Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mil-Lietuvos vyriausiasis administracinis teismas (il-Litwanja) fit-22 ta’ April 2020 – BB vs Lietuvos Respublikos sveikatos apsaugos ministerija

(Kawża C-166/20)

Lingwa tal-kawża: il-Litwan

Qorti tar-rinviju

Lietuvos vyriausiasis administracinis teismas

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: BB

Konvenut: Lietuvos Respublikos sveikatos apsaugos ministerija

Domandi preliminari

L-Artikolu 10(b) tad-Direttiva 2005/36/KE 1 , moqri fid-dawl tal-għan stabbilit fl-Artikolu 1 tal-istess direttiva, għandu jiġi interpretat fis-sens li jista’ japplika f’sitwazzjoni fejn il-persuna kkonċernata ma tkunx kisbet prova ta’ kwalifiki formali peress li, għalkemm hija potenzjalment issodisfat il-kundizzjonijiet meħtieġa sabiex tikseb kwalifika professjonali, dan sar mhux fi Stat Membru wieħed, iżda f’diversi Stati Membri tal-Unjoni? F’sitwazzjoni bħal din, fejn il-persuna kkonċernata ma kisbitx prova ta’ kwalifiki formali peress li hija potenzjalment issodisfat il-kundizzjonijiet meħtieġa sabiex tikseb kwalifika professjonali mhux fi Stat Membru wieħed, iżda f’diversi Stati Membri tal-Unjoni Ewropea, id-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu I tat-Titolu III tad-Direttiva 2005/36/KE (“Sistema ġenerali għar-rikonoxximent ta’ provi ta’ taħriġ”) għandhom jiġi interpretati fis-sens li l-awtoritajiet ta’ rikonoxximent ta’ kwalifiki huma obbligati li jevalwaw il-kontenut tad-dokumenti kollha ppreżentati mill-persuna kkonċernata, li jistgħu jattestaw il-kwalifika professjonali tagħha, kif ukoll il-konformità [tat-taħriġ li jattestaw] għall-kundizzjonijiet meħtieġa sabiex tinkiseb il-kwalifika professjonali fl-Istat Membru ospitanti u, jekk ikun il-każ, li japplikaw miżuri kumpensatorji?

L-Artikoli 45 u 49 TFUE u l-Artikolu 15 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali għandhom jiġu interpretati fis-sens li, fis-sitwazzjoni ta’ dan il-każ, fejn ir-rikorrenti potenzjalment issodisfat il-kundizzjonijiet meħtieġa sabiex tikseb il-kwalifika professjonali ta’ spiżjara fis-sens tal-Artikolu 44, Sezzjoni 7, Kapitolu III [tat-Titolu III] tad-Direttiva 2005/36/KE, iżda hija ssodisfat dawn il-kundizzjonijiet mhux fi Stat Membru wieħed tal-Unjoni, iżda f’diversi Stati Membri, u fejn, għal din ir-raġuni, hija ma għandhiex titolu li jattesta l-kwalifika professjonali tagħha previst fil-punt 5.6.2 tal-Anness V tad-Direttiva 2005/36, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ospitanti huma obbligati li jevalwaw it-taħriġ professjonali tar-rikorrenti u li jipparagunawh mat-taħriġ professjonali li huwa meħtieġ f’dan l-Istat, kif ukoll li jevalwaw il-kontenut tad-dokumenti li jistgħu jipprovaw il-kwalifika professjonali li huma ppreżentati, kif ukoll il-konformità [tat-taħriġ li huma jattestaw] għall-kundizzjonijiet meħtieġa sabiex tinkiseb il-kwalifika professjonali fl-Istat Membru ospitanti u, skont il-każ, li japplikaw miżuri kumpensatorji?

____________

1 Direttiva 2005/36/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta’ Settembru 2005 dwar ir-Rikonoxximent ta' Kwalifiki Professjonali (ĠU 2005, L 255, p. 22, rettifiki fil-ĠU 2007, L 271, p. 18, fil-ĠU 2008, L 93, p. 28, u fil-ĠU 2014, L 305, p. 115).