Language of document :

Appell ippreżentat fis-7 ta’ Marzu 2019 minn achtung! GmbH mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (Id-Disa’ Awla) fl-10 ta’ Jannar 2019 fil-Kawża T-832/17 –achtung! GmbH vs L-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO)

(Kawża C-214/19 P)

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Partijiet

Appellanti: achtung! GmbH (rappreżentanti: G. J. Seelig, D. Bischof, Rechtsanwälte)

Parti oħra fil-proċedura: L-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea

Talbiet

L-appellanti titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tannulla s-sentenza tal-Qorti Ġenerali mogħtija fl-10 ta’ Jannar 2019 fl-Kawża T-832/17,

tilqa’ l-ewwel u t-tielet talba mressqa fl-ewwel istanza fir-rikors tat-22 ta’ Diċembru 2017,

tikkundanna lill-Uffiċċju għall-ispejjeż tal-proċedura.

Aggravji u argumenti prinċipali

L-appellanti tippreżenta tliet aggravji:

L-ewwel aggravju huwa bbażat fuq evalwazzjoni legalment żbaljata tal-karattru distintiv tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni “achtung !” (verbali u figurattiva) fir-rigward tal-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament dwar it-trade mark tal-Unjoni Ewropea 1 . Hija tqis li, fis-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat b’mod legalment żbaljat li sinjal huwa nieqes minn karattru distintiv meta jista’ jiġi pperċepit f’wieħed mit-tifsiriet possibbli tiegħu bħala messaġġ promozzjonali. Minbarra dan, il-Qorti Ġenerali ma wettqitx evalwazzjoni tal-karattru distintiv fuq is-sinjal ippreżentat “achtung !” iżda fuq it-terminu “Achtung”. Fl-evalwazzjoni tal-karattru distintiv, il-Qorti Ġenerali minbarra dan ibbażat ruħha fuq punti ta’ fatt mhux preċiżi mingħajr ma ordnat miżura istruttorja fuq il-mistoqsijiet utli għas-soluzzjoni tat-tilwima.

It-tieni aggravju huwa wkoll ibbażat fuq evalwazzjoni legalment żbaljata tal-karattru distintiv fir-rigward tal-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament dwar it-trade mark tal-Unjoni Ewropea. Hija tqis li, fis-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat b’mod legalment żbaljat li l-adegwatezza ta’ prodotti u ta’ servzzi li jkunu s-suġġett ta’ “messaġġi pubbliċitarji” tikkostitwixxi karatterstika komuni rilevanti li tiġġustifika li l-karattru distintiv jiġi għalkollox miċħud fir-rigward tal-prodotti u tas-servizzi indikati fl-applikazzjoni.

It-tielet aggravju jirreferi għal ksur tal-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ amministrazzjoni tajba. Hija tqis li l-Qorti Ġenerali naqset b’mod legalment żbaljat milli teżamina jekk il-Bord tal-Appell ħax biżżejjed inkunsiderazzjoni r-reġistrazzjonijiet preċedenti rilevanti tal-appellanti u jekk iddeċidiex billi eżamina jekk id-deċiżjoni tiegħu kellhiex tapplika fl-istess sens jew le. L-assenza totali ta’ teħid inkunsiderazzjoni ta’ reġistrazzjonijiet preċedenti identiċi għall-EUIPO hija żball ta’ liġi.

____________

1     Regolament (UE) 2017/1001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’Ġunju 2017 dwar it-trademark tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2017, L 154, p. 1).