Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Fővárosi Közigazgatási és Munkaügyi Bíróság (l-Ungerija) fis-6 ta’ Marzu 2019 – TN vs Bevándorlási és Menekültügyi Hivatal

(Kawża C-210/19)

Lingwa tal-kawża: l-Ungeriż

Qorti tar-rinviju

Fővárosi Közigazgatási és Munkaügyi Bíróság

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: TN

Konvenut: Bevándorlási és Menekültügyi Hivatal

Domandi preliminari

L-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali u l-Artikolu 31 tad-Direttiva 2013/32/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 1 (imsejħa d-“Direttiva Proċeduri”) – fid-dawl tad-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 6 u 13 tal-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem – jistgħu jiġu interpretati fis-sens li Stat Membru jista’ jiggarantixxi d-dritt għal rimedju effettiv anki fil-każ fejn jippermetti lill-qrati mhux li jirriformaw id-deċiżjonijiet mogħtija fil-kuntest tal-proċedura ta’ ażil, iżda biss li jannullaw dawn id-deċiżjonijiet u li jobbligaw lill-awtorità amministrattiva twettaq proċedura ġdida?

L-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali u l-Artikolu 31 tad-Direttiva 2013/32/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (imsejħa d-“Direttiva Proċeduri”) – fid-dawl tad-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 6 u 13 tal-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem – jistgħu jiġu interpretati fis-sens li l-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru hija konformi ma’ dawn id-dispożizzjonijiet meta tipprovdi għall-proċeduri ġudizzjarji fil-qasam tal-ażil terminu imperattiv u uniformi ta’ 60 jum fit-total, irrispettivament minn kull ċirkustanza individwali u mingħajr ma jittieħdu inkunsiderazzjoni l-ispeċifikazzjonijiet tal-kawża u d-diffikultajiet possibbli fir-rigward tal-prova?

____________

1 Direttiva 2013/32/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 dwar proċeduri komuni għall-għoti u l-irtirar tal-protezzjoni internazzjonali (ĠU 2013, L 180, p. 60).