Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mit-Tribunal Superior de Justicia de Cataluña (Spanja) fil-5 ta’ Awwissu 2020 – CZ vs Tribunal Económico-Administrativo Regional de Cataluña (TEAR de Cataluña)

(Kawża C-366/20)

Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol

Qorti tar-rinviju

Tribunal Superior de Justicia de Cataluña

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: CZ

Konvenut: Tribunal Económico-Administrativo Regional de Cataluña (TEAR de Cataluña)

Domandi preliminari

Id-dritt tal-Unjoni (jiġifieri l-Artikoli 63 u 65 TFUE u l-prinċipji fundamentali ta’ moviment liberu, ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ nondiskriminazzjoni) jipprekludi dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali bħall-Artikolu 39(2), tal-Ley 35/2006, de 28 de noviembre, del Impuesto sobre la Renta de las Personas Físicas [y de modificación parcial de las leyes de los Impuestos sobre Sociedades, sobre la Renta de no Residentes y sobre el Patrimonio] (il-Liġi 35/2006 tat-28 ta’ Novembru 2006 dwar it-taxxa fuq id-dħul tal-persuni fiżiċi, u li temenda parzjalment il-liġijiet dwar it-taxxi fuq il-kumpanniji, fuq id-dħul ta’ persuni mhux residenti u fuq il-patrimonju), kif emendat bl-Artikolu 3(2) tal-Ley 7/2012, de 29 de octubre [, de modificación de la normativa tributaria y presupuestaria y de adecuación de la normativa financiera para la intensificación de las actuaciones en la prevención y lucha contra el fraude] (il-Liġi 7/2012 tad-29 ta’ Ottubru 2012 dwar il-modifika tal-leġiżlazzjoni fiskali u baġetarja u dwar l-adattament tal-leġiżlazzjoni finanzjarja fid-dawl tal-intensifikazzjoni tal-azzjonijiet ta’ prevenzjoni u ta’ ġlieda kontra l-frodi), li, meta l-persuna taxxabbli ma tissodisfax, jew tissodisfa meta jkun skada t-terminu, l-obbligu ta’ informazzjoni permezz tal-“formola 720” dwar l-oġġetti, drittijiet u assi li jinsabu jew huma ddepożitati barra mill-pajjiż, tikkwalifikahom “fi kwalunkwe każ”, bħala “dħul patrimonjali mhux iġġustifikat”, taxabbli skont l-eqdem sena fiskali mhux preskritti, billi jiġu injorati r-regoli ta’ preskrizzjoni previsti fil-Ley 58/2003[, de 17 de diciembre,] General Tributaria (il-Liġi Nruo 58/2003, tas-17 ta’ Diċembru 2003, dwar il-liġi fiskali ġenerali), sakemm ma jkunx “dħul iddikjarat” jew dħul miksub matul perijodi li matulhom il-persuna taxxabbli ma kinitx suġġetta għat-taxxa fi Spanja?

Fil-każ li r-risposta tkun negattiva minħabba li din ir-regola tiġi kkunsidrata proporzjonata;

Id-dritt tal-Unjoni (jiġifieri l-Artikoli 63 u 65 TFUE u l-prinċipji fundamentali ta’ moviment liberu, ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ nondiskriminazzjoni) jipprekludi li dispożizzjoni nazzjonali bħall-Artikolu 39(2) tal-Liġi 35/2006 tipprovdi l-konsegwenzi deskritti iktar ’il fuq meta tali dħul jiġi ddikjarat barra mit-terminu, iżda qabel ma tkun infetħet jew ġiet innotifikata kwalunkwe proċedura ta’ verifika u mingħajr ma tkun saret ebda talba ta’ skambju ta’ informazzjoni fiskali, meta tali mekkaniżmu huwa fis-seħħ mal-Istat terz?

____________