Language of document : ECLI:EU:F:2008:98

SENTENZA TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU (It-Tielet Awla)

10 ta’ Lulju 2008

Kawża F-61/06

Cathy Sapara

vs

Eurojust

“Servizz pubbliku – Membri tal-persunal temporanju – Reklutaġġ – Perijodu ta’ prova – Estensjoni tal-perijodu ta’ prova – Tkeċċija fi tmiem il-perijodu ta’ prova – Obbligu ta’ motivazzjoni – Drittijiet tad-difiża – Żball manifest ta’ evalwazzjoni – Fastidju psikoloġiku”

Suġġett: Rikors, ippreżentat skont l-Artikoli 236 KE u 152 KEEA, li permezz tiegħu C. Sapara titlob l-annullament tad-deċiżjoni tal-Eurojust, tas-6 ta’ Lulju 2005, li ddikjarat it-tkeċċija tagħha wara t-tmiem tal-perijodu ta’ prova tagħha, tordna l-ingaġġ mill-ġdid tagħha fi ħdan il-Eurojust mis-6 ta’ Lulju 2005, tikkundanna lill-Eurojust tħallasha, bħala danni materjali, is-salarju li hija kieku kellha tirċievi bejn is-6 ta’ Lulju 2005 u l-15 ta’ Ottubru 2009, u, bħala danni morali, l-ammont, evalwat fuq bażi provviżorja ex aequo et bono, ta’ EUR 200 000.

Deċiżjoni: Ir-rikors huwa miċħud. Kull parti għandha tbati l-ispejjeż tagħha.

Sommarju

1.      Uffiċjali – Membri tal-persunal temporanju – Reklutaġġ – Perijodu ta’ prova – Deċiżjoni ta’ estensjoni

(Kondizzjonijiet tal-impjieg ta’ impjegati oħra, it-tielet paragrafu tal-Artikolu 14)

2.      Uffiċjali – Membri tal-persunal temporanju – Reklutaġġ – Perijodu ta’ prova – Rapport fi tmiem il-perijodu ta’ prova

(Kondizzjonijiet tal-impjieg ta’ impjegati oħra, it-tielet paragrafu tal-Artikolu 14)

3.      Uffiċjali – Fastidju psikoloġiku – Kunċett

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 12a(3); Kondizzjonijiet tal-impjieg ta’ impjegati oħra, l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 11)

4.      Uffiċjali – Membri tal-persunal temporanju – Reklutaġġ – Perijodu ta’ prova – Evalwazzjoni tar-riżultati

(Kondizzjonijiet tal-impjieg ta’ impjegati oħra, it-tielet paragrafu tal-Artikolu 14)

5.      Uffiċjali – Membri tal-persunal temporanju – Reklutaġġ – Perijodu ta’ prova – Evalwazzjoni negattiva tal-kompetenzi tal-persuna kkonċernata

(Kondizzjonijiet tal-impjieg ta’ impjegati oħra, it-tielet paragrafu tal-Artikolu 14)

1.      Mit-tielet paragrafu tal-Artikolu 14 tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg ta’ impjegati oħra jista’ jiġi dedott illi, jekk l-awtorità awtorizzata sabiex tikkonkludi kuntratti ta’ xogħol tiddeċiedi li testendi l-perijodu ta’ prova ta’ membru tal-persunal temporanju fuq prova, hija għandha tibbaża d-deċiżjoni tagħha fuq ir-rapport miktub fi tmiem il-perijodu ta’ prova. Il-fatt li s-superjur ta’ dan il-membru kien diġà ppropona din l-estensjoni fl-ewwel rapport, miktub f’nofs il-perijodu ta’ prova, ma jikkostitwixxix ksur ta’ din id-dispożizzjoni għaliex din il-proposta, għalkemm prematura, ma setax ikollha effetti fuq is-sitwazzjoni tal-persuna kkonċernata.

(ara l-punti 54, 56, 57)

2.      Għalkemm id-dispożizzjonijiet tat-tielet paragrafu tal-Artikolu 14 tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg ta’ impjegati oħra ma jistabbilixxux espressament, fil-każ ta’ estensjoni tal-perijodu ta’ prova ta’ membru tal-persunal temporanju fuq prova, il-bżonn ta’ rapport ġdid fi tmiem il-perijodu ta’ prova estiż, huma ma jistgħux jiġu interpretati bħala ostakolu għall-fatt li l-amministrazzjoni tista’ tikteb it-tieni rapport wara t-tmiem tal-imsemmija estensjoni. Fil-fatt, meta tingħata estenjoni tal-perijodu ta’ prova lill-persuna kkonċernata, l-awtorità kompetenti tista’ tipproċedi u tikteb it-tieni rapport.

(ara l-punt 60)

Referenza: Il-Qorti tal-Ġustizzja 8 ta’ Ottubru 1981, Tither vs Il‑Kummissjoni, 175/80, Ġabra p. 2345, punt 12

3.      Għalkemm huwa veru illi l-valuri fundamentali li fuqhom is-sistema legali tal-Komunità hija bbażata jipprekludu li uffiċjal jgħaddi kummenti baxxi dwar il-kulur tal-ġilda ta’ wieħed mill-kollegi tiegħu, kemm jekk dawn il-kummenti kienu ta’ darba, kemm jekk le, tali aġir, kundannabbli u inaċċettabbli, ma jistax, madankollu, jiġi kkwalifikat bħala fastidju psikoloġiku fis-sens tal-Artikolu 12a(3) tar-Regolamenti tal-Persunal meta jiġi stabbilit li l-kummenti ma ntqalux b’mod ripetittiv u meta waqfu meta l-kollega inkwistjoni talab li jieqfu.

(ara l-punti 105-107)

4.      Fid-dawl tal-marġni ta’ diskrezzjoni wiesgħa li l-amministrazzjoni tgawdi fir-rigward tal-evalwazzjoni tal-kompetenzi u tax-xogħol ta’ membru tal-persunal temporanju fuq prova skont l-interessi tas-servizz, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ma għandux jissostitwixxi d-deċiżjoni tal-istituzzjonijiet fir-rigward tal-evalwazzjoni tagħhom dwar ir-riżultat tal-perijodu ta’ prova, ħlief f’każ ta’ żball manifest ta’ evalwazzjoni jew ta’ abbuż ta’ poter.

(ara l-punt 120)

Referenza: Il-Qorti tal-Ġustizzja 13 ta’ Diċembru 1989, Patrinos vs CES, C‑17/88, Ġabra p. 4249, Pubblikazzjoni sommarja, punt 33; Il-Qorti tal-Prim’Istanza 27 ta’ Ġunju 2002, Tralli vs BĊE, T‑373/00, T‑27/01, T‑56/01 u T‑69/01, ĠabraSP p. I‑A‑97 u II‑453, punt 76

5.      Ir-rispett tad-drittijiet tad-difiża fil-kawżi kollha miftuħa kontra persuna u li tista’ twassal għal att li jikkawżalha preġudizzju jikkostitwixxi prinċipju fundamentali tad-dritt Komunitarju. Dan il-prinċipju, li jissodisfa r-rekwiżiti ta’ amministrazzjoni tajba, jitlob illi l-persuna inkwistjoni titqiegħed f’pożizzjoni sabiex tkun tista’ tesponi b’mod utli l-fehma tagħha dwar l-provi mressqa kontra tagħha sabiex tittieħed tali miżura.

Il-prinċipju ta’ rispett tad-drittijiet tad-difiża huwa, fir-rigward tat-tkeċċija ta’ membru tal-persunal temporanju wara t-tmiem tal-perijodu ta’ prova, implementat bit-tielet paragrafu tal-Artikolu 14 tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg ta’ impjegati oħra, li jipprovdi illi r-rapport, li jinħareġ xahar qabel ma jiskadi l-perijodu ta’ prova tal-membru tal-persunal temporanju u li jittratta l-kompetenzi tal-imsemmi membru li jaqdi d-dmirijiet marbutin mal-pożizzjoni tiegħu, l-effiċjenza u l-kondotta tiegħu fis-servizz, “għandu jkun ikkomunikat lill-persuna kkonċernata, li għandu jkollha d-dritt li tibgħat il-kummenti tagħha bil-miktub”. Min-naħa l-oħra, dan il-prinċipju ma jirrikjedix illi matul il-perijodu ta’ prova l-amministrazzjoni twissi lill-membru tal-personal temporanju dwar il-fatt illi xogħlu ma huwiex sodisfaċenti. Barra minn hekk, anki jekk matul il-perijodu ta’ prova l-amministrazzjoni ma tinformax lill-persuna kkonċernata dwar l-allegati nuqqasijiet professjonali tiegħu, tali ċirkustanza ma hijiex ta’ natura li twassal għal ksur tal-prinċipju tar-rispett tad-drittijiet tad-difiża peress li r-rapport ta’ tmiem il-perijodu ta’ prova, li fuqu l-amministrazzjoni bbażat ruħha sabiex tipproponi t-tkeċċija, ġie kkomunikat kif mitlub lill-persuna kkonċernata.

(ara l-punti 148-150)

Referenza: Il-Qorti tal-Ġustizzja 15 ta’ Mejju 1985, Patrinos vs CES, 3/84, Ġabra p. 1421, punt 19; 9 ta’ Novembru 2006, Il‑Kummissjoni vs De Bry, C‑344/05 P, Ġabra p. I‑10915, punti 37 u 38; Il-Qorti tal-Prim’Istanza 5 ta’ Marzu 1997, Rozand-Lambiotte vs Il‑Kummissjoni, T‑96/95, ĠabraSP p. I‑A‑35 u II‑97, punt 102; 8 ta’ Marzu 2005, Vlachaki vs Il‑Kummissjoni, T‑277/03, ĠabraSP p. I‑A‑57 u II‑243, punt 64; 10 ta’ Ottubru 2006, Van der Spree vs Il‑Kummissjoni, T‑182/04, ĠabraSP p. I‑A‑2‑205 u II‑A‑2‑1049, punt 70