Language of document : ECLI:EU:C:2019:16

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

SZPUNAR

ippreżentati fl-10 ta’ Jannar 2019 (1)

Kawża C516/17

Spiegel Online GmbH

vs

Volker Beck

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja, il-Ġermanja))

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati – Drittijiet esklużivi ta’ riproduzzjoni u ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku – Flessibbiltà fl-implimentazzjoni fid-dritt nazzjonali – Eċċezzjoni marbuta mal-għan ta’ rappurtaġġ ta’ ġrajjiet kurrenti – Possibbiltà raġonevoli li tintalab awtorizzazzjoni qabel il-pubblikazzjoni – Referenzi aċċessibbli permezz ta’ hyperlink imqiegħed għad-dispożizzjoni maġenb it-test – Xogħol ippubblikat fil-forma partikolari tiegħu bl-awtorizzazzjoni tal-awtur”






 Introduzzjoni

1.        Wieħed ma jistax jagħti valur eċċessiv lir-rwol li għandhom, f’soċjetà demokratika, il-libertà ta’ espressjoni b’mod ġenerali u l-libertà tal-mezzi tal-komunikazzjoni b’mod partikolari. L-iskambju liberu ta’ ideat u l-kontroll tal-poter mis-soċjetà, li huma mekkaniżmi li fihom il-mezzi tal-komunikazzjoni huma intermedjarji indispensabbli, jikkostitwixxu l-ġebla tax-xewka ta’ tali soċjetà.

2.        Il-libertà ta’ espressjoni ġiet irrikonoxxuta bħala dritt fundamentali sa mid-Dikjarazzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u taċ-Ċittadin tal-1789, permezz tal-Artikolu 11 tagħha. L-awturi ta’ din id-dikjarazzjoni madankollu kienu konxji mill-fatt li l-eżerċizzju ta’ libertà minn uħud jista’ jillimita dik tal-oħrajn. Għalhekk, permezz tal-Artikolu 4, introduċew il-prinċipju li skontu “l-uniċi limiti għall-eżerċizzju tad-drittijiet naturali ta’ kull bniedem huma dawk li jiżguraw it-tgawdija ta’ dawn l-istess drittijiet lill-membri l-oħra tas-soċjetà”. F’dak li jirrigwarda l-punt dwar min għandu jistabbilixxi r-regoli ta’ arbitraġġ bejn dawn il-libertajiet, dan l-artikolu jispeċifika, fit-tieni sentenza li: “[d]awn il-limiti jistgħu jiġu ddeterminati biss mil-liġi”.

3.        Dawn il-prinċipji sempliċi u naturali għadhom attwali. Il-liġi, li hija espressjoni tar-rieda ġenerali (2), tfittex li tibbilanċja d-diversi drittijiet fundamentali, għall-ikbar benefiċċju ta’ kulħadd. L-istess japplika fil-qasam tad-drittijiet tal-awtur, kif turi perfettament din il-kawża.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt internazzjonali

4.        L-Artikolu 9(1) tal-Konvenzjoni ta’ Berna għall-Protezzjoni ta’ Xogħlijiet Letterarji u Artistiċi, iffirmata f’Berna fid-9 ta’ Settembru 1886 (l-Att ta’ Pariġi tal-24 ta’ Lulju 1971), fil-verżjoni tagħha li tirriżulta mill-emenda tat-28 ta’ Settembru 1979 (iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni ta’ Berna”), jistabbilixxi d-dritt tal-awturi li jawtorizzaw kwalunkwe riproduzzjoni tax-xogħlijiet tagħhom. L-Artikolu 9(2), l-Artikolu 10(1) u l-Artikolu 10a(2) tal-Konvenzjoni ta’ Berna jipprovdu rispettivament:

“Il-possibbiltà li tiġi permessa r-riproduzzjoni tal-imsemmija xogħlijiet f’ċerti każijiet speċjali hija rriżervata għal-leġiżlazzjonijiet tal-pajjiżi tal-Unjoni [ikkostitwita mill-Istati firmatarji tal-Konvenzjoni ta’ Berna], sakemm tali riproduzzjoni ma tippreġudikax l-użu normali tax-xogħol u lanqas tkun ta’ preġudizzju inġustifikat għall-interessi leġittimi tal-awtur.

[…]

Huma permessi l-kwotazzjonijiet meħuda minn xogħol li diġà jkun aċċessibbli għall-pubbliku b’mod legali, sakemm dawn ikunu konformi mal-użu tajjeb u sa fejn huma ġġustifikati sabiex jintlaħaq l-iskop intiż, inklużi l-kwotazzjonijiet minn artikli ta’ ġurnali u rivisti fil-forma ta’ siltiet minn artikli tal-istampa.

[…]

Huwa rriżervat ukoll għal-leġiżlazzjonijiet tal-pajjiżi tal-Unjoni li jiġu stabbiliti l-kundizzjonijiet li taħthom, fir-rappurtaġġ ta’ ġrajjiet kurrenti permezz tal-fotografija jew taċ-ċinematografija, jew permezz tax-xandir jew tat-trażmissjoni bil-fili lill-pubbliku, ix-xogħlijiet letterarji jew artistiċi li wieħed jista’ jara jew jisma’ matul il-ġrajja jistgħu, sa fejn ikun iġġustifikat mill-iskop informattiv, jiġu rriprodotti u jsiru aċċessibbli għall-pubbliku.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

5.        L-Artikolu 1(4) tat-Trattat tal-WIPO dwar id-Drittijiet tal-Awtur (3) jistabbilixxi li “[i]l-Partijiet kontraenti għandhom jikkonformaw ruħhom mal-Artikoli 1 sa 21 u mal-Anness tal-Konvenzjoni ta’ Berna.” [traduzzjoni mhux uffiċjali] Skont id-Dikjarazzjoni Konġunta dwar l-Artikolu 1(4) tat-Trattat tal-WIPO dwar id-Drittijiet tal-Awtur, “[i]d-dritt ta’ riproduzzjoni stabbilit fl-Artikolu 9 tal-Konvenzjoni ta’ Berna u l-eċċezzjonijiet li jista’ jkun suġġett għalihom japplikaw kompletament fl-ambjent diġitali, b’mod partikolari għall-użu tax-xogħlijiet f’forma diġitali. Għandu jinftiehem li l-ħażna ta’ xogħol protett f’forma diġitali fuq mezz elettroniku tikkostitwixxi riproduzzjoni fis-sens tal-Artikolu 9 tal-Konvenzjoni ta’ Berna.” [traduzzjoni mhux uffiċjali] (4)

 Id-dritt tal-Unjoni

6.        L-Artikolu 2(a) tad-Direttiva 2001/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑22 ta’ Mejju 2001 dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti ta’ drittijiet ta’ l-awtur u drittijiet relatati fis-soċjetà ta’ l-informazzjoni (5) jistabbilixxi:

“L-Istati Membri għandhom jipprovdu għad-dritt esklussiv li jawtorizza jew jipprojbixxi riproduzzjoni diretta jew indiretta, temporanja jew permanenti b’kull mezz u f’kull forma, kollha jew parti:

(a)      għall-awturi, tax-xogħolijiet tagħhom;

[…]”

7.        Skont l-Artikolu 3(1) ta’ din id-direttiva:

“L-Istati Membri għandhom jipprovdu lill-awturi bid-dritt esklussiv li jawtorizzaw jew jipprojbixxu kull komunikazzjoni lill-pubbliku tax-xogħolijiet tagħhom, bil-fili jew mezzi mingħajr fili, inklużi li jagħmlu disponibbli lill-pubbliku x-xogħolijiet tagħhom b’mod li membri tal-pubbliku jistgħu jkollhom aċċess għalihom minn post u f’ħin magħżul individwalment minnhom.”

8.        L-Artikolu 5(3)(ċ) u (d) tal-imsemmija direttiva jistabbilixxi:

“L-Istati Membri jistgħu jipprovdu għal eċċezzjonijiet jew limitazzjonijiet għad-drittijiet li hemm provdut dwarhom fl-Artikoli 2 u 3 fil-każi li ġejjin:

[…]

(ċ)      riproduzzjoni mill-istampa, komunikazzjoni lill-pubbliku jew li jagħmlu disponibbli artikli publikati dwar temi kurrenti ekonomiċi, politiċi jew reliġjużi jew ta’ xogħolijiet imxandra jew suġġett ieħor ta’ l-istess tip, fil-każi fejn dan l-użu ma jkunx riservat espliċitament, u sakemm is-sors, magħdud l-isem ta’ l-awtur, ikun indikat, jew l-użu tax-xogħolijiet jew suġġett ieħor rigward konness mar-rappurtaġġ ta’ ġrajjiet kurrenti, sakemm ikunu ġustifikati mill-iskop informattiv u sakemm is-sors, magħdud l-isem ta’ l-awtur, ikun indikat, sakemm ma jinstabx li dan ikun impossibbli;

(d)      kwotazzjonijiet għal skopijiet bħal kritika jew riċensjoni, kemm-il darba jkunu relatati ma’ xogħol jew suġġett ieħor li kien diġà sar disponibbli legalment għall-pubbliku, li, sakemm ma jkunx sar impossibbli, is-sors, magħdud l-isem ta’ l-awtur, ikun indikat, u li l-użu tagħhom huwa skond prattika ġusta, u sa fejn meħtieġ, mill-iskop speċifiku;

[…]”

9.        Fl-aħħar nett, skont l-Artikolu 5(5) ta’ din l-istess direttiva:

“L-eċċezzjonijiet u l-limitazzjonijiet li hemm provdut dwarhom fil- paragrafi 1, 2, 3 u 4 għandhom ikunu applikati biss f’ċerti każi speċjali li ma jmorrux kontra l-isfruttament normali tax-xogħol jew suġġett ieħor u ma jippreġudikawx b’mod bla raġuni l-interessi leġittimi tad-detentur tad-drittijiet.”

 Id-dritt Ġermaniż

10.      Id-Direttiva 2001/29 ġiet trasposta fid-dritt Ġermaniż fil-Gesetz über Urheberrecht und verwandte Schutzrechte – Urheberrechtsgesetz (il-Liġi dwar id-Drittijiet tal-Awtur u d-Drittijiet Relatati), tad-9 ta’ Settembru 1965 (iktar ’il quddiem l-“UrhG”). L-Artikolu 50 tal-UrhG jistabbilixxi:

“Sabiex isir rappurtaġġ ta’ ġrajjiet kurrenti permezz tax-xandir jew ta’ mezzi tekniċi simili, f’ġurnali, f’rivisti u f’pubblikazzjonijiet oħra jew fuq kwalunkwe mezz ieħor, li jirrakkontaw prinċipalment il-ġrajjiet tal-ġurnata, kif ukoll f’film, huwa permess li jiġu rriprodotti, iddistribwiti u kkomunikati lill-pubbliku x-xogħlijiet li wieħed jista’ jara u jisma’ matul il-ġrajjiet irrapportati, sa fejn dan ikun iġġustifikat sabiex jintlaħaq l-iskop intiż.”

11.      Skont l-Artikolu 51 tal-UrhG:

“Ir-riproduzzjoni, id-distribuzzjoni u l-komunikazzjoni lill-pubbliku, għal finijiet ta’ kwotazzjoni, ta’ xogħol diġà ppubblikat huma permessi sa fejn il-portata tal-użu tkun iġġustifikata sabiex jintlaħaq l-iskop speċifiku intiż. Huwa permess b’mod partikolari:

1.      li jiġu inklużi xogħlijiet individwali, wara l-pubblikazzjoni tagħhom, f’xogħol xjentifiku awtonomu bil-għan li jiġi spjegat il-kontenut tiegħu;

2.      li jiġu ċċitati siltiet minn xogħol, wara l-pubblikazzjoni tiegħu, f’xogħol letterarju awtonomu;

3.      li jiġu ċċitati, f’xogħol mużikali awtonomu, siltiet iżolati minn xogħol mużikali diġà ppubblikat.”

 Il-fatti, il-proċedura u d-domandi preliminari

12.      Volker Beck, rikorrent fl-ewwel istanza u appellat f’appell għal Reviżjoni fil-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem l-“appellat”), kien membru parlamentari elett fil-Bundestag (il-Kamra Inferjuri tal-Parlament Federali, il-Ġermanja) bejn l-1994 u l-2017. Huwa l-awtur ta’ artiklu dwar kwistjonijiet sensittivi u kontroversjali li jirrigwardaw il-politika kriminali. Dan l-artiklu ġie ppubblikat, fl-1988, fil-kuntest ta’ ġabra ta’ testi. F’din il-pubblikazzjoni, l-editur emenda t-titolu tal-manuskritt u tqassret sentenza ta’ dan tal-aħħar. L-appellat ilmenta dwar dan mal-editur u talbu, mingħajr suċċess, li huwa jindika dawn l-emendi permezz ta’ stqarrija tal-editur fl-okkażjoni tal-pubblikazzjoni tal-ġabra. Tal-inqas mis-sena 1993, l-appellat iddistakka ruħu totalment mill-kontenut ta’ dan l-artiklu.

13.      Fl-2013, il-manuskritt tal-artikolu inkwistjoni nstab f’xi arkivji u ġie ppreżentat lill-appellat, li dak iż-żmien kien kandidat għall-elezzjonijiet leġiżlattivi li kellhom jinżammu xi ġranet iktar tard. L-appellat qiegħed id-dokument għad-dispożizzjoni ta’ diversi uffiċċji editorjali ta’ ġurnali bħala prova tal-fatt li l-manuskritt tiegħu kien ġie emendat fl-artiklu ppubblikat fil-ġabra. Min-naħa l-oħra, huwa ma tax il-kunsens tiegħu għall-pubblikazzjoni tat-testi mill-mezzi tal-komunikazzjoni. Madankollu, huwa stess ippubblika ż-żewġ verżjonijiet tal-artiklu fuq is-sit internet tiegħu stess, filwaqt li, fuq kull paġna, indika l-istqarrija li ġejja: “Niddistakka ruħi minn dan l-artiklu. Volker Beck”. Barra minn hekk, fuq il-paġni tal-artiklu ppubblikat fil-ġabra kien hemm l-istqarrija li ġejja: “[Il-pubblikazzjoni ta’] dan it-test ma ġietx awtorizzata u dan it-test inbidel permezz ta’ redazzjoni libera tas-subintestatura u ta’ partijiet mit-test min-naħa tal-editur.”

14.      Spiegel Online GmbH, konvenuta fl-ewwel istanza u appellanti f’appell għal Reviżjoni fil-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem l-“appellanti”), topera l-portal ta’ informazzjoni Spiegel Online fuq l-internet. Fl-20 ta’ Settembru 2013, hija ppubblikat artiklu li fih sostniet li l-appellat kien qarraq bil-pubbliku matul diversi snin, minħabba l-fatt li l-kontenut essenzjali li jinsab fil-manuskritt tiegħu ma kienx tbiddel fl-edizzjoni tal-1988. Minbarra dan l-artiklu tal-appellanti, il-verżjonijiet oriġinali tal-manuskritt u tal-artiklu tal-appellat ippubblikat fil-ġabra kienu disponibbli sabiex jitniżżlu, permezz ta’ hyperlinks.

15.      L-appellat ikkontesta t-tqegħid għad-dispożizzjoni tat-testi sħaħ tal-artiklu tiegħu fuq is-sit internet tal-appellanti, li huwa jqis li jikkostitwixxi ksur tad-drittijiet tal-awtur tiegħu. Il-Landgericht (il-Qorti Reġjonali, il-Ġermanja) laqgħet it-talbiet tal-appellat. Sussegwentement, l-appellanti tilfet l-appell tagħha. Għalhekk hija ppreżentat appell għal Reviżjoni quddiem il-qorti tar-rinviju.

16.      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja, il-Ġermanja) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel id-domandi preliminari li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“1)      Id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni rigward l-eċċezzjonijiet jew il-limitazzjonijiet [għad-drittijiet tal-awtur] stabbiliti fl-Artikolu 5(3) tad-Direttiva 2001/29 jħallu marġni ta’ diskrezzjoni għat-traspożizzjoni tagħhom fid-dritt nazzjonali?

2)      B’liema mod għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni d-drittijiet fundamentali tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea [iktar ’il quddiem il-‘Karta’] fid-determinazzjoni tal-portata tal-eċċezzjonijiet jew tal-limitazzjonijiet, previsti fl-Artikolu 5(3) tad-Direttiva 2001/29, tad-dritt esklużiv tal-awturi għar-riproduzzjoni [Artikolu 2(a) tad-Direttiva 2001/29] u għall-komunikazzjoni lill-pubbliku, inkluż it-tqegħid għad-dispożizzjoni tal-pubbliku [Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29] tax-xogħlijiet tagħhom?

3)      Id-drittijiet fundamentali għal-libertà ta’ informazzjoni [it-tieni sentenza tal-Artikolu 11(1) tal-[Karta]] jew għal-libertà tal-istampa [Artikolu 11(2) tal-[Karta]] jistgħu jiġġustifikaw eċċezzjonijiet jew limitazzjonijiet għad-drittijiet esklużivi tal-awturi għar-riproduzzjoni [Artikolu 2(a) tad-Direttiva 2001/29] u għall-komunikazzjoni lill-pubbliku, inkluż id-dritt ta’ tqegħid għad-dispożizzjoni tal-pubbliku [Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29] tax-xogħlijiet tagħhom, lil hinn mill-eċċezzjonijiet jew mil-limitazzjonijiet previsti fl-Artikolu 5(3) tad-Direttiva 2001/29?

4)      Għandu jitqies li t-tqegħid għad-dispożizzjoni tal-pubbliku ta’ xogħlijiet protetti mid-drittijiet tal-awtur fuq il-portal tal-internet ta’ impriża tal-istampa ma jikkostitwixxix awtomatikament irrapportar ta’ ġrajjiet kurrenti li ma jeħtieġx awtorizzazzjoni fis-sens tat-tieni każ imsemmi fl-Artikolu 5(3)(ċ) tad-Direttiva 2001/29, peress li l-impriża tal-istampa kellha l-possibbiltà li titlob il-kunsens tal-awtur qabel it-tqegħid għad-dispożizzjoni tal-pubbliku u peress li hija setgħet raġonevolment tiġi mistennija tagħmel dan?

5)      Pubblikazzjoni għal finijiet ta’ kwotazzjonijiet skont l-Artikolu 5(3)(d) tad-Direttiva 2001/29 hija nieqsa jekk it-test tax-xogħlijiet ikkwotati jew partijiet minn dan ma jiġux inkorporati fit-test il-ġdid b’mod indiviżibbli, pereżempju permezz ta’ indentazzjonijiet jew permezz ta’ noti ta’ qiegħ il-paġna, iżda jitqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-pubbliku fuq l-internet, permezz ta’ links, fil-forma ta’ fajls PDF li jistgħu jiġu kkonsultati b’mod awtonomu maġenb it-test il-ġdid?

6)      Sabiex jiġi stabbilit mil-liema mument xogħol diġà tqiegħed b’mod legali għad-dispożizzjoni tal-pubbliku fis-sens tal-Artikolu 5(3)(d) tad-Direttiva 2001/29, għandu wieħed jibbaża ruħu fuq il-kwistjoni dwar jekk dan ix-xogħol, fil-forma konkreta tiegħu, ġiex ippubblikat qabel bil-kunsens tal-awtur?”

17.      It-talba għal deċiżjoni preliminari waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil-25 ta’ Awwissu 2017. Ġew ippreżentati osservazzjonijiet bil-miktub mill-partijiet fil-kawża prinċipali, mill-Gvern Franċiż, mill-Gvern Portugiż u mill-Gvern tar-Renju Unit, kif ukoll mill-Kummissjoni Ewropea. L-istess partijiet, b’eċċezzjoni tal-Gvern Portugiż, kienu rrappreżentati waqt is-seduta li nżammet fit-3 ta’ Lulju 2018.

 Analiżi

18.      Il-qorti tar-rinviju għamlet sitt domandi preliminari li jirrigwardaw kemm l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2001/29 kif ukoll, b’mod iktar ġenerali, il-marġni ta’ diskrezzjoni li għandhom l-Istati Membri fit-traspożizzjoni u fl-applikazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet u r-relazzjoni tagħhom mad-drittijiet fundamentali, b’mod partikolari l-libertà ta’ espressjoni u tal-mezzi tal-komunikazzjoni. F’dawn il-konklużjonijiet, ser nanalizza dawn id-diversi domandi, filwaqt li madankollu nibdel l-ordni li fih saru mill-qorti tar-rinviju. Ser neżamina qabelxejn l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-dritt sekondarju, u sussegwentement id-domandi iktar ġenerali dwar id-drittijiet fundamentali.

 Fuq l-ewwel domanda preliminari

19.      Permezz tal-ewwel domanda preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju tfittex li tiddetermina l-marġni ta’ manuvra li għandhom l-Istati Membri meta jittrasponu fid-dritt intern tagħhom id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni dwar l-eċċezzjonijiet u l-limitazzjonijiet għad-drittijiet tal-awtur.

20.      Din id-domanda hija simili għall-ħames domanda preliminari magħmula mill-istess qorti fil-kawża Pelham et (6). Fil-konklużjonijiet tiegħi fl-imsemmija kawża, nipproponi li r-risposta tkun li, filwaqt li jibqgħu liberi fl-għażla tal-mezzi, l-Istati Membri għandhom l-obbligu li jiżguraw fid-dritt intern tagħhom il-protezzjoni tad-drittijiet esklużivi stabbiliti fl-Artikoli 2 sa 4 tad-Direttiva 2001/29, fejn dawn id-drittijiet jistgħu jiġu ristretti biss fil-kuntest tal-applikazzjoni tal-eċċezzjonijiet u tal-limitazzjonijiet previsti b’mod eżawrjenti fl-Artikolu 5 ta’ din id-direttiva. Sabiex inqassar, ser nillimita ruħi hawnhekk li nirreferi għall-kunsiderazzjonijiet li jirrigwardaw din id-domanda fil-kuntest tal-imsemmija konklużjonijiet (7).

21.      Madankollu, nixtieq inżid ir-rimarki li ġejjin f’dak li jirrigwarda l-argumenti mressqa mill-appellanti fl-osservazzjonijiet tagħha ppreżentati f’din il-kawża.

22.      L-ewwel nett, l-appellanti ssostni li l-marġni ta’ diskrezzjoni tal-Istati Membri fl-implimentazzjoni tad-drittijiet tal-awtur tal-Unjoni jirriżulta mill-Artikolu 167(4) TFUE. Skont din id-dispożizzjoni, l-Unjoni Ewropea “għandha tagħti każ ta’ l-aspetti kulturali fl-azzjonijiet tagħha taħt dispożizzjonijiet oħra tat-Trattati, partikolarment sabiex tirrispetta u tippromwovi id-diversità tal-kulturi tagħha”. L-appellanti ssostni li, peress li d-drittijiet tal-awtur jaqgħu taħt il-leġiżlazzjoni dwar il-kultura, l-Istati Membri għandu jkollhom marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’ fl-applikazzjoni tagħhom sabiex tittieħed inkunsiderazzjoni d-diversità tal-kulturi tagħhom.

23.      Madankollu, l-Artikolu 167 TFUE huwa dispożizzjoni li għandha valur ġenerali ta’ linja gwida, li tirregola l-azzjoni tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni fl-oqsma li jirrigwardaw il-kultura. Dan l-artikolu saħansitra jissemma espressament, fil-premessa 12 tad-Direttiva 2001/29 (8), mil-leġiżlatur tal-Unjoni li, barra minn hekk, jislet minnu konsegwenzi li, fil-fehma tiegħi, huma opposti għal dawk tal-appellanti, jiġifieri li huwa neċessarju li tingħata protezzjoni adegwata lix-xogħlijiet protetti mid-drittijiet tal-awtur. Madankollu, anki jekk jitqies li l-pubblikazzjoni ta’ artikli li jirrigwardaw il-ħajja politika taqa’ taħt il-kunċett ta’ “kultura” fis-sens tal-Artikolu 167 TFUE, din id-dispożizzjoni ma tistax tiġi interpretata fis-sens li tippermetti lill-Istati Membri jidderogaw mill-obbligi inkundizzjonati li jirriżultaw mid-dispożizzjonijiet tad-dritt sekondarju tal-Unjoni. Kwalunkwe interpretazzjoni oħra twassal sabiex ixxejjen il-kompetenza tal-Unjoni sabiex tarmonizza d-dritt tal-Istati Membri fi kwalunkwe qasam ikun xi jkun li jkollu rabta mal-kultura, bħad-drittijiet tal-awtur, is-servizzi awdjoviżivi, is-suq tax-xogħlijiet tal-arti, eċċ. Dan japplika wkoll f’dak li jirrigwarda l-argument tal-appellanti li l-importanza mogħtija fid-dritt Ġermaniż lil-libertà ta’ espressjoni u tal-mezzi tal-komunikazzjoni tikkostitwixxi speċifiċità kulturali ta’ dan l-Istat Membru.

24.      Għalhekk, għalkemm jeżisti marġni ta’ diskrezzjoni tal-Istati Membri f’dak li jirrigwarda l-implimentazzjoni tad-Direttiva 2001/29, dan huwa limitat mill-obbligi li jirriżultaw mid-dispożizzjonijiet imperattivi ta’ din id-direttiva.

25.      It-tieni nett, l-appellanti ssostni li l-azzjoni tal-appellat fil-kawża prinċipali kellha l-għan li tipproteġi mhux id-drittijiet tal-awtur patrimonjali tiegħu, iżda d-drittijiet morali tiegħu, jew saħansitra d-drittijiet personali tiegħu. F’dan ir-rigward, huwa suffiċjenti li jiġi kkonstatat li din il-proċedura għandha bħala suġġett l-atti ta’ riproduzzjoni u ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku tax-xogħol li l-appellat huwa l-awtur tiegħu, liema atti twettqu mill-appellanti u li jaqgħu inkontestabbilment taħt id-Direttiva 2001/29. F’dak li jirrigwarda x-xebh bejn din il-kawża u l-kawża Funke Medien NRW (9), ser nittratta dan il-punt iktar ’il quddiem, fil-parti li tirrigwarda r-relazzjoni bejn id-drittijiet tal-awtur u d-drittijiet fundamentali (10).

26.      Għaldaqstant, l-argumenti tal-appellanti ma jaffettwawx il-konstatazzjonijiet tiegħi dwar il-marġni ta’ diskrezzjoni tal-Istati Membri fl-implimentazzjoni tad-Direttiva 2001/29.

 Fuq ir-raba’ domanda preliminari

27.      Permezz tar-raba’ domanda preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-eċċezzjoni ta’ rappurtaġġ ta’ ġrajjiet kurrenti, li tinsab fl-Artikolu 5(3)(ċ) tad-Direttiva 2001/29, tistax, fid-dritt intern, tiġi limitata għall-każijiet li fihom ma setax raġonevolment jiġi mistenni mill-utent ta’ xogħol li huwa jitlob l-awtorizzazzjoni tal-awtur ta’ dan tal-aħħar. Fil-fatt, skont l-informazzjoni li tinsab fit-talba għal deċiżjoni preliminari, tali limitazzjoni tal-eċċezzjoni tirriżulta, fid-dritt Ġermaniż, mill-ġurisprudenza tal-qorti tar-rinviju.

28.      Ma jidhirlix li din il-limitazzjoni tal-eċċezzjoni tista’ toħloq problema mill-perspettiva tal-konformità tagħha mad-dispożizzjoni msemmija iktar ’il fuq tad-Direttiva 2001/29. Fil-fatt, ir-ratio legis ta’ din l-eċċezzjoni tirriżulta mill-fatt li kultant huwa estremament diffiċli, jekk mhux impossibbli, li jsir rappurtaġġ ta’ ġrajjiet kurrenti mingħajr ma jiġi rriprodott u kkomunikat lill-pubbliku xogħol protett mid-drittijiet tal-awtur. Dan huwa l-każ, b’mod partikolari, f’żewġ tipi ta’ sitwazzjonijiet. L-ewwel sitwazzjoni hija dik fejn ix-xogħol inkwistjoni jista’ huwa stess ikun is-suġġett tal-ġrajja, pereżempju meta din tal-aħħar tikkonsisti fil-ftuħ ta’ eżibizzjoni ta’ xogħlijiet tal-arti jew f’kunċert. Ir-rappurtaġġ ta’ tali ġrajja u, għalhekk, l-informazzjoni pprovduta lill-pubbliku dwar din il-ġrajja, jiddgħajfu ferm li kieku ma jkunx possibbli li jiġu kkomunikati tal-inqas estratti mix-xogħlijiet li jkunu fil-qalba tal-ġrajja rrakkontata. It-tieni sitwazzjoni hija dik li fiha wieħed jista’ jara jew jisma’ x-xogħol b’mod fortuwitu matul il-ġrajja. L-eżempju li sikwit jingħata huwa dak tal-mużika li takkumpanja ċerimonja uffiċjali. F’tali sitwazzjonijiet, huwa għalhekk iġġustifikat li l-awtur tar-rappurtaġġ jingħata d-dritt li jirriproduċi u li jikkomunika x-xogħol liberament għaliex, f’dak li jirrigwarda ġrajja kurrenti, huwa ma jistax raġonevolment jiġi mistenni, anki jekk biss minħabba nuqqas ta’ ħin, li jitlob l-awtorizzazzjoni tal-awtur tax-xogħol inkwistjoni. Iktar minn hekk, dan tal-aħħar, fl-eżerċizzju tad-dritt esklużiv tiegħu, jista’ tabilħaqq jirrifjuta li jagħti l-awtorizzazzjoni tiegħu, ħaġa li tqiegħed fid-dubju d-dritt tal-pubbliku li jiġi informat dwar il-ġrajja inkwistjoni.

29.      Madankollu, kif jeżiġi espliċitament l-Artikolu 5(3)(ċ) tad-Direttiva 2001/29, l-eċċezzjoni ta’ rappurtaġġ tapplika “sakemm ikunu ġustifikati [tkun iġġustifikata] mill-iskop informattiv”. Fil-fehma tiegħi, din il-limitazzjoni tirrigwarda mhux biss il-portata tar-riproduzzjoni u tal-komunikazzjoni awtorizzata, iżda wkoll is-sitwazzjonijiet li fihom tapplika l-eċċezzjoni, jiġifieri dawk fejn l-awtur tar-rappurtaġġ ma setax raġonevolment jiġi mistenni li jitlob l-awtorizzazzjoni tal-awtur tax-xogħol irriprodott u kkomunikat fil-kuntest tal-imsemmi rappurtaġġ. Konsegwentement, fil-fehma tiegħi, limitazzjoni tal-eċċezzjoni inkwistjoni kif prevista fid-dritt Ġermaniż mhux biss ma tmurx kontra d-dispożizzjoni rilevanti tad-Direttiva 2001/29 iżda hija inerenti fin-natura u fl-għan ta’ din l-eċċezzjoni.

30.      Min-naħa l-oħra, ir-raġuni li għaliha din l-eċċezzjoni, fil-fehma tiegħi, ma tapplikax f’każijiet bħal dak tal-każ inkwistjoni tinsab banda oħra.

31.      L-Artikolu 5(3)(ċ) tad-Direttiva 2001/29 jirriproduċi l-kontenut tal-Artikolu 10a tal-Konvenzjoni ta’ Berna (11). It-tieni parti tal-Artikolu 5(3)(ċ) tad-Direttiva 2001/29 tirriproduċi l-kontenut tal-Artikolu 10a(2) tal-Konvenzjoni ta’ Berna (12). Għalhekk hija għandha tiġi interpretata bi qbil ma’ din id-dispożizzjoni tal-Konvenzjoni ta’ Berna, peress li l-Unjoni Ewropea għandha l-obbligu li tikkonforma ruħha ma’ din il-konvenzjoni, kif il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kellha l-okkażjoni li tiddeċiedi (13).

32.      Issa, l-Artikolu 10a(2) tal-Konvenzjoni ta’ Berna huwa fformulat b’mod ferm iktar preċiż mid-dispożizzjoni analizzata tad-Direttiva 2001/29.

33.      Fil-fatt, id-dispożizzjoni konvenzjonali tkopri biss il-każijiet tar-rappurtaġġi ta’ ġrajjiet kurrenti kkomunikati b’mezzi awdjo u viżivi (il-fotografija, ir-radju, it-televiżjoni, iċ-ċinematografija). Għalhekk huwa permess li jiġu rriprodotti, sa fejn ikun iġġustifikat mill-bżonnijiet informattivi, ix-xogħlijiet li wieħed jista’ jara jew jisma’ matul il-ġrajjiet li jkunu s-suġġett ta’ dawn ir-rappurtaġġi (14).

34.      Kuntrarjament għal dak li ssostni l-qorti tar-rinviju, jidhirli li din l-eċċezzjoni, interpretata fid-dawl tal-Konvenzjoni ta’ Berna, ma tistax tapplika f’sitwazzjoni bħal dik tal-kawża prinċipali. Skont dik il-qorti, il-ġrajja inkwistjoni fil-kawża prinċipali tikkonsisti fil-konfrontazzjoni tal-appellat mal-manuskritt tiegħu li nstab fl-arkivji kif ukoll fir-reazzjoni tiegħu għal dan il-fatt. Għalhekk l-imsemmi manuskritt ġie reż viżibbli matul din il-ġrajja permezz tal-pubblikazzjoni tiegħu li saret kemm mill-appellanti kif ukoll mill-appellat innifsu fuq is-sit internet tiegħu. Jien ma nikkondividix din l-analiżi.

35.      Ir-rappurtaġġ ikkonċernat fil-każ inkwistjoni huwa ppreżentat fil-forma ta’ test bil-miktub, jiġifieri sistema ta’ traskrizzjoni tal-lingwa fil-forma ta’ simboli grafiċi. Għalkemm il-perċezzjoni ta’ test issir, fil-parti l-kbira tal-każijiet, b’mezz viżiv, hija teħtieġ proċess mentali ta’ dekodifikazzjoni ta’ dawn is-simboli sabiex tiġi pperċepita l-informazzjoni li tiġi hekk trażmessa. Għaldaqstant, kuntrarjament għall-informazzjoni purament viżiva, ma huwiex suffiċjenti li wieħed jara t-test: hemm bżonn li dan jinqara.

36.      L-istess japplika fir-rigward tax-xogħol irriprodott fil-kuntest ta’ dan ir-rappurtaġġ, f’dan il-każ l-artiklu tal-appellat. L-iskop tar-riproduzzjoni u tal-komunikazzjoni ta’ dan l-artiklu min-naħa tal-appellanti ma kienx sempliċement li tingħata stampa ċara ta’ dak li jingħad fir-rappurtaġġ tagħha, iżda li jintwera li ż-żewġ verżjonijiet tal-artiklu inkwistjoni, il-manuskritt u l-verżjoni ppubblikata fil-ġabra, kienu essenzjalment identiċi u li, għaldaqstant, dak li jingħad mill-appellat ma kienx ġie żnaturat fil-verżjoni ppubblikata fil-ġabra. Sabiex dan jintwera, ma kienx suffiċjenti li min jaqra r-rappurtaġġ jara l-artiklu: kien hemm bżonn li huwa jaqrah, fiż-żewġ verżjonijiet, għaliex altrimenti l-għan tar-riproduzzjoni (15) ma kienx ikun intlaħaq. Għalhekk ma huwiex suffiċjenti li wieħed jara jew jisma’ x-xogħol użat matul il-ġrajja kurrenti li hija s-suġġett tar-rappurtaġġ inkwistjoni. F’dan il-każ kienet neċessarja analiżi supplimentari tal-imsemmi rappurtaġġ min-naħa tal-qarrej. Issa, tali analiżi supplimentari tmur lil hinn mill-qafas tal-eċċezzjoni ta’ rappurtaġġ ta’ ġrajjiet kurrenti prevista fl-Artikolu 5(3)(ċ) tad-Direttiva 2001/29, interpretat fid-dawl tal-Artikolu 10a(2) tal-Konvenzjoni ta’ Berna.

37.      Għalhekk nipproponi li r-risposta għar-raba’ domanda preliminari tkun li l-Artikolu 5(3)(ċ) tad-Direttiva 2001/29 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-użu ta’ xogħol letterarju fil-kuntest ta’ rappurtaġġ ta’ ġrajjiet kurrenti ma jaqax taħt l-eċċezzjoni prevista f’dan l-artikolu meta l-iskop li dan l-użu jfittex li jilħaq jirrikjedi l-qari tat-totalità ta’ dan ix-xogħol jew ta’ parti minnu.

38.      Għandi qabelxejn nenfasizza li din l-interpretazzjoni ma taffettwax id-dritt għall-pubbliku li jirċievi l-informazzjoni li tinsab fir-rappurtaġġ inkwistjoni. Fil-fatt, għalkemm tali użu ma jitqiesx li huwa użu legali skont id-dispożizzjoni msemmija iktar ’il fuq, dan jista’ jitqies li huwa kwotazzjoni, li għaliha hija prevista eċċezzjoni għad-dritt esklużiv tal-awtur fl-Artikolu 5(3)(d) tad-Direttiva 2001/29. Din il-kunsiderazzjoni twassalna għall-ħames u għas-sitt domanda preliminari.

 Fuq il-ħames domanda preliminari

39.      Permezz tal-ħames domanda preliminari, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 5(3)(d) tad-Direttiva 2001/29 għandux jiġi interpretat fis-sens li tqegħid għad-dispożizzjoni tal-pubbliku ta’ xogħol protett mid-drittijiet tal-awtur fuq l-internet, fil-forma ta’ fajl PDF marbut permezz ta’ hyperlink ma’ artiklu tal-istampa, iżda li jista’ jiġi kkonsultat b’mod awtonomu, jaqax taħt l-eċċezzjoni ta’ kwotazzjoni prevista f’din id-dispożizzjoni.

40.      Fil-fatt, fil-każ inkwistjoni, l-artiklu tal-appellat ma ġiex inkorporat b’mod indiviżibbli fl-artiklu ppubblikat mill-appellanti fuq is-sit internet tagħha, iżda tqiegħed għad-dispożizzjoni fuq l-imsemmi sit fil-forma ta’ fajl awtonomu, filwaqt li r-rabta mal-artiklu tal-appellanti ġiet żgurata permezz ta’ hyperlinks. Dan il-mod ftit li xejn konvenzjonali li bih saret il-kwotazzjoni nissel id-dubji tal-qorti tar-rinviju.

41.      L-eċċezzjoni ta’ kwotazzjoni hija waħda mill-iktar eċċezzjonijiet klassiċi għad-drittijiet tal-awtur (16). Għal żmien twil hija tqieset li tapplika biss għax-xogħlijiet letterarji (17). F’xogħlijiet ta’ dan it-tip, il-kwotazzjonijiet tradizzjonalment jiġu indikati b’mezzi tipografiċi: virgoletti, korsiv, karattri differenti mit-test prinċipali, noti ta’ qiegħ il-paġna, eċċ.

42.      Illum il-ġurnata, ma jidhirx li huwa eskluż li l-kwotazzjoni tista’ tikkonċerna kategoriji oħra ta’ xogħlijiet, b’mod partikolari mużikali u ċinematografiċi, iżda wkoll xogħlijiet tal-arti viżiva (18). F’dawn il-każijiet, il-metodi ta’ inkorporazzjoni tal-kwotazzjonijiet fix-xogħol li fih isiru l-kwotazzjonijiet u tal-identifikazzjoni tagħhom għandhom naturalment jiġu adattati.

43.      Fil-fehma tiegħi, l-istess japplika f’dak li jirrigwarda l-inkorporazzjoni tal-kwotazzjonijiet f’xogħlijiet letterarji. It-teknoloġiji moderni, b’mod partikolari l-internet, jippermettu li t-testi jintrabtu bejniethom b’diversi modi, pereżempju permezz tal-hyperlinks. Naturalment, għandha tinżamm rabta stretta bejn il-kwotazzjoni u x-xogħol li fih issir il-kwotazzjoni. Billi l-arkitetturi tal-paġni internet jistgħu jvarjaw ħafna, probabbilment huwa neċessarju li ssir analiżi każ b’każ. Pereżempju, it-teknika msejħa ta’ framing tippermetti li jiġi inkorporat kontenut b’mod li l-utent tal-paġna internet ikollu l-impressjoni li dan il-kontenut jinsab direttament f’din il-paġna, minkejja li, teknikament, dan ikun hyperlink. Madankollu, ma jidhirlix li għandhom jiġu esklużi minn qabel il-kwotazzjonijiet magħmula bl-għajnuna tal-hyperlinks (19).

44.      Min-naħa l-oħra, naħseb li l-problem f’din il-kawża tirriżulta mill-mod konkret kif l-appellanti wettqet ir-riproduzzjoni u t-tqegħid għad-dispożizzjoni tal-artiklu tal-appellat. Skont l-informazzjoni pprovduta mill-qorti tar-rinviju, dan l-artiklu ġie ppubblikat kollu kemm hu fuq is-sit internet tal-appellanti, fil-forma ta’ fajls PDF li jistgħu jiġu kkonsultati u li jistgħu jitniżżlu indipendentement mit-test prinċipali li kien jiddeskrivi l-ġrajja inkwistjoni. Il-hyperlinks lejn dawn il-fajls kienu jinsabu mhux biss fuq il-paġna fejn kien jinsab l-imsemmi test prinċipali, iżda wkoll fuq il-paġna internet prinċipali tal-appellanti. Issa, jidhirli li tali tqegħid għad-dispożizzjoni (u r-riproduzzjoni li neċessarjament ippreċedietu) jeċċedi l-limiti ta’ dak li huwa permess fil-kuntest tal-eċċezzjoni ta’ kwotazzjoni.

45.      F’dak li jirrigwarda l-possibbiltà li jiġi kkwotat xogħol sħiħ, jidher li l-kummentarji ma jaqblux bejniethom (20). Il-formulazzjoni tal-Artikolu 5(3)(d) tad-Direttiva 2001/29 ma tispeċifikax il-portata awtorizzata f’dak li jirrigwarda kwotazzjoni. Jidher li l-Qorti tal-Ġustizzja aċċettat il-kwotazzjoni sħiħa ta’ xogħol fotografiku (21), minkejja li tiddeskrivi l-kwotazzjoni bħala “riproduzzjoni ta’ estratti” ta’ xogħol (22). Fil-Konvenzjoni ta’ Berna, il-formulazzjoni limitattiva oriġinali “kwotazzjonijiet qosra” [traduzzjoni mhux uffiċjali] (23) ġiet abbandunata u ssostitwita bir-rekwiżit ġenerali li l-kwotazzjonijiet jintużaw “sa fejn huma ġġustifikati sabiex jintlaħaq l-iskop intiż” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Formulazzjoni simili ġiet adottata fl-Artikolu 5(3)(d) tad-Direttiva 2001/29. Għalhekk jidher li bħala prinċipju huwa permess li xogħol jiġi kkwotat kollu kemm hu, jekk dan ikun iġġustifikat sabiex jintlaħaq l-iskop intiż.

46.      Min-naħa l-oħra, il-punt li fuqu l-kummentarji huma unanimi huwa li l-kwotazzjoni ma għandhiex tkun f’kompetizzjoni max-xogħol oriġinali, billi tiddispensa lill-utent milli jirreferi għal dan tal-aħħar (24). Fil-fatt, tali kwotazzjoni, billi tissostitwixxi x-xogħol oriġinali, tippermetti li jiġu evitati l-prerogattivi esklużivi tal-awtur fuq ix-xogħol tiegħu, billi dawn jiċċaħħdu mill-kontenut kollu tagħhom. L-awtur tax-xogħol hekk ikkwotat għalhekk jiċċaħħad mill-element essenzjali tad-drittijiet li huwa għandu f’din il-kwalità, filwaqt li min-naħa l-oħra dawn id-drittijiet ikunu jistgħu jiġu eżerċitati minfloku mill-awtur tax-xogħol li fih issir il-kwotazzjoni permezz ta’ dan tal-aħħar.

47.      Fil-fehma tiegħi, dan huwa preċiżament il-każ fis-sitwazzjoni fejn xogħol letterarju, ġeneru li fih l-element essenzjali għall-perċezzjoni tax-xogħol ma huwiex il-forma tiegħu iżda l-kontenut tiegħu, jitqiegħed għad-dispożizzjoni tal-pubbliku fuq l-internet, fil-forma ta’ fajl aċċessibbli u li jista’ jitniżżel b’mod awtonomu. Formalment, tali fajl jista’ jiġi ppreżentat bħala kwotazzjoni u jintrabat mat-test tal-awtur tal-kwotazzjoni, pereżempju permezz ta’ hyperlink. Madankollu, l-imsemmi fajl jiġi de facto sfruttat b’mod indipendenti minn dan it-test u jista’ jintuża b’mod awtonomu mill-utenti tas-sit internet tal-awtur tal-kwotazzjoni, billi dawn jingħataw aċċess mhux awtorizzat għax-xogħol oriġinali u, b’dan il-mod, billi jiġu ddispensati milli jirrikorru għal dan tal-aħħar.

48.      Għalhekk jidhirli li l-eċċezzjoni ta’ kwotazzjoni tista’ tiġġustifika każijiet ta’ użu ta’ xogħlijiet ta’ ħaddieħor b’portati differenti u permezz ta’ metodi tekniċi differenti. Madankollu, meta kkunsidrati flimkien, il-portata tal-użu u l-mezzi tekniċi użati jistgħu jwasslu sabiex jinqabżu l-limiti ta’ din l-eċċezzjoni. B’mod partikolari, l-eċċezzjoni ta’ kwotazzjoni ma tistax tkopri sitwazzjonijiet li fihom, mingħajr l-awtorizzazzjoni tal-awtur, xogħol jitqiegħed kollu kemm hu għad-dispożizzjoni fuq sit internet, fil-forma ta’ fajl aċċessibbli u li jista’ jitniżżel b’mod awtonomu.

49.      Kuntrarjament għal dak li tindika l-qorti tar-rinviju fit-talba għal deċiżjoni preliminari, naħseb li dak li huwa inkwistjoni hawnhekk ma huwiex l-evalwazzjoni tar-riskju reali ta’ sfruttament awtonomu tax-xogħol ikkwotat, iżda huwa d-definizzjoni tal-kunċett innifsu ta’ kwotazzjoni (25). Issa, tal-inqas fil-każ ta’ xogħlijiet letterarji, kwalunkwe tqegħid għad-dispożizzjoni fuq l-internet, fil-forma ta’ fajl awtonomu, tax-xogħol kollu kemm hu jiddispensa lill-qarrej milli jirrikorri għax-xogħol oriġinali u għalhekk jeċċedi l-limiti ta’ din l-eċċezzjoni, mingħajr ma huwa neċessarju li jiġi analizzat ir-riskju reali tal-isfruttament sussegwenti tiegħu.

50.      Jekk jiġi aċċettat li kwotazzjoni tista’ tissostitwixxi x-xogħol oriġinali, dan imur ukoll kontra r-rekwiżiti tat-“test triplu”, li jinsab kemm fl-Artikolu 9(2) tal-Konvenzjoni ta’ Berna (26) kif ukoll fl-Artikolu 5(5) tad-Direttiva 2001/29, li skontu l-eċċezzjonijiet għad-drittijiet tal-awtur la għandhom jippreġudikaw l-isfruttament normali tax-xogħol u lanqas l-interessi leġittimi tal-awtur, liema kundizzjonijiet huma kumulattivi. Issa, kwotazzjoni li tiddispensa lill-utent milli jirrikorri għax-xogħol oriġinali, billi tissostitwixxi dan ix-xogħol, tippreġudika neċessarjament l-isfruttament normali tiegħu.

51.      Din il-konklużjoni ma titqiegħedx fid-dubju bl-affermazzjoni tal-appellanti li l-appellat ma kienx qiegħed jipprospetta sfruttament ekonomiku tal-artiklu inkwistjoni, billi l-oppożizzjoni għall-komunikazzjoni tiegħu lill-pubbliku kienet immotivata biss mill-preokkupazzjoni li jipproteġi l-interessi personali tiegħu. Fil-fatt, din il-konklużjoni tirrigwarda mhux biss l-applikazzjoni tal-eċċezzjoni ta’ kwotazzjoni fil-kawża prinċipali, iżda wkoll il-limiti normattivi ta’ din l-eċċezzjoni fid-dritt tal-Unjoni. Issa, dawn il-limiti huma indipendenti mill-punt jekk, f’każ konkret, l-awtur jisfruttax ix-xogħol tiegħu jew jipprospettax tali sfruttament. Fil-fatt, huwa suffiċjenti li l-użu fil-kuntest tal-eċċezzjoni jippreġudika potenzjalment dan l-isfruttament sabiex l-interpretazzjoni inkwistjoni tal-eċċezzjoni tmur kontra t-test triplu, kif previst fl-Artikolu 5(5) tad-Direttiva 2001/29.

52.      Konsegwentement, nipproponi li r-risposta għall-ħames domanda preliminari tkun li l-Artikolu 5(3)(d) tad-Direttiva 2001/29 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-eċċezzjoni ta’ kwotazzjoni prevista f’din id-dispożizzjoni ma tkoprix is-sitwazzjonijiet li fihom, mingħajr l-awtorizzazzjoni tal-awtur, xogħol jitqiegħed kollu kemm hu għad-dispożizzjoni tal-pubbliku fuq sit internet, fil-forma ta’ fajl aċċessibbli u li jista’ jitniżżel b’mod awtonomu, billi l-utent jiġi ddispensat milli jirrikorri għax-xogħol oriġinali.

 Fuq is-sitt domanda preliminari

53.      Permezz tas-sitt domanda preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, kif għandha tiġi interpretata, fiċ-ċirkustanzi tal-każ inkwistjoni, il-kundizzjoni li tinsab fl-Artikolu 5(3)(d) tad-Direttiva 2001/29 li skontha l-kwotazzjoni tirrigwarda biss xogħol li jkun diġà tqiegħed b’mod legali għad-dispożizzjoni tal-pubbliku.

54.      Peress li l-proposta ta’ risposta tiegħi għall-ħames domanda preliminari twassal sabiex tiġi eskluża l-applikazzjoni ta’ din l-eċċezzjoni għall-każ inkwistjoni, is-sitt domanda hija ta’ natura ipotetika. Madankollu, ser nifformula xi rimarki f’dan ir-rigward, għal li jista’ jkun li l-Qorti tal-Ġustizzja ma tikkondividix l-analiżi tiegħi dwar il-ħames domanda preliminari.

55.      Ir-rekwiżit li l-kwotazzjoni tirrigwarda biss ix-xogħlijiet li jkunu diġà tqiegħdu b’mod legali għad-dispożizzjoni tal-pubbliku huwa tradizzjonalment aċċettat fil-qasam tad-drittijiet tal-awtur u jinsab b’mod partikolari fl-Artikolu 10(1) tal-Konvenzjoni ta’ Berna. L-għan ta’ dan ir-rekwiżit huwa li jiġu protetti d-drittijiet morali tal-awtur, b’mod partikolari d-dritt ta’ żvelar, li permezz tiegħu huwa l-awtur li jiddeċiedi meta jikkomunika x-xogħol tiegħu lill-pubbliku jew iqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-pubbliku għall-ewwel darba. Dan it-tqegħid għad-dispożizzjoni tal-pubbliku għall-ewwel darba jista’ jsir bil-kunsens tal-awtur jew permezz ta’ liċenzja legali. Jidher li l-Qorti tal-Ġustizzja wkoll taċitament aċċettat l-iżvelar fil-kuntest ta’ eċċezzjoni, jiġifieri dik prevista fl-Artikolu 5(3)(e) tad-Direttiva 2001/29 (27). Ma jidhirlix li din is-soluzzjoni hija ovvja, għaliex l-eċċezzjonijiet previsti fl-Artikolu 5(1) sa (3) tad-Direttiva 2001/29 jidderogaw biss mid-drittijiet patrimonjali tal-awturi u ma għandhomx, bħala prinċipju, jippreġudikaw id-drittijiet morali tagħhom. Fi kwalunkwe każ, dan it-tqegħid għad-dispożizzjoni tal-pubbliku għall-ewwel darba evidentement ma jistax jirriżulta mill-kwotazzjoni nfisha.

56.      F’dak li jirrigwarda l-artiklu tal-appellat inkwistjoni fil-kawża prinċipali, mill-informazzjoni li tinsab fit-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li dan tal-aħħar ġie ppubblikat f’verżjoni waħda fil-ġabra li dehret fl-1988, u sussegwentement, fiż-żewġ verżjonijiet fuq is-sit internet tal-appellat wara l-iskoperta tal-manuskritt fl-arkivji. Għalhekk jidher li, fil-mument tal-pubblikazzjoni tiegħu fuq is-sit internet tal-appellanti, dan l-artiklu kien diġà tqiegħed b’mod legali għad-dispożizzjoni tal-pubbliku, ħaġa li hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika.

57.      L-unika problema tista’ tirriżulta mill-fatt li l-pubblikazzjoni fil-ġabra allegatament żnaturat il-ħsieb tal-appellat, filwaqt li l-pubblikazzjoni fuq is-sit internet tiegħu stess ġiet ikkompletata bil-fatt li huwa ddistakka ruħu mill-artiklu tiegħu, liema distakkament ma ġiex irriprodott mill-appellanti. Għalhekk jista’ jkun il-każ hawnhekk ta’ ksur tad-drittijiet morali tal-appellat, b’mod partikolari tad-dritt tiegħu għar-rispett tax-xogħol. Madankollu, peress li d-drittijiet morali ma humiex koperti mid-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2001/29, l-evalwazzjoni dwar dan il-punt taqa’ kompletament taħt il-qrati nazzjonali u d-dritt intern tal-Istati Membri.

58.      Fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja ma tikkondividix il-proposta ta’ risposta tiegħi għall-ħames domanda preliminari, ser nipproponi li r-risposta għas-sitt domanda preliminari tkun li l-Artikolu 5(3)(d) tad-Direttiva 2001/29 għandu jiġi interpretat fis-sens li x-xogħol li jkun is-suġġett tal-kwotazzjoni għandu jkun diġà tqiegħed għad-dispożizzjoni tal-pubbliku bil-kunsens tal-awtur jew permezz ta’ liċenzja legali, ħaġa li huma l-qrati nazzjonali li għandhom jivverifikaw.

 Fuq it-tieni u t-tielet domanda preliminari

59.      Mir-risposti li nipproponi li jingħataw għar-raba’ u għall-ħames domanda preliminari jirriżulta li l-użu ta’ xogħol bħal dak li għamlet l-appellanti mill-artiklu tal-appellat inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma huwiex kopert mill-eċċezzjonijiet għad-drittijiet esklużivi tal-awtur ikkunsidrati mill-qorti tar-rinviju, jiġifieri dawk previsti fl-Artikolu 5(3)(ċ) u (d) tad-Direttiva 2001/29. Madankollu, il-qorti tar-rinviju tixtieq issir taf ukoll jekk dan l-użu jistax ikun iġġustifikat minn kunsiderazzjonijiet li jirrigwardaw ir-rispett tad-drittijiet fundamentali tal-appellanti, b’mod partikolari l-libertà ta’ espressjoni tagħha, iggarantita permezz tal-Artikolu 11(1) tal-Karta, u l-libertà tal-mezzi tal-komunikazzjoni, imsemmija fl-Artikolu 11(2) tal-Karta. Dan huwa s-suġġett tat-tieni u tat-tielet domandi preliminari, li nipproponi li nanalizza flimkien.

60.      Permezz tat-tieni u tat-tielet domandi preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi essenzjalment jekk il-libertà ta’ espressjoni u l-libertà tal-mezzi tal-komunikazzjoni jikkostitwixxux limitazzjoni jew jiġġustifikawx eċċezzjoni għad-drittijiet esklużivi tal-awtur li jawtorizza jew li jipprojbixxi r-riproduzzjoni u l-komunikazzjoni lill-pubbliku tax-xogħol tiegħu jew ksur ta’ dawn id-drittijiet fil-każ ta’ pubblikazzjoni ta’ dan ix-xogħol minn korp tal-istampa fil-kuntest ta’ dibattitu dwar kwistjonijiet ta’ interess ġenerali.

61.      Dawn id-domandi huma identiċi għat-tieni u għat-tielet domanda preliminari magħmula mill-istess qorti tar-rinviju fil-kawża Funke Medien NRW (28) u huma wkoll, essenzjalment, simili għas-sitt domanda preliminari magħmula minn dik l-istess qorti fil-kawża Pelham et (29).

62.      Fil-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Pelham et, ipproponejt li r-risposta tkun, essenzjalment, li, peress li d-drittijiet tal-awtur diġà jinkludu limiti u eċċezzjonijiet intiżi li jirrikonċiljaw id-drittijiet esklużivi tal-awturi mad-drittijiet fundamentali, b’mod partikolari l-libertà ta’ espressjoni, għandhom, normalment, jiġu osservati l-għażliet magħmula mil-leġiżlatur f’dan ir-rigward. Fil-fatt, dawn l-għażliet jirriżultaw minn kunsiderazzjoni tad-drittijiet fundamentali tal-utenti tax-xogħlijiet mad-drittijiet tal-awturi u ta’ aventi kawża oħra li huma wkoll protetti bħala dritt fundamentali, jiġifieri d-dritt għall-proprjetà, stabbilit fl-Artikolu 17 tal-Karta, li jsemmi espressament il-proprjetà intellettwali fil-paragrafu 2 tiegħu. Din il-kunsiderazzjoni taqa’ taħt il-marġni ta’ diskrezzjoni tal-leġiżlatur, filwaqt li l-qorti għandha tintervjeni biss b’mod eċċezzjonali, fil-każ ta’ ksur tal-kontenut essenzjali ta’ dritt fundamentali (30).

63.      Ser inżid li, fil-fehma tiegħi, l-idea, issuġġerita fit-tielet domanda preliminari, li d-drittijiet tal-awtur tal-Unjoni jiġu kkompletati, b’mod ġudizzjarju, permezz ta’ eċċezzjonijiet mhux previsti fl-Artikolu 5 tad-Direttiva 2001/29 u mmotivati minn kunsiderazzjonijiet li jirrigwardaw il-libertà ta’ espressjoni tipperikola li tqiegħed fid-dubju l-effettività ta’ dawn id-drittijiet u tal-armonizzazzjoni li dawn ifittxu li jilħqu. Fil-fatt, tali possibbiltà tammonta għall-introduzzjoni fid-dritt tal-Unjoni ta’ tip ta’ “klawżola ta’ fair use”, għaliex prattikament għal kwalunkwe użu ta’ xogħlijiet li jippreġudika d-drittijiet tal-awtur tista’ tiġi invokata, b’xi mod jew ieħor, il-libertà ta’ espressjoni (31). B’dan il-mod, il-protezzjoni effettivament mogħtija lid-drittijiet tal-awturi tiddependi mis-sensittività tal-qrati ta’ kull Stat Membru għal-libertà ta’ espressjoni, b’mod li kull sforz ta’ armonizzazzjoni jinbidel f’xewqa bla tama (32).

64.      Fil-fehma tiegħi, dan ir-raġunament huwa applikabbli kompletament għall-każ inkwistjoni.

65.      Fl-introduzzjoni għal dawn il-konklużjonijiet, diġà enfasizzajt l-importanza tal-libertà ta’ espressjoni u tal-libertà tal-mezzi tal-komunikazzjoni f’soċjetà, u għalhekk hawnhekk ser nevita li nirrepeti ruħi. Madankollu, dawn il-libertajiet, bħad-drittijiet fundamentali kollha, la huma assoluti u lanqas illimitati, kif jirriżulta b’mod ċar mill-Artikolu 52(1) tal-Karta u mill-Artikolu 10(2) tal-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950 (iktar ’il quddiem il-“KEDB”), li jipprevedu limitazzjonijiet għad-drittijiet fundamentali u l-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni ta’ dawn il-limitazzjonijiet. Id-drittijiet tal-awtur jistgħu jikkostitwixxu waħda mil-limitazzjonijiet leġittimi tal-libertà ta’ espressjoni (33) u din il-libertà, bħala prinċipju, ma għandhiex supremazija fuq id-drittijiet tal-awtur, lil hinn mil-limitazzjonijiet u mill-eċċezzjonijiet li jipprevedu d-drittijiet tal-awtur stess.

66.      Għaldaqstant, ir-risposta għall-argument imqajjem mill-appellanti, li skontha huwa deċiżiv, għal-libertà ta’ espressjoni u tal-mezzi tal-komunikazzjoni, li jsir magħruf min jikkontrolla l-informazzjoni, għandha tkun li meta l-informazzjoni inkwistjoni tikkonsisti f’xogħol protett mid-drittijiet tal-awtur, huwa l-awtur li jikkontrolla l-iżvelar u ċ-ċirkulazzjoni tiegħu, bla ħsara għal-limitazzjonijiet u għall-eċċezzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq.

67.      Huwa minnu li s-sitwazzjoni fil-kawża prinċipali tikkostitwixxi każ speċifiku sa fejn l-awtur tax-xogħol inkwistjoni huwa politiku, ix-xogħol innifsu jesprimi l-opinjonijiet tiegħu fuq suġġett ta’ interess ġenerali u l-komunikazzjoni kontenzjuża ta’ dan ix-xogħol lill-pubbliku mill-appellanti seħħet fil-kuntest tad-dibattitu li ppreċeda l-elezzjonijiet leġiżlattivi. Wieħed għalhekk jista’ jqajjem il-kwistjoni jekk il-każ inkwistjoni jikkostitwixxix sitwazzjoni analoga għal dik tal-kawża Funke Medien NRW (34), li fiha pproponejt li jitqies li d-drittijiet tal-awtur tal-Istat Ġermaniż ma kinux jiġġustifikaw il-ksur tal-libertà ta’ espressjoni li kien jirriżulta minnhom.

68.      Madankollu, jidhirli li ċ-ċirkustanzi ta’ din il-kawża ma jistgħux iwasslu għall-adozzjoni ta’ soluzzjoni analoga.

69.      L-ewwel nett, l-ispeċifiċità tal-kawża Funke Medien NRW (35) tirrigwarda l-fatt li x-xogħol inkwistjoni jikkonsisti f’rapporti militari perjodiċi kunfidenzjali ta’ natura purament fattwali (36) u li l-Istat Ġermaniż, detentur tad-drittijiet tal-awtur fuq dawn ir-rapporti, iddeċieda li jissostitwixxi l-protezzjoni ta’ dawn id-dokumenti bħala informazzjoni kunfidenzjali bil-protezzjoni li tirriżulta mid-drittijiet tal-awtur. Peress li huwa Stat, huwa ma jistax jinvoka dritt fundamentali sabiex isostni d-drittijiet tal-awtur tiegħu, billi huma biss l-individwi li jibbenefikaw mid-drittijiet fundamentali.

70.      F’din il-kawża, in-natura ta’ xogħol, fis-sens tad-drittijiet tal-awtur, tal-artiklu inkwistjoni ma hijiex ikkontestata u d-detentur tad-drittijiet tal-awtur huwa persuna fiżika. Issa, tali persuna, kuntrarjament għal Stat, ma għandhiex strumenti għad-dispożizzjoni tagħha bħalma hija l-possibbiltà li dokument jiġi kklassifikat bħala kunfidenzjali, u b’dan il-mod jiġi ristrett l-aċċess legali għalih. Għal persuna fiżika, il-mezz prinċipali, jekk mhux uniku, li bih tipproteġi l-kreazzjoni intellettwali tagħha huwa d-drittijiet tal-awtur. Barra minn hekk, dan l-awtur, bħala persuna fiżika, jibbenefika mid-dritt fundamentali għall-proprjetà u minn drittijiet fundamentali oħra, protetti b’mod ugwali bħal-libertà ta’ espressjoni tal-utenti potenzjali tax-xogħol tiegħu. Il-limitazzjoni ta’ din il-libertà ta’ espressjoni, li tirriżulta mill-prerogattivi esklużivi tal-awtur inkwistjoni, għalhekk hija leġittima fis-sens li tirriżulta mill-protezzjoni ta’ dritt fundamentali ieħor. Għalhekk għandha titwettaq kunsiderazzjoni ta’ dawn id-diversi drittijiet fundamentali, kunsiderazzjoni li, bħala prinċipju, saret mil-leġiżlatur fil-kuntest tad-dispożizzjonijiet li jirregolaw id-drittijiet tal-awtur.

71.      It-tieni nett, huwa minnu li l-appellat, li jeżerċita kariga li għaliha ġie elett, huwa suġġett għal rekwiżiti partikolarment stretti f’dak li jirrigwarda l-kontroll tal-attività pubblika tiegħu, b’mod partikolari l-kontroll eżerċitat mill-mezzi tal-komunikazzjoni. F’ċerti ċirkustanzi, dan il-kontroll jista’ eventwalment jiġġustifika l-komunikazzjoni lill-pubbliku tal-artiklu tal-appellat mingħajr l-awtorizzazzjoni tiegħu, pereżempju jekk dan tal-aħħar jipprova jaħbi l-kontenut tiegħu (37).

72.      Madankollu, fil-każ inkwistjoni, l-appellat aġixxa bit-trasparenza kollha billi huwa stess ippubblika, fuq is-sit internet tiegħu, iż-żewġ verżjonijiet tal-artiklu tiegħu u billi b’dan il-mod ippermetta lil kulħadd jifforma opinjoni dwar kemm kienu kbar id-diskrepanzi li kienu jeżistu bejn dawn iż-żewġ verżjonijiet. Barra minn hekk, din il-pubblikazzjoni fuq is-sit internet tal-appellat iffaċilitat il-kompitu tal-appellanti, li kienet f’pożizzjoni li tilħaq l-għan informattiv tagħha b’mezzi li jippreġudikaw inqas id-drittijiet tal-awtur, b’mod partikolari billi jiġu kkwotati s-siltiet rilevanti taż-żewġ verżjonijiet tal-artiklu tal-appellat jew billi jinħoloq hyperlink lejn is-sit internet tiegħu.

73.      F’dak li jirrigwarda l-argument tal-appellanti li d-distakkament tal-appellat mill-artiklu tiegħu, permezz ta’ stqarrija li tqiegħdet fuq iż-żewġ testi ppubblikati fuq is-sit internet tiegħu, kien jimpedixxi l-perċezzjoni oġġettiva tal-qarrej, huwa suffiċjenti li jiġi osservat li huwa leġittimu għall-awtur li jiddistakka ruħu mix-xogħol tiegħu. Ma naħsibx li dan id-distakkament, li jikkostitwixxi biss informazzjoni supplimentari, impedixxa lill-qarrej milli janalizza ż-żewġ verżjonijiet tal-artiklu inkwistjoni b’mod oġġettiv. Jekk il-qarrej huwa suffiċjentement informat sabiex jipparaguna ż-żewġ verżjonijiet tat-test, huwa wkoll kapaċi jevalwa s-sinċerità ta’ tali distakkament.

74.      Lanqas ma jikkonvinċini l-argument tal-appellanti li hyperlink lejn is-sit internet tal-appellat ma huwiex suffiċjenti minħabba l-fatt li tali link jiddependi neċessarjament mill-kontenut tal-paġna ta’ destinazzjoni. Peress li, barra minn hekk, l-appellanti kellha l-artiklu tal-appellat fil-pussess tagħha, kien għalkollox possibbli għaliha li tirreaġixxi fil-każ li dan tal-aħħar kellu jħassar l-artiklu inkwistjoni mis-sit tiegħu. Is-sitwazzjoni mill-perspettiva tal-libertà ta’ espressjoni għalhekk kienet tkun differenti. Madankollu, dan ma kienx il-każ.

75.      Fl-aħħar nett, it-tielet nett, il-konklużjoni tiegħi ma titqiegħedx fid-dubju mill-argument tal-appellanti li, bil-fatt li invoka d-drittijiet ta’ riproduzzjoni u ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku tal-artiklu tiegħu, l-għan tal-appellat fir-realtà ma kienx li jiddefendi l-prerogattivi patrimonjali tal-awtur, iżda kien li jipproteġi d-drittijiet personali tiegħu, inklużi dawk li ma jirriżultawx mill-kwalità tiegħu ta’ awtur tal-imsemmi artiklu. Issa, dawn id-drittijiet personali la jidħlu fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2001/29 u lanqas f’dak tad-dritt tal-Unjoni b’mod ġenerali.

76.      Sa fejn l-appellanti tfittex li tinvoka eċċezzjoni għad-drittijiet tal-awtur, għandu jiġi osservat, minn naħa, li t-tgawdija tal-imsemmija drittijiet ma hijiex ikkundizzjonata minn sfruttament effettiv tax-xogħol mill-awtur tiegħu. Id-drittijiet tal-awtur, u b’mod partikolari d-drittijiet patrimonjali, jiggarantixxu lill-awtur mhux biss l-isfruttament mingħajr xkiel tax-xogħol tiegħu, iżda wkoll il-protezzjoni kontra l-isfruttament tiegħu minn terzi, jekk dan l-isfruttament ma jkunx awtorizzat mill-awtur. Issa, bil-fatt li qiegħdet l-artiklu tal-appellat għad-dispożizzjoni tal-pubbliku fuq is-sit internet tagħha, l-appellanti wettqet att ta’ sfruttament ta’ dan l-artiklu fis-sens tad-drittijiet tal-awtur.

77.      Barra minn hekk, id-drittijiet morali tal-awtur, minkejja li dawn jibqgħu barra mill-kamp tal-armonizzazzjoni mwettqa mid-Direttiva 2001/29 (38), għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni fl-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva meta l-applikazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet tista’ tippreġudika l-imsemmija drittijiet. Id-Direttiva 2001/29 twettaq biss armonizzazzjoni parzjali tad-drittijiet tal-awtur. Dan ifisser li hija la tapplika barra mill-kuntest tagħha u lanqas, ħaġa li tirriżulta min-natura nfisha ta’ direttiva, direttament. Id-dispożizzjonijiet tagħha għandhom jiġu trasposti fid-dritt intern tal-Istati Membri, fejn dawn jaġixxu f’interazzjoni ma’ dispożizzjonijiet oħra ta’ dan id-dritt, b’mod partikolari dawk li jirregolaw id-drittijiet morali tal-awtur. Għaldaqstant, l-interpretazzjoni ta’ eċċezzjoni għal dritt patrimonjali tal-awtur ma tistax tinjora d-drittijiet morali tiegħu billi taċċetta użu liberu tax-xogħol għas-sempliċi raġuni li l-awtur inkwistjoni ma jipprospetta li jagħmel ebda sfruttament ekonomiku minn dan ix-xogħol iżda jfittex biss li jipproteġi d-drittijiet morali tiegħu.

78.      Barra minn hekk, jekk l-argument tal-appellanti għandu jinftiehem fis-sens li, fl-assenza ta’ sfruttament ekonomiku tax-xogħol, id-drittijiet tal-awtur tal-appellat, li jemanaw mid-dritt tiegħu għall-proprjetà protett permezz tal-Artikolu 17 tal-Karta, ma jiġġustifikawx il-limitazzjoni tal-libertà ta’ espressjoni li tirriżulta minnu, nosserva li s-sitwazzjoni f’din il-kawża ma hijiex simili għal dik tal-kawża Funke Medien NRW, li fiha pproponejt raġunament analogu (39), u dan għar-raġunijiet spjegati fil-punti 69 u 70 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

79.      Barra minn hekk, fl-ibbilanċjar tad-drittijiet fundamentali tal-partijiet fil-kawża prinċipali, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni mhux biss id-dritt tal-appellat għall-proprjetà, iżda wkoll id-drittijiet fundamentali l-oħra tiegħu li jistgħu eventwalment ikunu involuti. Il-ġrajja li wasslet għall-kawża prinċipali hija l-konfrontazzjoni tal-appellat mat-twemmin li huwa kien esprima fil-passat fix-xogħol inkwistjoni. Permezz tar-rikors tiegħu, l-appellat fittex li jippreżerva l-monopolju tiegħu f’dak li jirrigwarda l-komunikazzjoni ta’ dan ix-xogħol lill-pubbliku sabiex ikun jista’ jissupplimenta din il-komunikazzjoni bl-istqarrija li huwa kien qiegħed jiddistakka ruħu mit-twemmin espress f’dan ix-xogħol. Issa, fl-Artikolu 10 tagħha, il-Karta tistabbilixxi l-libertà ta’ ħsieb li, skont il-formulazzjoni espressa ta’ din id-dispożizzjoni, “jimplika [timplika] l-libertà li wieħed ibiddel […] it-twemmin tiegħu” (40). Ma narax għaliex dan id-dritt ma għandux jingħata lill-politiċi. Għalhekk, kif jista’ l-appellat effettivament jeżerċita l-libertà li jbiddel it-twemmin tiegħu jekk l-artiklu li jinkludi t-twemmin preċedenti tiegħu seta’ jiġi liberament ippubblikat taħt ismu u mingħajr l-istqarrija tad-distakkament tiegħu, b’mod li jiġi ssuġġerit lill-pubbliku li dan huwa t-twemmin attwali tiegħu?

80.      L-appellat għalhekk huwa ġġustifikat li jipproteġi d-drittijiet tiegħu li jirriżultaw mill-Karta (41) permezz tal-istrumenti ġuridiċi għad-dispożizzjoni tiegħu, f’dan il-każ id-drittijiet tal-awtur. Jekk jagħmel dan fil-limiti tal-liġi, ma jkun hemm ebda abbuż u l-limitazzjoni li tirriżulta minnha għal-libertà ta’ espressjoni tal-appellanti ma tistax titqies mhux iġġustifikata.

81.      Għalhekk nipproponi li r-risposta għat-tieni u għat-tielet domanda preliminari tkun li l-libertà ta’ espressjoni u tal-mezzi tal-komunikazzjoni ma tikkostitwixxix limitazzjoni u ma tiġġustifikax eċċezzjoni għad-drittijiet esklużivi tal-awtur li jawtorizza jew li jipprojbixxi r-riproduzzjoni u l-komunikazzjoni lill-pubbliku tax-xogħol tiegħu jew ksur ta’ dawn id-drittijiet lil hinn mil-limitazzjonijiet u mill-eċċezzjonijiet previsti fl-Artikolu 5(2) u (3) tad-Direttiva 2001/29. Dan japplika wkoll fis-sitwazzjoni fejn l-awtur tax-xogħol inkwistjoni jeżerċita kariga pubblika jew fejn dan ix-xogħol jiżvela t-twemmin tiegħu dwar kwistjonijiet ta’ interess ġenerali, sa fejn l-imsemmi xogħol ikun diġà jinsab għad-dispożizzjoni tal-pubbliku.

 Konklużjoni

82.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tagħti r-risposti li ġejjin għad-domandi preliminari magħmula mill-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja, il-Ġermanja):

1)      L-Istati Membri jinsabu taħt l-obbligu li jiżguraw fid-dritt nazzjonali tagħhom il-protezzjoni tad-drittijiet esklużivi stabbiliti fl-Artikoli 2 sa 4 tad-Direttiva 2001/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑22 ta’ Mejju 2001 dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti ta’ drittijiet ta’ l-awtur u drittijiet relatati fis-soċjetà ta’ l-informazzjoni, fejn dawn id-drittijiet jistgħu jiġu ristretti biss fil-kuntest tal-applikazzjoni tal-eċċezzjonijiet u tal-limitazzjonijiet previsti b’mod eżawrjenti fl-Artikolu 5 ta’ din id-direttiva. Min-naħa l-oħra, l-Istati Membri huma liberi f’dak li jikkonċerna l-għażla tal-mezzi li jqisu opportuni li jimplimentaw biex jikkonformaw ruħhom ma’ dan l-obbligu.

2)      L-Artikolu 5(3)(ċ) tad-Direttiva 2001/29 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-użu ta’ xogħol letterarju fil-kuntest ta’ rappurtaġġ ta’ ġrajjiet kurrenti ma jaqax taħt l-eċċezzjoni prevista f’dan l-artikolu meta l-iskop li dan l-użu jfittex li jilħaq jirrikjedi l-qari tat-totalità ta’ dan ix-xogħol jew ta’ parti minnu.

3)      L-Artikolu 5(3)(d) tad-Direttiva 2001/29 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-eċċezzjoni ta’ kwotazzjoni prevista f’din id-dispożizzjoni ma tkoprix is-sitwazzjonijiet li fihom, mingħajr l-awtorizzazzjoni tal-awtur, xogħol jitqiegħed kollu kemm hu għad-dispożizzjoni tal-pubbliku fuq sit internet, fil-forma ta’ fajl aċċessibbli u li jista’ jitniżżel b’mod awtonomu, billi l-utent jiġi ddispensat milli jirrikorri għax-xogħol oriġinali.

4)      Il-libertà ta’ espressjoni u tal-mezzi tal-komunikazzjoni, stabbilita fl-Artikolu 11 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, ma tikkostitwixxix limitazzjoni u ma tiġġustifikax eċċezzjoni għad-drittijiet esklużivi tal-awtur li jawtorizza jew li jipprojbixxi r-riproduzzjoni u l-komunikazzjoni lill-pubbliku tax-xogħol tiegħu jew ksur ta’ dawn id-drittijiet lil hinn mil-limitazzjonijiet u mill-eċċezzjonijiet previsti fl-Artikolu 5(2) u (3) tad-Direttiva 2001/29. Dan japplika wkoll fis-sitwazzjoni fejn l-awtur tax-xogħol inkwistjoni jeżerċita kariga pubblika jew fejn dan ix-xogħol jiżvela t-twemmin tiegħu dwar kwistjonijiet ta’ interess ġenerali, sa fejn l-imsemmi xogħol ikun diġà jinsab għad-dispożizzjoni tal-pubbliku.


1      Lingwa oriġinali: il-Franċiż.


2      Din ukoll hija kontribuzzjoni tad-Dikjarazzjoni tal-1789, Artikolu 6.


3      Trattat tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Proprjetà Intellettwali (WIPO) dwar id-Drittijiet tal-Awtur, adottat f’Genève fl-20 ta’ Diċembru 1996 u li daħal fis-seħħ fis-6 ta’ Marzu 2002 (iktar ’il quddiem it-“Trattat tal-WIPO dwar id-Drittijiet tal-Awtur”), li l-Unjoni Ewropea hija parti fih skont id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2000/278/KE tas‑16 ta’ Marzu 2000 dwar l-approvazzjoni, f’isem il-Komunità Ewropea, tat-Trattat WIPO dwar id-Dritt ta’ l-Awtur u tat-Trattat WIPO dwar il-Preżentazzjonijiet u l-Fonogrammi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 33, p. 208).


4      Dikjarazzjoni tal-Konferenza Diplomatika li adottat it-Trattat tal-WIPO dwar id-Drittijiet tal-Awtur, annessa ma’ dan it-trattat (Artikolu 25 tal-imsemmi trattat).


5      ĠU Edizzjoni Speċjali bil-MT, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 230.


6      C‑476/17, attwalment pendenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.


7      Ara l-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Pelham et (C‑476/17, EU:C:2018:1002, punti 71 sa 79).


8      Iktar preċiżament id-dispożizzjoni li ppreċedietu, jiġifieri l-Artikolu 151 KE.


9      C‑469/17, attwalment pendenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.


10      Ara, b’mod partikolari, il-punti 69 u 70 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


11      Mill-Memorandum ta’ Spjegazzjoni tal-Proposta għad-Direttiva 2001/29 ippreżentata mill-Kummissjoni fil-21 ta’ Jannar 1998 (COM(97) 628 finali) jirriżulta impliċitament li hekk kienet ir-rieda tal-leġiżlatur. Dan il-memorandum jinkludi l-osservazzjoni, b’mod partikolari, li l-Konvenzjoni ta’ Berna tiggarantixxi d-dritt ta’ riproduzzjoni lill-awturi; li, skont id-Dikjarazzjoni Konġunta għall-Artikolu 1(4) tat-Trattat tal-WIPO dwar id-Drittijiet tal-Awtur, dan id-dritt japplika kompletament fl-ambjent diġitali, u li l-eċċezzjonijiet u l-limitazzjonijiet għall-imsemmi dritt ta’ riproduzzjoni għandhom ikunu kompatibbli mal-istandard ta’ protezzjoni stabbilit minn din il-konvenzjoni (ara l-Memorandum ta’ Spjegazzjoni tal-Proposta tal-Kummissjoni, p. 14 u 15). Ara wkoll l-ewwel sentenza tal-premessa 44 tad-Direttiva 2001/29.


12      L-ewwel parti tal-Artikolu 5(3)(ċ) tad-Direttiva 2001/29 tirriproduċi l-Artikolu 10a(1) tal-Konvenzjoni ta’ Berna, li jirrigwarda r-riproduzzjoni tal-artikli dwar ġrajjiet kurrenti u ta’ xandiriet tal-istess natura. Din l-eċċezzjoni ma hijiex inkwistjoni f’din il-kawża.


13      Ara, fl-aħħar lok, is-sentenza tat-13 ta’ Novembru 2018, Levola Hengelo (C‑310/17, EU:C:2018:899, punt 38).


14      Din il-preċiżazzjoni, li skontha dawn għandhom ikunu xogħlijiet li wieħed jista’ jara jew jisma’ matul il-ġrajja, tinsab ukoll fl-Artikolu 50 tal-UrhG, li jintroduċi l-eċċezzjoni tar-rappurtaġġi ta’ ġrajjiet kurrenti fid-dritt Ġermaniż.


15      Jiġifieri l-iskop informattiv, sabiex jiġu rriprodotti t-termini tal-Artikolu 5(3)(ċ) tad-Direttiva 2001/29 u tal-Artikolu 10a(2) tal-Konvenzjoni ta’ Berna.


16      Diġà fl-1812, Charles Nodier osserva f’Questions de littérature légale li “minn dak kollu li wieħed jista’ jissellef mingħand awtur, żgur li ma hemm xejn iktar skużabbli mill-kwotazzjoni […]”. (Nikkwota minn: Pollaud-Dulian, F., Le Droit d’auteur, Economica, Pariġi, 2014, p. 852).


17      L-Artikolu 10 tal-Konvenzjoni ta’ Berna, fil-verżjoni tiegħu li tirriżulta mill-Att ta’ Brussell tal‑1948, kien jistabbilixxi: “Fil-pajjiżi kollha tal-Unjoni huma permessi l-kwotazzjonijiet qosra minn artikli ta’ ġurnali u rivisti, saħansitra fil-forma ta’ siltiet minn artikli tal-istampa.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]


18      Dan jidher li ġie taċitament aċċettat mill-Qorti tal-Ġustizzja f’dak li jirrigwarda x-xogħlijiet fotografiċi (ara s-sentenza tal-1 ta’ Diċembru 2011, Painer, C‑145/10, EU:C:2011:798, punti 122 u 123).


19      Naturalment, hawnhekk qiegħed nitkellem dwar links lejn kontenut imqiegħed għad-dispożizzjoni mill-persuna li tinvoka l-eċċezzjoni ta’ kwotazzjoni. Il-links lejn paġni internet ta’ ħaddieħor li fuqhom jitqiegħdu għad-dispożizzjoni b’mod legali oġġetti protetti mid-drittijiet tal-awtur ma jikkostitwixxux atti ta’ riproduzzjoni jew ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku u għalhekk ma jeħtiġux deroga mid-drittijiet esklużivi (ara s-sentenza tat-13 ta’ Frar 2014, Svensson et, C‑466/12, EU:C:2014:76, id-dispożittiv).


20      Ara, bħala eżempji fost oħrajn: Barta, J., Markiewicz, R., Prawo autorskie, Wolters Kluwer, Varsavja, 2016, p. 236 u 237; Pollaud-Dulian, F., Le Droit d’auteur, Economica, Pariġi, 2014, p. 855, kif ukoll Stanisławska-Kloc, S., “Zasady wykorzystywania cudzych utworów: prawo autorskie i dobre obyczaje (etyka cytatu)”, Diametros, Nru 19/2009, p. 160 sa 184, u b’mod partikolari p. 168.


21      Sentenza tal-1 ta’ Diċembru 2011, Painer (C‑145/10, EU:C:2011:798, punti 122 u 123). Ara wkoll il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Trstenjak f’dik il-kawża (C‑145/10, EU:C:2011:239, punt 212).


22      Sentenza tal-1 ta’ Diċembru 2011, Painer (C‑145/10, EU:C:2011:798, punt 135).


23      Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 17 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


24      Ara, b’mod partikolari, Barta, J., Markiewicz, R., Prawo autorskie, Wolters Kluwer, Varsavja, 2016, p. 239; Pollaud-Dulian, F., Le Droit d’auteur, Economica, Pariġi, 2014, p. 851; Preussner-Zamorska, J., Marcinkowska, J., f’Barta, J. (ed.), Prawo autorskie, C.H.Beck, Varsavja, 2013, p. 565, kif ukoll Vivant, M., Bruguière, J.‑M., Droit d’auteur et droits voisins, Dalloz, Pariġi, 2016, p. 572.


25      Dan il-kunċett għandu jiġi interpretat bħala kunċett awtonomu tad-dritt tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-3 ta’ Settembru 2014, Deckmyn u Vrijheidsfonds C‑201/13, EU:C:2014:2132, punti 14 sa 17).


26      U rriprodott fl-Artikolu 10 tat-Trattat tal-WIPO dwar id-Drittijiet tal-Awtur.


27      Użu għall-iskopijiet ta’ sigurtà pubblika jew sabiex jiġi żgurat it-twettiq xieraq ta’ proċeduri amministrattivi, parlamentari jew ġudizzjarji. Ara s-sentenza tal-1 ta’ Diċembru 2011, Painer (C‑145/10, EU:C:2011:798, punti 143 u 144).


28      C‑469/17, attwalment pendenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.


29      C-476/17, attwalment pendenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja. Huwa minnu li dik il-kawża tirrigwarda l-libertà tal-arti, stabbilita fl-Artikolu 13 tal-Karta. Madankollu, din il-libertà hija biss manifestazzjoni tal-libertà ta’ espressjoni.


30      Ara l-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Pelham et (EU:C:2018:1002, punti 90 sa 99).


31      Skont il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, il-kondiviżjoni ta’ fajls fil-kuntest ta’ netwerks peer-to-peer taqa’ taħt il-libertà ta’ espressjoni (ara l-Qorti EDB, 19 ta’ Frar 2013, Neij u Sunde Kolmisoppi vs L-Isvezja, CE:ECHR:2013:0219DEC004039712).


32      L-espressjoni hija ta’ A. Lucas f’Lucas, A., Ginsburg, J.C., “Droit d’auteur, liberté d’expression et libre accès à l’information (étude comparée de droit américain et européen)”, Revue internationale du droit d’auteur, Vol. 249 (2016), p. 4 sa 153, f’p. 25.


33      Ara l-Qorti EDB, 10 ta’ Jannar 2013, Ashby Donald et vs Franza (CE:ECHR:2013:0110JUD003676908, punt 36).


34      C‑469/17, attwalment pendenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.


35      C‑469/17, attwalment pendenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.


36      Li dwarhom ma ġiex stabbilit li kienu jibbenefikaw mill-protezzjoni mid-drittijiet tal-awtur (ara l-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Funke Medien NRW, C‑469/17, EU:C:2018:870, punt 20).


37      Id-deċiżjoni tal-Gerechtshof Den Haag (il-Qorti tal-Appell ta’ Den Haag), tal-4 ta’ Settembru 2003, fil-kawża dwar il-pubblikazzjoni tad-dokumenti tal-Knisja tax-Xjentoloġija (NL:GHSGR:2003:AI5638), sikwit tingħata bħala eżempju ta’ sitwazzjoni fejn il-ħtiġijiet tad-dibattitu pubbliku għandhom jipprevalu fuq id-drittijiet tal-awtur (ara l-osservazzjonijiet fuq din is-sentenza ta’ Vivant, M., Propriétés intellectuelles, Nru 12, p. 834).


38      Ara l-premessa 19 tad-Direttiva 2001/29.


39      Ara l-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Funke Medien NRW (C‑469/17, EU:C:2018:870, punti 58 sa 61).


40      L-istess dritt jinsab fl-Artikolu 9(1) tal-KEDB, li l-formulazzjoni tiegħu hija essenzjalment identika għal dik tal-Artikolu 10(1) tal-Karta.


41      Hawnhekk m’iniex ser nidħol fid-dibattitu dwar il-punt jekk it-tħabbir pubbliku tat-tibdil fit-twemmin jaqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 10 tal-Karta jew jekk jaqax f’dak tal-Artikolu 11 tagħha.