Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Oberverwaltungsgericht für das Land Nordrhein-Westfalen (il-Ġermanja) fit-13 ta’ Jannar 2020 – DB Netz AG vs Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja

(Kawża C-12/20)

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Qorti tar-rinviju

Oberverwaltungsgericht für das Land Nordrhein-Westfalen

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: DB Netz AG

Konvenuta: Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja

Domandi preliminari

Ir-Regolament (UE) Nru 913/2010 1 għandu jiġi interpretat, b’mod partikolari fir-rigward tal-kompiti mogħtija lill-bord ta’ tmexxija ta’ kuritur tal-merkanzija mill-Artikolu 13(1), mill-Artikolu 14(9) u mill-Artikolu 18(c) ta’ dan ir-regolament, fis-sens li l-bord ta’ tmexxija ta’ kuritur tal-merkanzija għandu l-kompetenza li jiddetermina huwa stess il-proċedura li għandha tiġi segwita għall-preżentazzjoni ta’ applikazzjonijiet għall-allokazzjoni ta’ kapaċità ta’ infrastruttura quddiem dak li l-Artikolu 13(1) tar-Regolament isejjaħ punt ta’ waqfa waħda, inkluż, bħal fiċ-ċirkustanzi tal-kawża ineżami, ir-rekwiżit li tintuża b’mod esklużiv l-għodda elettronika sabiex isiru riżervazzjonijiet, jew din il-proċedura għandha tkun suġġetta għad-dispożizzjonijiet ġenerali previsti fl-Artikolu 27(1) u (2), ikkunsidrati flimkien mal-punt 3(a) tal-Anness IV tad-Direttiva 2012/34/UE 2 , b’tali mod li din il-proċedura tista’ tiġi rregolata biss mill-ġestjonarji tal-infrastruttura li jipparteċipaw f’kuritur tal-merkanzija fid-dikjarazzjoni dwar in-netwerk rispettiva tagħhom?

Fil-każ li l-ewwel domanda tingħata risposta fis-sens li l-proċedura msemmija fl-ewwel domanda tista’ tiġi rregolata biss fid-dikjarazzjoni dwar in-netwerk tal-ġestjonarji tal-infrastruttura li jipparteċipaw f’kuritur tal-merkanzija, il-verifika tad-dikjarazzjoni dwar in-netwerk minn korp regolatorju nazzjonali għandha għalhekk titwettaq skont l-Artikolu 20 tar-Regolament Nru 913/2010 jew inkella għandha tkun irregolata esklużivament mid-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2012/34 u mid-dispożizzjonijiet legali nazzjonali adottati għall-implimentazzjoni tagħha?

Fil-każ li l-verifika għandha titwettaq skont l-Artikolu 20 tar-Regolament Nru 913/2010, huwa kompatibbli mad-dispożizzjonijiet ta’ dan l-artikolu li korp regolatorju nazzjonali joġġezzjona għal regola fid-dikjarazzjoni dwar in-netwerk bħal dik imsemmija fl-ewwel domanda, mingħajr ma jaġixxi flimkien u essenzjalment b’mod koerenti mal-korpi regolatorji tal-Istati li jipparteċipaw fil-kuritur tal-merkanzija jew minn tal-inqas mingħajr ma jikkonsulta magħhom minn qabel sabiex jiġi adottat approċċ komuni?

Sa fejn il-verifika għandha tkun irregolata mid-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2012/34 u mid-dispożizzjonijiet legali nazzjonali adottati għall-implimentazzjoni tagħha, huwa kompatibbli ma’ dawn id-dispożizzjonijiet u b’mod partikolari mal-obbligu ġenerali ta’ koordinazzjoni previst fit-tieni sentenza tal-Artikolu 57(1) ta’ din id-direttiva, li korp regolatorju nazzjonali joġġezzjona għal tali regola mingħajr ma jaġixxi flimkien u essenzjalment b’mod koerenti mal-korpi regolatorji tal-Istati li jipparteċipaw fil-kuritur tal-merkanzija jew minn tal-inqas mingħajr ma jikkonsulta magħhom minn qabel sabiex jiġi adottat approċċ komuni?

Fil-każ li l-ewwel domanda tingħata risposta fis-sens li l-bord ta’ tmexxija tal-kuritur tal-merkanzija għandu l-kompetenza li jiddetermina huwa stess il-proċedura msemmija fl-ewwel domanda, korp regolatorju nazzjonali huwa awtorizzat, konformement mal-Artikolu 20 tar-Regolament Nru 913/2010 jew mad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2012/34 u mad-dispożizzjonijiet legali adottati għall-implimentazzjoni tagħha, jivverifika d-dikjarazzjoni dwar in-netwerk ta’ ġestjonarju tal-infrastruttura b’mod li jmur lil hinn mill-konformità sostantiva tagħha mal-proċedura stabbilita mill-bord ta’ tmexxija u, jekk ikun il-każ, joġġezzjona għaliha, f’sitwazzjoni fejn id-dikjarazzjoni dwar in-netwerk ta’ ġestjonarju tal-infrastruttura jkun fiha r-regoli li japplikaw għal din il-proċedura? Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv, liema hija r-risposta li għandha tingħata għall-punti (a) u (b) tat-tieni domanda fid-dawl ta’ din il-kompetenza tal-korp regolatorju?

Sa fejn, fuq il-bażi tad-domandi preċedenti, il-korpi regolatorji nazzjonali għandhom il-kompetenza li jivverifikaw il-proċedura msemmija fl-ewwel domanda, l-Artikolu 14(1) tar-Regolament Nru 913/2010 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-qafas regolatorju stabbilit skont din id-dispożizzjoni mill-bord eżekuttiv jaqa’ taħt id-dritt tal-Unjoni li jorbot lill-korpi regolatorji nazzjonali u lill-qrati nazzjonali, jipprevali fuq id-dritt nazzjonali u huwa suġġett għal interpretazzjoni definittiva u vinkolanti mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja?

Fil-każ li r-raba’ domanda tingħata risposta fl-affermattiv, id-dispożizzjoni adottata skont l-Artikolu 14(1) tar-Regolament Nru 913/2010 mill-bordijiet eżekuttivi tal-kurituri tal-merkanzija kollha taħt l-Artikolu 8(2) tal-qafas regolatorju kkonċernat, li tipprovdi li l-kapaċità tal-infrastruttura fuq il-kuritur tal-merkanzija għandha tiġi ppubblikata u allokata permezz ta’ sistema internazzjonali għall-preżentazzjoni ta’ applikazzjonijiet, li sa fejn ikun possibbli għandha tiġi kkoordinata mal-kurituri l-oħra tal-merkanzija, tipprekludi d-deċiżjoni ta’ korp regolatorju nazzjonali li tissuġġetta lil ġestjonarju tal-infrastruttura li jipparteċipa fil-kuritur tal-merkanzija għal rekwiżiti, fir-rigward tad-dikjarazzjoni dwar in-netwerk tiegħu, marbuta mat-tfassil ta’ din is-sistema għall-preżentazzjoni ta’ applikazzjonijiet, liema rekwiżiti ma kinux ikkoordinati mal-korpi regolatorji nazzjonali tal-Istati li jipparteċipaw fil-kurituri tal-merkanzija?

____________

1     Regolament (UE) Nru 913/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Settembru 2010 dwar netwerk ferrovjarju Ewropew għat-trasport ta’ merkanzija kompetittiv (ĠU 2010, L 276, p. 22).

2     Direttiva 2012/34/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Novembru 2012 li tistabbilixxi żona ferrovjarja unika Ewropea (ĠU 2012, L 343, p. 14, rettifiki fil-ĠU 2015, L 67, p. 32 u fil-ĠU 2015, L 196, p. 67).