Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mil-Landgericht Saarbrücken (il-Ġermanja) fil-5 ta’ Marzu 2019 – SM vs Sparkasse Saarbrücken

(Kawża C-209/19)

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Qorti tar-rinviju

Landgericht Saarbrücken

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: SM

Konvenuta: Sparkasse Saarbrücken

Domandi preliminari

L-Artikolu 10(2)(p) tad-Direttiva 2008/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ April 2008 dwar ftehim ta’ kreditu għall-konsumatur u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 87/102/KEE 1 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-informazzjoni meħtieġa fir-rigward tal-“perijodu” jew “kondizzjonijiet oħra li jirregolaw l-eżerċizzju tiegħu” għandha tinkludi wkoll ir-rekwiżiti li jirregolaw il-bidu tal-perijodu ta’ rtirar?

Jekk ir-risposta għad-domanda 1 tkun fl-affermattiv:

L-Artikolu 10(2)(p) tad-Direttiva 2008/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ April 2008 dwar ftehim ta’ kreditu għall-konsumatur u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 87/102/KEE jipprekludi interpretazzjoni fis-sens li l-informazzjoni dwar l-irtirar hija “ċara” u “konċiża” jekk din ma ssemmix b’mod sħiħ l-informazzjoni obbligatorja li għandha tiġi pprovduta fir-rigward tal-bidu tal-perijodu tal-irtirar, iżda f’dan ir-rigward tirreferi għal dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali, f’dan il-każ l-Artikolu 492(2) tal-Bürgerliches Gesetzbuch (il-Kodiċi Ċivili Ġermaniż, iktar ’il quddiem il-“BGB”) fil-verżjoni fis-seħħ tiegħu sat-12 ta’ Ġunju 2014 – li min-naħa tiegħu jirreferi għal dispożizzjonijiet nazzjonali sussegwenti – f’dan il-każ, l-Artikolu 247(3) sa (13) tal-Einführungsgesetz zum Bürgerlichen Gesetzbuche (il-Liġi Introduttiva tal-Kodiċi Ċivili, iktar ’il quddiem l-“EGBGB”) fil-verżjoni fis-seħħ tagħha sat-12 ta’ Ġunju 2014 – u l-konsumatur huwa għalhekk obbligat li jaqra numru ta’ dispożizzjonijiet leġiżattivi f’diversi testi leġiżlattivi sabiex jifhem b’mod ċar liema informazzjoni obbligatorja għandha tiġi pprovduta sabiex il-perijodu tal-irtirar jibda jiddekorri fil-każ tal-kuntratt ta’ self tiegħu?

Jekk ir-risposta għad-domanda 2 tkun fin-negattiv (u fil-prinċipju xejn ma jipprekludi riferiment għal dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali):

L-Artikolu 10(2)(p) tad-Direttiva 2008/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ April 2008 dwar ftehim ta’ kreditu għall-konsumatur u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 87/102/KEE jipprekludi interpretazzjoni fis-sens li l-informazzjoni dwar l-irtrair hija “ċara” u “preċiża” meta r-riferiment għal dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali – f’dan il-każ, l-Artikolu 492(2) tal-BGB fil-verżjoni tagħha fis-seħħ mit-30 ta’ Lulju 2010 sat-12 ta’ Ġunju 2014 – u r-riferiment sussegwenti – f’dan il-każ, għall-Artikolu 247(3) sa (13) tal-EGBGB fil-verżjoni tagħha fis-seħħ mill-4 ta’ Awwissu 2011 sat-12 ta’ Ġunju 2014 – neċessarjament għandu l-konsegwenza li l-konsumatur għandu jwettaq proċess ta’ inferenza legali li jmur lil hinn minn sempliċi qari tad-dispożizzjonijiet – pereżempju dwar jekk is-self ngħatalux taħt kundizzjonijiet li huma konswetudinarji għal kuntratti ggarantiti minn ftehim ta’ kreditu u l-finanzjament provviżorju tagħhom, jew jekk jeżistux kuntratti konnessi – sabiex ikun jaf b’mod ċar liema informazzjoni obbligatorja għandha tiġi pprovduta sabiex il-perijodu ta’ rtirar jibda jiddekorri fil-każ tal-kuntratt ta’ self tiegħu?

____________

1 ĠU 2008, L 133, p. 66, rettifiki fil-ĠU 2011, L 234, p. 46, fil-ĠU 2010, L 199, p. 40 u fil-ĠU 2009, L 207, p. 14.