KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI
POIARES MADURO
ppreżentati fil-31 ta’ Jannar 2008 1(1)
Kawża C‑303/06
S. Coleman
vs
Attridge Law
u
Steve Law
(talba għal deċiżjoni preliminari mill-Employment Tribunal, London South (ir-Renju Unit))
1. Dan it-talba mis-South London Employment Tribunal tqajjem, għall-ewwel darba, domanda importanti dwar il-portata tad-Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE tas-27 ta’ Novembru 2000 li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament [trattament ugwali] fl-impjieg u fix-xogħol (2) (iktar’il quddiem “id-Direttiva”). Dan it-Tribunal jistaqsi jekk il-projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni li tinsab fid-Direttiva tkoprix każijiet fejn impjegata tiġi trattata b’mod inqas favorevoli mill-kollegi tagħha għaliex, għalkemm hi nfisha mhijiex persuna b’diżabbiltà, hi assoċjata ma’ persuna b’diżabbiltà.
I – Sfond fattwali u d-domandi magħmula
2. Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, Sharon Coleman, ħadmet mill-2001 bħala segretarja legali għal Attridge Law, uffiċċju ta’ solicitors f’Londra, fejn Steve Law huwa wieħed mis-soċji. Fl-2002 hija welldet tifel li għandu diżabbiltà; huwa jsofri minn bronchomalacia u laryngomalacia konġenitali. Hija prinċipalment hi li tieħu ħsiebu.
3. Fl-4 ta’ Marzu 2005 ir-rikorrenti aċċettat is-sensja volontarja minħabba redundancy u, għaldaqstant, waqfet taħdem għal Attridge Law. Fit-30 ta’ Awwissu 2005 hija ressqet proċeduri għal constructive dismissal (sensja impliċita) u għal diskriminazzjoni fuq bażi ta’ diżabbiltà kontra l-persuni li kienu jimpjegawha qabel, fejn argumentat li ġiet ittrattata b’mod inqas favorevoli minn impjegati bi tfal li m’għandhomx diżabbiltà u ġiet soġġetta għal imġiba li ħolqot ambjent ostili għaliha. Fost l-eżempji ta’ trattament diskriminatorju li hi qed tallega li sofriet, issemmi li l-persuni li kienu jimpjegawaha rrifjutaw li jħalluha tirritorna għall-impjieg preċedenti li kellha wara li reġgħet lura għax-xogħol mil-leave tal-maternità; kienu jgħidulha “għażżiena” meta ppruvat tieħu ħin liberu biex tieħu ħsieb lit-tifel tagħha u rrifjutaw li jagħtuha l-istess flessibbiltà fir-rigward tal-arranġamenti tax-xogħol tagħha bħal dawk tal-kollegi tagħha bi tfal li m’għandhomx diżabbiltà; huma qalu li kienet qed tuża l-“fucking child” tagħha biex timmanipula l-kundizzjonijiet tax-xogħol tagħha; huma għaddewha minn proċeduri dixxiplinari; u naqsu milli jittrattaw b’mod xieraq l-ilment formali li hija ressqet kontra t-trattament ħażin li rċeviet.
4. S. Coleman invokat il-liġi nazzjonali rilevanti, l-Att tal-1995 dwar id-Diskriminazzjoni fuq bażi ta’ Diżabbiltà, u d-Direttiva. L-argument tagħha kien li d-Direttiva hija intiża biex tipprojbixxi d-diskriminazzjoni mhux biss kontra persuni b’diżabiltà nfushom, imma anki kontra individwi li huma vittmi ta’ diskriminazzjoni minħabba li huma assoċjati ma’ persuna b’diżabbiltà. L-argument ikompli fis-sens li t-Tribunal għandu jinterpreta l-Att dwar id-Diskriminazzjoni fuq bażi ta’ Diżabbiltà b’mod konformi mad-Direttiva u b’hekk jagħti protezzjoni kontra d-diskriminazzjoni b’assoċjazzjoni. Il-konvenuti fil-kawża prinċipali argumentaw li l-Att iħares biss persuni b’diżabbiltà u li d-Direttiva mhijiex intiża li tkopri d-diskriminazzjoni b’assoċjazzjoni.
5. S. Coleman tista’ tirbaħ il-kawża tagħha biss jekk id-Direttiva tiġi interpretata bħala li tipprojbixxi d-diskriminazzjoni b’assoċjazzjoni. Għalhekk, it-Tribunal m’għaddiex biex jistabbilixxi l-fatti materjali kollha u jeżamina l-mertu tat-talba, imma minflok, issospenda l-proċeduri fir-rigward ta’ din il-parti tar-rikors u żamm seduta preliminari biss fuq il-punt jekk id-diskriminazzjoni b’assoċjazzjoni hijiex ipprojbita jew le. Wara s-seduta huwa ssospenda l-proċeduri u rrinvija d-domandi li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja:
“(1) Fil-kuntest tal-projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni fuq bażi ta’ diżabbiltà, id-Direttiva tħares mid-diskriminazzjoni diretta u mill-fastidju biss lill-persuni li huma stess għandhom diżabbiltà?
(2) Jekk ir-risposta għall-ewwel domanda tkun fin-negattiv, id-Direttiva tħares lill-impjegati li, għalkemm huma nfushom m’għandhomx diżabbiltà, huma ttrattati b’mod inqas favorevoli jew jiġu ffastidjati minħabba l-assoċjazzjoni tagħhom ma’ persuna li għandha diżabbiltà?
(3) Fejn min iħaddem jittratta impjegat b’mod inqas favorevoli milli jittratta jew ikun se jittratta impjegati oħrajn, u jiġi stabbilit li r-raġuni għat-trattament tal-impjegat hija li l-impjegat għandu tifel b’diżabbiltà li l-impjegat jieħu ħsieb, dan it-trattament jikkostitwixxi diskriminazzjoni diretta bi ksur tal-prinċipju ta’ trattament ugwali stabbilit bid-Direttiva?
(4) Fejn min iħaddem jagħti fastidju lil impjegat, u jiġi stabbilit li r-raġuni għat-trattament tal-impjegat hija li l-impjegat għandu tifel b’diżabbiltà li l-impjegat jieħu ħsieb, dan il-fastidju jikkostitwixxi ksur tal-prinċipju ta’ trattament ugwali stabbilit bid-Direttiva?”
II – Analiżi
6. L-erba’ domandi magħmula lill-Qorti tal-Ġustizzja mill-Employment Tribunal jirriduċu rwieħhom għal punt ta’ liġi wieħed: id-Direttiva tipproteġi persuni li m’għandhomx diżabbiltà li, fil-kuntest tal-impjieg tagħhom, isofru diskriminazzjoni diretta u/jew fastidju għaliex huma assoċjati ma’ persuna b’diżabbiltà?
7. Id-Direttiva ġiet adottata taħt l-Artikolu 13 KE li ġie miżjud mat-Trattat KE bit-Trattat ta’ Amsterdam u jaqra kif ġej: “Mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet l-oħra ta’ dan it-Trattat u fil-limiti tal-poteri mogħtija minnu lill-Komunità, il-Kunsill, li jaġixxi unanimament fuq proposta mill-Kummissjoni u wara li jikkonsulta mal-Parlament Ewropew, jista’ jieħu l-azzjoni xierqa biex jiġġieled id-diskriminazzjoni li tkun ibbażata fuq is-sess, ir-razza jew l-oriġini etnika, ir-reliġjon jew it-twemmin, id-diżabbiltà, l-età jew it-tendenzi sesswali”. L-ewwel punt li għandu jiġi osservat dwar l-Artikolu 13 KE huwa li dan jelenka raġunijiet speċifiċi ta’ diskriminazzjoni li huwa jittratta bħala raġunijiet li jagħtu lok għal suspett jew, biex wieħed jissellef terminu mid-dritt kostituzzjonali tal-Istati Uniti, bħala “suspect classifications” (“kategoriji li jagħtu lok għal suspett”) (3), u jagħmilhom il-mira tal-leġiżlazzjoni Komunitarja kontra d-diskriminazzjoni. Taħt din id-dispożizzjoni wiesgħa tista’ tiġi adottata leġiżlazzjoni bil-għan li tiġi kkumbattuta d-diskriminazzjoni fuq il-bażi ta’ dawk ir-raġunijiet elenkati. Filwaqt li l-Kunsill igawdi diskrezzjoni konsiderevoli fl-adozzjoni ta’ miżuri mfassla għal ċirkustanzi u kuntesti soċjali partikolari, l-Artikolu 13 KE ma jistax jiġi interpretat fis-sens li jippermetti l-adozzjoni ta’ leġiżlazzjoni li tkun inkonsistenti mal-għanijiet u l-ispirtu tiegħu u li tillimita l-protezzjoni li min abbozza t-Trattat kellu l-intenzjoni li joffri. Konsegwentement, leġiżlazzjoni adottata abbażi tal-Artikolu 13 KE għandha tiġi interpretata fid-dawl tal-għanijiet li l-Artikolu 13 KE nnifsu jfittex li jilħaq (4).
8. L-Artikolu 13 KE huwa espressjoni tal-impenn tal-ordinament ġuridiku Komunitarju favur il-prinċipju ta’ trattament ugwali u non-diskriminazzjoni. Għalhekk, kwalunkwe interpretazzjoni kemm ta’ dan l-artikolu kif ukoll ta’ kull direttiva adottata taħt din il-bażi legali għandha ssir fl-isfond tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar dawn il-prinċipji (5). Id-Direttiva nfisha tiddikjara fl-Artikolu 1 li l-iskop tagħha huwa li “li tniżżel [tistabbilixxi] parametru ġenerali biex tikkumbatti [d-]diskriminazzjoni […] bi skop li timplimenta fl-Istati Membri l-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament” (il-korsiv miżjud minni). Il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja hija ċara rigward ir-rwol ta’ trattament ugwali u tan-non-diskriminazzjoni fl-ordinament ġuridiku Komunitarju. L-ugwaljanza mhijiex sempliċement ideal u aspirazzjoni ta’ natura politika imma wieħed mill-prinċipji fundamentali tad-dritt Komunitarju (6). Kif iddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Mangold, id-Direttiva tikkostitwixxi aspett prattiku tal-prinċipju tal-ugwaljanza (7). Sabiex jiġi stabbilit x’tirrikjedi l-ugwaljanza f’każ partikolari, huwa utli li jiġu mfakkra l-valuri inerenti fl-ugwaljanza. Dawn huma d-dinjità umana u l-awtonomija personali.
9. Bħala minimu bażiku, id-dinjità umana tinvolvi r-rikonoxximent tal-valur ugwali ta’ kull individwu. Il-ħajja ta’ dak li jkun hija prezzjuża minħabba s-sempliċi fatt li wieħed huwa uman, u l-ebda ħajja m’hija iktar jew inqas prezzjuża minn oħra. Kif fakkarna reċentement Ronald Dworkin, anki meta ma naqblux serjament dwar kwistjonijiet ta’ moralità pubblika, l-istruttura tal-istituzzjonijiet politiċi u l-funzjonament tal-istati demokratiċi tagħna, aħna madankollu nibqgħu msieħba fl-impenn favur dan il-prinċipju fundamentali (8). Għalhekk, l-individwi u l-istituzzjonijiet politiċi m’għandhomx jaġixxu b’mod li tiġi mċaħħda l-importanza intrinsika ta’ kull ħajja umana. Valur rilevanti, imma differenti, huwa dak tal-awtonomija personali. Dan jiddetta li l-individwi għandhom ikunu f’pożizzjoni li jfasslu u jmexxi l-kors ta’ ħajjithom permezz ta’ serje ta’ għażliet minn fost għażliet differenti ta’ valur (9). L-eżerċizzju tal-awtonomija jippresupponi li n-nies jingħataw medda ta’ għażliet minn fejn jagħżlu. Meta aħna naġixxu ta’ aġenti awtonomi li jieħdu deċiżjonijiet dwar il-mod kif irridu l-ħajja tagħna tiżviluppa, “l-integrità personali u s-sens ta’ dinjità u ta’ stima tagħna nfusna jiġu kkonkretizzati” (10).
10. L-għan tal-Artikolu 13 KE u tad-Direttiva huwa li jiġu mħarsa d-dinjità u l-awtonomija tal-persuni li jappartjenu għal dawn il-kategoriji li jagħtu lok għal suspett. L-iktar mod ovvju li bih id-dinjità u l-awtonomija ta’ persuna bħal din jistgħu jiġu affettwati huwa meta wieħed jiġi direttament identifikat minħabba li jkollu karatteristika li tagħti lok għal suspett. It-trattament inqas tajjeb ta’ persuna abbażi ta’ raġunijiet bħal twemmin reliġjuż, età, diżabbiltà u orjentazzjoni sesswali jippreġudika dan il-valur speċjali u uniku li l-persuni għandhom bis-saħħa tal-fatt li huma umani. Ir-rikonoxximent tal-valur ugwali ta’ kull persuna umana jfisser li għandna neskludu kunsiderazzjonijiet ta’ dan it-tip meta nimponu piż fuq xi ħadd jew inċaħħdu lil xi ħadd minn benefiċċju. Fi kliem ieħor, dawn huma karatteristiċi li m’għandu jkollhom l-ebda rwol fi kwalunkwe evalwazjoni dwar jekk huwiex sew jew le li xi ħadd jiġi ttrattat b’mod inqas favorevoli.
11. Bl-istess mod, impenn favur l-awtonomija jfisser li persuni m’għandhomx jiġu mċaħħda minn għażliet ta’ valur f’oqsma ta’ importanza fundamentali għal ħajjithom bill issir referenza għal kategoriji li jagħtu lok għal suspett. L-aċċess għall-impjieg u l-iżvilupp professjonali għandhom sinjifikat fundamentali għal kull individwu, mhux sempliċement bħala mezz ta’ kif wieħed jaqla’ l-għajxien tiegħu imma wkoll bħala mod importanti ta’ kif wieħed jirrealizza lilu nnifsu u l-potenzjal li għandu. Persuna li tiddiskrimina kontra individwu li jappartjeni għal kategorija li tagħti lok għal suspett tkun qed iċaħħdu minn għażliet ta’ valur. Konsegwentement, il-kapaċità ta’ dan l-individwu li jmexxi ħajja awtonoma tiġi serjament kompromessa peress li aspett importanti tal-ħajja tiegħu ma jiġix iffurmat bl-għażliet tiegħu stess imma bil-preġudizzju ta’ xi ħaddieħor. Meta persuni li jappartjenu għal dawn il-gruppi jiġu ttrattati inqas tajjeb minħabba l-karatteristika tagħhom, min jiddiskrimina jżommhom milli jeżerċitaw l-awtonomija tagħhom. F’din is-sitwazzjoni, huwa ġust u raġonevoli li tintervjeni l-leġiżlazzjoni kontra d-diskriminazzjoni. Essenzjalment, bil-fatt li nagħtu valur lill-ugwaljanza u nikkomettu ruħna biex titwettaq l-ugwaljanza permezz tal-liġi, inkunu qed nimmiraw li nsostnu l-kundizzjonijiet għal ħajja awtonoma għal kull persuna.
12. Madankollu, it-tqegħid fil-mira b’mod dirett ta’ persuna li għandha karatteristika partikolari mhuwiex l-uniku mod kif issir diskriminazjoni kontra tagħha. Wieħed mill-modi kif tiġi preġudikata d-dinjità u l-awtonomija tal-persuni li jappartjenu għal ċertu grupp huwa li mhux huma jitqiegħdu fil-mira, imma terzi persuni li huma assoċjati mill-qrib magħhom li huma stess ma jkunux jappartjenu għall-grupp. Kunċett sod ta’ ugwaljanza jimplika li dawn il-forom iktar sottili ta’ diskriminazzjoni għandhom ukoll jinqabdu bil-leġiżlazzjoni kontra d-diskriminazzjoni, għaliex dawn, ukoll, jaffettwaw il-persuni li jappartjenu għal kategoriji li jagħtu lok għal suspett.
13. Tabilħaqq, id-dinjità tal-persuna b’karatteristika li tagħti lok għal suspett tiġi affettwata kemm meta ssir diskriminazzjoni diretta kontra tagħha u daqstant ieħor meta tara lil xi ħadd ieħor jsofri diskriminazzjoni sempliċement minħabba l-fatt li dan ikun assoċjat magħha. B’dan il-mod, il-persuna li hija l-vittma immedjata ta’ diskriminazzjoni mhux biss issofri inġustizzja hija stess, imma anki ssir il-mezz li permezz tiegħu tiġi ppreġudikata d-dinjità tal-persuna li tappartjeni għal kategorija li tagħti lok għal suspett.
14. Minbarra dan, din il-forma aktar sottili ta’ diskriminazzjoni tippreġudika l-kapaċità ta’ persuni li għandhom karatteristika li tagħti lok għal suspett biex jeżerċitaw l-awtonomija tagħhom. Per eżempju, l-awtonomija ta’ membri ta’ grupp reliġjuż tista’ tiġi affettwata (per eżempju, għar-rigward ta’ min jiżżewwġu jew fejn joqogħdu) jekk ikunu jafu li l-persuna li se jiżżewwġu x’aktarx li ssofri diskriminazzjoni minħabba l-affiljazzjoni reliġjuża tal-konjuġi tagħha. L-istess jista’ jiġri, għalkemm mhux sa dan il-punt, fil-każ ta’ individwi li għandhom diżabbiltà. Persuni li jappartjenu għal ċerti gruppi huma ħafna drabi iktar vulnerabbli mill-persuna medja, u għalhekk isiru dipendenti fuq individwi li magħhom huma assocjati mill-qrib sabiex jgħinuhom fl-isforz tagħhom biex imexxu ħajjithom skont għażliet fundamentali li huma jkunu għamlu. Meta l-persuna li tiddiskrimina ċċaħħad lil individwu minn għażliet ta’ valur f’oqsma li huma ta’ importanza fundamentali għal ħajjitna għaliex dak l-individwu huwa assoċjat ma’ persuna li għandha karatteristika li tagħti lok għal suspett, hija tkun qed iċaħħad ukoll lil dik il-persuna minn għażliet fundamentali u żżommha milli teżerċita l-awtonomija tagħha. Fi kliem ieħor, il-persuna li tappartjeni għall-kategoriji li jagħtu lok għal suspett hija eskluża minn medda ta’ possibiltajiet li altrimenti kienu jkunu miftuħin għaliha.
Kif taħdem id-Direttiva
15. Il-leġiżlatur Komunitarju adotta d-Direttiva sabiex jipproteġi, fil-qasam tal-impjieg u tax-xogħol, lill-persuni li jappartjenu għal kategoriji li jagħtu lok għal suspett u sabiex jiġi żgurat li d-dinjità u l-awtonomija tagħhom ma tiġix kompromessa b’diskriminazzjoni li jew tkun ovvja u immedjata jew tkun sottili u inqas ovvja. Indikazzjoni ta’ kif dan għandu jintlaħaq huwa evidenti ġjà fl-Artikolu 1 tad-Direttiva, li jaqra: “L-iskop ta’ din id-Direttiva huwa li tniżżel [tistabbilixxi] parametru ġenerali biex tikkumbatti [d-]diskriminazzjoni fuq bażi ta’ reliġjon jew twemmin, diżabbiltà, età jew orjentazzjoni sesswali f’dak li għandu x’jaqsam mal-impjieg u x-xogħol, bi skop li timplimenta fl-Istati Membri il-prinċipju tal-ugwaljanza fit-trattament” (il-korsiv miżjud minni).
16. Il-kliem importanti hawnhekk huwa “fuq bażi ta’”. Huwa prinċipju komuni kemm tad-dritt kif ukoll tal-filosofija morali li mhux kull diskriminazzjoni hija ħażina. Fil-kuntest tal-impjieg, per eżempju, huwa perfettament aċċettabbli għal min jimpjega li jħaddem kandidat li hu responsabbli, ta’ min jafdah u edukat u li jeskludi kandidati li huma irresponsabbli, li mhux ta’ min wieħed jafdahom u psataż. Bil-maqlub, aħna naħsbu li hu ħażin li jiġi mwarrab xi ħadd abbażi tar-razza jew tar-reliġjon tiegħu jew tagħha, u fil-parti l-kbira tas-sistemi legali l-liġi tintervjeni biex iżomm diskriminazzjoni bħal din milli sseħħ. Hija r-raġuni għad-diskriminazzjoni li joqgħod fuqha min iħaddem f’kull każ li tiddetermina jekk l-imġiba ta’ min iħaddem hijiex aċċettabbli jew le, u li tipprovoka l-intervent tal-liġi.
17. Il-fatt li l-illegalità tad-diskriminazzjoni tiddependi mir-raġunijiet li fuqhom hija bbażata huwa rifless fil-mod kif il-leġiżlazzjoni rilevanti hija strutturata. Tista’ tgħid il-liġijiet kollha kontra d-diskriminazzjoni jipprojbixxu d-diskriminazzjoni bbażata fuq numru ta’ raġunijiet speċifikati. Din hija l-istrateġija segwita mil-leġiżlatur Komunitarju fid-Direttiva li tagħmel illegali d-diskriminazzjoni bbażata fuq reliġjon jew twemmin, diżabbiltà, età u orjentazzjoni sesswali. Id-dmir prinċipali impost bil-leġiżlazzjoni kontra d-diskriminazzjoni, bħad-Direttiva, huwa li l-persuni jiġu ttrattati b’ċertu mod li jkun paragunabbli mal-mod kif jiġu ttrattati persuni oħrajn (11). Bl-adozzjoni tad-Direttiva l-Kunsill għamilha ċara li huwa illegali għal min iħaddem li joqgħod fuq xi waħda minn dawn ir-raġunijiet sabiex jittratta impjegat inqas tajjeb mill-kollegi tiegħu jew tagħha. Malli jiġi aċċertat li l-bażi għall-imġiba ta’ min iħaddem hija waħda mir-raġunijiet ipprojbiti, wieħed jidħol fil-kamp tad-diskriminazzjoni illegali.
18. Fis-sens deskritt hawn fuq, id-Direttiva twettaq funzjoni ta’ esklużjoni: hija teskludi t-twemmin reliġjuż, l-età, id-diżabbiltà u l-orjentazzjoni sesswali mill-medda ta’ raġunijiet aċċettabbli li min iħaddem jista’ legittimament joqgħod fuqhom sabiex jittratta impjegat b’mod inqas favorevoli minn ieħor. Fi kliem ieħor, wara li ġiet fis-seħħ id-Direttiva mhuwiex iktar aċċettabbli li dawn il-kunsiderazzjonijiet jidħlu fir-raġunament ta’ min iħaddem meta jiddeċiedi li jittratta impjegat b’mod inqas favorevoli.
19. Id-Direttiva tipprojbixxi d-diskriminazzjoni diretta (12), il-fastidju (13) u d-diskriminazzjoni indiretta (14). Il-fattur distintiv tad-diskriminazzjoni diretta u tal-fastidju huwa li dawn għandhom relazzjoni neċessarja ma’ kategorija partikolari li tagħti lok għal suspett. Min jiddiskrimina joqgħod fuq kategorija li tagħti lok għal suspett sabiex jaġixxi b’ċertu mod. Il-kategorija mhijiex sempliċi kontinġenza imma sservi bħala premessa essenzjali tar-raġunament tiegħu. Il-fatt li min jimpjega joqgħod fuq dawn ir-raġunijiet li jagħtu lok għal suspett huwa kkunsidrat mill-ordinament ġuridiku Komunitarju bħala ħaġa ħażina li għandha tiġi eradikata. Għalhekk, id-Direttiva tipprojbixxi l-użu ta’ dawn il-kategoriji bħala raġunijiet li fuqhom jista’ jkun ibbażat ir-raġunament ta’ min iħaddem. B’kuntrast ma’ dan, f’każijiet ta’ diskriminazzjoni indiretta l-intenzjonijiet ta’ min iħaddem u r-raġunijiet li jkollu biex jaġixxi jew ma jaġixxix huma irrilevanti. Fil-fatt, din hija r-raġuni għall-projbizzjoni tad-diskriminazzjoni indiretta: anki miżuri u politiki newtrali, innoċenti jew in bona fide adottati mingħajr ebda intenzjoni diskriminatorja se jaqgħu taħt il-projbizzjoni jekk l-impatt tagħhom fuq persuni li għandhom karatteristika partikolari hija ikbar mill-impatt tagħhom fuq persuni oħra (15). Huwa dan “l-impatt divers” ta’ miżuri bħal dawn fuq ċerti persuni li huwa l-mira tal-leġiżlazzjoni dwar diskriminazzjoni indiretta. Il-projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni bħal din torbot mal-obbligu ta’ dawk li jħaddmu li jakkomodaw dawn il-gruppi billi jadottaw miżuri u jfasslu l-politiki tagħhom b’mod li ma jimponix piż fuqhom li huwa eċċessiv komparat ma’ dak impost fuq persuni oħrajn (16). B’dan il-mod, filwaqt li l-projbizzjoni tad-diskriminazzjoni diretta u tal-fastidju topera bħala mekkaniżmu ta’ esklużjoni (billi teskludi mir-raġunament ta’ min iħaddem li dan joqgħod fuq ċerti raġunijiet) il-projbizzjoni tad-diskriminazzjoni indiretta topera bħala mekkaniżmu ta’ inklużjoni (billi tobbliga lil dawk li jħaddmu li jieħdu inkunsiderazzjoni u jakkomodaw il-bżonnijiet ta’ individwi b’ċerti karatteristiċi). Huwa għal din ir-raġuni li anki kieku kellu jiġi aċċettat l-argument tal-Gvern tar-Renju Unit li d-diskriminazzjoni b’assoċjazzjoni taqa’ b’mod ċar barra mill-portata tal-projbizzjoni tad-diskriminazzjoni indiretta, dan b’ebda mod ma jkun ifisser li din taqa’ wkoll barra mill-portata tal-projbizzjoni tad-diskriminazzjoni diretta u tal-fastidju. Għall-kuntrarju, l-inklużjoni tad-diskriminazzjoni b’assoċjazzjoni fil-portata tal-projbizzjoni tad-diskriminazzjoni diretta u tal-fastidju hija l-konsegwenza naturali tal-mekkaniżmu ta’ esklużjoni li permezz tiegħu topera l-projbizzjoni ta’ dan it-tip ta’ diskriminazzjoni.
20. Il-każ ta’ S. Coleman iqajjem kwistjoni ta’ diskriminazzjoni diretta. Kif jagħmilha ċara d-digriet tar-rinviju, hi mhijiex qed tilmenta dwar l-impatt li miżura newtrali kellha fuqha bħala l-omm u l-persuna li tieħu ħsieb tifel b’diżabbiltà, imma tallega li hi ġiet identifikata u kienet fil-mira ta’ min kien jimpjegaha preċiżament minħabba binha li għandu diżabbiltà. Għalhekk, il-kwistjoni li għandha quddiemha l-Qorti tal-Ġustizzja hija jekk id-diskriminazzjoni diretta b’assoċjazzjoni hijiex ipprojbita mid-Direttiva.
21. Huwa evidenti li kieku r-rikorrenti kienet hija nfisha persuna b’diżabbiltà, id-Direttiva kienet tkun applikabbli. Madankollu, fil-każ preżenti, l-allegazzjoni hija li kienet id-diżabbiltà tat-tifel tar-rikorrenti li pprovokat it-trattament diskriminatorju. B’hekk, il-persuna li għandha diżabbiltà u l-persuna li hija l-vittma ovvja jew is-suġġett tal-att diskriminatorju mhumiex l-istess. Dan il-fatt jirrendi d-Direttiva mhux applikabbli? Abbażi tal-analiżi tiegħi sa dan il-punt, naħseb li dan mhuwiex il-każ.
22. Kif intqal, l-effett tad-Direttiva huwa li mhuwiex aċċettabbli għal min iħaddem li joqgħod fuq ir-reliġjon, l-età, id-diżabbiltà u l-orjentazzjoni sesswali biex jittratta xi impjegati inqas tajjeb minn oħrajn. Jekk wieħed jagħmel hekk, dan ikun jammonta għas-soġġezzjoni ta’ dawn l-individwi għal trattament inġust u għan-nuqqas ta’ rispett tad-dinjità u tal-awtonomija tagħhom. Is-sitwazzjoni ma tinbidilx f’każijiet fejn l-impjegata li hija s-suġġett ta’ diskriminazzjoni ma tkunx hi stess li għandha d-diżabbiltà. Ir-raġuni li sservi bħala l-bażi tad-diskriminazzjoni li hija ssofri tibqa’ tkun id-diżabbiltà. Id-Direttiva topera fil-livell tar-raġunijiet għad-diskriminazzjoni. L-inġustizzja li kienet intiża li tirrimedja hija l-użu ta’ ċerti karatteristiċi bħala raġunijiet għalfejn ċerti impjegati jiġu ttrattati inqas tajjeb minn oħrajn; dak li tagħmel huwa li tneħħi kompletament ir-reliġjon, l-età, id-diżabbiltà u l-orjentazzjoni sesswali mill-medda ta’ raġunijiet li min iħaddem jista’ leġittimament juża biex jittratta xi persuni inqas tajjeb. Fi kliem ieħor, id-Direttiva ma tippermettix l-ostilità li jista’ jkollu min jimpjega kontra persuni li jappartjenu għall-kategoriji elenkati li jagħtu lok għal suspett li topera bħala l-bażi għal xi tip ta’ trattament inqas favorevoli fil-kuntest tal-impjieg u tax-xogħol. Kif spjegajt, din l-ostilità tista’ tiġi espressa b’mod miftuħ billi tqiegħed fil-mira individwi li huma stess għandhom ċerti karatteristiċi, jew b’mod iktar sottili u moħbi billi tqiegħed fil-mira dawk li huma assoċjati ma’ individwi li għandhom il-karatteristiċi. Fl-ewwel każ, naħseb li imġiba bħal din hija ħażina u għandha tiġi pprojbita; it-tieni każ huwa eżatt l-istess f’kull aspett materjali. Fiż-żewġ każijiet, hija l-ostilità ta’ min iħaddem lejn persuni anzjani, b’diżabbiltà jew omossesswali jew persuni li jipprattikaw reliġjon partikolari li twasslu biex jittratta xi impjegati inqas tajjeb.
23. Għalhekk, jekk persuna hija s-suġġett ta’ diskriminazzjoni minħabba xi waħda mill-karatteristiċi elenkati fl-Artikolu 1, hija tista’ tinvoka l-protezzjoni tad-Direttiva anki jekk hija stess m’għandhiex waħda minn dawn il-karatteristiċi. Mhuwiex meħtieġ għal xi persuna li hija s-suġġett ta’ diskriminazzjoni li tkun ġiet ttrattata ħażin minħabba d-“diżabbiltà tagħha”. Huwa biżżejjed jekk tkun ġiet ittrattata ħażin minħabba “diżabbiltà”. Għalhekk, wieħed jista’ jkun vittma ta’ diskriminazzjoni illegali fuq bażi ta’ diżabbiltà taħt id-Direttiva mingħajr ma huwa nnifsu jkollu diżabbiltà; l-importanti huwa li din id-diżabbiltà – f’dan il-każ id-diżabbiltà tat-tifel ta’ S. Coleman – ġiet użata bħala raġuni biex hi tiġi ttrattata inqas tajjeb. Id-Direttiva ma tidħolx biss fix-xena fejn ir-rikorrenti stess għandha diżabbiltà imma kull darba li jkun hemm każ ta’ trattament inqas favorevoli minħabba diżabbiltà. Għalhekk, jekk S. Coleman tista’ tipprova li ġiet ittrattata b’mod inqas favorevoli minħabba d-diżabbiltà tat-tifel tagħha, hija għandha tkun tista’ tinvoka d-Direttiva.
24. Fl-aħħar nett, il-Gvern tar-Renju Unit huwa tal-fehma li d-Direttiva ġiet adottata bil-għan biss li jiġu stabbiliti standards minimi. Skont dan il-Gvern, il-fatt li l-Kunsill kien qed jaġixxi f’qasam fejn il-kompetenza għadha fil-parti l-kbira f’idejn l-Istati Membri jsostni din il-fehma. Konsegwentement, huma l-Istati Membri li għandhom jiddeċiedu jekk jipprojbixxux jew le d-diskriminazzjoni b’assoċjazzjoni fil-qasam tal-impjieg u tax-xogħol. Jien ma naqbilx ma’ dan. L-ewwel nett, il-fatt li settur ma ġiex kompletament armonizzat jew li l-Komunità għandha biss kompetenza limitata biex tilleġiżla bl-ebda mod ma jimplika li l-intervent tad-dritt Komunitarju, ikun x’ikun, għandu jseħħ fl-iktar livell baxx. Fi kliem ieħor, il-fatt li l-Komunità għandha kompetenza limitata fil-qasam tad-drittijiet fundamentali ma jfissirx li meta din tiddeċiedi li teżerċita din il-kompetenza hija tista’ tipprovdi biss livelli minimi ta’ protezzjoni tad-drittijiet fundamentali. It-tieni nett, m’hemm xejn fid-Direttiva jew fil-premessi tagħha li jindika li hekk kienet l-intenzjoni tal-Kunsill. Għall-kuntrarju, il-premessa 6, per eżempju, tirreferi għall-“importanza li tiġi kkumbattuta kull forma ta’ diskriminazzjoni’ (il-korsiv miżjud minni) (17).
III – Konklużjoni
25. Għar-raġunijiet mogħtija hawn fuq, naħseb li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha twieġeb għad-domanda tal-Employment Tribunal kif ġej:
Id-Direttiva 2000/78/KE tas-27 ta’ Novembru 2000 li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament [trattament ugwali] fl-impjieg u fix-xogħol tipproteġi persuni li, għalkemm huma stess mhumiex persuni b’diżabbiltà, isofru diskriminazzjoni diretta u/jew fastidju fil-qasam tal-impjieg u tax-xogħol għaliex huma assoċjati ma’ persuna b’diżabbiltà.