Language of document :

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tat-2 ta’ April 2020 (talba għal deċiżjoni preliminari tal-Vrhovni sud - il-Kroazja) – Proċeduri kriminali kontra I.N.

(Kawża C-897/19 PPU) 1

(Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Proċedura b’urġenza għal deċiżjoni preliminari – Ftehim ŻEE – Nondiskriminazzjoni – Artikolu 36 – Libertà li jiġu pprovduti servizzi – Kamp ta’ applikazzjoni – Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, ir-Repubblika tal-Islanda u r-Renju tan-Norveġja dwar l-assoċjazzjoni ta’ dawn iż-żewġ Stati fl-implimentazzjoni, fl-applikazzjoni u fl-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen – Ftehim dwar il-proċedura ta’ konsenja bejn l-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea, minn naħa, u l-Islanda u n-Norveġja, min-naħa l-oħra – Estradizzjoni ta’ ċittadin Islandiż lejn Stat terz – Protezzjoni taċ-ċittadini ta’ Stat Membru kontra l-estradizzjoni – Assenza ta’ protezzjoni ekwivalenti għaċ-ċittadini ta’ Stat ieħor – Ċittadin Islandiż li kien kiseb l-ażil bis-saħħa tad-dritt nazzjonali qabel akkwista ċ-ċittadinanza Islandiża – Restrizzjoni tal-moviment liberu – Ġustifikazzjoni bbażata fuq il-prevenzjoni tal-impunità – Proporzjonalità – Verifika tal-garanziji previsti fl-Artikolu 19(2) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea)

Lingwa tal-kawża: il-Kroat

Qorti tar-rinviju

Vrhovni sud

Partijiet fil-kawża prinċipali

I.N.

fil-preżenza ta’: Ruska Federacija

Dispożittiv

Id-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari l-Artikolu 36 tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea tat-2 ta’ Mejju 1992 u l-Artikolu 19(2) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, għandu jiġi interpretat fis-sens li, meta Stat Membru, li fih ikun mar ċittadin ta’ Stat Membru tal-Assoċjazzjoni Ewropea għall-Kummerċ Ħieles (EFTA), Parti fil-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea u li miegħu l-Unjoni Ewropea kkonkludiet ftehim dwar il-konsenja, issirlu talba għal estradizzjoni minn Stat terz fuq il-bażi tal-Konvenzjoni Ewropea dwar l-Estradizzjoni, ffirmata f’Pariġi fit-13 ta’ Diċembru 1957, u meta dan iċ-ċittadin kien ingħata l-ażil minn dan l-Istat tal-EFTA, qabel akkwista n-nazzjonalità tal-imsemmi Stat, preċiżament minħabba l-proċeduri li kien is-suġġett tagħhom fl-Istat li ħareġ it-talba għal estradizzjoni, l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru rikjest għandha tivverifika li l-estradizzjoni ma hijiex ser tippreġudika d-drittijiet previsti fl-imsemmi Artikolu 19(2) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, fejn l-għoti tal-ażil jikkostitwixxi element partikularment serju fil-kuntest ta’ din il-verifika. Qabel jikkunsidra li jeżegwixxi t-talba għal estradizzjoni, l-Istat Membru rikjest huwa, fi kwalunkwe każ, obbligat jinforma lil dan l-istess Stat tal-EFTA u, jekk ikun il-każ, fuq talba ta’ dan tal-aħħar, jikkonsenjalu l-imsemmi ċittadin, konformement mad-dispożizzjonijiet tal-ftehim dwar il-konsenja, bil-kundizzjoni li l-imsemmi Stat tal-EFTA jkollu l-kompetenza, skont id-dritt nazzjonali tiegħu, li jiftaħ proċeduri kontra dan iċ-ċittadin fir-rigward ta’ fatti mwettqa barra mit-territorju nazzjonali tiegħu.

____________

1     ĠU C 45, 10.2.2020