Language of document : ECLI:EU:F:2014:16

SENTENZA TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU
TAL-UNJONI EWROPEA (It-Tielet Awla)

12 ta’ Frar 2014

Kawża F‑73/12

Jean-Pierre Bodson et

vs

Il-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI)

“Servizz pubbliku — Persunal tal-BEI — Natura kuntrattwali tar-relazzjoni ta’ xogħol — Riforma tas-sistema ta’ remunerazzjoni u ta’ progressjoni salarjali tal-BEI”

Suġġett:      Rikors, ippreżentat skont l-Artikolu 270 TFUE, li permezz tiegħu r-rikorrenti jitolbu, l-ewwel nett, l-annullament tad-deċiżjonijiet, li jinsabu fil-payslips, li tiġi applikata d-deċiżjoni, tat-13 ta’ Diċembru 2011, tal-Bord tat-Tmexxija tal-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI jew iktar ’il quddiem il-“Bank”) li tillimita ż-żieda tal-baġit tal-ispejjeż tal-persunal għal 2.8 % u d-deċiżjoni, tal-14 ta’ Frar 2012, tal-Bord tad-Diretturi ta’ dan tal-aħħar, li timplementa d-deċiżjoni tal-Bord tat-Tmexxija msemmi iktar ’il fuq, u t-tieni nett, il-kundanna tal-BEI sabiex tħallashom id-differenza bejn l-ammonti dovuti skont id-deċiżjonijiet imsemmija u s-sistema preċedenti kif ukoll id-danni u l-interessi.

Deċiżjoni:      Ir-rikors huwa miċħud. J. P. Bodson u s-seba’ rikorrenti l-oħra għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom u huma kkundannati għall-ispejjeż sostnuti mill-Bank Ewropew tal-Investiment.

Sommarju

1.      Uffiċjali — Membri tal-persunal tal-Bank Ewropew tal-Investiment — Natura leġiżlattiva tar-relazzjoni ta’ xogħol — Organizzazzjoni tad-dipartimenti u ffissar tar-remunerazzjoni tal-persunal — Setgħa diskrezzjonali tal-amministrazzjoni

(Il-Protokoll dwar il-privileġġi u l-immunitajiet tal-Unjoni Ewropea, Artikolu 21; Regolamenti tal-Persunal tal-Bank Ewropew tal-Investiment, Artikoli 13 u 20; Regolamenti tal-Persunal tal-Bank Ewropew tal-Investiment, Artikolu 31)

2.      Uffiċjali — Membri tal-persunal tal-Bank Ewropew tal-Investiment — Remunerazzjoni — Riforma tas-sistema — Setgħa diskrezzjonali tal-amministrazzjoni — Stħarriġ ġudizzjarju — Limiti

1.      Meta l-kuntratti ta’ xogħol jiġu konklużi ma’ organu tal-Unjoni, inkarigat b’responsabbiltà ta’ interess ġenerali u awtorizzat li jistabbilixxi, permezz ta’ regoli, id-dispożizzjonijiet applikabbli għall-persunal tiegħu, ir-rieda tal-partijiet għal tali kuntratt hija neċessarjament limitata permezz tal-obbligi ta’ kull natura li jirriżultaw minn din ir-responsabbiltà partikolari u li hija imposta kemm fuq il-korpi ta’ tmexxija ta’ dan l-organu kif ukoll fuq il-membri tal-persunal tiegħu. Skont l-Artikolu 31 tar-Regoli tal-Proċedura tiegħu, il-Bank Ewropew tal-Investiment huwa inkarigat li jistabbilixxi, permezz ta’ regoli, id-dispożizzjonijiet applikabbli għall-membri tal-persunal tiegħu. Konsegwentement, ir-relazzjonijiet tal-Bank mal-membri tal-persunal bil-kuntratt tiegħu huma essenzjalment ta’ natura leġiżlattiva.

F’dan is-sens, il-Bank għandu, sabiex iwettaq ir-responsabbiltà ta’ interess ġenerali tiegħu, setgħa diskrezzjonali sabiex jorganizza d-dipartimenti tiegħu u sabiex jiffissa unilateralment ir-remunerazzjoni tal-persunal tiegħu, minkejja l-atti ġuridiċi ta’ natura kuntrattwali li l-imsemmija relazzjonijiet ta’ xogħol huma bbażati fuqhom.

(ara l-punti 52, 53 u 55)

Referenza:

Il-Qorti tal-Ġustizzja: 14 ta’ Ottubru 2004, Pflugradt vs BĊE, C‑409/02 P, punti 34 u 36; 22 ta’ Diċembru 2008, Centeno Mediavilla et vs Il-Kummissjoni, C‑443/07 P, punt 60

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 22 ta’ Ottubru 2002, Pflugradt vs BĊE, T‑178/00 u T‑341/00, punt 53

2.      Fir-rigward ta’ riforma tas-sistema ta’ remunerazzjoni ta’ progressjoni salarjali tal-Bank Ewropew tal-Investiment, ir-redazzjoni tal-baġit ta’ organu tal-Unjoni bħall-Bank tinvolvi evalwazzjonijiet kumplessi ta’ natura politika u li teħtieġ it-teħid inkunsiderazzjoni ta’ żviluppi ekonomiċi u ta’ varjabbli finanzjarji. Is-setgħa diskrezzjonali wiesgħa li l-Bank għandu f’dan ir-rigward tawtorizza biss stħarriġ ġudizzjarju limitat li jipprojbixxi lill-qorti li tissostitwixxi l-evalwazzjoni tagħha għal dik tal-imsemmi organu. Għalhekk, il-qorti tal-Unjoni għandha tillimita ruħha li teżamina jekk l-evalwazzjonijiet tal-Bank humiex ivvizzjati minn żball manifest jew jekk huwa qabiżx b’mod manifest il-limiti tas-setgħa diskrezzjonali tiegħu.

Sabiex jiġi stabbilit jekk l-amministrazzjoni wettqitx żball manifest fl-evalwazzjoni tal-fatti tali li tiġġustifika l-annullament ta’ deċiżjoni, il-provi, li r-rikorrent għandu jipproduċi, għandhom ikunu suffiċjenti sabiex jagħmlu l-evalwazzjonijiet magħmula mill-amministrazzjoni implawżibbli. Għalhekk, dikjarazzjoni mir-rikorrenti, li tipprovdi li t-tfaddil tal-Bank kien sostnut biss mill-persunal, ma hijiex sostnuta b’ebda mod u ma tistax tikkontribwixxi sabiex jiġi stabbilit żball manifest ta’ evalwazzjoni.

(ara l-punti 78, 79 u 90)

Referenza:

Il-Qorti tal-Ġustizzja: 9 ta’ Ġunju 2005, HLH Warenvertrieb u Orthica, C‑318/03, punt 75