Language of document : ECLI:EU:C:2017:926

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

WAHL

ippreżentati fit-30 ta’ Novembru 2017(1)

Kawża C426/16

Liga van Moskeeën en Islamitische Organisaties Provincie Antwerpen, VZW et,

vs

Vlaams Gewest,

[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa min-Nederlandstalige rechtbank van eerste aanleg Brussel (qorti tal-ewwel istanza ta’ lingwa Olandiża ta’ Brussell, il-Belġju)]

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Protezzjoni tal-annimali fil‑mument tal-qatla tagħhom – Metodi partikolari ta’ qatla – Festa Musulmana tas-sagrifiċċju – Regolament (KE) Nru 1099/2009 – Artikolu 4(4) – Obbligu ta’ qatla bil-forma ritwali mingħajr sturdament fil‑biċċeriji approvati – Regolament (KE) Nru 853/2004 – Kundizzjonijiet għall-approvazzjoni tal-biċċeriji – Validità – Artikolu 13 TFUE – Osservanza ta’ użanzi nazzjonali fil-qasam ta’ riti reliġjużi – Artikolu 10 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Libertà tar-reliġjon – Limitazzjoni – Ġustifikazzjoni”






1.        Il-qatla bil-forma ritwali ilha rrikonoxxuta fit-testi Ewropej li jirregolaw il-qatla tal-annimali bħala korollarju tal-libertà reliġjuża. Ix‑xewqa tal-leġiżlatur tal-Unjoni li jirrikonċilja l-protezzjoni tal-libertà tar-reliġjon mal‑protezzjoni tal-benesseri tal-annimali dehret sa mill‑adozzjoni tad‑Direttiva 74/577/KEE (2) u għadha tinsab sal-lum fir‑Regolament (KE) Nru 1099/2009 (3) preżentement fis-seħħ.

2.        Din it-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-validità tal‑Artikolu 4(4) moqri flimkien mal-Artikolu 2(k) tar-Regolament Nru 1099/2009. Hija tistieden lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tiddeċiedi dwar il-validità, fir-rigward tad-dritt fundamentali għal-libertà reliġjuża, tad-dispożizzjoni li tipprevedi li l-qatla ta’ annimali mingħajr sturdament, li huwa rikjest minn ċerti regoli ta’ kondotta reliġjużi, jista’ jsir biss f’biċċerija approvata (4) li tissodisfa d-dispożizzjonijiet kollha applikabbli f’dan il-qasam.

3.        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn diversi assoċjazzjonijiet Musulmani u organizzazzjonijiet ewlenin ta’ moskej kif ukoll ċerti individwi fir‑Reġjun Fjamming (iktar ’il quddiem ir-“rikorrenti fil-kawża prinċipali”) u l-Vlaams Gewest (Reġjun Fjamming, il-Belġju), dwar id-deċiżjoni adottata mill-Ministru Fjamming inkarigat mill-benesseri tal-annimali li matul il-festa Musulmana tas-sagrifiċċju (Aïd-el-Adha) (5), mis-sena 2015 ’il quddiem, ma jawtorizzax iktar il-qatla bil-forma ritwali ta’ annimali mingħajr sturdament f’postijiet ta’ qatla temporanji stabbiliti fil-muniċipalitajiet ta’ dan ir-reġjun.

4.        Qabel xejn għandha tingħata preċiżazzjoni dwar il-kwistjoni li hija speċifikament imqajma b’din il-kawża. Dak li huwa inkwistjoni, f’dan il-każ, bl-ebda mod ma hija l-projbizzjoni totali ta’ qatla ta’ annimali mingħajr sturdamenti li bħalissa qed tiġi diskussa f’diversi Stati Membri (6), iżda l-kundizzjonijiet materjali ta’ tagħmir u ta’ obbligi operazzjonali li fihom tali qatla għandha ssir skont il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni Ewropea rilevanti. Għalhekk tqum il-kwistjoni dwar jekk ir-rekwiżit li l-qatla ssir f’biċċerija skont l-Artikolu 2(k) tar-Regolament Nru 1099/2009, regola li hija ta’ applikazzjoni ġenerali irrispettivament mit-tip ta’ qatla użata, huwiex tali li jillimita l-libertà reliġjuża.

5.        F’dan il-każ, nikkunsidra li l-ebda punt imressaq fil-kuntest ta’ din il-kawża ma huwa tali li jaffettwa l-validità tar-Regolament Nru 1099/2009. Ir-regola li l-qatla, bħala regola, tista’ ssir biss f’biċċeriji approvati hija regola perfettament newtrali li tapplika indipendentement miċ-ċirkustanzi u mit-tip ta’ qatla magħżula. Fl-opinjoni tiegħi, il‑problematika quddiem il-qorti hija qabel xejn marbuta ma’ diffikultà temporanja ta’ kapaċità tal-biċċeriji f’ċerti żoni ġeografiċi fl-okkażjoni tal-festa Musulmana tas-sagrifiċċju – u, b’mod definittiv, l-ispejjeż li għandhom jiġu sostnuti sabiex ikunu konformi ma’ regola reliġjuża – kif ukoll mar-rekwiżiti li jirriżultaw mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni, peress li din tal-aħħar tibbilanċja bejn, minn naħa l-waħda, id-dritt għal-libertà tar-reliġjon u, min-naħa l-oħra, ir-rekwiżiti li jirriżultaw b’mod partikolari mill‑protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem, tal-benesseri tal-annimali u tas-sigurtà tal-ikel.

I.      Il-kuntest ġuridiku

A.      Ir-Regolament Nru 1099/2009

6.        Ir-Regolament Nru 1099/2009 jistabbilixxi r-regoli komuni għall‑protezzjoni tal-benesseri tal-annimali fil-ħin tat-tbiċċir jew tal-qatla tagħhom fl-Unjoni.

7.        Mill-Artikolu 2(k) tar-Regolament Nru 1099/2009 jirriżulta li, għall-finijiet ta’ dan ir-regolament, “‘biċċerija’ tfisser kwalunkwe stabbiliment użat għall-qatla ta’ annimali tal-art li jaqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 853/2004”.

8.        L-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1099/2009 jipprevedi:

“1.      L-annimali għandhom jinqatlu biss wara sturdament konformement mal-metodi u r-rekwiżiti speċifiċi relatati mal-applikazzjoni ta’ dawk il‑metodi kif imniżżel fl-Anness I. It-telf tas-sensi u s-sensibbiltà għandhom jinżammu sal-mewt tal-annimal.

[…]

4.      Fil-każ ta’ annimali suġġetti għal metodi partikolari ta’ qatla meħtieġa minn ċerti riti reliġjużi, ir-rekwiżiti tal-ewwel paragrafu m’għandhomx jiġu applikati bil-kondizzjoni li l-qatla issir f’biċċerija.”

B.      Ir-Regolament Nru 853/2004

9.        L-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 853/2004 tal-Parlament Ewropew u tal‑Kunsill, tad-29 ta’ April 2004, li jistabbilixxi ċerti regoli speċifiċi ta’ iġjene għall-ikel li joriġina mill-annimali (7), jipprevedi:

“1.      L-operaturi fin-negozju ta’ l-ikel jistgħu jqegħdu biss fis-suq prodotti ta’ oriġini mill-annimali maħduma fil-Komunità li jkunu inħadmu u ġew trattati biss fi stabbilimenti:

a)      li jikkonformaw mal-ħtiġiet tar-Regolament (KE) nru 852/2004, dawk ta’ l-annessi II u III ta’ dan ir-Regolament u ħtiġiet oħra rilevanti tal-liġijiet dwar l-ikel,

u

b)      li jkunu ġew reġistrati jew, meta dan hu meħtieġ, skond il-paragrafu 2, approvati mill-awtorità kompetenti.

[…]”

10.      L-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 853/2004, intitolat “Emendi u adattamenti għall-Annessi II u III”, jipprevedi, fil-paragrafi 4 sa 8 tiegħu, li l-Istati Membri jistgħu, b’ċerti kundizzjonijiet u skont ċerti modalitajiet, jadottaw miżuri nazzjonali li jadattaw id-dispożizzjonijiet stabbiliti fl-Anness III, fosthom, fil-Kapitolu II, il-“Ħtiġiet għall‑biċċeriji”.

II.    Il-kawża prinċipali, id-domanda preliminari u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

11.      Il-festa Musulmana tas-sagrifiċċju hija ċċelebrata kull sena fuq tlett ijiem (8). Il-Musulmani prattikanti jikkunsidraw li huwa dmir reliġjuż tagħhom li joqtlu jew jorganizzaw il-qatla, preferibbilment fl-ewwel jum ta’ din il-festa, annimal (9) li l-laħam tiegħu mbagħad, parti minnu tittiekel fil-familja u, parti oħra maqsuma ma’ dawk fil-bżonn, il-ġirien u l-membri tal‑familja iktar ’il bogħod.

12.      Kif jirriżulta mill-proċess ippreżentat lill-Qorti tal-Ġustizzja, hemm qbil mill-maġġoranza tal-Musulmani fil-Belġju, espress mill‑Kunsill tat-teoloġisti fi ħdan l-Eżekuttiv tal-Musulmani f’dan l‑Istat, sabiex jiġi kkunsidrat li l-qatla bil-forma ritwali għandha sseħħ mingħajr sturdament u bl-osservanza ta’ regoli oħra ritwali.

13.      Skont l-Artikolu 16(2) tal-Liġi tal-14 ta’ Awwissu 1986 dwar il‑protezzjoni u l-benesseri tal-annimali, id-Digriet Irjali tal-11 ta’ Frar 1988, kif emendat bid-Digriet Irjali tal-25 ta’ Marzu 1998, kien jipprevedi li, fil-Belġju,il-qatla preskritta b’rit reliġjuż setgħet issir biss fil-biċċeriji rregolati (iktar ’il quddiem il-“biċċeriji approvati”) jew “fi stabbilimenti approvati mill-Ministru li għandu l-agrikoltura fid-dekasteru tiegħu, wara qbil mal-Ministru li għandu s-Saħħa pubblika fid-dekasteru tiegħu” (10).

14.      Kien b’applikazzjoni ta’ din il-leġiżlazzjoni li l-Ministru Federali Belġjan kien, sa mis-sena 1998, kull sena approva postijiet ta’ qatla temporanji li, flimkien mal-biċċeriji approvati, kienu jippermettu li tiġi żgurata l-qatla bil-forma ritwali waqt il-festa Musulmana tas-sagrifiċċju, biex b’hekk isolvi n-nuqqas ta’ kapaċità fl-imsemmija biċċeriji minħabba ż-żieda fid-domanda matul dan il-perijodu (11). Wara qbil mal-komunità Musulmana, is-Servizz Pubbliku Federali tas-Saħħa Pubblika, tas-Sigurtà tal-Katina tal-Ikel u tal-Ambjent kien ippubblika f’diversi dati, sal-2013, “manwal” dwar l-organizzazzjoni tal-festa Musulmana tas-sagrifiċċju (“Handleiding voor de Organisatie van het Islamitisch Offerfeest”), li kien jipprevedi b’mod speċifiku rakkomandazzjonijiet għall-ftuħ u għall-operat ta’ postijiet ta’ qatla temporanji minbarra l-biċċeriji approvati.

15.      Wara s-sitt riforma tal-Istat, mill-1 ta’ Lulju 2014, il-kompetenza dwar il-benesseri tal-annimali ġiet ittrasferita lir-Reġjuni. B’hekk, sabiex jiġġestixxi l-organizzazzjoni tal-festa Musulmana tas-sagrifiċċju ta’ din is-sena fuq it-territorju tiegħu, ir-Reġjun Fjamming, min-naħa tiegħu, adotta manwal, simili għall-manwal federali tas-sena 2013, li jindika li l-postijiet ta’ qatla temporanji setgħu jiġu awtorizzati permezz ta’ approvazzjoni individwali tal-Ministru kompetenti għal perijodu speċifikat, jekk ma jkunx hemm kapaċità biżżejjed ta’ qatla f’distanza raġonevoli fil-biċċeriji approvati, u sakemm josservaw numru ta’ kundizzjonijiet fir-rigward ta’ tagħmir u obbligi operazzjonali.

16.      Fit-12 ta’ Settembru 2014, il-Ministru Fjamming inkarigat mill‑benesseri tal-annimali ħabbar li ma kienx ser jibqa’ jagħti, mis-sena 2015 ’il quddiem, approvazzjonijiet għal postijiet ta’ qatla temporanji fejn kien possibbli li ssir qatla bil-forma ritwali matul il-festa Musulmana tas‑sagrifiċċju, minħabba li tali approvazzjonijiet huma kuntrarji għal‑leġiżlazzjoni tal-Unjoni, b’mod partikolari d-dispożizzjonijiet tar‑Regolament Nru 1099/2009 (12).

17.      Fl-4 ta’ Ġunju 2015, dan il-Ministru għalhekk bagħat ċirkulari (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”) lis-sindki tal-muniċipalitajiet Fjammingi, jinformahom li b’effett mis-sena 2015 il-qtil kollu tal-annimali mingħajr sturdament, anki dawk li jsiru fil-kuntest tal-festa Musulmana tas-sagrifiċċju, għandhom isiru biss fil-biċċeriji approvati.

18.      Kien f’dan il-kuntest li r-rikorrenti fil-kawża prinċipali bdew diversi azzjonijiet fil-qrati u b’mod partikolari, fil-5 ta’ Frar 2016, ressqu lir-Reġjun Fjamming quddiem in-Nederlandstalige rechtbank van eerste aanleg Brussel (qorti tal-ewwel istanza ta’ lingwa Olandiża ta’ Brussell, il-Belġju).

19.      Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali sostnew li, anki jekk ir-Regolament Nru 1099/2009 jiġi kkunsidrat bħala applikabbli għall-qatla bil-forma ritwali ta’ annimali waqt il-festa Musulmana tas-sagrifiċċju – fatt li huma jikkontestaw (13) –, hemm lok li ssir mistoqsija dwar il-validità tar-regola stabbilita fl-Artikolu 4(4), moqri flimkien mal-Artikolu 2(k) tar‑Regolament Nru 1099/2009, inkwantu, minn naħa waħda, hija tikser il-libertà tar-reliġjon protetta bl-Artikolu 10 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”) u l-Artikolu 9 tal‑Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950 (iktar ’il quddiem il-“KEDB”) u, min-naħa l-oħra, li ma tosservax l-użanzi Belġjani dwar ir-riti reliġjużi tal-festa Musulmana tas‑sagrifiċċju, protetti bl-Artikolu 13 TFUE.

20.      In-Nederlandstalige rechtbank van eerste aanleg Brussel (qorti tal‑ewwel istanza ta’ lingwa Olandiża ta’ Brussell) tikkunsidra li, billi implementat ir-regola msemmija fl-Artikolu 4(4), moqri flimkien mal‑Artikolu 2(k) tar-Regolament Nru 1099/2009, id-deċiżjoni kkontestata toħloq limitazzjoni fuq l-eżerċizzju tal-libertà tar-reliġjon u tippreġudika l-użanzi Belġjani fil-qasam tar-riti reliġjużi, għaliex tobbliga lill-Musulmani jwettqu l-qatla bil-forma ritwali matul il-festa Musulmana tas-sagrifiċċju fil-biċċeriji approvati skont ir-Regolament Nru 853/2004. Fl-opinjoni ta’ din il-qorti, din il-limitazzjoni la hija rilevanti u lanqas proporzjonata sabiex tissodisfa l-għanijiet leġittimi ta’ protezzjoni tal-benesseri tal-annimali u tas-saħħa pubblika.

21.      Kien f’dawn iċ-ċirkustanzi li n-Nederlandstalige rechtbank van eerste aanleg Brussel (qorti tal-ewwel istanza ta’ lingwa Olandiża ta’ Brussell) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal‑Ġustizzja d-domanda preliminari segwenti:

“L-Artikolu 4(4) moqri flimkien mal-Artikolu 2(k) tar-Regolament [Nru 1099/2009], huwa vvizzjat b’invalidità minħabba ksur tal-Artikolu 9 tal-[KEDB], tal-Artikolu 10 tal-[Karta] u/jew tal-Artikolu 13 [TFUE], inkwantu jipprevedi li l-annimali li huma suġġetti għal metodi partikolari ta’ qtil preskritti minn riti reliġjużi jistgħu jiġu maqtula mingħajr ma jiġu storduti biss f’biċċerija li tidħol fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament [Nru 853/2004], minkejja l-fatt li fir‑Reġjun Fjamming, fl-imsemmija biċċeriji ma teżistix kapaċità suffiċjenti sabiex tiġi ssodisfatta d-domanda li tirriżulta ta’ kull sena għal annimali maqtula bil-forma ritwali mingħajr ma jiġu storduti fl-okkażjoni tal-Festa Islamika tas-Sagrifiċċju, u l-oneri sabiex jiġu kkonvertiti temporanjament biċċeriji, għall-Festa Islamika tas-Sagrifiċċju, rikonoxxuti u kkontrollati mill-awtoritajiet, f’biċċeriji li jidħlu fil-kamp ta’ applikazzjoni tar‑Regolament […] Nru 853/2004 ma jidhrux li huma rilevanti sabiex jintlaħqu l-għanijiet segwiti għall-benesseri tal-annimali u tas-saħħa pubblika u, għaldaqstant, ma jidhrux li huma proporzjonati?”

22.      Ġew ippreżentati osservazzjonijiet bil-miktub mill-assoċjazzjonijiet Liga van Moskeeën en Islamitische Organisaties Provincie Antwerpen VZW et u Global Action in the Interest of Animals VZW (iktar ’il quddiem il-“GAIA”), ir-Reġjun Fjamming, il-Gvern Estonjan, dak Olandiż u tar-Renju Unit, kif ukoll il-Kunsill u l-Kummissjoni Ewropea.

23.      Saret seduta fit-18 ta’ Settembru 2017, li fiha pparteċipaw ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, GAIA, ir-Reġjun Fjamming, il-Gvern tar‑Renju Unit, kif ukoll il-Kunsill u l-Kummissjoni.

III. Analiżi

24.      Il-qorti tar-rinviju tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-validità tal-Artikolu 4(4), moqri flimkien mal-Artikolu 2(k) tar-Regolament Nru 1099/2009, minħabba allegat ksur tal-Artikolu 10 tal-Karta u tal‑Artikolu 9 tal-KEDB kif ukoll tal-Artikolu 13 TFUE. Il-limitazzjoni tal-eżerċizzju tal-libertà tar-reliġjon u tal-użanzi nazzjonali fil-qasam tar-riti reliġjużi tirriżulta mill-fatt li dawn id-dispożizzjonijiet jimponu li l-annimali maqtula bil-forma ritwali fl-okkażjoni tal-festa Musulmana tas‑sagrifiċċju jistgħu jinqatlu biss fil-biċċeriji approvati. Dawn tal-aħħar jinkludu stabbilimenti li huma approvati mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti u li għandhom jiżguraw, għal dan il-għan, ir-“ħtiġiet speċifiċi” kollha relatati mal-bini, tifsil u tagħmir, mitluba b’mod partikolari fl-Anness III tar-Regolament Nru 853/2004.

25.      Id-dubji tal-qorti tar-rinviju jirriżultaw mill-fatt li, fin-nuqqas ta’ kapaċità ta’ qatla suffiċjenti tal-biċċeriji approvati eżistenti fir-Reġjun Fjamming sabiex tiġi ssodisfatta ż-żieda fid-domanda għal qatla bil-forma ritwali fl-okkażjoni tal-festa Musulmana tas-sagrifiċċju, ikun meħtieġ li jinħolqu stabbilimenti approvati ġodda. Issa, it-trasformazzjoni tal‑postijiet ta’ qatla temporanji l-antiki li kienu jintużaw fil-perijodu bejn l-1998-2014 (14) f’biċċeriji approvati, fis-sens tar-Regolament Nru 853/2004, teħtieġ investimenti finanzjarji partikolarment sinjifikattivi, li, barra mill-fatt li ma jistgħux jiġu amortizzati fuq il‑kumplament tas-sena, ikunu superfluwi sabiex tiġi żgurata l-osservanza tal-benesseri tal-annimali u tas-saħħa pubblika.

26.      Skont il-qorti tar-rinviju, l-obbligu li qatla bil-forma ritwali mingħajr sturdament issir biss fil-biċċeriji approvati jipprekludi lil numru kbir ta’ Musulmani prattikanti milli jwettqu d-dmirijiet reliġjużi tagħhom li fl-ewwel jum tal-festa Musulmana joqtlu jew jitolbu l-qatla ta’ annimal skont il-metodi tar-Rit, joħloq limitazzjoni mhux iġġustifikata tal-eżerċizzju tal-libertà tar‑reliġjon tagħhom u ma josservax id-dispożizzjonijiet leġiżlattivi u amministrattivi kif ukoll l-użanzi nazzjonali fil-qasam ta’ riti reliġjużi.

27.      F’dan il-każ, jidher opportun li qabel issir evalwazzjoni tal-mertu tad-domanda preliminari, tingħata deċiżjoni dwar l-ammissibbiltà tagħha, peress li din ftit jew wisq ġiet ikkontestata b’mod dirett mir-Reġjun Fjamming, il-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi u tar-Renju Unit, kif ukoll mill‑Kunsill u l-Kummissjoni.

A.      Fuq l-ammissibbiltà tad-domanda preliminari

1.      Osservazzjonijiet sottomessi lill-Qorti tal-Ġustizzja

28.      Essenzjalment, l-oġġezzjonijiet u r-riżervi li ġew espressi jirrigwardaw, minn naħa waħda, il-formulazzjoni tad-domanda magħmula, li, b’mod żbaljat, tista’ tagħti x’tifhem li l-oriġini tal‑problema qiegħda fir-Regolament Nru 1099/2009, u, min-naħa l-oħra u b’mod iktar fundamentali, dwar ir-rilevanza tad-domanda magħmula, peress li l-problematika tal-insuffiċjenza tal-kapaċità tal-biċċeriji li jinsabu fir-Reġjun Fjamming ma hijiex, fi kwalunkwe każ, relatata mal‑applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tar-Regolamenti Nru 853/2004 u Nru 1099/2009.

29.      Fir-rigward, qabel xejn, tal-formulazzjoni tad-domanda magħmula, ċerti partijiet ikkonċernati (b’mod partikolari ir-Reġjun Fjamming u l-Gvern tar-Renju Unit) sostnew li peress li l-kundizzjonijiet għall-approvazzjoni tal-biċċeriji huma stabbiliti bir-Regolament Nru 853/2004, kwalunkwe eventwali limitazzjoni tal-libertà tar-reliġjon tista’ tirriżulta biss minn dan ir-regolament. Il-qorti tar-rinviju għalhekk ma fformulatx b’mod korrett id-domanda preliminari tagħha, inkwantu hija tirrigwarda għall-kuntrarju l-validità tal-Artikolu 4(4), moqri flimkien mal-Artikolu 2(k) tar-Regolament Nru 1099/2009.

30.      Fir-rigward, imbagħad, tar-rilevanza tad-domanda magħmula, ċerti partijiet ikkonċernati (jiġifieri r-Reġjun Fjamming, il-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi u tar-Renju Unit, kif ukoll il-Kummissjoni u l-Kunsill) esprimew ċerti riżervi dwar l-utilità tar-risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja għad-deċiżjoni fil-kawża prinċipali. B’mod partikolari ġie sostnut li d-domanda preliminari hija bbażata fuq ċirkustanzi fattwali nazzjonali li ma humiex relatati mad‑dispożizzjonijiet tar-Regolamenti Nri 1099/2009 u 853/2004 u għalhekk ma għandhomx jaffettwaw il-validità tagħhom.

31.      Fil-fatt, il-problematika inkwistjoni hija relatata mal-kapaċità insuffiċjenti tal-biċċeriji approvati fir-Reġjun Fjamming waqt il-festa Musulmana tas-sagrifiċċju u mal-investiment finanzjarju għoli neċessarju sabiex jippermetti postijiet antiki għall-qatla temporanji li jiġu, huma stess, approvati konformement mar-Regolament Nru 853/2004. F’dan il‑kuntest, il-Kunsill u, b’mod inqas, ir-Reġjun Fjamming, sostnew li kien ikun iktar utli għall-qorti tar-rinviju li tadixxi lill-Qorti tal-Ġustizzja mhux b’domanda dwar il-validità tad-dispożizzjonijiet tar-regolamenti Nri 1099/2009 u 853/2004, iżda b’domanda ta’ interpretazzjoni tal‑imsemmija dispożizzjonijiet intiża sabiex jingħataw spjegazzjonijiet dwar il-marġni ta’ manuvra li għandu jkollhom l-Istati Membri sabiex b’mod partikolari jadattaw il-kundizzjonijiet ta’ approvazzjoni skont is‑sitwazzjonijiet speċifiċi bħal dik li tippreżenta ruħha waqt il‑festa Musulmana tas-sagrifiċċju.

2.      Evalwazzjoni

32.      Skont ġurisprudenza stabbilita ferm, ir-rifjut tal-Qorti tal‑Ġustizzja li tiddeċiedi dwar domanda preliminari magħmula minn qorti nazzjonali huwa possibbli biss meta jidher b’mod manifest li l‑interpretazzjoni mitluba tad-dritt tal-Unjoni ma għandha l-ebda rabta mar-realtà jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali, meta l-problema hija ta’ natura ipotetika jew ukoll meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex għad‑dispożizzjoni tagħha l-punti ta’ fatt u ta’ liġi meħtieġa sabiex tirrispondi b’mod utli għad-domandi li jkunu sarulha (15).

33.      Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-formulazzjoni tad-domanda, jiena tal-opinjoni li ma hijiex manifestament nieqsa minn rabta mar-realtà jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali.

34.      Fil-fatt, id-deċiżjoni kkontestata (ara l-punt 17 ta’ dawn il-konklużjonijiet) tiddikjara li, b’effett mis-sena 2015, il-qatla bil-forma ritwali mingħajr sturdament ma għadhiex awtorizzata, matul il-festa Musulmana tas‑sagrifiċċju, fil-postijiet ta’ qatla temporanji li ma josservawx ir‑rekwiżiti imposti bir-Regolament Nru 853/2004. Issa, huwa stabbilit li din id-deċiżjoni ġiet adottata abbażi tar-regola prevista fl-Artikolu 4(4), moqri flimkien mal-Artikolu 2(k) tar‑Regolament Nru 1099/2009, li timponi fiha nnifisha li l-imsemmija qatla bil-forma ritwali ssir f’postijiet li josservaw ir-rekwiżiti tar-Regolament Nru 853/2004.

35.      Dawn iż-żewġ regolamenti jsegwu għanijiet distinti: filwaqt li r‑Regolament Nru 853/2004 jagħmel parti minn “pakkett iġjene” (16), ir‑Regolament Nru 1099/2009 jirrigwarda l-protezzjoni tal-benesseri tal‑annimali waqt il-qatla tagħhom. Dawn iż-żewġ regolamenti xorta jibqgħu relatati inkwantu jirregolaw ir-regoli li għandhom jiġu ssodisfatti fir‑rigward tal-bini u t-tifsil tal-biċċeriji kif ukoll il-materjal hemm użat.

36.      Għalhekk ma jidhirx opportun li jiġi ddikjarat li d-domanda preliminari hija inammissibbli għaliex ma hijiex ifformulata tajjeb. B’hekk l-ammissibbiltà tad-domanda preliminari ma jidhirx li tista’ tiġi kkontestata mill-perspettiva tal-identifikazzjoni korretta tad‑dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni realment ikkonċernata fil-kawża prinċipali.

37.      F’dan il-każ, il-Qorti tal-Ġustizzja xorta tista’ tagħti risposta utli inkwantu l-qorti nazzjonali jidher li tat indikazzjonijiet suffiċjenti dwar il-fatti tal-kawża, id-dritt tal-Unjoni applikabbli u r-rabtiet stabbiliti bejn dan id-dritt u l-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli. Dawn l‑indikazzjonijiet ippermettew lill-partijiet fil-kawża, lill-gvernijiet tal‑Istati Membri u lill-oħrajn ikkonċernati sabiex jissottomettu l‑osservazzjonijiet tagħhom lill-Qorti tal-Ġustizzja, kif wara kollox jidher mill-kontenut tan-noti ta’ osservazzjonijiet ippreżentati (17).

38.      Barra minn hekk, u mingħajr ma tidħol f’formalità eċċessiva, il‑Qorti tal-Ġustizzja tista’, fl-opinjoni tiegħi, tislet il-punti tad-dritt tal-Unjoni li, fid-dawl tal-suġġett tal-kawża, jitolbu interpretazzjoni jew, jekk ikun il-każ, evalwazzjoni ta’ validità.

39.      Fit-tieni lok, fir-rigward tad-dubji fir-rigward tar-rilevanza tad‑domanda preliminari, dawn għandhom pjuttost jiġu analizzati fil-parti ddedikata għall-eżami tal-mertu tal-kawża.

40.      Għandu jiġi osservat li l-kawża prinċipali tirrigwarda l-possibbiltà li tikkontesta mill-perspettiva tad-dritt primarju, u b’mod partikolari fid‑dawl tad-dispożizzjonijiet tal-Karta u tat-TFUE li jirrigwardaw il-libertà tar-reliġjon, l-obbligu li l-qatla bil-forma ritwali mingħajr sturdament issir f’biċċerija approvata, fid-dawl tal-impatt finanzjarju eventwali ta’ dan l-obbligu fuq il-possibbiltà li tali qatla ssir waqt il-festa Musulmana tas-sagrifiċċju.

41.      Madankollu, u kif ser nispjega iktar ’il quddiem fl-argumenti li ġejjin, jekk ir-riżervi preliminari espressi minn numru kbir ta’ partijiet ikkonċernati ma jippermettux li jiġi ddikjarat qabel xejn li dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari ma huwiex rilevanti għad-deċiżjoni tal-kawża u għalhekk inammissibbli, huma jimmeritaw, min-naħa l-oħra, l‑attenzjoni kollha fl-eżami tal-mertu ta’ dan ir-rinviju. F’dan l-eżami, ser ikun hemm, b’mod partikolari, lok sabiex jiġi stabbilit jekk id‑dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni kkontestati fil-kawża prinċipali humiex realment is-sors tal-limitazzjoni allegata għall-eżerċizzju tal‑libertà tar-reliġjon u tal-użanzi nazzjonali fil-qasam tar-riti reliġjużi.

42.      F’dan il-kuntest, għandu għalhekk jiġi eżaminat jekk dawn id‑dispożizzjonijiet, li jirrigwardaw biss b’mod konkret il-mod li bih kull tip ta’ qatla għandha ssir, irrispettivament minn jekk hijiex qatla bil-forma ritwali jew le, jistgħux jaffettwaw il-problematika ċentrali tal-kawża prinċipali li tirrigwarda b’mod konkret il-kapaċità tal-biċċeriji approvati b’mod permanenti li jeżistu bħalissa sabiex tissodisfa t-talbiet kollha ta’ qatla bil-forma ritwali matul il-festa Musulmana tas-sagrifiċċju (18).

43.      Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha u skont l-ispirtu ta’ kooperazzjoni li għandu jintuża fir-relazzjonijiet bejn il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja, jiena tal-opinjoni li din it-talba għal deċiżjoni preliminari hija ammissibbli kompletament.

B.      Fuq il-mertu

1.      Rimarki preliminari

44.      Bħala sfond, jidhirli li huwa importanti li nagħmel żewġ settijiet ta’ rimarki ta’ natura ġenerali. L-ewwel sett jirrigwarda l‑identifikazzjoni tar-regoli u tal-prinċipji li fir-rigward tagħhom il‑validità tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1099/2009 hija f’dan il-każ ikkontestata. It-tieni jirrigwarda b’mod iktar fundamentali l-fatt li, kuntrarjament għal dak li xi osservazzjonijiet ippreżentati lill-Qorti tal‑Ġustizzja jistgħu jissuġġerixxu, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha f’dan il-każ toqgħod lura milli tidħol f’dibattitu ta’ natura teleoloġika fir‑rigward tal-portata tal-obbligu reliġjuż ta’ qatla waqt il-festa Musulmana tas-sagrifiċċju.

a)      Fuq ir-regoli u l-prinċipji li fir-rigward tagħhom il-validità taddispożizzjonijiet tal-Artikolu 4(4), moqri flimkien mal-Artikolu 2(k) tarRegolament Nru 1099/2009, hija kkontestata

45.      Għandu jiġi rrilevat li l-qorti tar-rinviju, fid-domanda preliminari tagħha, tirreferi għall-Artikolu 10 tal-Karta, għall-Artikolu 9 tal-KEDB u, finalment, għall-Artikolu 13 TFUE.

46.      F’dan ir-rigward, jidhirli li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tkun tista’ tillimita ruħha li tevalwa biss l-eżistenza ta’ limitazzjoni tal-libertà “tal-ħsieb, tal-kuxjenza u tar‑reliġjon” stabbilita fl-Artikolu 10 tal-Karta.

47.      Fil-fatt, fir-rigward tar-riferiment li sar għall-Artikolu 9 tal‑KEDB, mill-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, kif jikkonferma l-Artikolu 6(3) TUE, id-drittijiet fundamentali rrikonoxxuti mill-KEDB huma parti mid-dritt tal-Unjoni bħala prinċipji ġenerali u għalkemm l-Artikolu 52(3) tal-Karta jistabbilixxi li d-drittijiet li jinsabu fiha li jikkorrispondu għal drittijiet protetti mill-KEDB għandhom l-istess tifsira u l-istess portata bħal dawk li tagħtihom din il-konvenzjoni, din tal-aħħar ma tikkostitwixxix, peress li l‑Unjoni ma aderixxietx ruħha magħha, strument legali integrat formalment fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni (19).

48.      Għaldaqstant, l-eżami tal-validità tad-dritt sekondarju tal-Unjoni jista’ jitwettaq biss fid-dawl tad-drittijiet fundamentali protetti mill‑Karta (20). Madankollu mill-Artikolu 52(3) tal-Karta u mill‑ispjegazzjoni dwar l-Artikolu 10 tal-Karta jirriżulta li d-dritt protett mill-Artikolu 10(1) tal-Karta jikkorrispondi għad-dritt protett mill‑Artikolu 9 tal-KEDB. Huwa għandu l-istess tifsira u l-istess portata bħal dan l-artikolu. L-interpretazzjoni ta’ dan id-dritt mill-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal‑Bniedem (iktar ’il quddiem il-“Qorti EDB”) jista’ għalhekk ikollha ċerta rilevanza – u, tal-inqas, tkun sors ta’ ispirazzjoni – għall-finijiet tal-interpretazzjoni tal‑Artikolu 10 tal-Karta. Il-Qorti tal-Ġustizzja b’hekk ikkunsidrat li l‑ġurisprudenza tal-Qorti EDB għandha tiġi kkunsidrata fl‑interpretazzjoni tal-Karta (21).

49.      Fir-rigward tar-riferiment għall-Artikolu 13 TFUE, dispożizzjoni li, b’mod partikolari, titlob lill-Istati Membri sabiex jikkunsidraw il-benesseri tal-annimal filwaqt li josservaw “id-dispożizzjonijiet leġislattivi jew amministrattivi u d-drawwiet ta’ l-Istati Membri li għandhom x’jaqsmu partikolarment mar-riti reliġjużi”, għandu jiġi kkonstatat li l-qorti tar-rinviju ma tindikax bi preċiżjoni għal liema użanzi jew dispożizzjonijiet qiegħda tirreferi.

50.      Anki jekk jiġi dedott mid-deċiżjoni tar-rinviju li dan fir-realtà jirrigwarda l-prassi segwita fir-Reġjun Fjamming sas-sena 2014, li kien jippermetti l-użu ta’ biċċeriji temporanji mhux approvati sabiex jilqgħu għaż-żieda fit-talba ta’ qatla bil-forma ritwali fl-okkażjoni tal-festa Musulmana tas-sagrifiċċju, jidher b’mod ċar li, anki jekk din il-prassi tista’ tkun ikklassifikata bħala użanza reliġjuża, l-eżami tagħha essenzjalment qed jiġi konfuż ma’ dak tal-validità tad-dispożizzjonijiet leġiżlattivi kontenzjużi fir-rigward tal-libertà reliġjuża msemmija fl‑Artikolu 10 tal-Karta.

b)      Fuq il-portata tal-obbligu reliġjuż ta’ qatla (mingħajr sturdament) waqt il-festa Musulmana tas-sagrifiċċju

51.      Fil-kuntest ta’ din il-kawża, ġie allegat li l-qatla mingħajr sturdament, u b’mod iktar speċifiku l-obbligu ta’ qatla fl-okkażjoni tal‑festa Musulmana tas-sagrifiċċju, ma kellux neċessarjament jiġi pperċepit bħala obbligu intanġibbli tar-reliġjon Musulmana u li, għalhekk, id-domanda preliminari kienet ibbażata fuq premessa żbaljata.

52.      Fil-fatt, ġie enfasizzat, b’mod partikolari mill-assoċjazzjoni GAIA, li ċerti rappreżentanti tal-komunità Musulmana huma tal-parir li l-elektronarkożi jew kull proċedura simili ta’ sturdament qabel il-qatla li ma għandhomx effett fuq il-funzjonijiet vitali tal-annimal, u b’mod partikolari fuq l-iżvinar tal-annimal (li jfisser li dan jista’ jerġa’ jiġi f’sensih jekk it-tifsid ma jkunx seħħ), huma konformi mar‑regoli tar-reliġjon Musulmana (22).

53.      Fl-istess sens, ġie rrilevat li ċertu numru ta’ pajjiżi Musulmani jimportaw u jbigħu laħam indikati bħala “halal” li jiġi minn qatla ta’ annimali li jkun sar bl-isturdament (23).

54.      Finalment u b’mod iktar speċifiku fir-rigward tal-obbligu reliġjuż ta’ qatla ta’ annimal waqt il-festa Musulmana tas-sagrifiċċju, ġie sostnut ukoll li diversi għorrief Musulmani u Musulmani prattikanti jikkunsidraw li din il-qatla ma għandhiex issir bilfors fl-ewwel jum ta’ din il-festa. Hemm ukoll tendenza dejjem tikber li għandha tiġi kkunsidrata, b’mod partikolari fost il-Musulmani prattikanti l-iktar żgħażagħ, li l-qatla ta’ annimal waqt din il-festa tista’ tiġi ssostitwita b’donazzjoni.

55.      Fl-opinjoni tiegħi, ma hijiex il-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tiddeċiedi dwar jekk l-użu tal-isturdament tal-annimali huwiex effettivament ipprojbit mir-reliġjon Musulmana jew jekk, għall-kuntrarju u kif sostniet b’insistenza GAIA waqt is-seduta, huwiex użat biss f’ċerti prattiki reliġjużi.

56.      Peress li, skont il-proċess ippreżentat fil-Qorti tal-Ġustizzja, jidher li f’dan il-każ jeżisti konsensus mill-maġġoranza tal-Musulmani fil‑Belġju, espress mill-Kunsill tat-teoloġisti fi ħdan l-Eżekuttiv tal‑Musulmani f’dan l-Istat, sabiex jiġi kkunsidrat li l-qatla bil-forma ritwali għandha ssir mingħajr sturdament, irrispettivament minn jekk huwiex riversibbli jew le, jien għandi nieħu konjizzjoni tiegħu.

57.      Lanqas jidher opportun li jiġi stabbilit jekk dan ir-rekwiżit huwiex ipperċepit mill-Musulmani kollha bħala obbligu reliġjuż fundamentali jew jekk hemmx alternattiva possibbli għat-twettiq ta’ dan l-obbligu. Kif indikat il-Kummissjoni fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, l‑eżistenza ta’ ċerti prattiki reliġjużi għandha tiġi kkunsidrata. Ma hijiex il‑Qorti tal-Ġustizzja li għandha tiddeċiedi dwar l-ortodossija jew l‑eterodossija ta’ ċerti sentenzi jew ċerti regoli ta’ kondotta reliġjużi.

58.      Konsegwentement u kif, fi kliem ieħor, esprimiet il-qorti tar‑rinviju, il-qatla mingħajr sturdament fl-okkażjoni tal-festa Musulmana tas-sagrifiċċju tabilħaqq hija regola ta’ kondotta reliġjuża li tibbenefika mill-protezzjoni tal-libertà tar-reliġjon, u dan indipendentement mill‑eżistenza eventwali ta’ movimenti differenti fi ħdan l-Iżlam jew ta’ soluzzjonijiet alternattivi f’każ li ma tkunx tista’ sseħħ (24).

59.      F’dan ir-rigward, ma nistax ma naqbilx mal-pożizzjoni espressa mill-qorti tar-rinviju u mill-maġġoranza tal-partijiet ikkonċernati li l-qatla bil-forma ritwali magħmula waqt il-festa Musulmana tas-sagrifiċċju ċertament hija “rit reliġjuż”, skont l-Artikolu 2(g) tar-Regolament Nru 1099/2009, u taqa’ għalhekk taħt l-eżerċizzju tal-libertà tar-reliġjon stabbilita fl-Artikolu 10 tal-Karta u fl-Artikolu 9 tal-KEDB, bħala espressjoni ta’ twemmin reliġjuż.

60.      Qabel xejn, jidhirli li din il-pożizzjoni taqbel mal-ġurisprudenza tal-Qorti EDB li tikkunsidra li l-qatla bil-forma ritwali taqa’ fil-prassi reliġjuża, b’tali mod li taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad‑dispożizzjonijiet imsemmija hawn fuq (25).

61.      Fl-istess sens, u minkejja li l-partijiet ikkonċernati ddeċidew li kien meħtieġ li jistaqsu dwar dan l-aspett sabiex jiġi stabbilit jekk kienx hemm jew le problema ta’ kapaċità ta’ qatla fir-Reġjun Fjamming waqt iċ‑ċelebrazzjoni tal-festa Musulmana tas-sagrifiċċju, ma jidhirlix li huwa mixtieq li l-Qorti tal-Ġustizzja tintervjeni fuq il-kwistjoni dwar jekk il‑qatla bil-forma ritwali għandhiex, mill-perspettiva teoloġika, neċessarjament issir fl-ewwel jum taċ-ċelebrazzjoni ta’ din il-festa jew tistax issir ukoll fit-tlett ijiem ta’ wara (26).

62.      Wara dawn l-ispjegazzjonijiet, wieħed għandu jistaqsi dwar il-kwistjoni ta’ jekk l‑obbligu li ssir qatla mingħajr sturdament f’biċċeriji approvati, indikat fl‑Artikolu 4(4), moqri flimkien mal-Artikolu 2(k) tar‑Regolament Nru 1099/2009, jillimitax l-eżerċizzju ta’ din il-libertà tar-reliġjon.

2.      Fuq l-eżistenza ta’ limitazzjoni tal-eżerċizzju tal-libertà tarreliġjon u tal-użanzi nazzjonali fil-qasam ta’ riti reliġjużi

63.      Fl-ewwel lok, ser nesponi l-linji gwida tar-regoli ġenerali applikabbli fil‑qasam tal-qatla tal-annimali irrispettivament mill-metodu ta’ qatla magħżul (jiġifieri bl-isturdament jew mingħajr tal-annimal), li jirriżultaw mir‑Regolament Nru 853/2004 fil-kuntest tal-adozzjoni tal-“pakkett iġjene”. Fit-tieni lok, ser nispjega għaliex id-dispożizzjonijiet tal‑Artikolu 4(4), moqri flimkien mal-Artikolu 2(k) tar-Regolament Nru 1099/2009, regolament li, infakkar, għandu l-għan prinċiparjament li jipproteġi l-benesseri tal-annimali, ma jistgħux jillimitaw il-libertà reliġjuża.

a)      Fuq ir-regoli ġenerali applikabbli għall-qtil kollu bis-saħħa tarRegolament Nru 853/2004

64.      L-ikel li joriġina mill-annimali, ikun x’ikun il-metodu tal-qatla magħżul, għandu jiġi prodott u mibjugħ skont regoli stretti, li l-għan ewlieni tagħhom huwa li jiġu żgurati l-iġjene u s-sigurtà tal-ikel (27).

65.      Il-formulazzjoni, permezz tar-Regolament Nru 853/2004, ta’ regoli speċifiċi ta’ iġjene applikabbli għall-ikel li joriġina mill-annimali, ikel li jista’ jkollu riskji speċifiċi, għandha l-għan ewlieni u fundamentali li tistabbilixxi regoli ta’ iġjene ta’ livell għoli sabiex b’mod partikolari jiġu evitati danni għas-saħħa tal-bniedem (28). Dawn ir-regoli għalhekk jistabbilixxu prinċipji komuni, “b’mod partikolari għall-fabrikanti, u responsabbilitajiet għall-Awtoritajiet kompetenti, ħtiġiet strutturali, operattivi u iġjeniċi għall-istbbilimenti, proċeduri għall-approvazzjoi ta’ stabbilimenti, ħtiġiet għall-ħażna u t-trasport, u timbri sanitarji” (29). Ir‑Regolament Nru 853/2004 jipprevedi għalhekk rekwiżiti speċifiċi li jirrigwardaw b’mod partikolari l-bini, it-tifsil u t-tagħmir tal-biċċeriji. Huma biss il-biċċeriji li jissodisfaw dawn ir-rekwiżiti li jistgħu jiġu approvati skont dan ir-regolament.

66.      Sabiex tiġi żgurata s-solidità u l-effettività tas-sistema implementata u l-funzjonament tajjeb tas-suq intern (30), jidhirli li huwa meħtieġ li dawn ir-rekwiżiti jiġu ssodisfatti fl-Istati Membri kollha u mill-produtturi u mill-operaturi tas-settur kollha (31). Jekk tiġi aċċettata ċerta flessibbiltà, din ma tista’ bl-ebda mod tikkomprometti l-għanijiet fil-qasam tal-iġjene tal-ikel (32).

67.      Għalhekk huwa importanti ferm li r-rekwiżiti relatati mal-biċċeriji li jistgħu jiġu approvati bis-saħħa tar-Regolament Nru 853/2004 japplikaw irrispettivament mill-fatt jekk il-qatla tinvolvix sturdament jew le. L-obbligu ġenerali li jintużaw biċċeriji approvati ftit għandu rabta mal-mod ta’ qtil użat (jiġifieri jekk hux bil-forma ritwali jew le). Barra minn hekk, dan l-obbligu ma huwiex ibbażat esklużivament fuq kunsiderazzjonijiet relatati mal-protezzjoni tal-benesseri tal-annimali, iżda jirriżulta minn rekwiżiti imperattivi li jirriżultaw mill-pakkett “iġjene”, kif stabbiliti b’mod partikolari fir-Regolament Nru 853/2004.

68.      Ir-rekwiżit li jirriżulta mill-Artikolu 4(4) tar-Regolament Nru 1099/2009 li l-qatla għandha sseħħ f’biċċerija approvata li tissodisfa r-regoli kollha stabbiliti fl-Anness III ta’ dan ir-regolament jikkontribwixxi fil-fatt sabiex tiġi żgurata s-sigurtà tal-ikel, irrispettivament mill-metodu tal-qatla użat. Dan l-aħħar rekwiżit, li qabel xejn, kif ikkonfermaw ir-rikorrenti fil‑kawża prinċipali, ma joħloqx kunflitt mar-regoli ta’ kondotta tar‑reliġjon Musulmana, ma jsirx inqas importanti għaliex il-qatla tal‑annimal issir mingħajr ma jiġi stordut minn qabel.

b)      Fuq l-eżami tal-impatt tar-regoli fil-qasam tal-benesseri talannimali li jirriżulta mid-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1099/2009 fuq il-libertà reliġjuża

69.      Għandu jiġi osservat li l-kontestazzjoni fil-kawża prinċipali tal-validità tal‑Artikolu 4(4) tar-Regolament Nru 1099/2009 toriġina bla dubju mill‑avviż tat-12 ta’ Settembru 2014 tal-Ministru Fjamming inkarigat mill‑benesseri tal-annimali li b’effett mis-sena 2015 ma kienx ser joħroġ iktar approvazzjonijiet għal postijiet ta’ qatla temporanji peress li tali approvazzjonijiet huma kuntrarji għad-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-regolament (33).

70.      Issa, kontestazzjoni tal-validità ta’ dawn l-aħħar dispożizzjonijiet mill-perspettiva tal-libertà reliġjuża jidhirli li hija, minn tal-inqas, paradossali.

71.      Fil-fatt, għandu jitfakkar li, bis-saħħa tad-dritt li issa huwa applikabbli, huwa l-prinċipju tal-qatla bl-isturdament li japplika. L‑Artikolu 4(1) tar-Regolament Nru 1099/2009 jipprevedi għalhekk li l‑annimali għandhom jinqatlu biss wara sturdament skont il-metodi u r‑rekwiżiti speċifiċi esposti fl-Anness I ta’ dan ir-regolament.

72.      Wara li bbilanċja l-libertà tar-reliġjon u l-benesseri tal‑annimali, u fid-dawl tal-għan tar-Regolament Nru 1099/2009, jiġifieri l‑armonizzazzjoni tar-regoli relatati mal-benesseri tal-annimali fil‑mument tal-qatla tagħhom, l-Artikolu 4(4) ta’ dan ir-regolament jipprevedi, madankollu, fil-fatt, eċċezzjoni għall-qatla bil-forma ritwali mingħajr sturdament ta’ annimali fil-biċċeriji.

73.      Kif espost fil-premessa 18 tar-Regolament Nru 1099/2009, l‑Artikolu 4(4) ta’ dan ir-regolament, billi jipprevedi deroga mir-regola ġenerali li tipprevedi li l-annimali jinqatlu biss wara sturdament, stabbilit fil-paragrafu 1 ta’ dan l-artikolu, jiffavorixxi, fir-realtà, il-qatla bil-forma ritwali mingħajr sturdament, u dan sabiex jiġu osservati ċerti regoli ta’ kondotta reliġjużi.

74.      Min-naħa l-oħra, u kuntrarjament għal dak li jista’ jagħti x’tifhem l-argument tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali, din id-dispożizzjoni ma tipprevedi l-ebda rekwiżit speċifiku addizzjonali li japplika biss għall-qatla bil-forma ritwali u mhux għall-qatliet l-oħra.

75.      F’tali ċirkustanzi, din id-dispożizzjoni ma tistax, fl-opinjoni tiegħi, tiġi annullata mill-perspettiva tal-osservanza tal-libertà reliġjuża ħlief jekk jiġi stabbilit li l-użu stess tal-biċċeriji approvati huwa kuntrarju għal ċerti regoli ta’ kondotta reliġjużi jew inkella jekk jintwera li l‑kundizzjonijiet stabbiliti minn din id-dispożizzjoni jikkompromettu b’mod oġġettiv il-possibbiltà li ssir qatla ta’ annimali skont ċerti riti reliġjużi.

76.      Issa, infakkar li, kif jirriżulta mill-proċess u kif dan ġie kkonfermat waqt is‑seduta, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ma jallegawx li l-obbligu li ssir qatla bil-forma ritwali f’biċċerija huwa fih innifsu inkompatibbli mat‑twemmin reliġjuż tagħhom.

77.      Barra minn hekk, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ma jindikawx għal liema raġunijiet ta’ prinċipju – jiġifieri irrispettivament mill‑allegati problemi ta’ kapaċità tal-biċċeriji preżentement eżistenti u fuq kollox mill-ispejjeż li għandhom jiġu sostnuti għall-ħolqien ta’ stabbilimenti ġodda jew għat-trasformazzjoni ta’ stabbilimenti eżistenti b’mod konformi mad-dispożizzjonijiet leġiżlattivi – ir-rekwiżit li l-qatla tal‑annimali għandha ssir f’biċċeriji approvati huwa problematiku mill‑perspettiva tal-osservanza tal-libertà reliġjuża.

78.      Kif semmew b’mod partikolari l-Kunsill u l-Kummissjoni, l‑obbligu li jiġi żgurat li l-postijiet ta’ qtil kollha jiġu approvati u josservaw, għalhekk, ir-rekwiżiti previsti mir-Regolament Nru 853/2004, huwa newtrali kompletament u jikkonċerna lill-organizzaturi kollha tal-qatla. Issa, leġiżlazzjoni li tapplika b’mod newtrali, mingħajr ebda rabta mattwemmin reliġjużi, ma għandhiex, bħala regola, tiġi kkunsidrata bħala limitazzjoni tal-eżerċizzju tal-libertà tar-reliġjon (34).

79.      Il-fatt li l-użu ta’ tali postijiet approvati jagħti lok għal spejjeż addizzjonali meta mqabbla mal‑biċċeriji temporanji li sa issa kienu permessi fir-Reġjun Fjamming jidhirli li għalhekk huwa irrilevanti. Dak li għandu jiġi rrilevat huwa li l-ispejjeż li għandhom jiġu sostnuti sabiex jinfetħu biċċeriji approvati huma l-istess, irrispettivament minn jekk humiex intiżi għall‑qatla bil-forma ritwali jew le.

80.      F’dan ir-rigward, il-Qorti EDB iddeċidiet li miżura ma tikkostitwixxix indħil fi dritt fundamentali għaliex tikkawża spejjeż għal grupp li jaderixxi ma’ ċerti regoli ta’ kondotta reliġjużi jew ma’ ċerti twemmin (35). Għandu jkun hekk iktar u iktar meta l-ispiża li l-osservanza ta’ regola ta’ kondotta reliġjuża tiġġenera tkun, bħala regola, l-istess bħal dik sostnuta minn dawk li ma jaderixxux ma’ dan il-prinċipju ta’ kondotta.

81.      Tali regola ma hijiex, fiha nnifisha, tali li tinnewtralizza jew tillimita l-possibbiltà li ssir qatla b’forma ritwali, iżda kulma tagħmel huwa li tfakkar li kull qatla għandha ssir fi stabbiliment li jissodisfa r-regoli msemmija fl-anness tar‑Regolament Nru 853/2004.

82.      Jidhirli li, bl-argument tagħhom, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali għandhom il-ħsieb, b’mod definittiv, li minbarra d-deroga prevista għall‑qatla bil-forma ritwali, jużaw deroga addizzjonali mill-obbligu li din il-qatla ssir fil-biċċeriji approvati.

83.      Fil-fatt, ir-raġuni prinċipali li jidher li wasslet lill-qorti tar-rinviju tagħmel id-domanda preliminari tirriżulta mill-fatt li, fir-Reġjun Fjamming, il-biċċeriji approvati b’mod permanenti preżentement eżistenti ma għandhomx kapaċità għal qatla suffiċjenti waqt il-festa Musulmana tas‑sagrifiċċju minħabba ż-żieda tad-domanda għall-qatla u li l-ispejjeż għall-bini ta’ tali biċċeriji jew għat-trasformazzjoni ta’ postijiet ta’ qatla temporanji f’postijiet permanenti approvati jirriżulta li huma għoljin wisq.

84.      Issa, din l-insuffiċjenza ta’ kapaċità u l-ispejjeż li eventwalment huma meħtieġa sabiex isiru stabbilimenti ġodda approvati ma għandhomx rabta mal-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tar‑Regolament Nru 1099/2009.

85.      Fl-opinjoni tiegħi, il-problemi temporanji ta’ kapaċità ta’ qatla f’territorju partikolari, bħal dawk li allegatament (36) jiġu osservati fir‑Reġjun Fjamming fid-dawl tad-domanda qawwija ta’ qatla bil-forma ritwali rreġistrata fi ftit jiem fl-okkażjoni tal-festa Musulmana tas‑sagrifiċċju, ukoll ma humiex marbuta b’mod dirett jew indirett mal‑obbligu li jintużaw biċċeriji approvati skont ir-Regolament Nru 853/2004. Dawn id-diffikultajiet pjuttost jitfgħu dawl, kif argumentat mill-Kummissjoni u mill-Gvern tar-Renju Unit, fuq il-kwistjoni ta’ min għandu jassumi l-ispiża għall-implementazzjoni ta’ tali stabbilimenti sabiex jilqgħu għaż-żieda fid-domanda tal-qatla bil-forma ritwali matul il‑festa Musulmana tas-sagrifiċċju.

86.      Mistoqsija waqt is-seduta dwar jekk id-disponibbiltà tal-laħam “halal” kinitx b’mod ġenerali żgurata b’mod sodisfaċenti meta ma jkunx il-perijodu ta’ ċelebrazzjoni tal-festa Musulmana tas-sagrifiċċju, ir‑rikorrenti fil-kawża prinċipali rrispondew fl-affermattiv. Huma kkonfermaw ukoll li, fl-opinjoni tagħhom, il-problema tirriżulta mill-fatt li l-bini ta’ biċċeriji ġodda approvati biex jilqgħu speċifikament għaż-żieda fid-domanda ta’ qatla bil-forma ritwali waqt din iċ-ċelebrazzjoni ma huwiex għażla ekonomikament vijabbli fuq is‑sena kollha.

87.      Dan jikkonferma li l-eventwali problemi ta’ kapaċità, ikkunsidrati mill-perspettiva tal-offerta kif ukoll tad-domanda, ma ġewx ikkawżati bl‑Artikolu 4(4) tar-Regolament Nru 1099/2009, iżda huma tabilħaqq il‑konsegwenza tal-eżistenza, fl-istess waqt, ta’ diversi ċirkustanzi partikolari, totalment indipendenti mill-portata ta’ din id-dispożizzjoni, u li jirriżultaw prinċiparjament minn konċentrazzjoni qawwija tad-domanda għal qatla bil-forma ritwali f’mument preċiż ħafna tas-sena, u dan fuq perijodu qasir ħafna.

88.      Madankollu, kif fl-opinjoni tiegħi korrettament enfasizzat il‑Kummissjoni, il-validità ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni għandha tiġi evalwata skont il-karatteristiċi speċifiċi tagħha u ma tistax tiddependi miċ-ċirkustanzi partikolari ta’ każ speċifiku (37).

89.      Sabiex nikkonkludi u minkejja d-dubji li għandha l-qorti tar‑rinviju, jidhirli li ma jeżisti l-ebda argument konvinċenti sabiex jiġi kkunsidrat li l-leġiżlazzjoni kontenzjuża, li, infakkar, hija totalment newtrali u ta’ applikazzjoni ġenerali, tikkostitwixxi limitazzjoni għal‑libertà reliġjuża.

3.      Fuq il-ġustifikazzjoni tal-limitazzjoni għal-libertà reliġjuża eventwalment ikkonstatata

90.      Peress li, fl-opinjoni tiegħi, ma għandux jiġi konkluż li teżisti limitazzjoni għal-libertà tar-reliġjon li tirriżulta mill-obbligu ġenerali li jintużaw biċċeriji approvati, il-kwistjoni dwar jekk tali limitazzjoni hijiex iġġustifikata ma tqumx iktar.

91.      Madankollu, fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja ma taqbilx ma’ din il‑konklużjoni inkwantu tikkunsidra li l-obbligu li jintużaw biċċeriji approvati, l-unika kontestazzjoni f’dan il-każ, jikkostitwixxi indħil fil‑libertà tar-reliġjon inkwantu jipprekludi lill-Musulmani prattikanti milli jikkonformaw ruħhom mal-obbligu reliġjuż tagħhom waqt il-festa tas-sagrifiċċju, jiena tal-opinjoni li l-ebda għan leġittimu ta’ interess ġenerali ma jista’ għalhekk ikun tali li jiġġustifika l-eżistenza ta’ limitazzjoni ta’ din il-libertà.

92.      Din l-aħħar konklużjoni, li tista’, mal-ewwel daqqa ta’ għajn, tissorprendi jekk isir riferiment għall-analiżi tiegħi fil-parti ddedikata għall-identifikazzjoni ta’ limitazzjoni tal-libertà reliġjuża, hija spjegabbli bil-kunsiderazzjonijiet segwenti.

93.      Ċertament, l-idea li l-limitazzjoni tal-possibbiltajiet ta’ qatla bil-forma ritwali, maħluqa bl-obbligu li jintużaw biċċeriji approvati, għandha l-għanijiet leġittimi ta’ ordni pubbliku u ta’ saħħa pubblika, jiġifieri l-protezzjoni tal-benesseri tal-annimali, tas-saħħa pubblika u tas‑sigurtà tal-ikel, tista’ tiġi difiża a priori.

94.      Madankollu u f’każ li jiġi deċiż li l-obbligu li jintużaw biċċeriji approvati waqt il-festa Musulmana tas-sagrifiċċju huwa kuntrarju għal‑libertà tar-reliġjon, ser ikolli nipproċedi b’arbitraġġ impossibbli bejn din il-libertà u r-rekwiżiti ta’ protezzjoni tal-benesseri tal-annimali, tas-saħħa pubblika u tas-sigurtà tal-ikel, li, infakkar, huma t-tliet għanijiet ġenerali segwiti mill-obbligu li għandhom jintużaw biċċeriji approvati. Fir-realtà, dan iwassal sabiex tiġi stabbilita ġerarkija bejn l-osservanza tal-libertà tar-reliġjon u l-ħtieġa li jiġu segwiti dawn l-għanijiet leġittimi ta’ interess ġenerali, minkejja li l‑leġiżlatur ried speċifikament jistabbilixxi bilanċ bejn l-osservanza tal-libertà reliġjuża u dawn l‑għanijiet differenti li għandhom jiġu segwiti, b’mod partikolari bid‑dispożizzjonijiet tal-Artikolu 4(4) tar‑Regolament Nru 1099/2009.

95.      Fi kliem ieħor, kieku kellu jiġi deċiż li din l-aħħar dispożizzjoni, li turi t-tfittxija mil-leġiżlatur Ewropew ta’ bilanċ ġust bejn il-libertà reliġjuża u l-għanijiet leġittimi ta’ interess ġenerali li għandhom jiġu segwiti li huma l-protezzjoni tas-saħħa pubblika, is-sigurtà tal-ikel u l‑benesseri tal-annimali (38), tikkostitwixxi limitazzjoni tal-libertà tar‑reliġjon, nara li huwa diffiċli kif jista’ jiġi kkunsidrat li din il‑limitazzjoni hija speċifikament iġġustifikata bl-imsemmija rekwiżiti fil-kuntest partikolari taċ-ċelebrazzjoni tal-festa Musulmana tas‑sagrifiċċju.

96.      Għalkemm il-kunsiderazzjonijiet relatati mas-saħħa tal-bniedem għandhom, bħala regola, jipprevalu fuq dawk relatati mal-benesseri tal‑annimali, jidher li, f’dan il-każ, ingħatat attenzjoni partikolari ferm lill-promozzjoni tal-benesseri tal-annimali bħala għan leġittimu ta’ interess ġenerali kopert b’mod partikolari bl-adozzjoni tad‑dispożizzjonijiet tal-Artikolu 4(4), moqri flimkien ma’ dawk tal‑Artikolu 2(k) tar-Regolament Nru 1099/2009.

97.      Barra minn hekk, ser nuri iktar ’il quddiem, l-ewwel nett, sa fejn il-protezzjoni tal-benesseri tal-annimali ma tikkostitwixxix għan li jista’ jiġġustifika limitazzjoni għal-libertà reliġjuża fil-każ li jkollu jitqies li l-Artikolu 4(4) tar-Regolament Nru 1099/2009 joħloq tali limitazzjoni u, it-tieni nett, fiex tali limitazzjoni lanqas ma hija rilevanti u proporzjonata sabiex tiġi żgurata s-sigurtà tal-ikel u s-saħħa pubblika fil-kuntest speċifiku ferm taċ-ċelebrazzjoni tal-festa Musulmana tas-sagrifiċċju.

a)      Libertà reliġjuża u protezzjoni tal-benesseri tal-annimali flevalwazzjoni tal-Artikolu 4(4) moqri flimkien mal-Artikolu 2(k) tarRegolament Nru 1099/2009

98.      Għalkemm ma naqbilx mal-konklużjoni li l-Artikolu 4(4) moqri flimkien mal-Artikolu 2(k) tar-Regolament Nru 1099/2009 huwa problematiku mill-perspettiva tal-libertà reliġjuża, ma nistax ma naqbilx mal-evalwazzjoni magħmula mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali fl‑osservazzjonijiet bil-miktub tagħhom ippreżentati lill-Qorti tal‑Ġustizzja li għandu jkun hemm prudenza rigoruża meta l-għan ta’ protezzjoni tal-benesseri tal-annimali potenzjalment jikkonfliġġi ma’ dritt fundamentali.

99.      F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jsir riferiment għall‑Artikolu 13 TFUE, li jipprevedi li “l-Unjoni u l-Istati Membri għandhom jgħatu konsiderazzjoni sħiħa tal-ħtiġijiet tal-benessri ta’ l‑annimali bħala esseri sensibbli, waqt li jirrispettaw id-dispożizzjonijiet leġislattivi jew amministrattivi u d-drawwiet ta’ l-Istati Membri li għandhom x’jaqsmu partikolarment mar-riti reliġjużi” (39).

100. F’dan il-każ, jidhirli li huwa delikat li jiġi konkluż li, minkejja li joħloq limitazzjoni għal-libertà reliġjuża, l-obbligu maħluq bl‑Artikolu 4(4) tar-Regolament Nru 1099/2009, li jintużaw biċċeriji approvati skont ir-Regolament Nru 853/2004 huwa neċessarju u proporzjonat sabiex jintlaħaq għan leġittimu.

101. Qabel ma jiġu eżaminati waħda waħda l-kwistjonijiet relatati mal‑ħtieġa u mal-proporzjonalità tad-dispożizzjoni kkontestata, jidhirli li għandha ssir rimarka ta’ natura ġenerali u preliminari fir-rigward tal‑ibbilanċjar bejn, minn naħa waħda, il-possibbiltajiet offruti bis-saħħa tal-leġiżlazzjoni applikabbli li jkun hemm qatla mingħajr sturdament, u dan sabiex jiġu osservati ċerti twemmin reliġjużi u, min-naħa l-oħra, il‑protezzjoni tal-benesseri tal-annimali.

102. Waqt din il-proċedura, ġie sottomess – ħafna drabi b’konvinzjoni qawwija u b’mod kemmxejn kategoriku – li ma kienx hemm dubju li l‑qatla ta’ annimal mhux stordut setgħet toħloq iktar tbatija u sofferenza għall-annimal (40).

103. Madankollu, l-osservanza, komprensibbli ferm mill-perspettiva teoretika, ta’ din il-premessa ma għandhiex fl-opinjoni tiegħi twassal sabiex jiġi deċiż li l-komunitajiet reliġjużi li jirrakkomandaw il-qatla mingħajr sturdament tal-annimal ma jimpurtahomx mill-benesseri tal‑annimal, meta jaderixxu ma’ prattiċi antiki, barbari u ftit li xejn konformi mal-prinċipji stabbiliti fis-soċjetajiet demokratiċi moderni.

104. Barra minn hekk, huwa biżżejjed li jiġi kkunsidrat li l-leġiżlatur tal-Unjoni speċifikament iddeċieda li jżomm, bl-adozzjoni tal‑Artikolu 4(4) tar-Regolament Nru 1099/2009, il-possibbiltà għall‑Istati Membri li jawtorizzaw metodi partikolari ta’ qatla preskritti mir-riti reliġjużi. Għal darb’oħra, għandu jiġi enfasizzat li r-rekwiżit li l‑qatla bil-forma ritwali tista’ ssir biss, bis-saħħa ta’ din id-dispożizzjoni, f’“biċċerija” huwa biss tfakkira tar-regola ġenerali, applikabbli irrispettivament mill-metodu ta’ qatla tal-annimal magħżul, imposta bir‑Regolament Nru 853/2004.

105. F’dan ir-rigward, infakkar li l-“limitazzjoni” li hija inkwistjoni f’dan il-każ ma tirrigwardax il-qatla mingħajr sturdament, iżda l-obbligu, iktar ġenerali, li jintużaw il-biċċeriji approvati skont ir-Regolament Nru 853/2004.

106. Kif seta’ jiġi enfasizzat fil-kuntest ta’ diskussjonijiet li saru fuq livell nazzjonali, wara l-kwistjoni speċifika tal-qatla bil-forma ritwali r‑riskju ta’ stigmatizzazzjoni huwa faċli ħafna, riskju għoli mill‑perspettiva storika u li hemm bżonn li ma jkomplix jiżdied (41).

107. Xejn ma jippermetti li jiġi eskluż li qatla mingħajr sturdament magħmula f’kundizzjonijiet tajba (42) tista’ tirriżulta f’inqas tbatija għall‑annimali minn qatla bi sturdament minn qabel magħmula f’kundizzjonijiet li, għal raġunijiet evidenti finanzjarji u b’teħid inkunsiderazzjoni tal‑industrijalizzazzjoni qawwija tas-settur ta’ produzzjoni tal-ikel li joriġina mill-annimali, l-istress u t-tbatija subiti mill-annimali waqt il-qatla tagħhom jiġu intensifikati (43).

108. Minkejja li tista’ tidher ovvja, infakkar li kull forma ta’ qatla hija min-natura tagħha vjolenti u, konsegwentement, problematika mill‑perspettiva tat-tbatija tal-annimal (44).

109. Personalment m’iniex konvint, bħal numru kbir ta’ studji u ta’ investigazzjonijiet li juru dan (45), li l-użu tal-biċċeriji approvati huwa dejjem protezzjoni effikaċi ferm kontra t-tbatija tal-annimali li jiġġustifika, waħdu, limitazzjoni għal-libertà reliġjuża.

1)      Fuq il-ħtieġa ta’ limitazzjoni għal-libertà reliġjuża minħabba lprotezzjoni tal-benesseri tal-annimali

110. Bis-saħħa tal-ġurisprudenza issa ferm stabbilita (46) tal-Qorti tal‑Ġustizzja, il-protezzjoni tal-benesseri tal-annimali tista’ tkun għan leġittimu ta’ interess ġenerali li l-importanza tagħha tidher, b’mod partikolari, bl-adozzjoni mill-Istati Membri tal-Protokoll dwar il‑protezzjoni u l-benesseri tal-annimali, anness mat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea (47). L-Artikolu 13 TFUE, dispożizzjoni ta’ applikazzjoni ġenerali tat-Trattat FUE, li jinsab fl-ewwel parti ta’ dan tal-aħħar, iddedikata għall-prinċipji, jikkorrispondi ma’ dan il‑protokoll (48).

111. Il-kwistjoni tqum jekk, fil-preżenza ta’ limitazzjoni għal-libertà reliġjuża, l-obbligu li jintużaw biċċeriji approvati huwiex iġġustifikat fil‑kuntest partikolari tal-festa Musulmana tas-sagrifiċċju minħabba l‑ħtieġa li jiġi protett il-benesseri tal-annimali.

112. Fl-opinjoni tiegħi, jista’ jkun hemm dubju dwar dan.

113. Ċertament, huwa ta’ interess ġenerali li għandha tiġi evitata qatla “salvaġġa” f’kundizzjonijiet dubjużi mill-perspettiva tal-benesseri tal‑annimali, li jfisser, a priori, li huwa preferibbli li l-qatla tal-annimali ssir fi stabbilimenti kkontrollati mill-awtorità pubblika (49) jew li tissodisfa regoli preċiżi f’termini ta’ tagħmir u ta’ loġistika.

114. Dan madankollu ma għandux iwassal sabiex jiġi kkunsidrat li dawn l-istabbilimenti għandhom fil-kuntest partikolari ferm taċ‑ċelebrazzjoni tal-festa Musulmana tas-sagrifiċċju jkunu neċessarjament biċċeriji approvati skont ir-Regolament Nru 853/2004.

115. Bir-riskju li nirrepeti ruħi, il-kwistjoni hawnhekk ma hijiex jekk il‑qatla mingħajr sturdament għandhiex tiġi pprojbita minħabba l‑benesseri tal-annimali, iżda li jiġi stabbilit jekk, fil-kuntest tad-deroga prevista fl‑Artikolu 4(4) tar-Regolament Nru 1099/2009, l-użu ta’ biċċeriji approvati joffrix, fl-okkażjoni taċ-ċelebrazzjoni tal-festa Musulmana tas-sagrifiċċju, valur ikbar fir-rigward tal-benesseri tal-annimali meta mqabbel ma’ post ta’ qatla temporanju mhux approvat.

116. Fir-rigward b’mod partikolari tal-possibbiltà offruta fir-Reġjun Fjamming sal-2014 sabiex issir qatla bil-forma ritwali, għandu jiġi nnotat li l-Kummissjoni stess, wara l-verifika li saret fil-Belġju mis-servizzi tagħha bejn l-24 ta’ Novembru u t-3 ta’ Diċembru 2014 sabiex tevalwa l‑kontrolli tal-benesseri tal-annimali waqt il-qatla fl-istabbilimenti temporanji li sa dakinhar kienu approvati, indikat li l-imsemmija postijiet kellhom garanziji suffiċjenti filwaqt li ġew innotati l-isforzi magħmula mill-awtoritajiet Belġjani sabiex itejbu s-sitwazzjoni.

117. Fir-rapport ta’ verifika tat-30 ta’ Lulju 2015, il-Kummissjoni b’hekk irrilevat li l-awtoritajiet kompetenti kienu qed jagħmlu dak neċessarju sabiex l-istess kundizzjonijiet fil-qasam tal-benesseri tal‑annimali jiġu osservati fil-postijiet ta’ qatla temporanji li hija kellha konoxxenza tagħhom. Skont dan ir-rapport, kien ġie konkluż li, minkejja li l-qatla mingħajr sturdament għar-riti reliġjużi li ma ssirx f’biċċerija awtorizzata ma kinitx tosserva r-Regolament Nru 1099/2009, l‑awtoritajiet nazzjonali kienu għamlu sforzi kbar sabiex l-istess kundizzjonijiet fir-rigward tal-benesseri tal-annimali jiġu osservati matul il-festi reliġjużi fil-postijiet approvati.

118. B’din il-konstatazzjoni, is-servizzi tal-Kummissjoni jidhru li impliċitament ikkunsidraw li l-postijiet ta’ qatla temporanji li jippreżentaw ċerti karatteristiċi, mingħajr ma neċessarjament jissodisfaw id‑definizzjoni ta’ biċċeriji approvati fis-sens tal‑Artikolu 2(k) tar‑Regolament Nru 1099/2009, jista’ xorta jkollhom garanziji suffiċjenti fir-rigward tal-protezzjoni tal-benesseri tal-annimali għall-qatla magħmula waqt iċ-ċelebrazzjoni tal-festa Musulmana tas-sagrifiċċju. Peress li hija ċelebrazzjoni li ssir biss darba fis-sena u fid‑dawl tal-fatt li l-annimali maqtula waqt din iċ-ċelebrazzjoni ma humiex, bħala regola, intiżi sabiex jibqgħu fit-tul fil-postijiet tal-qatla, l-istabbiliment ta’ tali biċċeriji approvati ma jidhirlix li huwa rekwiżit realment rilevanti. Fil-fatt, il-kundizzjonijiet li l-istabbilimenti għandhom jissodisfaw, skont b’mod partikolari r-Regolament Nru 853/2004, ġew ikkonċepiti għal stabbilimenti intiżi għas-suq ta’ kuljum tal-offerta u tad‑domanda.

119. Barra minn hekk, fil-kuntest speċifiku taż-żieda fid-domanda ta’ qatla, bħal dik irreġistrata waqt il-festa Musulmana tas-sagrifiċċju, tista’ wkoll tqum il-mistoqsija jekk il-fatt li tiġi awtorizzata qatla f’postijiet temporanji li jissodisfaw regoli sanitarji speċifiċi, mingħajr madankollu ma jissodisfaw id-definizzjoni ta’ biċċeriji approvati skont l‑Artikolu 2(k) tar-Regolament Nru 1099/2009, jistax jissodisfa wkoll b’mod aħjar il-preokkupazzjonijiet dwar il-benesseri tal-annimali. Il-ħolqien ta’ tali postijiet jista’, filwaqt li jiżblokka s-sitwazzjoni tal-postijiet ta’ qatla approvati, jikkontribwixxi sabiex il-qatla ssir in fine fl-aħjar kundizzjonijiet għall‑annimal mill-perspettiva tal-istress subit.

2)      Fuq il-proporzjonalità ta’ limitazzjoni għal-libertà reliġjuża fiddawl tal-protezzjoni tal-benesseri tal-annimali

120. Skont l-Artikolu 52(1) tal-Karta, il-limitazzjoni tal-eżerċizzju tad‑drittijiet u libertajiet rikonoxxuti mill-Karta għandha tkun prevista mil-liġi u għandha tkun proporzjonata.

121. Il-limitazzjoni inkwistjoni f’din il-kawża, jiġifieri dik li tirriżulta mill-obbligu previst fl-Artikolu 4(4) tar-Regolament Nru 1099/2009 li jintużaw biċċeriji approvati, jiġifieri stabbilimenti li jissodisfaw ir‑rekwiżiti previsti bir-Regolament Nru 853/2004, mingħajr dubju tirriżulta mil-liġi.

122. Għall-kuntrarju u fil-każ li jkollu jiġi deċiż li teżisti limitazzjoni tal-libertà reliġjuża u li din il-limitazzjoni hija ġġustifikata, niddubita li tali limitazzjoni tista’ tiġi kkunsidrata bħala proporzjonata għall-għan li għandu jiġi segwit.

123. Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-prinċipju ta’ proporzjonalità jeżiġi li l-atti tal‑istituzzjonijiet tal-Unjoni ma jeċċedux il-limiti ta’ dak li huwa xieraq u neċessarju għat-twettiq tal-għanijiet leġittimi li l-leġiżlazzjoni inkwistjoni tfittex li tilħaq, filwaqt li l-inkonvenjenzi kkawżati minn din tal-aħħar ma għandhomx ikunu sproporzjonati meta mqabbla mal‑għanijiet previsti (50), u li meta jkun hemm possibbiltà ta’ għażla bejn diversi miżuri xierqa, għandha tintgħażel l-inqas waħda restrittiva (51).

124. Issa, jiena tal-opinjoni li l-obbligu li l-qatla ssir f’biċċerija approvata jista’ jmur lil hinn minn dak li huwa strettament meħtieġ għat‑twettiq tal-għan tal-protezzjoni tal-benesseri tal-annimali meta hemm inkwistjoni l-qatla ta’ annimal sabiex isir rit reliġjuż f’perijodu speċifiku ferm tas-sena.

125. F’dan ir-rigward, hemm lok li jiġi rrilevat li l-Anness III tar‑Regolament Nru 853/2004 jipprevedi numru ta’ rekwiżiti li l-biċċeriji għandhom jissodisfaw sabiex jiġu approvati skont dan ir‑regolament.

126. Madankollu, huwa permissibbli li jiġi mistoqsi jekk, fil-preżenza ta’ limitazzjoni tal-libertà reliġjuża, l-osservanza ta’ dawn ir-rekwiżiti kollha hijiex imposta fil-kuntest partikolari ferm taż-żieda fid-domanda ta’ qatla fi żmien il-festa Musulmana tas-sagrifiċċju.

127. B’hekk u mingħajr ma nippretendi li nkun eżawrjenti, jidher li ċerti regoli previsti fl-Anness III tar-Regolament Nru 853/2004, bħar‑rekwiżiti strutturali li għandu jkollhom b’mod partikolari l-impjanti tat‑tqattigħ jew l-impjanti tal-ħażna fil-kesħa tal-laħam, jistgħu jkunu superfluwi sabiex jilqgħu għaż-żieda fid-domanda ta’ qatla bil-forma ritwali rreġistrata fl‑okkażjoni tal-festa Musulmana tas-sagrifiċċju fir-rigward ta’ stabbilimenti li ma jintużawx ħlief darba fis-sena u li fihom il-laħam jingħata, bħala regola, direttament lill-konsumatur finali.

128. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti u fil-każ li jiġi kkunsidrat li d-dispożizzjonijiet ikkontestati jillimitaw il-libertà reliġjuża, jiena tal-opinjoni li ċertament teżisti soluzzjoni inqas vinkolanti minn dik li tobbliga li jintużaw biċċeriji approvati waqt il-festa Musulmana tas-sagrifiċċju.

b)      Libertà reliġjuża u l-protezzjoni tas-sigurtà tal-ikel u tas-saħħa pubblika

129. Fil-każ li jiġi kkonstatat li r-regola stabbilita fl-Artikolu 4(4), moqri flimkien mal-Artikolu 2(k) tar-Regolament Nru 1099/2009 tikkostitwixxi limitazzjoni għal-libertà tar-reliġjon, tqum ukoll il-kwistjoni dwar jekk din tistax tiġi ġġustifikata minħabba raġunijiet leġittimi ta’ interess ġenerali fir-rigward tas-sigurtà tal-ikel u s-saħħa tal-bniedem.

130. Fil-fatt, ir-Regolament Nru 853/2004, li għalih jirreferi r‑Regolament Nru 1099/2009, qabel xejn għandu l-għan tas-sigurtà tal‑ikel li, in fine, huwa intiż sabiex jipproteġi b’mod dirett is-saħħa tal‑bniedem.

131. Madankollu u bi tkomplija ma’ dak li indikajt preċedentement, il‑projbizzjoni totali ta’ qatla mhux fil-biċċeriji approvati skont ir-regoli stabbiliti fl-Anness III tar-Regolament Nru 853/2004 tista’ ma tidhirx rilevanti biżżejjed mill-perspettiva tas-sigurtà tal-ikel u tas-saħħa pubblika sabiex tiġġustifika l-limitazzjoni għat-twettiq tal-obbligu reliġjuż li toqtol jew titlob li jinqatel annimal waqt avveniment annwali speċifiku ferm, f’dan il-każ fl-okkażjoni tal-festa Musulmana tas-sagrifiċċju.

132. Kif ikkonstatat b’mod partikolari l-Kummissjoni fir-rapport ta’ verifika tat-30 ta’ Lulju 2015, stabbilimenti temporanji ta’ qatla li jissodisfaw ċerti regoli sanitarji jistgħu xorta jagħtu garanziji biżżejjed mill-perspettiva tas-saħħa pubblika u tas-sigurtà tal-ikel sabiex jissodisfaw id‑domanda sinjifikattiva iżda limitata ferm fiż-żmien meta ssir il-qatla waqt il-festa Musulmana tas-sagrifiċċju.

133. Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta, fl-opinjoni tiegħi, li ma jistax jiġi konkluż li l-Artikolu 4(4), moqri flimkien mal-Artikolu 2(k) tar-Regolament Nru 1099/2009, għandu limitazzjoni għal-libertà reliġjuża. Madankollu u biss fil-każ li kellu jiġi kkunsidrat, għall-kuntrarju, li din il-limitazzjoni teżisti, jiena tal-opinjoni li ma għandhiex tiġi kkunsidrata bħala ġġustifikata minn għanijiet leġittimi ta’ interess ġenerali tal‑benesseri tal-annimali u tal-protezzjoni tas-saħħa pubblika u tas-sigurtà tal-ikel. Fi kwalunkwe każ, din il-limitazzjoni ma għandhiex, fl‑opinjoni tiegħi, tiġi kkunsidrata bħala proporzjonata sabiex jiġu segwiti dawn l-għanijiet.

4.      Talba għal evalwazzjoni tal-validità u/jew talba għal interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 4(4), moqri flimkien mal-Artikolu 2(k) tar-Regolament Nru 1099/2009?

134. F’dan il-każ, il-qorti tar-rinviju ddeċidiet li tillimita d-domanda preliminari tagħha għal talba għal evalwazzjoni tal-validità tad‑dispożizzjonijiet tal-Artikolu 4(4), moqri flimkien mal-Artikolu 2(k) tar-Regolament Nru 1099/2009.

135. Issa, kif il-Kunsill indika fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu, kien ikun iktar utli għall-qorti tar-rinviju li tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tar-Regolamenti Nri 1099/2009 u 853/2004, b’mod partikolari f’dak li jirrigwarda l‑flessibbiltà offruta lill-Istati Membri fir-rigward tar-regoli li għandhom jirregolaw l-approvazzjoni tal-biċċeriji, u b’mod partikolari sabiex jiġi stabbilit sa fejn l-Istati Membri jistgħu jieħdu inkunsiderazzjoni sitwazzjonijiet speċifiċi, bħal dik li jista’ jkun hemm fi Stat Membru (jew f’parti minnu) fl-okkażjoni tal-festa Musulmana tas-sagrifiċċju.

136. Min-naħa tiegħi, m’iniex totalment konvint minn tali approċċ li jwassal, finalment, sabiex tinbidel ir-regola li, fl-istat preżenti tad-dritt tal-Unjoni, hija ta’ applikazzjoni ġenerali, li tipprevedi li l-qatla tal‑annimali għandha ssir f’biċċeriji approvati.

137. Jekk huwa korrett li r-Regolamenti Nri 1099/2009 u 853/2004 jintroduċu xi elementi ta’ flessibbiltà, inkwantu jipprevedu mhux biss ċerti derogi mill-obbligu li jindirizzaw għal xi biċċeriji approvati, iżda wkoll derogi mill-osservanza ta’ ċerti regolamenti tekniċi imposti fuq il-postijiet ta’ qatla (52) b’mod partikolari għall-“biċċeriji ambulanti” u l-“biċċeriji żgħar” li jbigħu b’mod dirett (53), niddubita jekk nistgħux, f’din il-kawża, nistabbilixxu, b’mod preċiż u irrispettivament minn eżami ddettaljat tar‑rekwiżiti kollha li jirriżultaw minn dawn ir-regolamenti, iċ‑ċirkustanzi li jiġġustifikaw li wieħed jidderoga mir-rekwiżiti strutturali imposti fuq il-postijiet ta’ qatla, rekwiżiti li għandhom importanza kbira fil‑formulazzjoni ta’ dawn ir-regolamenti.

138. F’dan ir-rigward, nixtieq infakkar li dan il-każ jirrigwarda problema ta’ natura temporanja, problema li, skont kif fhimt jien mill‑proċess, jidher li minn dakinhar ’l hawn ġiet riżolta.

139. B’mod iktar fundamentali, jidher li r-rikorrenti fil-kawża prinċipali għandhom l-għan fir-realtà li jitolbu flessibbiltà tar-regoli u tar‑rekwiżiti sanitarji fis-settur tal-ikel li joriġina mill-annimali, għaliex ma jridux jassumu l-ispejjeż li l-osservanza ta’ dawn ir-rekwiżiti ġġib magħha.

140. F’tali kuntest, li tipprova telabora l-linji ġenerali interpretattivi li, finalment, jistgħu jikkompromettu r-regoli stabbiliti bi preċiżjoni fil‑leġiżlazzjoni preżentement applikabbli fil-qasam tal-qatla tal‑annimali, ma jidhirx li huwa opportun.

IV.    Konklużjoni

141. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad-domanda preliminari magħmula min‑Nederlandstalige rechtbank van eerste aanleg Brussel (qorti tal-ewwel istanza ta’ lingwa Olandiża ta’ Brussell, il-Belġju) bil-mod segwenti:

L-eżami tad-domanda preliminari ma juri l-ebda element li jista’ jaffettwa l-validità tal-Artikolu 4(4), moqri flimkien mal-Artikolu 2(k) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1099/2009, tal‑24 ta’ Settembru 2009, dwar il-protezzjoni tal-annimali waqt il-qatla, fid-dawl tad-dritt tal-libertà tar-reliġjon kif stabbilit fl-Artikolu 10 tal-Karta tad‑Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u kif ikkunsidrat fl-Artikolu 13 TFUE fir-rigward tal-benesseri tal-annimali.


1      Lingwa oriġinali: il-Franċiż.


2      Direttiva tal-Kunsill, tat-18 ta’ Novembru 1974, dwar l-isturdament tal-annimali qabel il-qtil tagħhom (ĠU 1974, L 316 p. 10). L-espożizzjoni tal-motivi ta’ din id‑direttiva kienet tindika b’mod partikolari li “hemm lok li tiġi ġġeneralizzata l‑prattika tal-isturdament permezz ta’ mezzi rrikonoxxuti adattati [u] madankollu li għandhom jiġu kkunsidrati karatteristiċi partikolari għal ċerti riti reliġjużi”.


3      Regolament tal-Kunsill, tal-24 ta’ Settembru 2009, dwar il-protezzjoni tal-annimali waqt il-qatla (ĠU 2009, L 303, p. 1). Il-premessa 18 ta’ dan ir-regolament tindika li: “Minħabba li d-dispożizzjonijiet Komunitarji applikabbli għall-qatla għal raġunijiet reliġjużi ġew trasposti b’mod differenti skont il-kuntesti nazzjonali, u meta wieħed jikkunsidra li r-regoli nazzjonali jieħdu kont tad-dimensjonijiet li jmorru lil hinn mill-għan ta’ dan ir-Regolament, huwa importanti li tinżamm id-deroga mill‑isturdament tal-annimali qabel il-qatla, waqt li madankollu jibqa’ ċertu livell ta’ sussidjarjetà għal kull Stat Membru. Bħala konsegwenza, ir-Regolament attwali jirrispetta l-libertà tar-reliġjon u d-dritt li r-reliġjon jew twemmin jiġi manifestat fil‑qima, tagħlim, prattika u osservanza, kif iddikjarat fl-Artikolu 10 tal-Karta tad‑Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.”


4      Għandu jiġi osservat li l-leġiżlazzjoni applikabbli preċedentement ma kinitx tipprevedi kriterji ddettaljati għall-approvazzjoni tal-biċċeriji, b’tali mod li l-Istati Membri kellhom marġni ta’ evalwazzjoni sabiex jistabbilixxu l-istabbilimenti, possibbilment temporanji, li jistgħu jkunu approvati bħala stabbilimenti assimilabbli għal biċċeriji [ara b’mod partikolari l-Artikolu 5(2) tad-Direttiva tal-Kunsill 93/119/KE, tat‑22 ta’ Diċembru 1993, dwar il-protezzjoni ta’ annimali fil-ħin tat-tbiċċir jew qtil (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 15, p. 421), kif emendata].


5      Imsejħa wkoll bħala l-Festa l-Kbira (Aïd-el-Kebir), din il-festa tiċċelebra l-forza tal‑fidi ta’ Ibrahim (Abraham fit-tradizzjoni Biblika), issimbolizzata bl-episodju fejn jaċċetta li jissagrifika, fuq ordni ta’ Alla, l-uniku tifel tiegħu Ismaël (Iżakk fit-tradizzjoni Biblika). Wara li aċċetta l-ordni divina, Alla jibgħat l-arkanġlu Jibril (Gabrijel) li, fl-aħħar mument, jissostitwixxi lit-tifel b’muntun bħala offerta tas-sagrifiċċju. Huwa b’tifkira ta’ din id-devozzjoni ta’ Ibrahim lejn Alla tiegħu li kull familja Musulmana tissagrifika annimal skont ċerti regoli.


6      Skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 26(2)(c) tar-Regolament Nru 1099/2009, ċerti Stati Membri ma jawtorizzawx il-qatla bil-forma ritwali mingħajr sturdament. B’hekk, sa fejn naf jien, ir-Renju tad-Danimarka, ir-Repubblika tas-Slovenja jew anki r-Renju tal-Isvezja ma jippermettux il-qatla ta’ annimali ħlief bi sturdament minn qabel. Iktar reċenti, jidhirli li intlaħaq qbil politiku fir-Reġjuni Fjamming u tal-Wallonia sabiex tiġi pprojbita l-qatla ta’ annimali mingħajr sturdament mill-2019 ’il quddiem.


7      ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 45, p. 14.


8      F’data mhux fissa li tibda mis-sebgħin jum wara t-tmiem tax-xahar Iżlamiku tar‑Ramadan.


9      Fit-tradizzjoni Musulmana, waqt il-festa tas-sagrifiċċji, huwa possibbli li l-Musulmani jagħżlu l-annimali li jistgħu jiġu ssagrifikati. Dawn jistgħu jkunu annimali ovini (nagħġa maskili, nagħġa femminili jew muntun), bovini (baqra, barri jew għoġol) jew kaprini (mogħża femminili jew mogħża maskili).


10      Skont ix-xogħlijiet preparatorji tal-liġi li temenda tal-1995, din l-aħħar possibbiltà kienet motivata mill-insuffiċjenza tal-kapaċità ta’ diversi biċċeriji f’ċerti perijodi.


11      F’dan il-kuntest, kienu r-rappreżentanti tal-komunità Musulmana li kellhom jevalwaw il-kapaċitajiet ta’ qatla ta’ żona ġeografika speċifika u jinformaw b’dan lill‑amministrazzjoni muniċipali kkonċernata.


12      F’dan il-kuntest, il-ministru kkonċernat irrefera b’mod partikolari għal rapport finali, ippubblikat fit-30 ta’ Lulju 2015, dwar verifika li saret mis-servizzi tal-Kummissjoni Ewropea fil-Belġju mill-24 ta’ Novembru sat-3 ta’ Diċembru 2014 sabiex jiġu evalwati l-kontrolli relatati mal-benesseri tal-annimali waqt il-qatla u l‑operazzjonijiet relatati [DG(SANTE) 2014-7059– RM] (iktar ’il quddiem ir-“rapport ta’ verifika tat-30 ta’ Lulju 2015”). Dan ir-rapport kien jindika, b’mod partikolari, li “il-qtil ta’ annimali mingħajr sturdament għal riti reliġjużi mhux f’biċċerija ma josservax ir-Regolament”.


13      Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali jibbażaw ruħhom fuq l-Artikolu 1(3)(a)(iii) tar-Regolament Nru 1099/2009 li jeskludi l-applikabbiltà ta’ dan tal-aħħar meta l-annimali jinqatlu waqt “avvenimenti kulturali jew sportivi”. Konformement mal-Artikolu 2(h) ta’ dan ir‑regolament, dawn huma avvenimenti li essenzjalment u b’mod predominanti huma relatati ma’ tradizzjonijiet kulturali jew attivitajiet sportivi li ilhom stabbiliti, fejn ma hemm l-ebda produzzjoni ta’ laħam jew prodotti ta’ annimali oħra, jew fejn dik il-produzzjoni hija marġinali meta mqabbla mal-avveniment fih innifsu u ma hijiex ekonomikament sinjifikattiva.


14      Mill-proċess jirriżulta li dawn il-postijiet ta’ qatla temporanji kienu jammontaw għal 59. Kienu biss tnejn minnhom li ġew mibdula f’biċċerija fl-2015 u tlieta minnhom fl-2016.


15      Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-21 ta’ Diċembru 2016, Vervloet et (C‑76/15, EU:C:2016:975, punt 57 u l-ġurisprudenza ċċitata), u tas-27 ta’ Ġunju 2017, Congregación de Escuelas Pías Provincia Betania (C‑74/16, EU:C:2017:496, punt 25).


16      Dan it-terminu jfisser il-leġiżlazzjoni kollha Ewropea relatata mal-iġjene tal-ikel, li daħlet fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2006, bil-għan li tissemplifika u li tarmonizza t-testi applikabbli fl-Unjoni.


17      Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat-8 ta’ Settembru 2015, Taricco et (C‑105/14, EU:C:2015:555, punt 31).


18      Ara, b’mod partikolari f’dan ir-rigward, l-argument tar-Reġjun Fjamming li jindika li l-kwistjoni tirrigwarda ċirkustanza purament nazzjonali, jiġifieri l-allegata insuffiċjenza tal-kapaċità ta’ qatla tal-biċċeriji approvati f’reġjun partikolari f’perijodu speċifiku ferm. Ara wkoll l-osservazzjonijiet tal-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi li jindika li l-possibbiltà li tiġi żgurata tali disponibbiltà ta’ laħam halal hija oneru tal-Istati Membri u ma taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolamenti Nri 1099/2009 u 853/2004.


19      Ara s-sentenzi tas-26 ta’ Frar 2013, Åkerberg Fransson (C‑617/10, EU:C:2013:105 punt 44), tat-3 ta’ Settembru 2015, Inuit Tapiriit Kanatami et vs Il-Kummissjoni (C‑398/13 P, EU:C:2015:535, punt 45), u tal-15 ta’ Frar 2016, N. (C‑601/15 PPU, EU:C:2016:84, punt 45).


20      Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-15 ta’ Frar 2016, N. (C‑601/15 PPU, EU:C:2016:84, punt 46 u l-ġurisprudenza ċċitata).


21      Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat-30 ta’ Ġunju 2016, Toma u Biroul Executorului Judecătoresc Horațiu-Vasile Cruduleci (C‑205/15, EU:C:2016:499, punt 41 u l-ġurisprudenza ċċitata).


22      GAIA tirreferi b’mod partikolari għal studju tal-Università ta’ Bristol, li minnu jirriżulta li 95 % ta’ għorrief Musulmani jaqblu dwar il-fatt li sturdament li ma jwassalx għall-mewt tal-annimal li għandu jinqatel huwa halal [ara Fuseini, A., et “The Perception and Acceptability of Pre-Slaughter and Post-Slaughter Stunning for Halal Production: the Views of UK Islamic Scholars and Halal Consumers”, Meat Science, Nru 123, 2017, p. 143 sa 153].


23      Ċerti pajjiżi Musulmani, bħall-Ġordan jew il-Malasja, jippermettu sturdament waqt il‑qatla bil-forma ritwali, bil-kundizzjoni li jkun riversibbli, jiġifieri li ma jipprovokax il-mewt tal-annimal. Barra minn hekk, spiss jissemma l-każ tan-New Zealand (dan huwa l-ikbar produttur tal-laħam tan-nagħaġ), li jesporta lejn pajjiżi Musulmani laħam li jiġi minn qatla ta’ annimali bl-isturdament.


24      Kif iddeċidiet il-Qorti EDB fis-sentenza tagħha tas-17 ta’ Diċembru 2013 (Vartic vs Ir-Rumanija, CE:ECHR:2013:1217JUD001415008, § 34 u l-ġurisprudenza ċċitata), l-obbligu ta’ newtralità jipprekludi lill-awtoritajiet pubbliċi milli jevalwaw il-validità u l-leġittimità tat-twemmin reliġjuż u tal-modalitajiet ta’ espressjoni tagħhom.


25      Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-Qorti EDB, tas-27 ta’ Ġunju 2000, Cha’are Shalom Ve Tsedek vs Franza (CE:ECHR:2000:0627JUD002741795, § 73). Ara b’mod iktar globali, fir-rigward tar-regoli ta’ kondotta dwar l-ikel minħabba r-reliġjon, is-sentenza tal-Qorti EDB tas-7 ta’ Diċembru 2010, Jakóbski vs Il-Polonja (CE:ECHR:2010:1207JUD001842906), u tas-17 ta’ Diċembru 2013, Vartic vs Ir‑Rumanija (CE:ECHR:2013:1217JUD001415008).


26      It-tlett ijiem li jsegwu ċ-ċelebrazzjoni tal-festa Musulmana tas-sagrifiċċju huma msejħa l-ġranet ta’ nuqqas ta’ sawm fit-tradizzjoni Musulmana (Tachriq). F’dan ir-rigward, waqt is-seduta, GAIA tat deskrizzjoni ta’ diversi prattiċi eżistenti dwar is-suġġett.


27      Ara, f’dan ir-rigward, l-espożizzjoni tal-motivi tal-proposta tal-Kummissjoni tar‑Regolament “iġjene” [COM(2000) 438 finali, p. 10], ikkonkretizzata bl‑adozzjoni tar-Regolament Nru 853/2004, li jenfasizza l-interess kbir li jintużaw biċċeriji approvati abbażi ta’ regoli ta’ iġjene stretti.


28      Ara, f’dan is-sens, il-premessa 2 tar-Regolament Nru 853/2004.


29      Ara l-premessa 4 tar-Regolament Nru 853/2004.


30      Ara, f’dan is-sens, il-premessa 9 tar-Regolament Nru 853/2004.


31      Ara l-premessa 18 tar-Regolament Nru 853/2004, li tipprevedi li “l-ħtiġiet strutturali u iġjeniċi stabbiliti f’dan ir-Regolament japplikaw għal kull tip ta’ stabbiliment, inklużi negozji żgħar u biċċeriji ambulanti”.


32      Ara, b’mod partikolari, il-premessa 19 tar-Regolament Nru 853/2004. Din il‑premessa tipprevedi li l-proċedura li tippermetti lill-Istati Membri li jkunu flessibbli għandha tkun trasparenti u għandha, meta jkun meħtieġ sabiex tirregola xi nuqqas ta’ qbil, tipprevedi diskussjoni fil-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali.


33      F’dan il-kuntest, il-qorti tar-rinviju tirreferi b’mod partikolari għar-rapport ta’ verifika tat-30 ta’ Lulju 2015. Dan ir-rapport kien jindika, fil-fatt, li “il-qatla ta’ annimali mingħajr sturdament għal riti reliġjużi mhux f’biċċerija ma tosservax ir‑regolament”, u dan minkejja li l-awtorità ċentrali kompetenti “għamlet sforzi kbar sabiex l-istess kundizzjonijiet fil-qasam tal-benesseri tal-annimali jiġu osservati matul il-festi reliġjużi f’postijiet approvati”.


34      F’dan il-kuntest il-Kummissjoni ssemmi l-ġurisprudenza tal-Qorti EDB [ara, b’mod partikolari, Qorti EDB tat-3 ta’ Diċembru 2009, Skugar et vs Ir-Russja (CE:ECHR:2009:1203DEC004001004)], dwar l-użu ta’ numru ta’ identifikazzjoni fiskali.


35      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti EDB tat-30 ta’ Ġunju 2011, Association des Témoins de Jéhovah vs Franza (CE:ECHR:2011:0630JUD000891605, § 52 u l-ġurisprudenza ċċitata), li tipprevedi li “il-libertà tar-reliġjon bl-ebda mod ma timplika li l-Knejjes jew il-fidili tagħhom għandu jkollhom status fiskali differenti minn dak ta’ persuni taxxabbli oħrajn”.


36      Diversi intervenjenti, b’mod partikolari r-Reġjun Fjamming, indikaw li din l‑insuffiċjenza ta’ postijiet ta’ qatla ma kinitx ġiet ipprovata f’dan il-każ.


37      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-28 ta’ Lulju 2016, Ordre des barreaux francophones et germanophone et (C‑543/14, EU:C:2016:605, punt 29).


38      U dan minkejja l-possibbiltà għall-Istati membri li jadottaw, bis-saħħa tal-Artikolu 26(2) tar-Regolament Nru 1099/2009, “regoli nazzjonali mmirati biex tiġi żgurata l-protezzjoni aktar estensiva tal-annimali waqt il-qatla minn dawk li jinsabu f’dan ir-Regolament”. Infakkar li l-premessa 18 ta’ dan ir-regolament tindika li “huwa importanti li tinżamm id-deroga mill-isturdament tal-annimali qabel il-qatla, waqt li madankollu jibqa’ ċertu livell ta’ sussidjarjetà għal kull Stat Membru”.


39      Enfasi miżjud minni.


40      Ara l-pożizzjoni tal-Gvern tar-Renju Unit, li jindika li huwa xjentifikament ipprovat li l-isturdament tal-annimali sabiex jintilfu minn sensihom fil-mument tal‑qatla tagħhom huwa metodu effikaċi sabiex inaqqas is-sofferenza tal-annimali. Fl‑istess sens, il-Gvern Estonjan irrefera għal studju intitolat “Report on Good and Adverse Practices – Animal Welfare Concerns in Relation to Slaughter Practices from the Viewpoint of Veterinary Sciences”, magħmul fil-kuntest ta’ proġett Ewropew DIALREL (“Encouraging Dialogue on issues of Religious Slaughter”) u disponibbli fl-indirizz segwenti: http://www.dialrel.eu/dialrel-results/veterinary-concerns.html.


41      Qed nieħu kważi kelma b’kelma l-konklużjonijiet ta’ rapport magħmul f’isem il-kummissjoni ta’ investigazzjoni tal-Assemblea nazzjonali Franċiża tal-20 ta’ Settembru 2016 dwar il-kundizzjonijiet tal-qatla tal‑annimali għall-ikel fil-biċċeriji Franċiżi (http://www2.assemblee-nationale.fr/14/autres-commissions/commissions-d-enquete/conditions-d-abattage-des-animaux-de-boucherie-dans-les-abattoirs-francais/).


42      F’dan il-kuntest, jidhirli interessanti li jiġi rrilevat li huwa preċiżament għan-nom tar-rispett lejn l-annimali u tal-importanza mogħtija għall-benesseri tagħhom li l-att tal-qatla tal-annimali huwa, fit-tradizzjonijiet Lhudija u Musulmani, ritwalizzat.


43      L-assoċjazzjonijiet li jiddefendu l-kawża tal-annimali regolarment ifakkru fil‑kundizzjonijiet kritikabbli ferm li fihom issir il-qatla fil-biċċeriji anki jekk approvati. Fir-rapport imsemmi fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 41, ir-relatur jikkonstata “it-tentazzjoni minn ċerti atturi fis-settur li jużaw il-kwistjonijiet imqajma bil-qatla bil-forma ritwali sabiex jintnesew id-diffikultajiet, serji ferm […] li għandha l-qatla tradizzjonali fir-rigward tal-benesseri tal-annimali”.


44      Kif tipprevedi l-premessa 2 tar-Regolament Nru 1099/2009 “[i]l-qtil tal-annimali jista’ jwassal għal uġigħ, stress, biża’ jew forom oħra ta’ tbatija għall-annimali anke fl-aħjar kondizzjonijiet tekniċi disponibbli. Ċerti operazzjonijiet marbuta mal-qatla jistgħu jikkawżaw stress u kwalunkwe teknika ta’ sturdament tippreżenta ċerti żvantaġġi”.


45      Waqt ir-riċerki tiegħi, stajt nirrileva li, minkejja li r-regola ġenerali applikabbli llum hija dik li l-qatla għandha ssir f’biċċeriji approvati, numru sostanzjali ta’ persuni li jrabbu u ta’ assoċjazzjonijiet ta’ protezzjoni tal-annimali huma favur l-idea li l-qatla li ssir kemm jista’ jkun qrib l-irziezet fejn ikunu trabbew l-annimali hija ċertament is-soluzzjoni l-iktar adattata mill-perspettiva tal-benesseri tal-annimali.


46      Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tas-17 ta’ Jannar 2008, Viamex Agrar Handel u ZVK (C‑37/06 u C‑58/06, EU:C:2008:18, punti 22 u 23, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata); tad-19 ta’ Ġunju 2008, Nationale Raad van Dierenkwekers en Liefhebbers u Andibel (C‑219/07, EU:C:2008:353, punt 27), u tat-23 ta’ April 2015, Zuchtvieh‑Export (C‑424/13, EU:C:2015:259, punt 35).


47      ĠU 1997, C 340, p. 110.


48      Ara s-sentenza tat-23 ta’ April 2015, Zuchtvieh-Export (C‑424/13, EU:C:2015:259, punt 35).


49      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti EDB tas-27 ta’ Ġunju 2000, Cha’are Shalom Ve Tsedek vs Franza (CE:ECHR:2000:0627JUD002741795, § 77).


50      Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-8 ta’ April 2014, Digital Rights Ireland et(C‑293/12 u C-594/12, EU:C:2014:238, punt 46 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata), u tal‑15 ta’ Frar 2016, N. (C‑601/15 PPU, EU:C:2016:84, punt 54).


51      Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tas-17 ta’ Ottubru 2013, Schaible (C‑101/12, EU:C:2013:661, punt 29), u tad-9 ta’ Ġunju 2016, Pesce et (C‑78/16 u C‑79/16, EU:C:2016:428, punt 48).


52      Ara, f’dan ir-rigward, l-Artikolu 10(3) sa (8) tar-Regolament Nru 853/2004.


53      Ara l-premessi 40 u 47 tar-Regolament Nru 1099/2009.