Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Consiglio di Stato (l-Italja) fl-14 ta’ Ġunju 2019 – Latte Villafranca SCRL, in liquidazione, et vs Agenzia per le Erogazioni in Agricoltura (AGEA), Regione Veneto

(Kawża C-464/19)

Lingwa tal-kawża: it-Taljan

Qorti tar-rinviju

Consiglio di Stato

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: Latte Villafranca SCRL, in liquidazione, Azienda Agricola Cordioli Cesarino e Noè società semplice, Cordioli Evaristo e Loredano società semplice, DZ, EA, FB

Konvenuti: Agenzia per le Erogazioni in Agricoltura (AGEA), Regione Veneto

Domandi preliminari

Id-dritt tal-Unjoni għandu, f’sitwazzjoni bħal dik deskritta u li hija s-suġġett tal-proċedura fuq il-mertu, jiġi interpretat fis-sens li l-inkompatibbiltà ta’ dispożizzjoni leġiżlattiva ta’ Stat Membru mat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 2(2) tar-Regolament (KEE) Nru 3950/92 1 tirriżulta fl-ineżistenza tal-obbligu għall-produtturi li jħallsu imposta addizzjonali meta jkunu ssodisfatti l-kundizzjonijiet previsti fl-imsemmi regolament?

Id-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari l-prinċipju ġenerali ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi, għandu, f’sitwazzjoni bħal dik deskritta u li hija s-suġġett tal-proċedura fuq il-mertu, jiġi interpretat fis-sens li l-aspettattivi tal-persuni li osservaw obbligu impost minn Stat Membru u li bbenefikaw mill-effetti relatati għall-osservanza ta’ dan l-obbligu, ma jibbenefikawx minn tali protezzjoni meta l-imsemmi obbligu jirriżulta li jmur kontra d-dritt tal-Unjoni?

L-Artikolu 9 tar-Regolament (KE) Nru 1392/2001 2 u l-kunċett ta’ “kategorija ta’ prijorità” fid-dritt tal-Unjoni jipprekludu, f’sitwazzjoni bħal dik deskritta u li hija s-suġġett tal-proċedura fuq il-mertu, dispożizzjoni ta’ Stat Membru li, bħall-Artikolu 2(3) tad-Digriet Liġi Nru 157/2004 adottat mir-Repubblika Taljana, tipprevedi modalitajiet differenzjati ta’ rimbors tal-imposta addizzjonali imposta eċċessivament billi tiddistingwi, fuq il-livell tal-iskeda kalendarja u tal-modalitajiet tar-rimbors, bejn il-produtturi li bbażaw ruħhom fuq l-osservanza ta’ dispożizzjoni nazzjonali li rriżulta li tmur kontra d-dritt tal-Unjoni u l-produtturi li ma osservawx tali dispożizzjoni?

____________

1     Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 3950/92 tat-28 ta’ Diċembru 1992 li jistabbilixxi imposta addizzjonali fuq il-ħalib u l-prodotti tal-ħalib (ĠU 1992, L 405, p. 1).

2     Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1392/2001 tad-9 ta’ Lulju 2001 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3950/92 li jistabbilixxi imposta addizzjonali fuq il-ħalib u l-prodotti tal-ħalib (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 33, p. 104).