha stess, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jikkunsidra li f’dan l-istadju l-Kummissjoni ma tistax tallega validament li r-rikorrenti ma għandhiex interess ġuridiku sabiex tippreżenta waħedha, bl-għarfien sħiħ tal-fatti, osservazzjonijiet dwar ir-rendikont li jidher fil-karta li tindika l-ħlas nru 10, jew sabiex tressaq ilment li jirrigwarda l-imsemmi rendikont. Għandu jingħad ukoll li billi r-rikors quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ġie ppreżentat mill-konjuġi rikorrenti, għandu jkun mifhum li, kemm meta tressqet it-talba għal teħid ta’ responsabbiltà kif ukoll matul il-proċedura prekontenzjuża, anki jekk l-azzjonijiet ittieħdu mir-rikorrenti biss u f’isimha, il-koppja tar-rikorrenti aġixxew bi qbil. Minn dan isegwi li r-rikors ma huwiex inammissibbli minħabba l-preżunta irregolarità tal-proċedura prekontenzjuża.

57      Fir-rigward tal-possibbiltà ta’ ksur mir-rikors tal-Artikolu 35(1)(e) tar-Regoli tal-Proċedura, għandu jitfakkar li, skont dik id-dispożizzjoni, ir-rikors għandu jinkludi s-suġġett tal-kawża kif ukoll il-motivi u l-argumenti fattwali u legali invokati. Hija ġurisprudenza stabbilita li dawn l-elementi għandhom ikunu biżżejjed ċari u preċiżi sabiex il-konvenut ikun jista’ jipprepara d-difiża tiegħu u sabiex it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jkun jista’ jagħti deċiżjoni dwar ir-rikors jekk ikun il-każ mingħajr informazzjoni oħra (sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-1 ta’ Diċembru 2010, Gagalis vs Il‑Kunsill, F‑89/09, punti 36 u 37).

58      It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jikkonstata li, f’dan il-każ, il-motivi u l-argumenti fattwali u legali invokati ma ġewx elenkati bħal tali. Madankollu jibqa’ l-fatt li permezz ta’ qari bir-reqqa tar-rikors dawn ikunu jistgħu jiġu identifikati fit-test tar-rikors.

59      Peress li l-użu tal-mudell ta’ rikors li jidher fuq Curia, is-sit elettroniku tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, fil-parti rriżervata għat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, taħt l-intestatura “Informazzjoni [...] utli”, ma huwiex obbligatorju għall-partijiet, meta jeżamina jekk il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 35(1)(e) tar-Regoli tal-Proċedura ġewx sodisfatti, u sakemm il-motivi u l-argumenti fattwali u legali invokati jistgħu jiġu identifikati, it-Tribunal għandu jagħti lil din id-dispożizzjoni interpretazzjoni biżżejjed flessibbli sabiex jiġi rrispettat id-dritt, mogħti lir-rikorrenti mir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 19 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, applikabbli għall-proċedura quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku skont l-Artikolu 7(1) tal-Anness I għall-istess statut, li jagħżlu bil-libertà kollha l-avukat tagħhom, indipendentement mill-Istat fejn dan l-avukat jista’ jeżerċita l-professjoni tiegħu.

60      F’dawn iċ-ċirkustanzi, u fid-dawl tal-fatt li l-kontenut allegatament inkomplet tar-rikors, skont il-Kummissjoni, ma impedixxiex, f’dan il-każ, li din tiddefendi lilha nfisha, sa fejn hija setgħet tippreżenta risposta li tindirizza kemm l-ammissibbiltà kif ukoll il-mertu tal-kawża, ma hemmx lok li r-rikors jiġi ddikjarat inammissibbli minħabba ksur tal-Artikolu 35(1)(e) tar-Regoli tal-Proċedura.

61      Fir-rigward tal-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma mill-Kummissjoni kontra t-tielet kap tat-talbiet tar-rikors, sabiex it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jikkwalifika bħala “gravi” l-marda li kienet teħtieġ l-ammissjoni tar-rikorrenti fl-isptar u l-operazzjonijiet li sarulha, għandu jitfakkar li minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li minkejja li huwa minnu li r-rimedji ġudizzjarji previsti mir-Regolamenti tal-Persunal ma jistgħux, bħala prinċipju, jintużaw sabiex jitqiegħdu inkwistjoni l-evalwazzjonijiet mediċi fihom infushom, li għandhom jitqiesu bħala definittivi meta jkunu saru f’kundizzjonijiet regolari, xorta jibqa’ l-fatt li għandu jkun it-Tribunal, mingħajr ma jqiegħed inkwistjoni l-evalwazzjonijiet mediċi li jissostanzjaw id-deċiżjoni kkontestata, f’dan il-każ dik tar-rifjut li tiġi rikonoxxuta n-natura gravi tal-marda tar-rikorrenti, li jeżamina jekk, meta adottat id-deċiżjoni kkontestata, l-Awtorità tal-Ħatra tkunx evalwat b’mod korrett il-fatti u tkunx applikat eżattament id-dispożizzjonijiet legali rilevanti (sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tat-18 ta’ Settembru 2007, Botos vs Il‑Kummissjoni, F‑10/07, punti 39 u 40). Minn dan isegwi li t-tielet kap tat-talbiet tar-rikors ma għandux, abbażi tal-argumenti mressqa mill-Kummissjoni, jiġi ddikjarat inammissibbli.

62      Il-Kummissjoni tqajjem ir-raba’ eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà kontra żewġ kapi tat-talbiet tar-rikors, jiġifieri s-sitt wieħed, li huwa intiż sabiex it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jordna lill-Kummissjoni sabiex tannulla t-talba għall-ħlas lura tas-somma ta’ EUR 41 833 jew ta’ somma oħra li eventwalment tiġi ddeterminata, li ma kinitx ġiet irrimborsata mill-iSKAM, u s-seba’ kap, li jipprevedi li t-Tribunal jordna lill-Kummissjoni sabiex tastjeni minn kull ġbir ex officio mill-pensjoni tar-rikorrent tal-imsemmija somma jew ta’ dik li tista’ tiġi ddeterminata. Barra minn hekk, it-Tribunal josserva li, permezz tat-tieni kap tat-talbiet tar-rikors, ir-rikorrenti qed jitolbu lit-Tribunal sabiex jikkonstata u jiddikjara li ma tista’ ssir l-ebda talba jew ilment kontra r-rikorrenti dwar l-ammont u l-ħlas tal-ispejjeż tal-akkomodazzjoni ffatturati mill-klinika Anthea.

63      Minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li ma huwiex il-kompitu ta’ qorti tal-Unjoni li tindirizza ordnijiet lill-amministrazzjoni jew li tagħmel dikjarazzjonijiet b’forza legali fil-kuntest ta’ stħarriġ tal-legalità bbażat fuq l-Artikolu 91 tar-Regolamenti tal-Persunal (sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tat-12 ta’ Diċembru 2012, BS vs Il‑Kummissjoni, F‑90/11, punt 100 u l-ġurisprudenza ċċitata, li hija s-suġġett ta’ appell quddiem il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea, T‑83/13 P). Minn dan isegwi li t-tliet kapi tat-talbiet imsemmija iktar ’il fuq għandhom jiġu miċħuda bħala inammissibbli.

64      Fl-aħħar nett, permezz tal-ewwel kap tat-talbiet tar-rikors, ir-rikorrenti jitolbu li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jissospendi b’mod provviżorju l-eżekuzzjoni tal-proċedura ta’ rkupru forzat tas-somom li ma ġewx irrimborsati mill-iSKAM u li jipprojbixxi b’mod provviżorju li l-Kummissjoni tiġbed il-flus ex officio mill-pensjoni tar-rikorrent.

65      Issa, dawn it-talbiet kienu s-suġġett tar-rikors separat li ġie ppreżentat mir-rikorrenti fil-15 ta’ Novembru 2010, li wassal għad-digriet de Pretis Cagnodo u Trampuz de Pretis Cagnodo vs Il‑Kummissjoni, iċċitat iktar ’il fuq, u li ċaħad dawn it-talbiet.

66      Għaldaqstant, peress li dawn it-talbiet diġà ġew miċħuda, la jistgħu jitressqu quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku u lanqas jistgħu jiġu eżaminati minnu fil-kuntest ta’ din il-proċedura.

67      Meta ġie rregolarizzat ir-rikors, ir-rikorrenti pprovaw jippreċiżaw it-talbiet tagħhom biż-żieda, f’sottomissjonijiet kumplimentari, ta’ tliet kapi tat-talbiet ġodda.

68      Issa, għalkemm l-ammissibbiltà tal-ewwel kap tat-talbiet tas-sottomissjonijiet kumplimentari, jiġifieri l-annullament tal-karta li tindika l-ħlas nru 10, ma jagħtix lok għal dubji peress li jikkoinċidi mat-tielet, mar-raba’ u mal-ħames kapi tat-talbiet tar-rikors, mhux l-istess jista’ jingħad għat-tieni u għat-tielet kapi tat-talbiet tas-sottomissjonijiet kumplimentari, li permezz tagħhom ir-rikorrenti jitolbu l-annullament, rispettivament, tad-deċiżjoni tas-26 ta’ Jannar 2010 u tad-deċiżjoni ta’ ċaħda tal-ilment, għaliex dawn iż-żewġ kapi tat-talbiet ma ġewx ifformulati fit-test tar-rikors.

69      Fil-fatt, billi r-regolarizzazzjoni tar-rikors setgħet tirrigwarda biss, skont l-Artikolu 36 tar-Regoli tal-Proċedura, il-kundizzjonijiet elenkati fl-Artikolu 35(1)(a), (b) u (c), (2) u (5) tar-Regoli tal-Proċedura, f’dan l-istadju s-suġġett tar-rikors ma jistax jiġi estiż biż-żieda ta’ kapi tat-talbiet.

70      Minn dan isegwi li t-tieni u t-tielet kapi tat-talbiet inklużi fis-sottomissjonijiet kumplimentari huma inammissibbli.

 Fuq il-mertu

71      Peress li l-ewwel, it-tieni, is-sitt u s-seba’ kapi tat-talbiet tar-rikors, kif ukoll it-tieni u t-tielet kapi tat-talbiet tas-sottomissjonijiet kumplimentari tar-rikorrenti ġew iddikjarati inammissibbli u peress li r-rikorrenti rrinunzjaw waqt is-seduta għar-raba’ kap tat-talbiet tar-rikors, baqa’ biex jiġu eżaminati biss it-tielet u l-ħames kapi tat-talbiet tar-rikors, kif ġew ippreċiżati permezz tal-ewwel kap tat-talbiet tas-sottomissjonijiet kumplimentari. It-Tribunal qabel kollox biħsiebu jeżamina t-tielet kap tat-talbiet u sussegwentement għandu jgħaddi għall-ħames wieħed, bit-tnejn li huma jitolbu l-annullament tal-karta li tindika l-ħlas nru 10, tal-1 ta’ Ottubru 2009, kif ġiet emendata bil-karta li tindika l-ħlas nru 11, tat-18 ta’ Marzu 2011 (iktar ’il quddiem il-“karta li tindika l-ħlas kontenzjuża”).

 Fuq it-tielet kap tat-talbiet, kif ġie ppreċiżat mill-ewwel kap tat-talbiet tas-sottomissjonijiet kumplimentari, kontra d-deċiżjoni tal-Uffiċċju responsabbli għall-ħlasijiet, kif tirriżulta mill-karta li tindika l-ħlas kontenzjuża, li r-rimbors għall-ispejjeż taż-żmien fl-isptar jiġi limitat għal 85 % minħabba li l-marda tar-rikorrenti ma ġietx ikkunsidrata bħala “gravi”

72      Insostenn ta’ dawn it-talbiet għall-annullament, ir-rikorrenti jinvokaw motiv wieħed biss, ibbażat fuq allegat żball manifest ta’ evalwazzjoni.

 L-argumenti tal-partijiet

73      Ir-rikorrenti jsostnu li billi rrifjutat li tirrikonoxxi li l-marda li wasslet għall-ammissjoni fl-isptar tar-rikorrenti hija marda gravi, l-amministrazzjoni wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni. Fil-fatt, fid-dawl tat-tip ta’ operazzjoni kirurġika li saritilha meta hija kienet fl-isptar, tal-fatt li kellha ssirilha operazzjoni oħra b’urġenza, tal-perijodu li matulu kellha tagħmel terapija ta’ riabilitazzjoni fi klinika oħra, kif ukoll minħabba li hija obbligata timxi dejjem bl-għajnuna tal-krozzi, il-marda tagħha tissodisfa l-kundizzjonijiet elenkati fil-punt 1 tal-Kapitolu 5 tat-Titolu III tad-DĠI biex titqies li hija “marda gravi” fis-sens ta’ dik id-dispożizzjoni. Din il-kwalifika kien ikollha bħala konsegwenza li tgħolli għal 100 % ir-rata tar-rimbors taż-żmien fl-isptar tar-rikorrenti. Insostenn ta’ dan l-argument, ir-rikorrenti qed jipproduċu l-opinjonijiet ta’ żewġ tobba speċjalisti u ċertifikat maħruġ minn tabib speċjalista ta’ korp tas-saħħa pubblika lokali.

74      Il-Kummissjoni ssostni li d-deċiżjoni dwar l-assenza ta’ gravità tal-marda tar-rikorrenti ttieħdet f’konformità mal-leġiżlazzjoni applikabbli. Hija ssemmi l-opinjoni tal-uffiċjal mediku tal-Uffiċċju responsabbli għall-ħlasijiet, tat-18 ta’ Mejju 2010, fejn dan tal-aħħar jikkonkludi li f’dan il-każ tnejn mill-erba’ kriterji fundamentali stabbiliti mid-DĠI ma kinux ġew sodisfatti.

 Il-kunsiderazzjonijiet tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku

75      Skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 72(1) tar-Regolamenti tal-Persunal, ir-rata ta’ rimbors tal-ispejjeż tal-marda tiżdied għal 100 % b’mod partikolari fil-każijiet ta’ tuberkulożi, poljomelite, kanċer, mard mentali, u mard ieħor rikonoxxut mill-Awtorità tal-Ħatra bħala ta’ gravità paragunabbli. Il-punt 1 tal-Kapitolu 5 tat-Titolu III tad-DĠI jistabbilixxi l-kriterji li permezz tagħhom marda tkun tista’ titqies li hija marda gravi. Abbażi ta’ dik id-dispożizzjoni, jiġu rrikonoxxuti bħala mard gravi l-istess mard li ġie elenkat fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 72(1) tar-Regolamenti tal-Persunal, bil-preċiżazzjoni li l-mard “rikonoxxut mill-awtorità tal-ħatra bħala ta’ serjetà [gravità] komparabbli” jikkonċerna mard li jinvolvi, fi gradi differenti, erba’ kriterji, jiġifieri pronjożi li ħajjet il-pazjent tinsab f’perikolu, żvilupp kroniku, il-ħtieġa għal miżuri dijanjostiċi u/jew terapewtiċi serji, u l-preżenza jew ir-riskju ta’ diżabbiltà gravi.

76      F’dan ir-rigward, għandu jingħad ukoll li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku diġà ddeċieda li l-kriterji msemmija fil-punt preċedenti huma kriterji kumulattivi (sentenza Botos vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punti 42 et seq). B’hekk, il-fatt li kriterju wieħed biss minnhom ma ġiex sodisfatt jiġġustifika l-adozzjoni ta’ deċiżjoni li tirrifjuta li tirrikonoxxi l-eżistenza ta’ marda gravi. It-Tribunal iddeċieda wkoll, fir-rigward tal-istess kriterji, li dawn ma jidhrux li huma manifestament inadegwati jew żbaljati fid-dawl tal-għan mixtieq, jiġifieri li jiġu identifikati l-mardiet ta’ “serjetà [gravità] komparabbli” għal dawk espressament imsemmija fl-Artikolu 72 tar-Regolamenti tal-Persunal (ara s-sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tat-28 ta’ Settembru 2011, Allen vs Il‑Kummissjoni, F‑23/10, punt 49).

77      Fil-fatt, l-erba’ mardiet espressament imsemmija fl-Artikolu 72 tar-Regolamenti tal-Persunal jistgħu, f’ċertu numru ta’ każijiet, ikollhom konsegwenzi fiżiċi jew psikiċi ta’ ċerta gravità, konsegwenzi li jieħdu fit-tul jew li jkunu kroniċi u li jeżiġu miżuri terapewtiċi serji li jeħtieġu li d-dijanjożi ta’ qabel tkun waħda ċara, liema fatt jippreżupponi analiżi jew investigazzjonijiet speċifiċi. Dan il-mard jista’ wkoll jesponi lill-persuna kkonċernata għal riskju ta’ diżabbiltà gravi (ara s-sentenza Allen vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 50).

78      Barra minn hekk, mid-diċitura stess tal-Artikolu 72(1) tar-Regolamenti tal-Persunal jirriżulta li, anki jekk ikunu waħda mill-erba’ mardiet imsemmija espressament f’dak l-artikolu, huma biss dawk il-każijiet li jkunu ta’ ċerta gravità li jistgħu jiġu kkwalifikati bħala marda gravi u b’hekk il-persuna kkonċernata tkun tista’ tibbenefika mill-iktar skema favorevoli applikabbli f’każ li tiġi rikonoxxuta tali marda (ara s-sentenza Allen vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 51).

79      Fir-rigward tal-eżami dwar jekk ir-rifjut li tiġi rikonoxxuta n-natura gravi tal-marda tar-rikorrenti kienx żbaljat, għandu jitfakkar li l-ġurisprudenza stabbilita msemmija fil-punt 61 ta’ din is-sentenza, jiġifieri li r-rimedji ġudizzjarji previsti mir-Regolamenti tal-Persunal ma jistgħux, bħala prinċipju, jintużaw sabiex jitfgħu dubji fuq l-evalwazzjonijiet mediċi fihom infushom, li għandhom jitqiesu bħala definittivi meta jkunu saru f’kundizzjonijiet regolari (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-19 ta’ Jannar 1988, Biedermann vs Il‑Qorti tal-Awdituri, 2/87, punt 8; sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza (li issa saret il-Qorti Ġenerali, iktar ’il quddiem il-“Qorti Ġenerali”) tas-16 ta’ Marzu 1993, Blackman vs Il‑Parlament, T‑33/89 u T‑74/89, punt 44).

80      Mingħajr ma jitqiegħdu inkwistjoni l-evalwazzjonijiet mediċi li jissostanzjaw id-deċiżjoni li tillimita r-rimbors tal-ispejjeż taż-żmien fl-isptar għal 85 %, madankollu t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku għandu jeżamina jekk meta l-Awtorità tal-Ħatra rrifjutat li tirrikonoxxi li l-marda tar-rikorrenti kienet marda gravi, hija evalwatx b’mod korrett il-fatti u applikatx eżattament id-dispożizzjonijiet legali rilevanti (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti Ġenerali tas-7 ta’ Novembru 2002, G vs Il‑Kummissjoni, T‑199/01, punt 59, u tat-12 ta’ Mejju 2004, Hecq vs Il‑Kummissjoni, T‑191/01, punt 63).

81      Għaldaqstant, għandu jkun it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, fil-kuntest tal-istħarriġ ġudizzjarju limitat li għandu jeżerċita fil-qasam mediku, li jeżamina jekk, sabiex tirrifjuta li tikkwalifika bħala gravi l-marda li kienet teħtieġ l-ammissjoni fl-isptar tar-rikorrenti, l-Awtorità tal-Ħatra wettqitx żball manifest meta mill-konstatazzjonijiet mediċi li ġiet mgħarrfa bihom, li dwarhom it-Tribunal ma jistax jagħti deċiżjoni sakemm l-amministrazzjoni ma tkunx żnaturat il-portata tagħhom, iddeduċiet li dawn il-kriterji ma kinux ġew sodisfatti b’mod kumulattiv (ara s-sentenza Botos vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 41).

82      F’dan il-każ, l-Awtorità tal-Ħatra bbażat ruħha, fid-deċiżjoni ta’ ċaħda tal-ilment, fuq l-opinjoni espressa mill-uffiċjal mediku fit-18 ta’ Mejju 2010, li kien ikkonkluda li “mill-inqas tnejn mill-kriterji fundamentali [stabbiliti fil-punt 1 tal-Kapitolu 5 tat-Titolu III tad-DĠI] ma ġewx osservati, jiġifieri l-pronjożi li ħajjet il-pazjent tinsab f’periklu u l-preżenza jew ir-riskju attwali ta’ infermità/diżabbiltà gravi” [traduzzjoni mhux uffiċjali] u kkonfermat id-deċiżjoni tal-Uffiċċju responsabbli għall-ħlasijiet li ma japplikax ir-rata ta’ rimbors ta’ 100 % għal marda gravi iżda r-rata normali ta’85 %. B’hekk, l-Awtorità tal-Ħatra ma wettqitx żball manifest meta mill-konstatazzjonijiet mediċi li ġiet mgħarrfa bihom iddeduċiet li l-kundizzjonijiet previsti mid-DĠI għall-kwalifika ta’ marda gravi u, konsegwentement, għall-applikazzjoni tar-rata tar-rimbors ta’ 100 %, ma kinux ġew sodisfatti.

83      Għad baqa’ li jiġi eżaminat jekk, billi segwa l-opinjoni tal-uffiċjal mediku, l-Uffiċċju responsabbli għall-ħlasijiet ibbażax ruħu tabilħaqq fuq il-kriterji, elenkati fil-punt 75 ta’ din is-sentenza, li l-kwalifika ta’ marda bħala “gravi” hija suġġetta għalihom.

84      F’dan ir-rigward, mill-ġurisprudenza jirriżulta li, b’rabta mal-evalwazzjonijiet mediċi fihom infushom li jsiru minn kummissjoni medika, jew minn kummissjoni ta’ invalidità, kummissjonijiet li r-regoli operattivi tagħhom joffru garanziji ta’ ekwilibriju bejn il-partijiet u ta’ oġġettività, fejn l-opinjonijiet espressi b’mod unilaterali jirriżultaw mill-uffiċjali mediċi tal-istituzzjonijiet, ma jagħtux l-istess livell ta’ garanzija fil-qasam tal-ekwilibriju bejn il-partijiet (ara s-sentenza Allen vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punti 68 sa 70).

85      Għaldaqstant, għandu jkun it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, meta jagħti deċiżjoni dwar rifjut ta’ rikonoxximent tal-eżistenza ta’ marda gravi, li jwettaq stħarriġ iktar dettaljat minn dak li jagħmel fir-rigward tad-deċiżjonijiet adottati abbażi tal-Artikolu 73 jew tal-Artikolu 78 tar-Regolamenti tal-Persunal, wara l-intervent tal-kummissjoni medika jew tal-kummissjoni ta’ invalidità. Madankollu, jidher ċar li qorti ma għandhiex il-kompetenzi meħtieġa fil-qasam mediku sabiex tkun tista’ tivvalida jew tinvalida evalwazzjoni medika, jiġifieri tarbitra bejn diversi evalwazzjonijiet mediċi kontradittorji (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Allen vs Il‑Kummissjoni, punti 70 u 71).

86      F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li l-kriterji tal-marda gravi (tnaqqis tal-aspettattivi ta’ ħajja, żvilupp kroniku, ħtieġa għal miżuri dijanjostiċi u/jew terapewtiċi serji, preżenza jew riskju ta’ diżabbiltà gravi) jaqgħu fil-kategorija tal-evalwazzjonijiet mediċi għaliex, sabiex jagħti deċiżjoni dwar jekk kriterju wieħed jew l-ieħor ikunx ġie sodisfatt, l-uffiċjal mediku jew il-kunsill mediku tal-iSKAM ma jillimitawx irwieħhom għal konstatazzjoni tal-fatti, iżda jagħmlu evalwazzjoni konkreta tagħhom, evalwazzjoni li teħtieġ kompetenza fil-qasam mediku (sentenza Allen vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 75).

87      Madankollu, anki jekk l-istħarriġ tagħha ma jkoprix l-evalwazzjonijiet strettament mediċi bħal dawk li jirrigwardaw il-gravità ta’ marda, il-qorti — meta, bħal f’dan il-każ, rikorrent jikkontesta l-evalwazzjoni li tkun saret tas-sitwazzjoni tiegħu mill-amministrazzjoni billi jikkritika l-opinjoni medika li fuqha tkun ibbażat ruħha l-amministrazzjoni — għandha tiżgura ruħha li l-uffiċjal mediku jkun wettaq eżami konkret u dettaljat tas-sitwazzjoni inkwistjoni. Għandu jiġi ppreċiżat, f’dan ir-rigward, li hija l-amministrazzjoni li għandha tistabbilixxi li tkun saret tali evalwazzjoni (sentenza Allen vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 76).

88      Skont l-opinjoni tal-uffiċjal mediku, tat-18 ta’ Mejju 2010, li lilu l-Awtorità tal-Ħatra kienet talbet jgħid jekk il-patoloġija li kienet wasslet għall-operazzjoni kirurġika li għamlet ir-rikorrenti setgħetx tiġi rikonoxxuta jew le bħala marda gravi fis-sens tal-punt 1 tal-Kapitolu 5 tat-Titolu III tad-DĠI:

“[...]

2)      il-patoloġija [tar-rikorrenti] li wasslet għall-operazzjoni kirurġika, ma tistax tiġi rrikonoxxuta bħala marda gravi skont il-kriterji stabbiliti mid-DĠI (punt 1 tal-Kapitolu 5 tat-Titolu [III]).

Fil-fatt din hija patoloġija ortopedika […]

Din il-patoloġija, min-natura tagħha stess, ma tiddeterminax pronjożi ħażina li ħajjet il-pazjent tinsab f’periklu; barra minn hekk il-pazjenta qatt ma kienet, anki matul iż-żmien fl-isptar, f’periklu li titlef ħajjitha.

Attwalment, skont dak li qed jiddikjara t-tabib speċjalista ortopediku li ttratta [lir-rikorrenti] (rapport tat-22 [ta’ Marzu] 2010), il-kundizzjonijiet tal-pazjenta huma għalkollox sodisfaċenti.

ʻIr-riżultat kliniku u radjoloġiku huwa eċċellentiʼ […]

Mill-inqas tnejn mill-kriterji fundamentali previsti għar-rikonoxximent ta’ marda gravi ma kinux osservati, jiġifieri l-pronjożi li ħajjet il-pazjent tinsab f’periklu u l-preżenza jew ir-riskju attwali ta’ infermità/diżabbiltà gravi.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

89      Għandu jiġi ppreċiżat li, f’dan il-każ, ir-rikorrenti ma segwietx il-proċedura stabbilita fil-punt 3 tal-Kapitolu 5 tat-Titolu III tad-DĠI għat-talbiet għar-rikonoxximent ta’ marda gravi, li, meta jinkiseb, jagħti kopertura sa 100 % tal-ispejjeż ikkawżati mill-marda gravi mid-data taċ-ċertifikat mediku li jakkumpanja t-talba għar-rikonoxximent u għal terminu ta’ mhux iktar minn ħames snin, iżda kulma għamlet kien li, meta ppreżentat l-osservazzjonijiet tagħha dwar il-karta li tindika l-ħlas nru 10 kif ukoll fl-ilment li ressqet, talbet li, għall-finijiet ta’ rimbors ta’ 100 % tal-ispejjeż taż-żmien li għamlet fl-isptar biss, il-marda li kkawżathom titqies li hija gravi. F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-evalwazzjoni tal-erba’ kriterji stabbiliti fil-punt 1 tal-Kapitolu 5 tat-Titolu III tad-DĠI kellha ssir b’rabta mas-sitwazzjoni medika tar-rikorrenti kif kienet immedjatament qabel l-ammissjoni tagħha fl-isptar.

90      Issa, mill-istess kliem tal-opinjoni tal-uffiċjal mediku, tat-18 ta’ Mejju 2010, jirriżulta li fir-rigward tal-kriterju tal-preżenza jew tar-riskju ta’ diżabbiltà gravi, minn naħa, dan tal-aħħar ibbaża ruħu fuq id-data medika li kienet inkluża f’rapport tat-23 ta’ Marzu 2010 tat-tabib speċjalista fl-ortopedija li kien ittratta lir-rikorrenti, jiġifieri iktar minn sena wara l-operazzjonijiet kirurġiċi li għamlet ir-rikorrenti u, min-naħa l-oħra, li l-evalwazzjoni tal-imsemmi kriterju saret b’paragun mas-sitwazzjoni medika tar-rikorrenti kif kienet f’Mejju 2010 u mhux kif kienet immedjatament qabel l-ammissjoni tagħha fl-isptar, fi Frar 2009.

91      Minn dan isegwi li l-possibbiltà ta’ riskju ta’ diżabbiltà gravi qabel l-ammissjoni fl-isptar tar-rikorrenti ma ġietx eżaminata b’mod regolari.

92      Dan l-iżball fl-applikazzjoni tar-regoli applikabbli madankollu ma jistax iwassal għall-annullament tad-deċiżjoni tal-Uffiċċju responsabbli għall-ħlasijiet li rrifjutat il-kwalifika ta’ marda gravi. Fil-fatt, mill-kliem tal-opinjoni tal-uffiċjal mediku, tat-18 ta’ Mejju 2010, jirriżulta wkoll li l-uffiċjal mediku ma llimitax ruħu għall-eżami ta’ jekk kriterju wieħed biss mill-erba’ kriterji inklużi fil-punt 1 tal-Kapitolu 5 tat-Titolu III tad-DĠI ġiex sodisfatt jew le iżda huwa kien ta wkoll l-opinjoni tiegħu dwar kriterju ieħor, jiġifieri dak tal-pronjożi li ħajjet il-pazjent tinsab f’perikolu. F’dan ir-rigward, fl-opinjoni ċċitata iktar ’il fuq, huwa kien qal li l-patoloġija ortopedika li wasslet għall-ammissjoni fl-isptar tar-rikorrenti, min-natura tagħha stess, ma tiddeterminax pronjożi li ħajjet il-pazjent tinsab f’perikolu u li r-rikorrenti qatt ma kienet, anki waqt iż-żmien li għamlet fl-isptar, f’perikolu li titlef ħajjitha.

93      F’dawn iċ-ċirkustanzi, peress li l-erba’ kriterji għar-rikonoxximent tal-marda gravi huma kumulattivi u peress li bilfors iridu jiġu osservati kollha, anki jekk fi gradi differenti, il-fatt li f’dan il-każ wieħed minnhom ma ġiex osservat huwa biżżejjed sabiex jeskludi r-rikonoxximent bħala marda gravi lill-marda li wasslet għall-ammissjoni fl-isptar tar-rikorrenti. Għaldaqstant, l-Uffiċċju responsabbli għall-ħlasijiet ma wettaqx żball manifest ta’ evalwazzjoni meta rrifjuta li jikkunsidra bħala gravi l-marda tar-rikorrenti, abbażi tal-opinjoni tal-uffiċjal mediku, tat-18 ta’ Mejju 2010, li kien ikkonkluda li ma kienx hemm pronjożi li ħajjet il-pazjent tinsab f’perikolu fir-rigward tar-rikorrenti.

94      Peress li l-uniku motiv invokat insostenn tat-tielet kap tat-talbiet ma huwiex fondat, ma hemmx lok li d-deċiżjoni tal-Uffiċċju responsabbli għall-ħlasijiet, kif tirriżulta mill-karta li tindika l-ħlas kontenzjuża, li r-rimbors għall-ispejjeż taż-żmien fl-isptar jiġu limitati għal 85 % minħabba li l-marda tar-rikorrenti ma ġietx ikkunsidrata bħala “gravi”, tiġi annullata.

 Fuq il-ħames kap tat-talbiet, kif ġie ppreċiżat mill-ewwel kap tat-talbiet tas-sottomissjonijiet kumplimentari, kontra d-deċiżjoni tal-Uffiċċju responsabbli għall-ħlasijiet, kif tirriżulta mill-karta li tindika l-ħlas kontenzjuża, li tħalli l-ħlas tas-somma ta’ EUR 28 800 għall-ispejjeż tal-akkomodazzjoni kkunsidrati bħala eċċessivi għar-rikorrenti

95      Insostenn ta’ dan il-kap tat-talbiet, ir-rikorrenti jinvokaw motiv wieħed biss ibbażat fuq l-allegat ksur tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba u tad-dmir ta’ premura.

 L-argumenti tal-partijiet

96      Ir-rikorrenti jaqblu mal-evalwazzjoni magħmula mill-Uffiċċju responsabbli għall-ħlasijiet dwar in-natura eċċessiva tal-ispejjeż tal-akkomodazzjoni ffatturati mill-klinika Anthea. Fil-fatt, ammont ta’ EUR 1 440 għal kull jum, VAT inkluża, huwa prezz għalkollox esaġerat meta pparagunat mas-servizzi pprovduti, jiġifieri, minn naħa, sempliċi kamra ta’ daqs normali b’għamara standard magħmula minn sodda tat-tip li s-soltu jinstab fl-isptarijiet u minn siġġu, kamra identika għall-kmamar l-oħra kollha tal-klinika u, min-naħa l-oħra, servizz ta’ ikel li, fil-fehma tar-rikorrenti, kien wieħed komuni u għalkollox medjokri.

97      Fir-rigward tal-kwistjoni dwar min għandu jħallas is-somma ta’ EUR 28 800 għall-ispejjeż ta’ akkomodazzjoni kkunsidrata mill-Uffiċċju responsabbli għall-ħlasijiet bħala somma eċċessiva, ir-rikorrenti jsostnu, fl-ewwel lok, li fid-dawl tal-ammont kbir iffatturat għall-akkomodazzjoni, l-Uffiċċju responsabbli għall-ħlasijiet ma missux ħallas dan l-ammont lill-klinika Anthea mingħajr ma informahom qabel. Din l-informazzjoni tidher li ppermettitilhom jopponu l-ħlas minħabba l-fatt li, qabel l-ammissjoni fl-isptar tar-rikorrenti, il-klinika Anthea kienet informatha li l-ispejjeż ta’ akkomodazzjoni kienu ta’ EUR 300 għal kull jum. Il-mod kif aġixxa l-Uffiċċju responsabbli għall-ħlasijiet impedixxa li r-rikorrenti jirreaġixxu fil-ħin u qiegħedilhom quddiemhom fait accompli li huma tħallew responsabbli għas-somma kkunsidrata bħala eċċessiva mill-Uffiċċju responsabbli għall-ħlasijiet.

98      Fit-tieni lok, ir-rikorrenti jgħidu li fl-ebda mument l-amministrazzjoni ma ssuġġeritilhom li kien ikun utli li huma jibagħtu lill-Uffiċċju responsabbli għall-ħlasijiet stima tal-ispejjeż ta’ akkomodazzjoni.

99      Fit-tielet lok, huma jikkunsidraw li l-Uffiċċju responsabbli għall-ħlasijiet aġixxa b’mod inammissibbli u ferm dannuż mhux biss fir-rigward tagħhom iżda fuq kollox fir-rigward tal-iSKAM, li kellha ssostni ħlas mhux dovut. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Kummissjoni kienet l-unika waħda li setgħet tieħu azzjoni kontra l-klinika Anthea sabiex tikseb ir-rimbors tal-flus li tħallsu żejda, u ma misshiex għaddiet dan l-ammont fuq ir-rikorrenti.

100    Fir-raba’ lok, ir-rikorrenti jsostnu li, fi kwalunkwe każ, id-dannu kkawżat min-nuqqas ta’ attenzjoni, ta’ kawtela u ta’ prudenza tal-Uffiċċju responsabbli għall-ħlasijiet ma jistax jiġi imputat lilhom.

101    Il-Kummissjoni tikkunsidra li l-allegazzjonijiet tar-rikorrenti huma infondati.

102    Fl-ewwel lok, il-Kummissjoni ssostni li l-imputazzjoni lir-rikorrenti mill-Uffiċċju responsabbli għall-ħlasijiet, wara l-opinjoni tal-kunsill mediku, tal-parti tal-ispejjeż ta’ akkomodazzjoni kkunsidrati bħala eċċessivi meta pparagunati man-nefqa normali fil-pajjiż fejn ġew sostnuti l-ispejjeż, hija bbażata fuq l-Artikolu 20(2) tar-Regoli Komuni. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tfakkar li r-rikorrent irċieva kopja tal-ittra tal-5 ta’ Frar 2009 li permezz tagħha l-Uffiċċju responsabbli għall-ħlasijiet ħabbar lill-klinika t-teħid ta’ responsabbiltà għall-ispejjeż taż-żmien fl-isptar tar-rikorrenti, akkumpanjata minn skeda informattiva tal-Uffiċċju “Ġestjoni u likwidazzjoni tad-drittijiet individwali” (PMO, iktar ’il quddiem l-“iskeda informattiva”), dwar il-limiti massimi tar-rimbors u dwar l-irkupru tal-ammonti mħallsa bil-quddiem, fejn ġie mfakkar b’mod partikolari li l-ammonti mħallsa mill-iSKAM mhux bilfors ikunu rimborsabbli abbażi tal-Artikolu 72 tar-Regolamenti tal-Persunal imma jistgħu jiġu rkuprati mill-persuna affiljata iktar tard.

103    Fit-tieni lok, wara l-kontestazzjoni mir-rikorrenti tal-karta li tindika l-ħlas nru 10, il-Kummissjoni wriet diliġenza meta vverifikat il-modalitajiet tal-akkomodazzjoni u pprovditilha spjegazzjonijiet sodisfaċenti. Barra minn hekk, l-uffiċjal mediku, skont l-Artikolu 41 tar-Regoli Komuni, ressaq il-kwistjoni quddiem il-kunsill mediku, li ta l-opinjoni tiegħu waqt il-laqgħa tal-10 ta’ Diċembru 2009. Skont il-Kummissjoni, mill-minuti tal-imsemmija laqgħa jirriżulta li l-kalkolu tal-ispejjeż rimborsabbli sar abbażi tal-leġiżlazzjoni applikabbli billi bħala valur ta’ referenza ttieħdet in-nefqa normali għall-istess tip ta’ akkomodazzjoni fil-pajjiż fejn ġew sostnuti l-ispejjeż.

 Il-kunsiderazzjonijiet tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku

104    Huwa paċifiku li, abbażi tal-Artikolu 20(2) tar-Regoli Komuni, għall-benefiċċji li għalihom ma jkun ġie ffissat l-ebda limitu massimu għar-rimbors, bħall-ispejjeż ta’ akkomodazzjoni waqt żmien fl-isptar, il-parti tal-ispejjeż ikkunsidrata bħala eċċessiva meta pparagunata man-nefqa normali fil-pajjiż fejn ikunu ġew sostnuti l-ispejjeż ma tiġix rimborsata. Huwa wkoll paċifiku, abbażi tal-istess dispożizzjoni, li l-parti tal-ispejjeż ikkunsidrata bħala eċċessiva tiġi ddeterminata każ b’każ mill-Uffiċċju responsabbli għall-ħlasijiet tal-iSKAM.

105    F’dan il-każ, il-partijiet jaqblu li jikkunsidraw il-prezz ta’ EUR 1 440 għal kull jum iffatturat mill-klinika Anthea bħala eċċessiv meta pparagunat mal-medja tan-nefqa normali fl-Italja għal dan it-tip ta’ servizz iżda, fuq kollox, meta pparagunat mal-prezz ta’ EUR 300 għal kull jum, VAT inkluża, li kien indikat lir-rikorrenti bil-fomm minn impjegata tal-klinika Anthea qabel l-ammissjoni tagħha fl-isptar. F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti inkludiet fil-proċess id-dikjarazzjoni ta’ xhud li kien magħha, fit-13 ta’ Jannar 2009, meta hija talbet informazzjoni mingħand il-klinika Anthea dwar il-prezz ta’ akkomodazzjoni. Mix-xhieda prodotta mir-rikorrenti jirriżulta li, skont l-informazzjoni pprovduta bil-fomm mill-impjegata msemmija iktar ’il fuq, il-prezzijiet li kienu jintalbu dak iż-żmien mill-klinika Anthea kienu ta’ EUR 216 għal kull jum jekk il-pazjent kien jikkondividi l-kamra u kien kopert mid-dritt komuni tas-sigurtà soċjali u ta’ EUR 300 għal kull jum jekk il-pazjent kien waħdu fil-kamra u kien kopert minn assigurazzjoni privata.

106    Madankollu l-partijiet ma humiex jaqblu dwar jekk, kif qed jallegaw ir-rikorrenti, l-ispejjeż tal-akkomodazzjoni kkunsidrati bħala eċċessivi mill-Uffiċċju responsabbli għall-ħlasijiet, jiġifieri EUR 28 800, kellux ikun responsabbli għalihom l-Uffiċċju responsabbli għall-ħlasijiet, minħabba li ma kkuntattjax lir-rikorrenti qabel ma ħallas il-fattura ppreżentata mill-klinika Anthea, jew jekk, kif qed tippretendi l-Kummissjoni, għandux ikun responsabbli għalihom ir-rikorrent u jitnaqqsu mill-pensjoni tal-irtirar tiegħu.

107    Qabel xejn, għandu jiġi kkonstatat li l-possibbiltà għall-persuni affiljati li jkollhom għad-dispożizzjoni tagħhom, skont l-Artikolu 30 tar-Regoli Komuni, ħlasijiet bil-quddiem sabiex ikunu jistgħu jlaħħqu ma’ spejjeż kbar, fil-forma ta’ teħid ta’ responsabbiltà f’każ ta’ ammissjoni fl-isptar, hija bla ebda dubju vantaġġ għalihom. Bl-ispedizzjoni sistematika lill-benefiċjarji tal-iSKAM, meta titressaq talba għal teħid ta’ responsabbiltà, tal-iskeda informattiva, il-benefiċjarji jkunu jistgħu jiġu inkoraġġiti jiksbu tagħrif, b’mod partikolari mingħand l-isptar, dwar in-nefqa li jista’ jkollhom isostnu u li jipparagunawha mad-DĠI fis-seħħ sabiex jevitaw spejjeż kunsiderevoli li jistgħu jirriżultaw li ma jkunux rimborsabbli mill-iSKAM u b’hekk jibqgħu responsabbli għalihom huma. F’dan ir-rigward għandu jingħad ukoll li, fir-rigward tal-ispejjeż ta’ akkomodazzjoni matul żmien fl-isptar, id-DĠI ma jipprevedux limitu massimu.

108    F’dan il-każ, minkejja li r-rikorrenti kisbet informazzjoni mingħand il-klinika Anthea dwar l-ispejjeż ta’ akkomodazzjoni li hija kienet se ssostni, hija rċeviet biss informazzjoni bil-fomm u mhux dokument bil-miktub li kien ikollu valur probatorju. Madankollu għandu jingħad ukoll li, anki jekk ikun aħjar li l-persuni affiljati jkollhom tali dokument, ma hemmx dispożizzjoni, la fir-Regoli Komuni u lanqas fid-DĠI, li tobbligahom jiksbu kwotazzjoni xierqa u li jibagħtuha lill-Uffiċċju responsabbli għall-ħlasijiet flimkien mat-talba għal teħid ta’ responsabbiltà.

109    F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-rikorrenti ma jistgħux jiġu akkużati li ma wettqux xi obbligu jew li ma osservawx xi dispożizzjoni legali. Fil-fatt, minn naħa, fl-assenza ta’ limitu massimu stabbilit fid-DĠI għall-ispejjeż ta’ akkomodazzjoni f’każ ta’ ammissjoni fl-isptar, huma ma setgħux jipparagunaw l-ammont tal-ispejjeż imħabbra mill-klinika Anthea mal-ammont li seta’ jkun rimborsabbli. Min-naħa l-oħra, li kieku kellu jitqies li huma kkuntattjaw lill-Uffiċċju responsabbli għall-ħlasijiet sabiex jistaqsu jekk l-ispejjeż ta’ akkomodazzjoni ta’ EUR 300 għal kull jum kinux se jiġu rrimborsati, it-tweġiba fi kwalunkwe każ kienet tkun fl-affermattiv, peress li fil-karta li tindika l-ħlas nru 10, l-imsemmi uffiċċju rrimborsa l-imsemmija spejjeż b’rata ta’ EUR 720 għal kull jum.

110    Fir-rigward tal-Kummissjoni, din għandha rwol doppju fil-kuntest tat-teħid ta’ responsabbiltà għall-ispejjeż taż-żmien fl-isptar.

111    Minn naħa, skont l-Artikolu 27 tar-Regolament Nru 1605/2002, applikabbli b’analoġija għall-ġestjoni tal-iSKAM abbażi tal-Artikolu 43 tar-Regoli Komuni, il-Kummissjoni għandha tiżgura l-implementazzjoni tad-dħul u tal-ħruġ skont prinċipju ta’ amministrazzjoni finanzjarja tajba u f’konformità mal-prinċipji ta’ ekonomija, ta’ effiċjenza u ta’ effikaċja.

112    F’dan ir-rigward, mill-Artikolu 52 tar-Regoli Komuni jirriżulta li l-Kummissjoni tiġġestixxi l-iSKAM b’delega tal-istituzzjonijiet l-oħra u għandha l-obbligu li tistabbilixxi r-regoli li jirregolaw ir-rimbors tal-ispejjeż mediċi bil-għan li jiġi ssalvagwardjat l-ekwilibriju finanzjarju tal-iskema bejn il-ħruġ u d-dħul. Abbażi tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba, il-Kummissjoni u, b’estensjoni, l-Uffiċċji responsabbli għall-ħlasijiet tal-iSKAM, li l-ħolqien tagħhom jirriżulta fost il-missjonijiet tal-amministratur ta’ din tal-aħħar u li l-kontroll tagħha, fir-rigward tal-osservanza tal-prinċipji ta’ amministrazzjoni finanzjarja tajba, huwa żgurat mill-uffiċċju ċentrali, għandhom għalhekk joqgħodu attenti sabiex ma jużawx il-fondi tal-iSKAM biex iħallsu fatturi ta’ żmien fl-isptar li l-ammonti tagħhom ikunu, mal-ewwel daqqa ta’ għajn, sproporzjonati meta pparagunati mal-medja tan-nefqa għal servizzi simili fil-pajjiż fejn ikunu ġew sostnuti l-ispejjeż. F’dan il-każ, l-Uffiċċju responsabbli għall-ħlasijiet, minħabba r-rwol tiegħu, kien f’pożizzjoni tajba sabiex ikun jaf x’inhuma l-prezzijiet medji mitluba mill-isptarijiet fl-Italja fir-rigward tal-akkomodazzjoni u li jirreaġixxi fid-dawl ta’ dak li kienet iffatturat il-klinika Anthea, f’dan il-każ EUR 57 600 għall-akkomodazzjoni tar-rikorrenti matul 40 jum.

113    Fil-kuntest tat-teħid ta’ responsabbiltà għall-ispejjeż taż-żmien fl-isptar, il-Kummissjoni, min-naħa l-oħra, għandha d-dmir ta’ premura fir-rigward tal-persunal tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni, benefiċjarju tal-iSKAM.

114    Dan id-dmir ta’ premura jobbliga lill-Kummissjoni u b’estensjoni lill-Uffiċċji responsabbli għall-ħlasijiet tal-iSKAM, f’każ li jirċievu fattura bħal dik li ntbagħtet lill-Uffiċċju responsabbli għall-ħlasijiet mill-klinika Anthea, jiġifieri fattura b’ammont ferm għoli li fiha, filwaqt li s-servizzi mediċi huma elenkati u deskritti, l-akkomodazzjoni ġiet sempliċement iffatturata għal 40 jum b’rata ta’ EUR 1 440 għal kull jum, mingħajr ebda dettall dwar it-tip ta’ kamra jew is-servizzi supplimentari li jistgħu jiġġustifikaw ammont daqstant għoli, li ma jħallsux immedjatament tali fattura, anki jekk ikunu ħadu r-responsabbiltà għall-ispejjeż, iżda li jiksbu informazzjoni bil-miktub min-naħa tal-isptar awtur tal-fattura u, ukoll, li jinformaw lill-persuna affiljata li, fl-aħħar mill-aħħar, l-Uffiċċju responsabbli għall-ħlasijiet għandu jimputalha, fil-parti l-kbira tal-każijiet, mill-inqas perċentwali tal-ispejjeż taż-żmien fl-isptar iffatturati u, possibbilment, kif ġara f’dan il-każ, l-ispejjeż kollha kkunsidrati bħala eċċessivi.

115    F’din il-kawża, li kieku l-Uffiċċju responsabbli għall-ħlasijiet ikkuntattja lir-rikorrenti qabel ma ħallas il-fattura li kienet bagħtitlu l-klinika Anthea, dawn kienu jkunu jistgħu jsostnu fi żmien xieraq li l-prezz ta’ akkomodazzjoni li ġie indikat lilhom kien ta’ EUR 300 għal kull jum.

116    Min-naħa l-oħra, minħabba l-aġir tal-Uffiċċju responsabbli għall-ħlasijiet jiġifieri li ħallas il-fattura mingħajr ma għamel l-ebda mistoqsija, minn naħa, l-infiq tal-iSKAM żdied b’mod inġustifikat, b’tali mod li, minflok rimbors b’rata ta’ 85 % tal-ispejjeż tal-akkomodazzjoni li kienu jikkorrispondu għal 30 jum, b’rata ta’ EUR 300 għal kull jum, l-Uffiċċju responsabbli għall-ħlasijiet ta’ rimbors b’rata ta’ EUR 720 għal kull jum.

117    Min-naħa l-oħra, ir-rikorrenti sabu rwieħhom debituri mhux biss tas-somma ta’ EUR 28 800 għall-ispejjeż tal-akkomodazzjoni kkunsidrati bħala eċċessivi mill-Uffiċċju responsabbli għall-ħlasijiet iżda anki ta’ 15 % tal-ammont li jikkorrispondi għal 30 jum ta’ akkomodazzjoni, b’rata ta’ EUR 720 għal kull jum, filwaqt li, kieku l-akkomodazzjoni kienet ġiet iffatturata kif kien tħabbar lir-rikorrenti, l-ammont li saru responsabbli għalih kien ikunu ferm inqas.

118    Għalhekk, għandu jiġi kkonstatat li, billi qabel il-ħlas tal-fattura, ma talbux preċiżazzjonijiet mingħand il-klinika Anthea dwar l-ammont iffatturat għall-akkomodazzjoni u billi ma informawx lir-rikorrenti bl-imsemmi ammont, l-Uffiċċju responsabbli għall-ħlasijiet u, b’estensjoni, il-Kummissjoni, naqsu milli jkunu konformi kemm mal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba kif ukoll mad-dmir ta’ premura fir-rigward tar-rikorrenti.

119    Peress li l-motiv invokat insostenn tal-ħames kap tat-talbiet huwa fondat, id-deċiżjoni tal-Uffiċċju responsabbli għall-ħlasijiet, kif tirriżulta mill-karta li tindika l-ħlas kontenzjuża, li r-rikorrenti jitħallew responsabbli għas-somma ta’ EUR 28 800 għall-ispejjeż tal-akkomodazzjoni kkunsidrati bħala eċċessivi, għandha tiġi annullata.

120    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ma hemmx lok li tintlaqa’ t-talba tar-rikorrenti, li hija s-suġġett tat-tmien kap tat-talbiet tar-rikors, li jiġu ordnati l-miżuri istruttorji proposti minnhom.

 Fuq l-ispejjeż

121    Skont l-Artikolu 87(1) tar-Regoli tal-Proċedura, bla ħsara għad-dispożizzjonijiet l-oħra tal-Kapitolu Tmienja tat-Tieni Titolu ta’ dawn ir-regoli, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Madankollu, skont l-Artikolu 88 tal-imsemmija regoli “[p]arti fil-kawża, anki jekk rebbieħa, tista’ tiġi kkundannata tbati l-ispejjeż, parzjalment jew kollha, jekk jidher li dan ikun ġustifikat minħabba l-atteġġament tagħha, anki qabel ma titressaq l-istanza, b’mod partikolari jekk tkun ikkawżat lill-parti l-oħra spejjeż li jkunu meqjusa fiergħa jew vessatorji”.

122    F’dan il-każ, għalkemm mill-motivi stabbiliti iktar ’il fuq jirriżulta li r-rikorrenti jiksbu sodisfazzjon biss b’mod parzjali fir-rigward tat-talbiet kontra l-karta li tindika l-ħlas kontenzjuża, li jfisser li l-Kummissjoni qed titlef il-kawża biss b’mod parzjali, fir-rigward tal-imsemmija talbiet; jirriżulta wkoll li l-aġir tal-Uffiċċju responsabbli għall-ħlasijiet, ikkunsidrat bħala illegali, wassal għal iktar spejjeż għar-rikorrenti sa fejn in-nefqa għall-akkomodazzjoni li ġiet irrimborsata b’rata ta’ 85 % kienet ferm ikbar minn dik li r-rikorrenti setgħu kienu qed jistennew.

123    Fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari ta’ dan il-każ, u peress li ġie ppreċiżat li l-applikazzjoni tal-Artikolu 88 tar-Regoli tal-Proċedura ma hijiex limitata biss għall-każijiet fejn l-amministrazzjoni tkun ikkawżat lir-rikorrenti spejjeż fiergħa jew vessatorji, il-Kummissjoni għandha tbati l-ispejjeż tagħha, inklużi dawk li sostniet fl-istanza sommarja, u għandha tbati l-ispejjeż sostnuti mir-rikorrenti, inklużi dawk li sostnew fl-istanza sommarja.

Għal dawn il-motivi,

IT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU
(It-Tieni Awla)

jaqta’ u jiddeċiedi:

1)      Id-deċiżjoni tal-Uffiċċju responsabbli għall-ħlasijiet ta’ Ispra (l-Italja), kif tirriżulta mill-karta li tindika l-ħlas nru 10, tal-1 ta’ Ottubru 2009, li M. A. de Pretis Cagnodo jitqies responsabbli mis-somma ta’ EUR 28 800 għall-ispejjeż ta’ S. Trampuz de Pretis Cagnodo kkunsidrati bħala eċċessivi, hija annullata.

2)      Il-kumplament tar-rikors huwa miċħud.

3)      Il-Kummissjoni Ewropea għandha tbati l-ispejjeż kollha tagħha u għandha tbati l-ispejjeż kollha sostnuti minn M. A. de Pretis Cagnodo u S. Trampuz de Pretis Cagnodo.

Rofes i Pujol

Boruta

Bradley

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fis-16 ta’ Mejju 2013.

W. Hakenberg

 

       M. I. Rofes i Pujol

Reġistratur

 

       President


* Lingwa tal-kawża: it-Taljan.