Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Fővárosi Törvényszék (l-Ungerija) fl-20 ta’ Diċembru 2018 – Telenor Magyarország Zrt. vs Nemzeti Média- és Hírközlési Hatóság Elnöke

(Kawża C-807/18)

Lingwa tal-kawża: l-Ungeriż

Qorti tar-rinviju

Fővárosi Törvényszék

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: Telenor Magyarország Zrt.

Konvenuta: Nemzeti Média- és Hírközlési Hatóság Elnöke

Domandi preliminari

Ftehim kummerċjali konkluż bejn fornitur ta’ aċċess għall-internet u utent finali, li permezz tiegħu l-fornitur ta’ aċċess għall-internet japplika, fir-rigward tal-utent finali, għal dak li jikkonċerna ċerti applikazzjonijiet, tariffa żero (fi kliem ieħor, it-traffiku ġġenerat mill-applikazzjoni speċifika ma jingħaddx mal-konsum ta’ data eventwali, u lanqas ma jonqos fil-veloċità meta dan il-qafas ta’ data jintuża), u fejn id-distinzjoni tiġi stabbilita biss skont il-kundizzjonijiet stabbiliti fil-ftehim konkluż mal-utent finali, fil-qafas ta’ dan il-ftehim u biss lejn dan il-konsumatur finali, u mhux lejn l-utenti finali li ma jkunux parti f’dan il-ftehim, għandu jiġi interpretat konformement mal-Artikolu 3(2) tar-Regolament (UE) 2015/2120 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Novembru 2015 li jistabbilixxi miżuri dwar aċċess għal Internet miftuħ u li jemenda d-Direttiva 2002/22/KE dwar servizz universali u d-drittijiet tal-utenti li jirrelataw ma’ networks u servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi u r-Regolament (UE) Nru 531/2012 dwar roaming fuq netwerks pubbliċi ta’ komunikazzjoni mobbli fi ħdan l-Unjoni 1 (iktar ’il quddiem ir-“Regolament”)?

Fil-każ ta’ risposta fin-negattiv għall-ewwel domanda, l-Artikolu 3(3) tar-Regolament għandu jiġi interpretat fis-sens li, fid-dawl ukoll tal-premessa 7 tiegħu, huwa neċessarju, sabiex jiġi kkonstatat ksur, li jiġi eżaminat, fuq il-bażi tal-impatt u tas-suq, jekk il-miżuri tal-fornitur ta’ aċċess għall-internet effettivament ħolqux restrizzjoni, u sa liema portata, fuq id-drittijiet tal-utenti finali msemmija fl-Artikolu 3(1) tar-Regolament?

Indipendentement mid-domandi 1 u 2, l-Artikolu 3(3) tar-Regolament għandu jiġi interpretat fis-sens li l-projbizzjoni inkluża fih hija ta’ natura ġenerali u oġġettiva, fis-sens li, fuq din il-bażi, huma pprojbiti l-miżuri kollha ta’ ġestjoni tat-traffiku li jistabbilixxu distinzjoni bejn il-kontenuti differenti tal-internet, indipendentement mill-kwistjoni dwar jekk il-fornitur ta’ aċċess għall-internet ikun barra minn hekk għamel dan permezz ta’ ftehim, ta’ prattika kummerċjali jew ta’ aġir ieħor?

Fil-każ li tingħata risposta fl-affermattiv għat-tielet domanda, jista’ jiġi konkluż ukoll mingħajr ma jsiru valutazzjonijiet oħra tas-suq u tal-impatt, billi wieħed jibbaża ruħu fuq il-fatt tad-diskriminazzjoni nnifisha, li jeżisti ksur tal-Artikolu 3(3) tar-Regolament u għal din ir-raġuni l-eżami tal-konformità li jirriżulta mill-Artikolu 3(1) u (2) tar-Regolament huwa ineffettiv f’każ bħal dan?

____________

1 ĠU 2015 L 310, p. 1.