Language of document : ECLI:EU:C:2019:232

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)

21 ta’ Marzu 2019 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Direttiva 93/13/KEE – Kamp ta’ applikazzjoni – Artikolu 2(b) u (ċ) – Kunċetti ta’ “konsumatur” u ta’ “bejjiegħ jew fornitur” – Finanzjament tax-xiri ta’ abitazzjoni prinċipali – Self immobbiljari mogħti minn persuna li timpjega lil impjegat tiegħu u lill-konjuġi tiegħu, kodebitriċi in solidum”

Fil-Kawża C-590/17,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Cour de cassation (il-Qorti tal-Kassazzjoni, Franza), permezz ta’ deċiżjoni tal-4 ta’ Ottubru 2017, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-12 ta’ Ottubru 2017, fil-proċedura

Henri Pouvin,

Marie Dijoux, miżżewġa Pouvin

vs

Electricité de France (EDF),

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),

komposta minn M. Vilaras, President tar-Raba’ Awla, li qed jaġixxi bħala President tat-Tielet Awla, J. Malenovský, L. Bay Larsen, M. Safjan (Relatur) u D. Šváby, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Bobek,

Reġistratur: R. Şereş, amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-12 ta’ Settembru 2018,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal H. Pouvin u M. Dijoux, miżżewġa Pouvin, minn J. Buk Lament, avocate,

–        għal Electricité de France (EDF), minn E. Piwnica, avocat,

–        għall-Gvern Franċiż, minn D. Colas, J. Traband u A.-L. Desjonquères, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Elleniku, minn M. Tassopoulou, D. Tsagkaraki, C. Fatourou u K. Georgiadis, bħala aġenti,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn N. Ruiz García u C. Valero, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-15 ta’ Novembru 2018,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 2(b) tad-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE tal-5 ta’ April 1993 dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 2, p. 288).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn, minn naħa, Henri Pouvain u Marie Dijoux, miżżewġa Pouvin, u, min-naħa l-oħra, Electricité de France (EDF), dwar talba għal ħlas ta’ somom li għadhom dovuti fil-kuntest ta’ self immobbiljari li din il-kumpannija kienet tat lil dawn tal-aħħar.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

3        Id-disa’, l-għaxar u l-erbatax-il premessi tad-Direttiva 93/13 jistipulaw:

“Billi […] l-akkwirenti ta’ merkanzija jew servizzi għandhom jiġu protetti kontra l-abbuż tal-poter mill-bejjiegħ jew mill-fornitur, b’mod partikolari kontra kuntratti standard li jiġbdu lejn naħa waħda u l-esklużjoni inġusta ta’ drittijiet essenzali f’kuntratti;

Billi tista’ tinkiseb protezzjoni aktar effettiva tal-konsumatur billi jiġu adottati regoli tal-liġi uniformi fil-kwistjoni ta’ klawżoli inġusti; billi dawk ir-regoli għandhom jgħoddu għall-kuntratti kollha konklużi bejn il-bejjiegħa jew il-fornituri u l-konsumaturi; billi bħala riżultat kuntratti inter alia relatati ma’ l-impieg, kuntratti relatati mad-drittijiet tas-suċċessjoni, kuntratti relatati mad-drittijiet taħt il-liġi tal-familja u kuntratti relatati ma’ l-inkorporazzjoni u l-organizzazzjoni ta’ kumpaniji jew ftehim ta’ sħubija għandhom jiġu esklużi minn din id-Direttiva.

[…]

Billi […] din id-Direttiva tgħodd ukoll għal snajja, negozji jew professjonijiet ta’ natura pubblika”.

4        Skont l-Artikolu 1(1) ta’ din id-direttiva:

“L-għan ta’ din id-Direttiva huwa li japprossima l-liġijiet, ir-regolamenti u d-disposizzjonijiet amministrattivi ta’ l-Istati Membri relatati ma’ klawżoli inġusti f’kuntratti konklużi bejn bejjiegħ jew fornitur u konsumatur.”

5        L-Artikolu 2 tal-imsemmija direttiva jipprevedi:

“Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva:

[…]

(b)      ‘konsumatur’ tfisser kull persuna naturali li, f’kuntratti koperti minn din id-Direttiva, tkun qiegħda taġixxi għal skopjiet li jkunu barra s-sengħa, in-negozju jew il-professjoni tagħha;

(ċ)      ‘bejjiegħ jew fornitur’ tfisser kull persuna naturali jew legali li, f’kuntratti koperti minn din id-Direttiva, tkun qiegħda taġixxi għal skopijiet relatati mas-sengħa, in-negozju jew il-professjoni tagħha, sew jekk proprjetà pubblika u sew jekk propjetà privata.”

 Id-dritt Franċiż

6        L-Artikolu L. 132–1 tal-code de la consommation (il-Kodiċi tal-Konsumatur), fil-verżjoni tiegħu applikabbli għat-tilwima fil-kawża prinċipali, ittraspona d-Direttiva 93/13 fid-dritt Franċiż.

7        Skont l-ewwel paragrafu ta’ dan l-artikolu:

“Fil-kuntratti konklużi bejn bejjiegħ jew fornitur u persuni li ma humiex bejjiegħa jew fornituri jew li huma konsumaturi, huma inġusti l-klawżoli li l-għan jew l-effett tagħhom huwa li joħolqu, għad-detriment tal-persuni li ma humiex bejjiegħa jew fornituri jew li huma konsumaturi, żbilanċ sinjifikattiv bejn id-drittijiet u l-obbligi tal-partijiet għall-kuntratt.”

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

8        Fit-3 ta’ April 1995, EDF tat lil H. Pouvin, impjegat ta’ din il-kumpannija, u lill-konjuġi tiegħu (iktar ’il quddiem id-“debituri”) self taħt l-iskema ta’ għajnuna għall-aċċess għall-akkomodazzjoni, għall-finanzjament tax-xiri tal-abitazzjoni prinċipali tagħhom, ta’ ammont ta’ EUR 57 625.73, li kellu jitħallas lura permezz ta’ 240 pagament mensili fuq żewġ perijodi ta’ għaxar snin bir-rata tal-interessi ta’ 4.75% u 8.75% rispettivament (iktar ’il quddiem il-“kuntratt ta’ self”).

9        Skont l-Artikolu 7 ta’ dan il-kuntratt ta’ self, dan kellu jiġi xolt ipso jure fil-każ li d-debitur, għal kwalunkwe raġuni, ma jibqax jifforma parti mill-persunal ta’ EDF. L-effett ta’ din il-klawżola kien li, fil-każ ta’ terminazzjoni tal-kuntratt ta’ xogħol, il-ħlas lura tal-kapital misluf ikun immedjatament eżiġibbli, mingħajr ma d-debituri jkunu naqsu milli josservaw l-obbligi tagħhom.

10      Wara li H. Pouvin irriżenja minn EDF fl-1 ta’ Jannar 2002, id-debituri ma baqgħux iħallsu l-pagamenti mensili tas-self.

11      Fil-5 ta’ April 2012, wara li applikat il-klawżola ta’ xoljiment ipso jure tal-kuntratt ta’ self fil-każ li d-debitur ma jibqax jifforma parti mill-persunal ta’ EDF, din tal-aħħar fetħet kawża kontra d-debituri għall-ħlas tas-somma ta’ EUR 50 238.37 li kienet għadha dovuta fuq il-kapital u fuq l-interessi fl-1 ta’ Jannar 2002, kif ukoll tas-somma ta’ EUR 3 517 dovuta abbażi tal-klowżola ta’ penalità kuntrattwali.

12      Permezz ta’ sentenza tad-29 ta’ Marzu 2013, it-tribunal de grande instance ta’ Saint-Pierre (il-Qorti Reġjonali ta’ Saint-Pierre, Franza) iddikjarat li l-klawżola ta’ xoljiment ipso jure tal-kuntratt ta’ self fil-każ li d-debitur ma jibqax jifforma parti mill-persunal ta’ EDF kienet inġusta. Għalhekk, l-imsemmija qorti ċaħad it-talbiet ta’ EDF għall-konstatazzjoni ta’ xoljiment ipso jure tal-imsemmi kuntratt. Fl-istess ħin, l-istess qorti ddeċidiet favur ix-xoljiment tal-istess kuntratt minħabba n-nuqqas ta’ ħlas tal-pagamenti mensili tas-self u kkundannat lid-debituri in solidum għall-ħlas, lill-EDF, tas-somma ta’ EUR 44 551.84, flimkien ma’ interessi ta’ 6 % b’effett mill-5 ta’ April 2012, kif ukoll tas-somma ta’ EUR 3 118.63, miżjuda b’rata ta’ interessi ta’ 6 % b’effett mid-data tal-għoti tas-sentenza, bħala kumpens għad-danni sostnuti minn EDF minħabba nuqqas ta’ ħlas min-naħa tad-debituri.

13      B’sentenza tat-12 ta’ Settembru 2014, il-cour d’appel de Saint-Denis (il-Qorti tal-Appell ta’ Saint-Denis, Franza) annullat is-sentenza tad-29 ta’ Marzu 2013 u ddeċidiet li x-xoljiment ipso jure tal-kuntratt inkwistjoni kien seħħ fl-1 ta’ Jannar 2002. Għaldaqstant, hija kkundannat lid-debituri jħallsu lill-EDF is-somma ta’ EUR 50 238.37, miżjuda b’rata ta’ interessi ta’ 6 % b’effett mill-1 ta’ Jannar 2002, fejn l-ammonti mħallsa wara din id-data kellhom jitnaqqsu. Barra minn hekk, dik il-qorti kkundannat lid-debituri jħallsu lill-EDF s-somma ta’ EUR 3 517, miżjuda bl-interessi legali b’effett mill-1 ta’ Jannar 2002, abbażi tal-klawżola ta’ penalità kuntrattwali.

14      Fil-fatt, dik il-qorti qieset li l-Artikolu L132–1 tal-Kodiċi tal-Konsumatur ma kienx applikabbli f’dan il-każ, peress li EDF kienet ikkonkludiet il-kuntratt ta’ self fil-kwalità tagħha ta’ persuna li timpjega u ma setgħetx, għaldaqstant, titqies li hija “bejjiegħ jew fornitur”, fis-sens ta’ dan l-artikolu.

15      Id-debituri ppreżentaw appell ta’ kassazzjoni minn din is-sentenza fejn sostnew li aġixxew fil-kwalità tagħhom ta’ konsumaturi u invokaw il-ġurisprudenza tal-Cour de cassation (il-Qorti tal-Kassazzjoni, Franza) li tgħid li klawżola li tipprovdi d-dekadenza tas-self għal kawża esterna għall-kuntratt hija inġusta.

16      Il-Cour de cassation (il-Qorti tal-Kassazzjoni) tqis li l-kwistjonijiet imqajma fl-aggravju, li fuqhom tiddependi s-soluzzjoni tal-appell, jeħtieġu interpretazzjoni uniformi tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 93/13.

17      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Cour de cassation (il-Qorti tal-Kassazzjoni) iddeċidiet li tissospendi d-deċiżjoni u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      L‑Artikolu 2 tad-Direttiva tal-Kunsill 93/13 […] għandu jiġi interpretat fis-sens li kumpannija, bħall-kumpannija EDF, meta tawtorizza lil impjegat self immobbiljari li jaqa’ taħt l-iskema ta’ għajnuna għall-aċċess għall-akkomodazzjoni, li għaliha huma eliġibbli biss il-membri tal-persunal tal-kumpannija, taġixxi bħala bejjiegħ jew fornitur?

2)      L‑Artikolu 2 tad-[Direttiva 93/13] għandu jiġi interpretat fis-sens li kumpannija, bħall-kumpannija EDF, meta tawtorizza tali self immobbiljari lill-konjuġi ta’ impjegat, li ma hijiex membru tal-persunal ta’ din il-kumpannija, iżda kodebitriċi in solidum, taġixxi bħala bejjiegħ jew fornitur?

3)      L-Artikolu 2 tad-[Direttiva 93/13] għandu jiġi interpretat fis-sens li impjegat ta’ kumpannija, bħall-kumpannija EDF, li jikkonkludi kuntratt magħha għal tali self immobbiljari, jaġixxi bħala konsumatur?

4)      L-Artikolu 2 tad-[Direttiva 93/13] għandu jiġi interpretat fis-sens li l-konjuġi ta’ dan l-impjegat, li tissottoskrivi għall-istess self, mhux fil-kwalità ta’ impjegat tal-kumpannija iżda ta’ kodebitriċi in solidum, taġixxi bħala konsumatur?”

 Fuq id-domandi preliminari

18      Permezz tad-domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 2(b) u (ċ) tad-Direttiva 93/13 għandux jiġi interpretat fis-sens li, minn naħa, l-impjegat ta’ impriża u l-konjuġi tiegħu, li jikkonkludu kuntratt ta’ kreditu ma’ din l-impriża, li huwa rriżervat, prinċipalment, għall-membri tal-persunal tal-imsemmija impriża, intiż għall-finanzjament tax-xiri ta’ proprjetà immobbli għal skopijiet privati, għandhom jitqiesu li huma “konsumaturi”, fis-sens tal-imsemmi Artikolu 2(b), u, min-naħa l-oħra, jekk, għal dak li jirrigwarda l-għoti ta’ dan il-kreditu, din l-istess impriża għandha titqies li hija “bejjiegħ jew fornitur”, fis-sens tal-imsemmi Artikolu 2(ċ).

19      Preliminarjament, għandu jitfakkar li, hekk kif tistipula l-għaxar premessa tad-Direttiva 93/13, ir-regoli uniformi dwar il-klawżoli inġusti għandhom japplikaw għall-“kuntratti kollha” konklużi bejn “bejjiegħ jew fornitur” u “konsumatur”, kif iddefiniti fl-Artikolu 2(b) u (ċ) ta’ din id-direttiva (sentenza tas-17 ta’ Mejju 2018, Karel de Grote – Hogeschool Katholieke Hogeschool Antwerpen, C‑147/16, EU:C:2018:320, punt 46).

20      Fl-istess ħin, l-għaxar premessa tad-Direttiva 93/13 tiddikjara li “kuntratti […] relatati ma’ l-impieg […] għandhom jiġu esklużi minn din id-Direttiva”.

21      F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi vverifikat jekk il-fatt li l-partijiet f’kuntratt ta’ kreditu bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali huma wkoll marbuta b’kuntratt ta’ xogħol jaffettwax il-kwalitajiet rispettivi tagħhom ta’ “konsumatur” u ta’ “bejjiegħ jew fornitur”, fis-sens tal-Artikolu 2(b) u (ċ) tad-Direttiva 93/13, f’dak li jirrigwarda dan il-kuntratt ta’ kreditu.

22      F’dan ir-rigward, skont l-imsemmija dispożizzjoni, “konsumatur” tfisser kull persuna fiżika li, f’kuntratti koperti mill-imsemmija direttiva, tkun qiegħda taġixxi għal skopijiet li ma jkunux jaqgħu fil-kuntest tal-attività professjonali tagħha. Barra minn hekk, “bejjiegħ jew fornitur” tfisser kull persuna fiżika jew ġuridika li, f’kuntratti koperti mid-Direttiva 93/13, tkun qiegħda taġixxi fil-kuntest tal-attività professjonali tagħha, sew jekk pubblika jew privata.

23      Kif jirriżulta minn ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, huwa b’riferiment għall-kwalità tal-partijiet kontraenti, skont jekk dawn jaġixxux jew le fil-kuntest tal-attività professjonali tagħhom, li d-Direttiva 93/13 tiddefinixxi l-kuntratti li huma suġġetti għaliha (sentenza tas-17 ta’ Mejju 2018, Karel de Grote – Hogeschool Katholieke Hogeschool Antwerpen, C‑147/16, EU:C:2018:320, punt 53 u l-ġurisprudenza ċċitata).

24      F’dak li jikkonċerna, fl-ewwel lok, il-kunċett ta’ “konsumatur”, fis-sens tal-Artikolu 2(b) tad-Direttiva 93/13, dan għandu natura oġġettiva u huwa indipendenti mill-għarfien konkret li l-persuna kkonċernata jista’ jkollha, jew mill-informazzjoni li din il-persuna għandha realment (sentenza tat-3 ta’ Settembru 2015, Costea, C-110/14, EU:C:2015:538, punt 21).

25      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-konsumatur jinsab f’sitwazzjoni inferjuri fil-konfront tal-bejjiegħ jew fornitur fir-rigward kemm tas-setgħa ta’ negozjar kif ukoll tal-livell ta’ informazzjoni, sitwazzjoni li twasslu sabiex jaqbel mal-kundizzjonijiet imħejjija minn qabel mill-bejjiegħ jew fornitur, u dan mingħajr ma jkun jista’ jeżerċita influwenza fuq il-kontenut tagħhom (sentenza tat-3 ta’ Settembru 2015, Costea, C-110/14, EU:C:2015:538, punt 18 u l-ġurisprudenza ċċitata).

26      Il-qorti nazzjonali adita b’kawża li tirrigwarda kuntratt li jista’ jaqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva għandha tivverifika, billi tieħu inkunsiderazzjoni l-provi kollha u b’mod partikolari t-termini ta’ dak il-kuntratt, jekk il-persuna kkonċernata tistax tiġi kklassifikata bħala “konsumatur” fis-sens tad-Ddirettiva 93/13. Sabiex tagħmel dan, il-qorti nazzjonali trid tieħu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi kollha tal-każ, u b’mod partikolari n-natura tal-oġġett jew tas-servizz li jkun is-suġġett tal-kuntratt inkwistjoni, li jkunu jistgħu juru għal liema għan dan il-prodott jew servizz qiegħed jinxtara (sentenza tat-3 ta’ Settembru 2015, Costea, C-110/14, EU:C:2015:538, punti 22 u 23).

27      Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li anki avukat, għalkemm jista’ jitqies li għandu livell għoli ta’ kompetenzi tekniċi, jista’ jitqies li huwa “konsumatur”, fis-sens tal-Artikolu 2(b) tad-Direttiva 93/13, meta huwa jikkonkludi kuntratt li ma jkunx relatat mal-attività professjonali tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-3 ta’ Settembru 2015, Costea, C-110/14, EU:C:2015:538, punti 26 u 27).

28      Din l-interpretazzjoni wiesgħa tal-kunċett ta’ “konsumatur”, fis-sens tal-Artikolu 2(b) tad-Direttiva 93/13, tippermetti li tiġi żgurata l-protezzjoni li din id-Direttiva tagħti lill-persuni fiżiċi kollha li jinsabu fis-sitwazzjoni ta’ inferjorità msemmija fil-punt 25 ta’ din is-sentenza.

29      Mill-kunsiderazzjonijiet esposti iktar ’il fuq jirriżulta li l-fatt li persuna fiżika tikkonkludi kuntratt, għajr kuntratt ta’ impjieg, mal-persuna li timpjegaha, ma jipprekludix, bħala tali, li din il-persuna tiġi kklassifikata bħala “konsumatur”, fis-sens ta’ l-Artikolu 2(b) tad-Direttiva 93/13.

30      Barra minn hekk, kif osserva l-Avukat Ġenerali fil-punt 60 tal-konklużjonijiet tiegħu, il-fatt li ċerti tipi ta’ kuntratti konklużi minn konsumaturi jkunu rriżervati għal ċerti gruppi ta’ konsumaturi ma jċaħħadx lil dawn tal-aħħar mill-istatus tagħhom ta’ “konsumatur”, fis-sens tal-Artikolu 2(b) tad-Direttiva 93/13.

31      Issa, l-esklużjoni mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva ta’ numru ta’ kuntratti konklużi mill-konsumaturi mal-persuni li jimpjegawhom iċċaħħad lil dawn il-konsumaturi kollha mill-protezzjoni mogħtija mill-imsemmija direttiva (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-15 ta’ Jannar 2015, Šiba, C-537/13, EU:C:2015:14, punt 29).

32      Fir-rigward tal-esklużjoni tal-kuntratti ta’ impjieg mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 93/13, għandu jiġi kkonstatat li, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 58 tal-konklużjonijiet tiegħu, kuntratt ta’ kreditu bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali la jirregola relazzjoni ta’ xogħol u lanqas kundizzjonijiet ta’ impjieg u, għalhekk, ma jistax jiġi kklassifikat bħala “kuntratt ta’ impjieg”.

33      F’dak li jirrigwarda, fit-tieni lok, il-kunċett ta’ “bejjiegħ jew fornitur”, fis-sens tal-Artikolu 2(ċ) tad-Direttiva 93/13, għandu jitfakkar li l-leġiżlatur tal-Unjoni kellu l-intenzjoni li jagħti tifsira wiesgħa lil dan il-kunċett (sentenza tas-17 ta’ Mejju 2018, Karel de Grote – Hogeschool Katholieke Hogeschool Antwerpen, C‑147/16, EU:C:2018:320, punt 48 u l-ġurisprudenza ċċitata).

34      Fil-fatt, minn naħa, l-użu tal-kelma “kollha” fl-imsemmija dispożizzjoni tenfasizza li kull persuna fiżika jew ġuridika għandha titqies bħala “bejjiegħ jew fornitur”, fis-sens tad-Direttiva 93/13, ladarba hija teżerċita attività professjonali (sentenza tas-17 ta’ Mejju 2018, Karel de Grote – Hogeschool Katholieke Hogeschool Antwerpen, C‑147/16, EU:C:2018:320, punt 49)

35      Min-naħa l-oħra, dan il-kunċett ikopri kull attività professjonali “sew jekk […] pubblika u sew jekk […] privata”. Għaldaqstant, l-Artikolu 2(ċ) tad-Direttiva 93/13 jista’ japplika kem għal korpi li għandhom skop ta’ lukru kif ukoll għal dawk li ma għandhomx, mingħajr l-esklużjoni ta’ entitajiet li jaqdu missjonijiet ta’ interess ġenerali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-17 ta’ Mejju 2018, Karel de Grote – Hogeschool Katholieke Hogeschool Antwerpen, C‑147/16, EU:C:2018:320, punti 50 u 51).

36      Il-kunċett ta’ “bejjiegħ jew fornitur”, fis-sens tal-Artikolu 2(ċ) tad-Direttiva 93/13, huwa kunċett funzjonali li jinvolvi li jiġi evalwat jekk ir-relazzjoni kuntrattwali speċifika tidħolx fil-qafas tal-attivitajiet li persuna tagħmel bħala bejjiegħ jew fornitur (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-17 ta’ Mejju 2018, Karel de Grote – Hogeschool Katholieke Hogeschool Antwerpen, C‑147/16, EU:C:2018:320, punt 55).

37      Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li istituzzjoni edukattiva awtonoma li tipprovdi lil student b’mod supplimentari u anċillari għall-attività ewlenija tagħha servizz li jikkostitwixxi, fundamentalment, kuntratt ta’ kreditu, tista’ titqies, fir-rigward ta’ dan is-servizz, li hija “bejjiegħ jew fornitur”, fis-sens tal-Artikolu 2(ċ) tad-Direttiva 93/13 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-17 ta’ Mejju 2018, Karel de Grote – Hogeschool Katholieke Hogeschool Antwerpen, C‑147/16, EU:C:2018:320, punti 57 u 58).

38      Fil-fatt, f’tali każ, teżisti, bħala prinċipju, inugwaljanza bejn l-istituzzjoni edukattiva u l-istudent, minħabba l-assimetrija tal-informazzjoni u ta’ kompetenzi tekniċi bejn dawn il-partijiet, tali istituzzjoni għandha organizzazzjoni permanenti u kompetenzi tekniċi li ma għandux neċessarjament l-istudent, li jkun qiegħed jaġixxi għal għanijiet privati, li jiġi kkonfrontat b’mod inċidentali b’tali kuntratt (sentenza tas-17 ta’ Mejju 2018, Karel de Grote – Hogeschool Katholieke Hogeschool Antwerpen, C‑147/16, EU:C:2018:320, punt 59).

39      Dawn il-kunsiderazzjonijiet huma applikabbli f’kawża bħal dik fil-kawża prinċipali, fejn il-persuna li timpjega, li hija persuna ġuridika, ikkonkludiet ma’ wieħed mill-impjegati tagħha, li huwa persuna fiżika, u, jekk ikun il-każ, mal-konjuġi tal-impjegat, kuntratt ta’ kreditu intiż għall-finanzjament tax-xiri ta’ proprjetà immobbli għal skopijiet privati.

40      Fil-fatt, anki jekk l-attività prinċipali ta’ persuna li timpjega bħal EDF ma tikkonsistix fil-provvista ta’ strumenti finanzjarji iżda fil-provvista tal-enerġija, din il-persuna li timpjega għandha l-informazzjoni u l-kompetenzi tekniċi, ir-riżorsi umani u materjali li persuna fiżika, jiġifieri l-parti l-oħra għall-kuntratt, ma hijiex meqjusa li għandha.

41      L-istess bħall-kunċett ta’ “konsumatur”, fis-sens tal-Artikolu 2(b) tad-Direttiva 93/13, il-kunċett ta’ “bejjiegħ jew fornitur”, fis-sens tal-Artikolu 2(ċ) ta’ din id-direttiva, huwa ta’ natura oġġettiva u ma jiddependix fuq dak li l-bejjiegħ jew il-fornitur jiddeċiedi li jittratta bħala attività prinċipali jew sekondarja u anċillari.

42      Barra minn hekk, hekk kif essenzjalment osserva l-Avukat Ġenerali fil-punti 43 sa 46 tal-konklużjonijiet tiegħu, minn naħa, l-offerta ta’ tali kuntratt ta’ kreditu lill-impjegati tagħha, biex b’hekk dawn jingħataw il-vantaġġ li jikunu jistgħu jaċċedu għall-proprjetà, isservi sabiex jiġu attirati u miżmuma impjegati kkwalifikati u kompetenti għall-benefiċċju tal-eżerċizzju tal-attività professjonali tal-persuna li timpjega. F’dan il-kuntest, l-eżistenza jew l-assenza ta’ eventwali dħul dirett, għal din il-persuna li timpjega, previst minn dan il-kuntratt, ma għandha l-ebda effett fuq ir-rikonoxximent ta’ din il-persuna li timpjega inkwantu “bejjiegħ jew fornitur”, fis-sens tal-Artikolu 2(ċ) tad-Direttiva 93/13. Min-naħa l-oħra, l-interpretazzjoni wiesgħa tal-kunċett ta’ “bejjiegħ jew fornitur”, fis-sens tal-imsemmija dispożizzjoni, isservi sabiex jiġu implimentati l-għanijiet ta’ din id-direttiva li jikkonsistu fil-protezzjoni tal-konsumatur inkwanu parti dgħajfa fil-kuntratt konkluż ma bejjiegħ jew fornitur u f’li jerġa’ jiġi stabbilit il-bilanċ bejn il-partijiet (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-31 ta’ Mejju 2018, Sziber, C-483/16, EU:C:2018:367, punt 32).

43      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha esposti iktar ’il fuq, ir-risposta għad-domandi magħmula għandha tkun li:

–        l-Artikolu 2(b) tad-Direttiva 93/13 għandu jiġi interpretat fis-sens li impjegat ta’ impriża u l-konjuġi tiegħu, li jikkonkludu kuntratt ta’ kreditu ma’ din l-impriża, li huwa rriżervat, prinċipalment, għall-membri tal-persunal tal-imsemmija impriża, intiż għall-finanzjament tax-xiri ta’ proprjetà immobbli għal skopijiet privati, għandhom jitqiesu li huma “konsumaturi”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni;

–        l-Artikolu 2(ċ) tad-Direttiva 93/13 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-imsemmija impriża għandha titqies li hija “bejjiegħ jew fornitur”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, meta tikkonkludi tali kuntratt ta’ kreditu fil-kuntest tal-attività professjonali tagħha, anki jekk l-għoti ta’ krediti ma jikkostitwixxix l-attività prinċipali tagħha.

 Fuq l-ispejjeż

44      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

L-Artikolu 2(b) tad-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE tal-5 ta’ April 1993 dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur għandu jiġi interpretat fis-sens li impjegat ta’ impriża u l-konjuġi tiegħu, li jikkonkludu kuntratt ta’ kreditu ma’ din l-impriża, li huwa rriżervat, prinċipalment, għall-membri tal-persunal tal-imsemmija impriża, intiż għall-finanzjament tax-xiri ta’ proprjetà immobbli għal skopijiet privati, għandhom jitqiesu li huma “konsumaturi”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

L-Artikolu 2(ċ) tad-Direttiva 93/13 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-imsemmija impriża għandha titqies li hija “bejjiegħ jew fornitur”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, meta tikkonkludi tali kuntratt ta’ kreditu fil-kuntest tal-attività professjonali tagħha, anki jekk l-għoti ta’ krediti ma jikkostitwixxix l-attività prinċipali tagħha.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.