Language of document :

Rikors ippreżentat fis-7 ta’ Diċembru 2018 – Il-Kummissjoni Ewropea vs l-Ungerija

(Kawża C-771/18)

Lingwa tal-kawża: l-Ungeriż

Partijiet

Rikorrenti: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti: O. Beynet u K. Talabér-Ritz, aġenti)

Konvenuta: l-Ungerija

Talbiet

Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tikkonstata li l-Ungerija naqset milli twettaq l-obbligi tagħha skont l-Artikolu 14(1) tar-Regolament (KE) 714/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Lulju 2009 dwar kondizzjonijiet għall-aċċess għan-networks għall-bdil bejn il-fruntieri fl-elettriku u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1228/2003 1 , u l-Artikolu 13(1) tar-Regolament (KE) 715/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Lulju 2009 dwar il-kondizzjonijiet għall-aċċess għan-networks ta’ trażmissjoni tal-gass naturali u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1775/2005 2 , billi ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-ispejjeż effettivament sostnuti mill-operaturi tan-netwerk;

tikkonstata li l-Ungerija naqset milli twettaq l-obbligi tagħha skont l-Artikolu 37(17) tad-Direttiva 2009/72/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Lulju 2009 dwar ir-regoli komuni għas-suq intern fil-qasam tal-elettriku u li temenda d-Direttiva 2003/54/KE 3 , u l-Artikolu 41(17) tad-Direttiva 2009/73/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Lulju 2009 dwar ir-regoli komuni għas-suq intern tal-gass naturali u li tħassar id-Direttiva 2003/55/KE 4 , billi ma stabbilixxietx mekkaniżmu adegwat sabiex jiġi żgurat dritt għal appell mid-deċiżjonijiet tal-awtorità regolatorja nazzjonali fis-sens tad-dispożizzjonijiet iċċitati iktar ’il fuq tad-Direttivi 2009/72/KE u 2009/73/KE;

tikkundanna lill-Ungerija għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

L-Artikolu 14(1) tar-Regolament (KE) Nru 714/2009 u l-Artikolu 13(1) tar-Regolament (KE) Nru 715/2009 jistabbilixxu l-prinċipju li t-tariffi tal-użu tan-netwerks għandhom ikunu orjentati skont l-ispejjeż. Issa, il-liġi dwar l-elettriku u l-liġi dwar il-gass naturali fis-seħħ fl-Ungerija ma jippermettux li l-awtorità regolatorja nazzjonali tieħu inkunsiderazzjoni l-ispejjeż kollha effettivament sostnuti mill-operaturi tan-netwerk meta din tistabbilixxi t-tariffi għall-użu tan-netwerks, b’mod partikolari tat-taxxa speċjali fuq in-netwerks ta’ distribuzzjoni tal-enerġija u tal-ispejjeż marbuta mat-taxxa fuq it-tranżazzjonijiet finanzjarji.

Il-Kummissjoni tqis li l-ebda raġuni oġġettiva ma tispjega l-projbizzjoni impostra fuq l-awtorità regolatorja nazzjonali milli tieħu inkunsiderazzjoni l-ispejjeż suesposti meta din tistabbilixxi t-tariffi għall-użu tan-netwerks.

Barra minn hekk, l-Artikolu 37(17) tad-Direttiva 2009/72/KE u l-Artikolu 41(17) tad-Direttiva 2009/73/KE jipprovdu li l-Istati Membri għandhom jiżguraw li mekkaniżmi adegwati, fil-livell nazzjonali, jippermettu li parti leża minn deċiżjoni ta’ awtorità regolatorja tappella minnha quddiem organu indipendenti mill-partijiet ikkonċernati u minn kull gvern.

Il-Kummissjoni tqis li l-Ungerija ma stabbilixxietx mekkaniżmu adegwat sabiex tiżgura dritt ta’ appell mid-deċiżjonijiet tal-awtorità regolatorja nazzjonali.

____________

1     ĠU 2009, L 211, p. 15.

2     ĠU 2009, L 211, p. 36.

3     ĠU 2009, L 211, p. 55.

4     ĠU 2009, L 211, p. 94.