Language of document :

Appell ippreżentat fl-1 ta’ Marzu 2019 minn Ryanair DAC, li qabel kienet Ryanair Ltd, Airport Marketing Services Ltd mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (Is-Sitt Awla Estiża) fit-13 ta’ Diċembru 2018 fil-Kawża T-53/16: Ryanair u Airport Marketing Services vs Il-Kummissjoni

(Kawża C-204/19 P)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Appellanti: Ryanair DAC, li qabel kienet Ryanair Ltd, Airport Marketing Services Ltd (rappreżentanti: E. Vahida, avocat, I.-G. Metaxas-Maranghidis, Δικηγόρος, G. Berrisch, Rechtsanwalt, B. Byrne, Solicitor)

Partijiet oħra fil-proċedura: Il-Kummissjoni Ewropea, Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

Talbiet

L-appellanti jitolbu li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tannulla s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-13 ta’ Diċembru 2018 fil-Kawża T-53/16; u

tannulla l-Artikoli 1, 4, 5 u 6 tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/633 1 tat-23 ta’ Lulju 2014 dwar l-għajnuna mill-Istat SA.33961 (2012/C) (ex 2012/NN), ), jew, sussidjarjament, tirrinvija l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex terġa’ tieħu konjizzjoni tagħha; u, fi kwalunkwe każ

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż tal-appellanti fir-rigward ta’ din il-proċedura ta’ appell u tal-proċedura fil-Kawża T-53/16 quddiem il-Qorti Ġenerali.

Aggravji u argumenti prinċipali

L-appellanti jsostnu li s-sentenza appellata għandha tiġi annullata għar-raġunijiet li ġejjin:

L-ewwel nett, il-Qorti Ġenerali wettqet applikazzjoni żbaljata tal-Artiklu 41 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u tad-drittijiet tad-difiża tal-appellanti fil-proċeduri quddiem il-Kummissjoni. Il-Qorti Ġenerali: żbaljat billi għamlet distinzjoni bejn id-drittijiet speċifiċi fl-Artikolu 41(2) tal-Karta u d-dritt ġenerali għal amministrazzjoni tajba taħt l-Artikolu 41(1) tal-Karta; żbaljat billi kkonstatat li d-drittijiet fl-Artikolu 41(2) tal-Karta ma japplikawx għal investigazzjonijiet marbuta ma’ għajnuna mill-Istat; żbaljat billi kkonstatat li hemm kunflitt bejn l-Artikolu 41(1) u (2) tal-Karta u l-Artikoli 107 u 108 TFUE; u żbaljat billi kkonstatat li l-appellanti setgħu jitqiesu sempliċement bħala sors ta’ informazzjoni fl-investigazzjoni.

It-tieni nett, il-Qorti Ġenerali kisret l-Artikolu 107(1) TFUE billi wettqet interpretazzjoni żbaljata tal-kunċett ta’ vantaġġ. Il-Qorti Ġenerali: żbaljat billi kkonkudiet li ma hemmx ġerarkija fil-metodoloġiji ta’ applikazzjoni tat-test tal-operatur f’ekonomija tas-suq (iktar ’il quddiem l-“OES”) bejn l-analiżi komparattiva u metodi oħra; żbaljat billi kkonstatat li l-Kummissjoni kellha d-dritt li ma tapplikax l-analiżi komparattiva u li tiċħad il-provi komparattivi prodotti mill-appellanti; żbaljat billi kkonkludiet li, meta jiġi applikat it-test ta’ vijabbiltà inkrimentali, ma huwiex neċessarju li l-Kummissjoni tkun issodisfatta li l-istima tal-ispejjeż inkrimentali u l-istima tad-dħul mhux aeronawtiku inkrimentali jirriflettu kif l-OES kien jopera l-ajruport; u żbaljat billi kkonstatat li vijabbiltà mnaqqsa, pjuttost milli nuqqas ta’ vijabbiltà, hija suffiċjenti għall-konstatazzjoni ta’ għajnuna.

It-tielet nett, il-Qorti Ġenerali weqqet evalwazzjoni żbaljata tal-imputabbiltà lill-Istat billi: ikkunsidrat li l-operatur tal-ajruport – “SMAN” – kien “korp tal-Istat”; ma applikatx l-indikaturi Stardast Marine; u naqset milli tipprovdi motivazzjoni suffiċjenti għal dan. Il-Qorti Ġenerali żbaljat ukoll billi sostniet b’mod żbaljat li d-deċiżjonijet tal-kumpannija privata VTAN kienu imputabbli lill-Istat.

____________

1 Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/633 tat-23 ta’ Lulju 2014 dwar l-għajnuna mill-Istat SA.33961 (2012/C) (ex 2012/NN) implimentata minn Franza favur il-Kamra tal-Kummerċ u tal-Industrija ta’ Nîmes – Uzès – Le Vigan, Veolia Transport Aéroport de Nîmes, Ryanair u Airport Marketing Services (notifikata bid-dokument C(2014) 5078) (ĠU 2016, L 113, p. 32).