Language of document : ECLI:EU:F:2012:147

DIGRIET TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU
TAL-UNJONI EWROPEA

(L-Ewwel Awla)

25 ta’ Ottubru 2012

Kawża F‑50/09 DEP

Livio Missir mamachi di Lusignano

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Proċedura — Intaxxar tal-ispejjeż — Taxxa fuq il-valur miżjud”

Suġġett: Talba għall-intaxxar tal-ispejjeż li jistgħu jinġabru, skont l-Artikolu 92 tar-Regoli tal-Proċedura, li permezz tagħha L. Missir mamachi di Lusignano ppreżenta rikors quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku fil-Kawża F‑50/09, Missir mamachi di Lusignano vs Il‑Kummissjoni, skont l-Artikolu 92(1) tar-Regoli tal-Proċedura.

Deċiżjoni: L-ammont tal-ispejjeż li jistgħu jinġabru mir-rikorrent mingħand il-Kummissjoni fir-rigward tal-Kawża F‑50/09 jammonta għal EUR 44 259.25.

Sommarju

1.      Proċedura ġudizzjarja — Spejjeż — Taxxa — Spejjeż li jistgħu jinġabru — Intervent minn diversi avukati — Assenza ta’ effett — Evalwazzjoni prinċipalment fir-rigward tan-numru totali ta’ sigħat ta’ xogħol oġġettivament indispensabbli għall-finijiet tal-proċedura

(Regoli tal-Proċedura tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, Artikolu 91(b))

2.      Proċedura ġudizzjarja — Spejjeż — Taxxa — Spejjeż li jistgħu jinġabru — Kunċett — Taxxa fuq il-valur miżjud — Inklużjoni fil-każ ta’ persuna mhux suġġetta

(Regoli tal-Proċedura tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, Artikolu 91(b))

1.      Fir-rigward tal-evalwazzjoni, fid-dawl tal-ammont tal-ispejjeż li jistgħu jinġabru, tal-ammont tax-xogħol marbut mal-proċedura quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, hija l-qorti Komunitarja li għandha tieħu inkunsiderazzjoni prinċipalment in-numru globali ta’ sigħat ta’ xogħol li jistgħu jidhru li huma oġġettivament indispensabbli għall-finijiet ta’ din il-proċedura, indipendentement min-numru ta’ avukati li bejniethom is-servizzi pprovduti setgħu jitqassmu.

(ara l-punti 21 u 26)

Referenza:

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: 26 ta’ April 2010, Schönberger vs Il‑Parlament, F‑7/08 DEP, punt 29

2.      Rikorrent li ma huwiex suġġett għat-taxxa fuq il-valur miżjud ma għandux il-possibbiltà li jiġbor it-taxxa fuq il-valur miżjud imħallsa fuq is-servizzi ffatturati mill-avukati tiegħu. B’hekk, it-taxxa fuq il-valur miżjud imħallsa fuq l-onorarji meqjusa indispensabbli tirrappreżenta għaliha spejjeż esposti għall-finijiet tal-proċedura fis-sens tal-Artikolu 91(b) tar-Regoli tal-Proċedura tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku.

(ara l-punt 31)

Referenza:

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 8 ta’ Lulju 2004, De Nicola vs BEI, T‑7/98 DEP, T‑208/98 DEP u T‑109/99 DEP, punt 37